IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.6.2016
COM(2016) 371 final
2016/0172(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar sistema ta' spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE
{SWD(2016) 189 final}
{SWD(2016) 190 final}
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Fl-ispirtu tal-aġenda tal-Kummissjoni għal REFIT u għal Regolamentazzjoni Aħjar u bħala segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità fuq il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri, il-Kummissjoni qed tressaq sett ta' proposti biex tikseb il-potenzjal identifikat ta' simplifikazzjoni.
L-objettivi ta' din ir-reviżjoni huma li jissimplifikaw il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri, sabiex (i) jinżammu r-regoli tal-UE fejn meħtieġ u b'mod proporzjonat; (ii) tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom; u (iii) tiġi eliminata d-duplikazzjoni potenzjali tal-obbligi u l-inkonsistenzi bejn biċċiet relatati ta' leġiżlazzjoni. L-objettiv globali huwa li jiġi pprovdut qafas legali ċar, sempliċi u aġġornat li jkun aktar faċli biex jiġi implimentat, immonitorjat u infurzat, biex b'hekk jiżdied il-livell globali ta' sikurezza.
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tipprovdi għal numru ta' tipi ta' spezzjonijiet li jindirizzaw karatteristiċi partikolari tas-sikurezza ta' laneċ ro-ro u ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja (HSC). Dawn jindirizzaw riskji speċifiċi relatati ma' gverti tal-vetturi indiviżi li jagħtu lok għal vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà u għan-nirien, attività intensa ħafna, riskji ta' ċaqliq tal-merkanzija, kwistjonijiet dwar is-siġillar mill-ilma, rampi li jitilgħu u tkagħbir bl-użu.
Minkejja l-fatt li r-reġim speċjali tal-ispezzjoni għal dawn il-vapuri jibqa' meħtieġ, ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva m'għadhomx jaqblu mar-realtajiet. Is-sitwazzjoni llum hija differenti b'mod sinifikanti meta mqabbla ma' kważi 20 sena ilu meta ġiet adottata d-Direttiva 1999/35/KE. F'dak iż-żmien, l-UE kellha 15-il Stat Membru u kien hemm numru sinifikanti ta' ro-pax u HSC jinnegozjaw b'mod regolari bejn l-UE u Stati terzi. Barra minn hekk, sa minn dak iż-żmien, ir-reġim tal-kontroll tal-Istat tal-port issaħħaħ, b'mod speċjali wara li daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tistabbilixxi reġim ta' spezzjoni bbażat fuq ir-riskju u tinkludi numru minimu ta' spezzjonijiet fuq vapuri b'riskju għoli li l-Istati Membri għandhom iwettqu.
Illum, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jikkombinaw jew jissostitwixxu xi wħud mill-ispezzjonijiet meħtieġa skont id-Direttiva 1999/35/KE bi stħarriġ tal-Istat tal-bandiera jew spezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. B'din il-prattika l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva huma problematiċi, minħabba l-ambitu differenti ta' dawn l-ispezzjonijiet u d-duplikazzjonijiet regolatorji. B'mod partikolari, il-qafas legal jippermetti li spezzjoni ta' kontroll tal-Istat tal-port tiġi ssostitwita bi stħarriġ skont id-Direttiva 1999/35/KE. Madankollu, minħabba li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/35/KE ma jinkludix l-elementi kollha koperti mill-kontroll tal-Istat tal-port, din id-duplikazzjoni fil-fatt toħloq lakuna regolatorja.
Għalhekk qed jiġi propost li jiġu aġġornati, iċċarati u ssimplifikati r-rekwiżiti eżistenti tal-istħarriġ għal-laneċ ro-ro u l-HSC filwaqt li jinżammu l-istess livell ta' sikurezza u l-istess mekkaniżmi ta' twassil ewlenin. Dan huwa kompletament konformi mal-programm REFIT tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jinnazzjonalizza aktar l-isforz tal-ispezzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u li jimmassimizza l-ħin li fih il-vapur ikun jista' jiġi sfruttat kummerċjalment.
F'dan il-kuntest, sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-koerenza, il-proposta tħassar id-Direttiva attwali u tissostitwixxiha b'Direttiva ġdida. Tinkludi wkoll tibdil anċillari għad-Direttiva 2009/16/KE.
1.2Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika
Il-proposta hija kompletament konsistenti mal-proposti ta' simplifikazzjoni li jemendaw id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE. Tiżgura konsistenza mad-Direttiva 2009/16/KE billi tinkludi tibdil anċillari li jemendaha. Dan it-tibdil anċillari huwa strettament limitat għal dak meħtieġ biex jiżgura koerenza mal-proposta preżenti u bl-ebda mod ma jħalli impatt fuq l-evalwazzjoni li ġejja tad-Direttiva 2009/16/KE. Il-proposta hija kompletament konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll tal-idoneità u l-White Paper tal-2011 dwar il-futur tat-trasport li rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġi mmodernizzat il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri.
