Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1646

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1646 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (li issa sar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 183–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1646/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/183


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1646 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (li issa sar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (li issa sar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi) għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0081/2017),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (“il-Kulleġġ”) għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 8 471 000, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 1,22 % meta mqabbel mal-2014; billi l-baġit kollu tal-Kulleġġ huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni,

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2015 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Kulleġġ huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

    C.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 95,51 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,89 % mir-rata ta' 97,40 % fl-2014; jinnota l-fatt li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 79 %, li tfisser tnaqqis ta' 3,40 % mir-rata ta' 82,40 % fl-2014;

    2.

    Jinnota l-fatt li, wara l-iffirmar tal-ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni dwar Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA, ġie maqbul baġit ta' EUR 2 500 000, li minnu l-ammont ta' EUR 300 000 tniżżel fil-baġit tal-Kulleġġ bħala dħul assenjat fl-2015 filwaqt li l-ammont ta' EUR 2 200 000 li jifdal huwa trasferit matul l-2016 u l-2017; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-proġett u tal-valur miżjud tiegħu għas-sigurtà tal-Unjoni, u jekk ikun ta' benefiċċju, jitlob li l-proġett jitkompla u jiġi estiż fis-snin li ġejjin;

    3.

    Jirrikonoxxi li, fi tmiem is-sena, 89 % tal-pagamenti kollha tħallsu fil-ħin, u b'hekk inqabeż l-objettiv ta' 85 % tal-pagamenti kollha mħallsa fi ħdan il-perjodu ta' żmien stabbilit legalment; jinnota li l-ebda mgħax ma ntalab mill-fornituri għal pagamenti tard;

    Impenji u riporti

    4.

    Josserva li total ta' EUR 1 406 984 ġie riportat għall-2016, ammont li jirrappreżenta 17 % tal-baġit ġenerali 2015; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati kien ta' EUR 212 456 (49 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) meta mqabbel ma' EUR 383 940 (59 %) fl-2014; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti rriżultaw mir-rilokazzjoni tal-Kulleġġ mir-Renju Unit għall-Ungerija f'Settembru 2014 u l-ħtieġa konsegwenzjali li jiġu inizjati kuntratti ġodda għal servizzi u għal provvisti; jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira mis-servizzi li ġew akkwistati taħt dawn il-kuntratti annwali ma kinux ġew ipprovduti sa tmiem l-2015;

    5.

    Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi ta' aġenzija, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

    6.

    Jinnota li l-ispiża tar-rilokazzjoni minn Bramshill, ir-Renju Unit, għal Budapest, l-Ungerija, ġiet stmata għal madwar EUR 1 006 515, ammont li mistenni jintefaq matul l-2014 u l-2015; jinnota, barra minn hekk, li skont il-ftehim bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit, l-ammont ta' EUR 570 283 kien iffinanzjat 50 % mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u 50 % mill-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-fatt li l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-fondi ta' rilokazzjoni kienet imniżżla fil-baġit tal-Kulleġġ bħala dħul assenjat, li ntuża kollu; jilqa' l-fatt li l-fondi ta' rilokazzjoni li jifdal, ta' ammont li jikkorrispondi għal 35 % tal-baġit finali għar-rilokazzjoni, kienu ffinanzjati mill-baġit tal-Kulleġġ permezz ta' ffrankar derivat mill-koeffiċjent ta' korrezzjoni aktar baxx applikat għall-intitolamenti tal-persunal fl-Ungerija;

    7.

    Jinnota l-fatt li numru tal-persunal fetħu kawża kontra l-Kulleġġ dwar il-kundizzjonijiet li fihom saret ir-rilokazzjoni u dwar l-impatt finanzjarju tagħha fuq id-dħul tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti għadha ma ħarġitx sentenza u li l-proċedimenti tal-qorti għadhom għaddejjin; jirrikonoxxi li l-ammont finali għall-ispiża tar-rilokazzjoni jeħtieġ li jkopri l-obbligu finanzjarju li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti u jistieden lill-Kulleġġ biex jirrapporta dwar l-eżitu tal-proċedura u biex jikkomunika l-ammont definittiv tar-rilokazzjoni;

    Trasferiment

    8.

    Jinnota li l-Kulleġġ wettaq għaxar trasferimenti baġitarji matul is-sena, kollha bl-istess titolu baġitarju; jinnota b'sodisfazzjon li l-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

    9.

    Jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet ta' interess u l-curriculum vitae (CVs) tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kulleġġ; jirrikonoxxi li l-persunal tal-Kulleġġ u individwi oħra li jikkollaboraw direttament mal-Kulleġġ intalbu jimlew dikjarazzjoni ta' interess; jinnota b'sodisfazzjon li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess huma organizzati tajjeb, viżibbli u aċċessibbli b'mod li huwa faċli għall-utent fuq is-sit web tal-Kulleġġ;

    10.

    Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-adozzjoni tal-politika tal-Kulleġġ dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitt ta' interess f'Novembru 2014, il-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti tiegħu mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Kulleġġ; ifakkar lill-Kulleġġ li għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku sabiex jiżgura t-trasparenza u jappoġġja l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kulleġġ jadotta strateġija ċara u soda dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u ta' regoli kontra r-“revolving doors” skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014;

    11.