1.3Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta twettaq l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar billi tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tkun sempliċi u ċara, ma toħloqx piż bla bżonn u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi, soċjetali u teknoloġiċi li qed jevolvu. Twettaq ukoll l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2018 billi tiżgura servizzi bil-laneċ ta' kwalità fit-trasport tal-passiġġieri regolari intra-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
2.1Bażi legali
Billi l-proposta tissostitwixxi d-Direttiva attwali, il-bażi legali tibqa' l-Artikolu 100(2) tat-TFUE (ex Artikolu 80(2) tat-TKE), li jipprovdi għal miżuri fil-qasam tat-trasport bil-baħar.
2.2Sussidjarjetà
Fuq talba tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri ġiet immudellata u mfassla l-aktar fuq ir-rekwiżiti internazzjonali u b'reazzjoni għal numru ta' inċidenti kbar (eż. l-inċidenti bil-Herald of Free Enterprise, l-Estonja). Ħafna Stati Membri huma kkonċernati bħala Stati tal-bandiera kif ukoll bħala Stati tal-port.
Minkejja li ġew adottati regoli komuni fil-livell tal-UE għall-vapuri tal-passiġġieri, inkluż il-laneċ ro-ro u l-HSC li jbaħħru fuq vjaġġi domestiċi, dan mhuwiex il-każ għal vjaġġi internazzjonali fejn japplikaw konvenzjonijiet internazzjonali. Il-konvenzjonijiet internazzjonali jippermettu possibbiltajiet konsiderevoli ta' deroga u interpretazzjonijiet diverġenti tal-istandards tas-sikurezza. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw fl-UE għandhom id-dritt li jistennew l-istess livell ta' sikurezza irrispettivament mit-tip ta' vapuri jew mis-servizz li qed jużaw.
Fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' infurzar fil-livell internazzjonali, ir-reġim ta' perizja tal-UE applikabbli kemm għal vapuri tal-passiġġieri domestiċi kif ukoll internazzjonali jibqa' prerekwiżit biex jinżamm standard għoli ta' salvagwardja tal-ħajja għall-vapuri tal-passiġġieri u biex jiġi eliminat it-trasport marittimu ta' livell inferjuri. Jiggarantixxi wkoll li jkun hemm kompetizzjoni fuq l-istess livell fl-ilmijiet tal-UE għall-operaturi kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew mill-bandiera li jtajru l-vapuri u l-bċejjeċ tal-baħar tagħhom u mingħajr distinzjoni bejn vjaġġi internazzjonali u domestiċi. Għalhekk, il-kundizzjonijiet armonizzati għall-operazzjoni ta' laneċ ro-ro u HSC lejn u minn portijiet tal-UE u l-livell komuni ta' sikurezza ma setgħux jinkisbu b'azzjoni unilaterali fil-livell tal-Istati Membri.
2.3Proporzjonalità
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u legali, il-proposta biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti eżistenti, jitneħħew id-duplikazzjonijiet u l-kunċetti skaduti, hija meqjusa bħala l-unika għażla proporzjonata u koerenti. Tiżgura li l-livell attwali għoli ta' sikurezza ma jiġix kompromess u jippermetti għal użu aħjar tar-riżorsi, immirar aħjar u rekwiżiti tas-sikurezza aktar ċari.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, id-Direttiva tibqa' meqjusa bħala l-aktar forma xierqa biex jinkisbu l-objettivi identifikati. Din tistabbilixxi prinċipji komuni u livell armonizzat ta' sikurezza, tiżgura l-infurzar tar-regoli, imma tħalli l-għażla tal-proċeduri prattiċi u tekniċi li jiġu applikati f'idejn kull Stat Membru. Permezz ta' dan, tħalli r-responsabbiltà f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi dwar l-għodod ta' implimentazzjoni li jixirqu l-aħjar għas-sistema interna tiegħu. Direttiva tiżgura wkoll li l-objettiv tas-simplifikazzjoni ta' din il-proposta jinkiseb sa fejn hu possibbli.
2.4L-għażla tal-istrument
Sabiex jiġi żgurat abbozzar legali ċar u konsistenti, l-aktar soluzzjoni adegwata nstabet li tkun il-proposta għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi dik eżistenti. L-għażla alternattiva li jiġi propost sett ta' emendi għad-Direttiva attwali twarrbet abbażi tan-numru sinifikanti ta' tibdil u t-tip tiegħu li kellu jsir fid-Direttiva attwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
3.1L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-verifika tal-idoneità wriet li l-objettivi prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u mas-suq intern qed jiġu ssodisfati b'mod ġenerali u jibqgħu rilevanti ħafna. Il-qafas legali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri rriżulta f'livell komuni ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri fl-UE u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi kif ukoll żieda fit-trasferiment ta' vapuri bejn l-Istati Membri. Il-kontroll tal-idoneità wera wkoll li hemm skop għal aktar tisħiħ fil-livell tas-sikurezza kif ukoll fl-effiċjenza u l-proporzjonalità ta' xi wħud mir-rekwiżiti regolatorji. Saru rakkomandazzjonijiet f'numru ta' oqsma biex jiġu ssimplifikati, iċċarati u mħassra numru ta' rekwiżiti ambigwi, skaduti jew idduplikati:
(a)Jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn l-istħarriġ speċifiku skont id-Direttiva 1999/35/KE u l-ispezzjonijiet estiżi previsti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/16/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2010.
(b)Jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn l-istħarriġ speċifiku skont id-Direttiva 1999/35/KE u l-istħarriġ annwali tal-Istat tal-bandiera previst fid-Direttiva 2009/21/KE (li tikkonċerna l-vjaġġi internazzjonali) u d-Direttiva 2009/45/KE (li tikkonċerna l-vjaġġi domestiċi).
(c)Jiġi eliminat il-kunċett żejjed tal-istat ospitanti previst skont id-Direttiva 1999/35/KE (filwaqt li tinżamm il-possibbiltà ta' spezzjonijiet konġunti) u t-terminu "stħarriġ" jiġi ssostitwit bi "spezzjoni".
(d)Jiġi ċċarat li l-perjodu ta' żmien bejn iż-żewġ spezzjonijiet annwali ta' vapuri ro-pax fid-Direttiva 1999/35/KE li huma maħsuba biex isiru f'intervalli regolari ta' sitt xhur.
3.2Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba n-natura teknika tal-proposti previsti, intgħażlet il-konsultazzjoni mmirata bħala l-għodda l-aktar adegwata. L-esperti nazzjonali ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Ġiet organizzata sessjoni ta' ħidma li għaliha kienu mistiedna jipparteċipaw l-Istati Membri kif ukoll l-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-passiġġieri. Il-miżuri previsti ġew ippreżentati f'diversi okkażjonijiet. Barra minn hekk, il-pjan direzzjonali ppubblikat fis-sit web Europa ippermetta lill-partijiet ikkonċernati kollha jipprovdu l-feedback permezz ta' formola ta' tweġiba online.
Is-sommarju tal-konsultazzjoni kif ukoll il-feedback dettaljat imqajjem matul il-proċess tal-konsultazzjoni jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta. Il-miżuri ta' simplifikazzjoni previsti ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tal-esperti nazzjonali, minkejja li saru numru ta' kummenti fir-rigward tal-kliem eżatt ta' xi wħud mill-proposti. Is-suġġerimenti kollha ġew għalhekk riveduti bir-reqqa u l-proposti emendati kif xieraq. Barra minn hekk, xi esperti qajmu mistoqsijiet li jikkonċernaw l-aspetti prattiċi u tekniċi tal-implimentazzjoni, li ġew indirizzati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta u jinsabu inkorporati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni.
Il-partijiet ikkonċernati mill-industrija insistew li l-prinċipji ewlenin tal-qafas legali attwali baqgħu l-istess filwaqt li l-assoċjazzjoni tal-passiġġieri talbet għal titjib fil-livell tas-sikurezza u wissiet kontra d-dilwizzjoni tiegħu. Il-proposta għalhekk tiżgura li l-livell eżistenti ta' sikurezza jinżamm u, sa fejn possibbli fil-qafas ta' simplifikazzjoni, jiżdied (eż. billi jiġi ċċarat li r-regolarità taż-żewġ spezzjonijiet annwali taħt id-Direttiva attwali hija maħsuba li tinżamm f'intervalli spazjati ta' sitt xhur).
3.3Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Din ir-reviżjoni tibni primarjament fuq id-dejta miġbura matul il-proċess tal-kontroll tal-idoneità kif irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Naġġustaw id-direzzjoni: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE", adottat fis-16 ta' Ottubru 2015.
Minbarra d-dejta u l-konsultazzjoni mwettqa fil-qafas tal-kontroll tal-idoneità, it-tħejjija ta' din il-proposta ta' simplifikazzjoni ħtieġet il-kontribut ta' esperti tekniċi u legali rigward il-formolazzjoni konkreta ta' definizzjonijiet tekniċi u abbozzar legali ċar. Dan l-għarfien espert inġabar internament, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Dan jinsab irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta.
3.4Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità li identifika l-kwistjonijiet għas-simplifikazzjoni fid-dettall u vvaluta l-potenzjal għas-simplifikazzjoni. Kif enfasizzat fil-pjan direzzjonali, jista' jkun li l-miżuri previsti mhumiex mistennija jiġġeneraw impatti sinifikanti (jiġifieri lil hinn minn dawk li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza jew is-sempliċità ġuridika) jew inkella ma ġewx identifikati soluzzjonijiet materjalment differenti. F'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt sħiħa.