    Jinnota li l-Kulleġġ abbozza strateġija ta' komunikazzjoni bħala parti mill-istrateġija kumplessiva stabbilita mill-Bord ta' Tmexxija tiegħu f'Mejju 2016, bl-għan li jżid il-viżibbiltà tiegħu online prinċipalment billi jiġbed it-traffiku lejh permezz tal-midja soċjali; jinnota li l-Kulleġġ wettaq awditu fil-fond tas-sit web tiegħu fi tmiem l-2016 u l-bidu tal-2017; jitlob lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza rigward ir-riżultat ta' dan l-awditu;

    Prestazzjoni

    12.

    Jinnota li fl-2015 il-portafoll ta' taħriġ tal-Kulleġġ kien jinkludi 151 attività ta' taħriġ, inklużi 85 attività residenzjali u 66 webinar, 428 skambju fil-qafas tal-Programm Ewropew ta' Skambju tal-Pulizija (EPEP), 24 modulu online, kors wieħed online, u disa' kurrikuli komuni; jinnota b'sodisfazzjon li, għall-ħames sena konsekuttiva, l-impatt tal-Kulleġġ żdied, u dan wassal sabiex il-Kulleġġ ħarreġ 12 992 professjonist tal-infurzar tal-liġi fl-2015 (meta mqabbel ma' 10 322 fl-2014);

    13.

    Jirrikonoxxi li n-numru ta' attivitajiet residenzjali (85) qabeż dak fil-mira (80) u li dawn l-attivitajiet ġabru flimkien 3 073 parteċipant tal-infurzar tal-liġi, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 12 % min-numru oriġinarjament imbassar (2 755); iħeġġeġ, madankollu, lill-Kulleġġ biex jirrapporta aħjar l-effetti tal-attivitajiet tiegħu fuq is-sigurtà tal-Unjoni;

    14.

    Jinnota l-fatt li l-Kulleġġ għandu sistema ta' valutazzjoni komprensiva fis-seħħ biex jiżgura l-kwalità tal-portafoll ta' taħriġ tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-evalwazzjoni tal-korsijiet mhux biss għandha l-għan li tivvaluta l-effiċjenza tat-taħriġ iżda wkoll li tkejjel ir-rati ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti; jinnota li s-sodisfazzjon ġenerali kien għoli, u li kważi 94 % tal-parteċipanti ddikjaraw li kienu sodisfatti ħafna jew sodisfatti bl-attivitajiet tal-Kulleġġ;

    15.

    Jilqa' l-fatt li, fl-2015, il-Kulleġġ organizza webinars biex jagħti lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi informazzjoni aġġornata u l-aħjar prattika dwar l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tar-reati ta' mibegħda u forom differenti ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u offra taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi li jaffaċċjaw il-komunitajiet tar-Rom u l-persuni LGBTI (bħal interventi żejda jew nieqsa mill-pulizija u nuqqas ta' fiduċja fil-membri tal-forzi tal-pulizija), u dwar kif dawn jistgħu jiġu indirizzati fil-livell tal-infurzar tal-liġi; jitlob li jkompli jingħata taħriġ fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u s-sensitizzazzjoni relatata tal-forzi tal-pulizija;

    Kummenti oħra

    16.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' dettall fir-rapport tal-Kulleġġ dwar l-implimentazzjoni baġitarja, li ġie awditjat, huwa differenti minn dak fir-rapporti pprovduti mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra, fattur li juri li hemm ħtieġa għal linji gwida ċari dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji; jirrikonoxxi li l-Kulleġġ esternalizza r-rwol ta' uffiċjal tal-kontabbiltà lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li l-livell ta' dettall differenti kien ibbażat fuq il-prattiki tar-rappurtar tal-Kummissjoni; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi linji gwida għar-rappurtar tal-baġit tal-aġenziji għall-kontijiet tal-2016;

    17.

    Jirrikonoxxi li l-Kulleġġ qed isaħħaħ il-kooperazzjoni u r-rabtiet amministrattivi tiegħu mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, partikolarment fir-rigward tal-akkwist pubbliku u kwistjonijiet relatati mal-persunal; jinnota, b'mod partikolari, il-kooperazzjoni dwar l-iskrutinju tar-Regoli ta' Implimentazzjoni għar-Regolamenti tal-Persunal, il-pjanijiet avvanzati li jiffurmaw kumitat tal-persunal komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ miftuħa għall-persunal miż-żewġ aġenziji;

    18.

    Jinnota li, fir-rigward tar-responsabbiltajiet estiżi u l-mandat imsaħħaħ tal-Kulleġġ, il-livelli tar-riżorsi attwali huma insuffiċjenti; jinnota li, abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kulleġġ fuq ħames snin li ġiet iffinalizzata fl-2016, hemm ħtieġa ċara li l-Kulleġġ jissaħħaħ b'mod sinifikanti b'riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta' dan fil-proposti baġitarji tagħha għall-Kulleġġ; jistieden lill-awtorità baġitarja teżamina l-possibilità li tipprovdi riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali lill-Kulleġġ sabiex l-abbiltà tiegħu li jwettaq il-kompiti tiegħu ma tkunx imxekkla;

    19.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0155 (ara l-paġna 372 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top