Madankollu, il-proposta ta' simplifikazzjoni hija akkompanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kumissjoni li jfakkar ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità u jispjega r-razzjonal tas-soluzzjonijiet proposti mill-perspettiva teknika kif ukoll legali. Dan jinkludi sommarju u feedback dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mwettqa bħala appoġġ għal din l-inizjattiva. Il-pjan ta' implimentazzjoni jinsab mehmuż ukoll.
3.5Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-objettiv prinċipali ta' din il-proposta huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija adatta għall-iskop. Il-potenzjal għas-simplifikazzjoni tagħha primarjament jikkonsisti f'impatti li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza u s-sempliċità ġuridika. L-element kwantifikat prinċipali jirrelata mat-tneħħija tad-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi bejn stħarriġiet speċifiċi taħt id-Direttiva attwali, l-ispezzjonijiet estiżi tal-kontroll tal-Istat tal-port u l-istħarriġ annwali tal-Istat tal-bandiera. Is-simplifikazzjoni prevista mhux biss se tneħħi d-diskrepanza regolatorja identifikata imma mistennija tirrazzjonalizza aktar l-isforz tal-ispezzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali u timmassimizza l-ħin li fih il-vapur jiġi sfruttat kummerċjalment.
Il-potenzjal massimu tal-kombinazzjoni ġie stmat għal madwar EUR 900 000 (jiġifieri tnaqqis ta' madwar 670 stħarriġ awtonomu skont din id-Direttiva kull sena għall-UE kollha, li kieku l-istess vapuri tal-lum komplew jaħdmu), li parti minnu diġà ġie realizzat fil-prattika bil-kombinazzjoni ta' diversi tipi ta' spezzjonijiet. Minbarra dawn l-istimi monetarji, hemm piż sinifikanti għall-partijiet ikkonċernati kollha relatat mal-kumplessità ta' dawn ir-reġimi ta' spezzjoni, id-duplikazzjoni tar-rekwiżiti mifruxa fuq biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni, espressi f'termini differenti eċċ. B'hekk l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar huma ta' piż bla bżonn għall-partijiet kollha involuti.
3.6Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
5.1Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' rapportar
Il-proposta hija akkompanjata minn pjan ta' implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri ta' simplifikazzjoni u jidentifika l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni tekniċi, legali u marbuta maż-żmien.
Ġew identifikati arranġamenti adegwati għall-monitoraġġ u r-rapportar, mingħajr ma nħolqu obbligi ta' rapportar u piżijiet amministrattivi ġodda. L-informazzjoni ewlenija dwar il-flotta, l-inċidenti u l-konformità se tinġabar bl-għajnuna tal-EMSA, il-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet (THETIS), il-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri u fuq il-bażi tal-bażi tad-dejta tal-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP). Billi ċ-ċiklu sħiħ taż-żjarat ta' implimentazzjoni previsti tal-EMSA huwa stmat li se jdum 5 snin, iċ-ċiklu ta' evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri għandu jiġi stabbilit f'intervalli ta' seba' snin.
5.2Id-dokumenti ta' spjegazzjoni
Id-dokumenti ta' spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għaliex il-miżuri ta' simplifikazzjoni mhumiex ta' natura sostanzjali jew kumplessa.
5.3Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet
L-Artikolu 1 jiddelinja l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva bl-esklużjoni ta' dawk il-vapuri suġġetti għall-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port imwettqa skont id-Direttiva 2009/16/KE. B'riżultat, il-kamp ta' applikazzjoni huwa limitat għal vapuri li jipprovdu servizzi regolari ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri bejn portijiet fi Stat Membru jew bejn port fi Stat Membru u port fi Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru inkwistjoni.
L-Artikolu 2 inħeħħi numru ta' definizzjonijiet u referenzi bla użu bħal "passiġġier", "stat ospitanti", "vjaġġi internazzjonali", "ċertifikat ta' eżenzjoni". Iħassar ukoll ir-referenza għall-investigazzjoni ta' diżgrazzji tal-baħar li issa hija koperta mid-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-definizzjonijiet ta' għadd ta' kunċetti oħra huma aġġornati biex iqisu t-tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew fil-livell internazzjonali (IMO) u biex jiżguraw li d-definizzjonijiet ikunu konformi ma' dawk li jinsabu fid-Direttiva 2009/16/KE.
Spezzjonijiet ta' qabel il-bidu
L-Artikoli 3 u 4 jipprovdu għal sistema ta' spezzjonijiet ibbażati fuq il-vapur (aktar milli fuq il-kumpanija) qabel il-bidu ta' servizz regolari. Il-vapur għandu jgħaddi minn spezzjoni skont l-Anness II u numru ta' kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu vverifikati wkoll. L-Artikolu 4 jipprovdi għal sitwazzjonijiet fejn vapur ikun ġie spezzjonat reċentement jew jiġi mċaqlaq minn servizz għal ieħor b'karatteristiċi simili. Il-kelma "spezzjonijiet" aktar milli "stħarriġ" tintuża fit-test kollu għaliex din tirrifletti b'mod aktar preċiż it-tip ta' attività regolata.
Spezzjonijiet regolari, rapporti tal-ispezzjoni, projbizzjonijiet fuq it-tluq, l-appelli u l-ispejjeż
L-Artikolu 5 jistipula li vapuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jiġu spezzjonati darbtejn fis-sena b'ċertu intervall bejn l-ispezzjonijiet u li waħda minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun spezzjoni fis-servizz matul qsim regolari. Jipprovdi wkoll li Stat Membru jista', jekk jixtieq, jikkombina l-ispezzjoni ma' stħarriġ tal-Istat tal-bandiera li jkollu jitwettaq fir-rigward ta' vapur fuq bażi annwali. Dan għandu jirriżulta f'piż imnaqqas fuq l-amministrazzjoni kif ukoll fuq l-operatur tal-vapur.
Fl-Artikoli 6, 7, 8, 9, 10 u 11, id-dispożizzjonijiet relatati mar-rapporti ta' spezzjoni, mal-projbizzjonijiet fuq it-tluq, mal-appelli, mal-ispejjeż, mal-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u mal-penali jiġu lkoll konformi ma' dawk previsti fid-Direttiva 2009/16/KE. Filwaqt li d-Direttiva 2009/16/KE ma tipprovdix għal projbizzjoni fuq l-ordni tat-tluq, din hija ispirata mill-ordni ta' detenzjoni fil-kontroll tal-Istat tal-port.
Proċedura ta' emenda
L-Artikoli 12 u 13 jsiru konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward ta' atti ddelegati.
Emenda tad-Direttiva 2009/16/KE
L-Artikolu 14 jipprovdi għal emenda anċillari tad-Direttiva 2009/16/KE biex jiżgura li jinżammu l-kontenut attwali u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-laneċ ro-ro u tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri.
Tħassir
L-Artikolu 15 jipprovdi li d-Direttiva 1999/35/KE titħassar u jirreferi għat-tabella ta' korrelazzjoni korrispondenti fl-Anness IV.
Dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni
L-Artikolu 16 jispeċifika d-dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni.
2016/0172 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar sistema ta' spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata ma' sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri (HSC) tmur lura għall-1999. Għandu jitqies il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-reġim tal-kontroll tal-Istat tal-port imdaħħal fis-seħħ mid-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll l-esperjenza miksuba matul l-operazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, iffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982.
(2)Il-kontroll tal-idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT) wera li l-qafas legali tal-Unjoni tas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri rriżulta f'livell komuni ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri fl-Unjoni. Wera wkoll li hekk kif maż-żmien żviluppat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-passiġġieri b'reazzjoni għal domandi u sitwazzjonijiet differenti, hemm ċertu livell ta' duplikazzjoni li jista' u għandu jiġi simplifikat biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq is-sidien tal-vapuri kif ukoll biex jiġi razzjonalizzat l-isforz li sar mill-amministrazzjonijiet marittimi tal-Istati Membri.
(3)Ħafna Stati Membri diġà jikkombinaw l-istħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari ma' tipi oħra ta' stħarriġ u spezzjonijiet fejn possibbli, jiġifieri l-istħarriġ tal-Istat tal-bandiera u l-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. Biex jitnaqqas iżjed l-isforz tal-ispezzjoni u biex jiġi mmassimizzat il-ħin li fih il-vapur ikun jista' jiġi sfruttat kummerċjalment, il-vapuri suġġetti għall-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port għandhom għalhekk jiġu ttrasferiti għad-Direttiva 2009/16/KE u l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jkun limitat għal vapuri li jipprovdu servizzi regolari ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri bejn portijiet fi Stat Membru jew bejn port fi Stat Membru u port fi Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal tal-Istat Membri inkwistjoni.
(4)Il-kunċett tal-"Istat ospitanti" ġie introdott mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni ma' Stati terzi qabel it-tkabbir tal-Unjoni tal-2004. Instab li dan il-kunċett m'għadux rilevanti aktar u għalhekk għandu jitneħħa.
(5)Id-Direttiva 1999/35/KE kienet tipprovdi li f'kull perjodu ta' 12-il xahar għandu jitwettaq stħarriġ speċifiku u stħarriġ waqt is-servizz regolari mill-Istati ospitanti. Minkejja li l-objettiv ta' dan ir-rekwiżit kien li jiżgura li dawn iż-żewġ spezzjonijiet jitwettqu b'ċertu intervall bejniethom, il-kontroll tal-idoneità tar-REFIT wera li dan mhuwiex dejjem il-każ. Biex titneħħa l-ambigwità ta' dak ir-rekwiżit u biex jiġi żgurat livell komuni ta' sikurezza, għandu jiġi ċċarat li ż-żewġ spezzjonijiet annwali għandhom iseħħu f'intervalli regolari, ta' madwar sitt xhur.
(6)Id-Direttiva 1999/35/KE kienet tirreferi għal "stħarriġ" minflok "spezzjonijiet". Il-kelma stħarriġ hija użata f'konvenzjonijiet internazzjonali biex tindika l-obbligu tal-Istati tal-bandiera li jimmonitorjaw il-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali u joħorġu jew iġeddu, fejn rilevanti, ċertifikati. Madankollu, ir-reġim speċjali tal-ispezzjoni għal-laneċ ro-ro u l-HSC fuq servizz regolari ma jistax jitqies stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex u ma jistgħux jitqiesu bħala ċertifikati tal-istat ta' navigabbiltà. Għalhekk, it-terminu "stħarriġ" għandu jiġi sostitwit bi "spezzjoni" meta ssir referenza għal stħarriġ speċifiku tar-ro-pax kif previst attwalment fid-Direttiva 1999/35/KE.
(7)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u l-esperjenza, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-esklużjoni ta' emendi għall-istrumenti internazzjonali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jekk meħtieġ, u tal-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti ddelegati, b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti ddelegati.
(8)Id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata biex tiżgura li jinżammu l-kontenut u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-laneċ ro-ro u tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal spezzjonijiet u verifiki ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari eliġibbli għall-kontroll tal-Istat tal-port għandhom għalhekk jiġu ttrasferiti għad-Direttiva 2009/16/KE.
(9)Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)] u tirrapporta dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.
(10)Biex tiżdied iċ-ċarezza legali u l-konsistenza u fid-dawl tan-numru ta' emendi kkonċernati, id-Direttiva 1999/35/KE għandha titħassar u d-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata kif xieraq,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Din id-Direttiva għandha tapplika għal-laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw fuq servizz regolari bejn port ta' Stat Membru u port ta' Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru inkwistjoni, jew fuq vjaġġi domestiċi fuq servizz regolari f'żoni tal-baħar li fihom il-vapuri tal-Klassi A jistgħu joperaw skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.L-Istati Membri jistgħu japplikaw din id-Direttiva għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw fuq servizz regolari fuq vjaġġi domestiċi f'żoni tal-baħar li fihom il-vapuri ta' klassijiet oħra jistgħu joperaw għajr dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"lanċa ro-ro" tfisser vapur tal-passiġġieri bil-faċilitajiet li jkunu jippermettu li l-vetturi tat-triq u tal-ferrovija jitilgħu u jinżlu mill-vapur, u li jġorru iżjed minn 12-il passiġġier;
(2)"bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri" tfisser biċċa tal-baħar b'veloċità għolja kif definit fir-Regolament X/1 tal-Konvenzjoni ta' Solas tal-1974, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, li jittrasporta iktar minn 12-il passiġġier;
(3)"Il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1974, flimkien ma' Protokolli u emendi għalihom, fil-verżjoni aġġornata tagħha;
(4)"Il-Kodiċi għall-Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja" tfisser il-"Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta' Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja" li jinsab fir-Riżoluzzjoni MSC 36 (63) tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO tal-20 ta' Mejju 1994 jew il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta' Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja, 2000 (Kodiċi HSC tal-2000), li jinsab fir-Riżoluzzjoni MSC.97(73) tal-IMO ta' Diċembru 2000, fil-verżjoni aġġornata tiegħu;
(5)"servizz regolari" jfisser serje ta' laneċ ro-ro jew qsim ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mħaddma biex jaqdu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew serje ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:
(a)skont skeda taż-żmien ippubblikata; jew
(b)bi qsim li tant ikun regolari jew ta' spiss illi jikkostitwixxu serje sistematika li tista' tingħaraf;
(6)"żona tal-baħar" tfisser kwalunkwe żona tal-baħar inkluża f'lista stabbilita skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/45/KE;
(7)"ċertifikati" tfisser:
(a)għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali, iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa taħt il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 jew taħt il-Kodiċi għall-Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja rispettivament, flimkien mar-rekords rilevanti tat-tagħmir mehmuża;
(b)għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ingaġġati fuq vjaġġi domestiċi, iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa skont id-Direttiva 2009/45/KE flimkien mar-rekords rilevanti tat-tagħmir mehmuża;
(8)"amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera" tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li l-laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċcità għolja għall-passiġġieri huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu;
(9)"vjaġġ domestiku" tfisser vjaġġ f'żoni tal-baħar minn port ta' Stat Membru lejn l-istess port jew port ieħor f'dak l-Istat Membru;
(10)"organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(11)"kumpanija" tfisser is-sid tal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra bħall-maniġer, jew il-kerrej tal-vapur bla ekwipaġġ, li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mingħand is-sid tagħhom u li, meta tassumi din ir-responsabbiltà, tkun qablet li tieħu fuqha d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà (ISM);
(12)"spettur" tfisser ħaddiem tas-settur pubbliku jew persuna oħra, debitament awtorizzata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru biex jagħmlu l-ispezzjonijiet previsti f'din id-Direttiva u responsabbli lejn dik l-awtorità kompetenti u jissodisfa l-kriterji minimi speċifikati fl-Anness XI tad-Direttiva 2009/16/KE.
Artikolu 3
Spezzjonijiet ta' qabel il-bidu
1.Qabel il-bidu tal-operazzjoni mil-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari koperti minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni ta' qabel il-bidu, li tikkonsisti fi:
(a)verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I;
(b)spezzjoni, skont l-Anness II, biex jissodisfaw ruħhom li l-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jissodisfaw ir-rekwiiti meħtieġa għall-operazzjoni sikura ta' servizz regolari.
2.L-ispezzjoni ta' qabel il-bidu tista' tinqabeż jekk il-vapur kien, fis-sitt xhur ta' qabel, is-suġġett ta' stħarriġ annwali mill-Istat tal-bandiera jew ta' spezzjoni minn Stat Membru li fihom jiġu segwiti l-proċeduri u l-linji gwida rilevanti għall-istħarriġ kif speċifikati fir-Riżoluzzjoni A 1053(27) Konsolidata tal-IMO (Linji Gwida tal-Istħarriġ taħt is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2011) jew proċeduri ddisinjati biex jinkiseb l-istess għan.
3.L-ispezzjoni ta' qabel il-bidu għandha titwettaq minn spettur. L-istħarriġ mill-Istat tal-bandiera jew l-ispezzjoni minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu minn spettur jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzati mill-Istat tal-bandiera biex iwettqu stħarriġ jew spezzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti kollha ta' din id-Direttiva.
4.Meta mitluba minn Stat Membru, il-kumpaniji għandhom jipprovdu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Anness I minn qabel imma mhux aktar kmieni minn xahar qabel l-ispezzjoni ta' qabel il-bidu.
Artikolu 4
Eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-ispezzjoni ta' qabel il-bidu
1.Meta laneċ ro-ro jew bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jkunu se jiġu ingaġġati fuq servizz regolari ieħor, l-Istat Membru għandu jqis l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ li jkunu saru qabel għal dawk il-laneċ ro-ro jew bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għall-operazzjoni fuq servizz regolari preċedenti li jaqa' taħt din id-Direttiva. Sakemm l-Istat Membru jkun sodisfatt b'dawk l-ispezzjonijiet u stħarriġ preċedenti u li jkunu rilevanti għall-kundizjonijiet il-ġodda ta' operazzjoni, l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ previsti fl-Artikolu 3(1) ma għandhomx għalfejn jiġu applikati qabel ma' l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun bdiet topera fuq is-servizz regolari l-ġdid.
2.Fuq talba ta' kumpanija, l-Istati Membri jistgħu jikkonfermaw minn qabel il-qbil tagħhom dwar ir-rilevanza tal-ispezzjonijiet u l-istħarriġ preċedenti għall-kundizzjonijiet operazzjonali ġodda.
3.F'każijiet fejn, minħabba ċirkostanzi mhux previsti, lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ta' sostituzzjoni tkun trid tiġi introdotta malajr sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, u l-paragrafu 1 ma jkunx applikabbli, l-Istat Membru jista' jippermetti li l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tibda topera sakemm:
(a)spezzjoni bil-għajn u kontroll ta' dokument ma jqajmu ebda tħassib li l-lanċa ro-ro jew li l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa għall-operazzjoni bla periklu, u
(b)l-Istat Membru jwettaq l-ispezzjoni ta' qabel il-bidu prevista fl-Artikolu 3(1) fi żmien xahar.
Artikolu 5
Spezzjonijiet regolari
1.L-Istati Membri għandhom darba f'kull perjodu ta' 12-il xahar, iwettqu:
(a)spezzjoni, b'mod konformi mal-Anness II, u
(b)spezzjoni matul is-servizz regolari, mhux qabel ħames xhur imma mhux aktar tard minn seba' xhur wara l-ispezzjoni. Din l-ispezzjoni għandha tkopri l-oġġetti elenkati fl-Anness III u numru suffiċjenti tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II biex jiżguraw li l-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa kollha għall-operazzjoni bla periklu.
Spezzjoni ta' qabel il-bidu skont l-Artikolu 3 għandha titqies għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.
2.L-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista', fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, titwettaq fl-istess ħin jew flimkien mal-istħarriġ jew spezzjoni annwali tal-Istat tal-bandiera li fihom jiġu segwiti l-proċeduri u l-linji gwida rilevanti għall-istħarriġ kif speċifikati fir-Riżoluzzjoni A 1053(27) Konsolidata tal-IMO (Linji Gwida tal-Istħarriġ taħt is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2011) jew proċeduri ddisinjati biex jinkiseb l-istess għan.
3.L-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni skont l-Anness II kull darba li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun soġġetta għal tiswija, tibdil u modifikazzjonijiet maġġuri, jew meta jkun hemm bidla fit-tmexxija, jew trasferiment ta' klassi. Madankollu, f'każ ta' bidla fit-tmexxija, jew trasferiment ta' klassi, l-Istat Membru jista', wara li jikkunsidra l-ispezzjonijiet imwettqa qabel għal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, u sakemm l-operazzjoni bla periklu tal-lanċa jew tal-biċċa tal-baħar ma tkunx affettwata minn din il-bidla jew trasferiment, teżenta l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar mill-ispezzjoni meħtieġa minn dan il-paragrafu.
Artikolu 6
Notifika u rapport tal-ispezzjoni
1.Meta tintemm kwalunkwe spezzjoni mwettqa skont din id-Direttiva, l-ispettur għandu jfassal rapport skont l-Anness IX tad-Direttiva 2009/16/KE.
2.L-informazzjoni li jkun hemm fir-rapport għandha tiġi kkomunikata lill-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet prevista fl-Artikolu 10. Il-kaptan għandu jingħata wkoll kopja tar-rapport tal-ispezzjoni.
Artikolu 7
Rettifika tan-nuqqasijiet, projbizzjoni tat-tluq u sospensjoni tal-ispezzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas ikkonfermat jew żvelat minn spezzjoni mwettqa skont din id-Direttiva jiġi rettifikat.
2.Fil-każ ta' nuqqasijiet li b'mod ċar huma perikolużi għas-sikurezza jew is-saħħa jew li joħolqu periklu immedjat għall-ħajja, għal-lanċa ro-ro jew għall-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri tagħha, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun suġġetta għal projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Il-kaptan għandu jingħata kopja tal-ordni tal-projbizzjoni tat-tluq.
3.Il-projbizzjoni tat-tluq m'għandhiex titneħħa sakemm ma jkunx tneħħa l-periklu jew sakemm l-Istat Membru ma jkunx stabbilixxa li l-vapur jista', suġġett għal kwalunkwe kundizzjoni meħtieħa, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju għal-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jew vapuri oħra.
4.Jekk dan in-nuqqas ma jkunx jista' jiġi rettifikat faċilment fil-port li fih ikun ġie kkonfermat jew żvelat in-nuqqas, l-Istat Membru jista' jippermetti li l-vapur jipproċedi lejn tarzna xierqa l-eqreb tal-port tad-detenzjoni fejn ikun jista' jiġi rettifikat faċilment.
5.F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn il-kundizzjoni globali ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri hija ovvjament inferjuri, l-Istat Membru jista' jissospendi l-ispezzjoni ta' dik il-lanċa jew biċċa tal-baħar sakemm il-kumpanija tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri m'għadhiex ta' periklu ċar għas-sigurtà jew is-saħħa jew li toħloq periklu immedjat għall-ħajja tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri tagħha jew li tikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti ta' konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.
6.Meta l-Istat Membru jissospendi l-ispezzjoni skont il-paragrafu 5, il-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għandha titqiegħed b'mod awtomatiku taħt projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq għandha titneħħa meta l-ispezzjoni tkun tkompliet u ntemmet b'suċċess u fejn ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9(2).
7.Sabiex tittaffa l-konġestjoni tal-port, l-Istat Membru jista' jippermetti li lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri suġġetta għal projbizzjoni ta' ordni tat-tluq tiċċaqlaq għal parti oħra tal-port jekk ikun sikur li jsir dan. Madankollu, ir-riskju tal-konġestjoni tal-port m'għandux ikun konsiderazzjoni għad-deċiżjoni dwar il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq jew it-tneħħija ta' projbizzjoni ta' ordni tat-tluq. L-awtoritajiet jew il-korpi tal-port għandhom jiffaċilitaw l-akkomodazzjoni ta' dawn il-vapuri.
Artikolu 8
Dritt ta' appell
1.Il-kumpanija għandu jkollha d-dritt tal-appell kontra projbizzjoni tal-ordni tat-tluq mill-Istat Membru. L-appell m'għandux jissospendi l-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq, sakemm ma jingħatawx miżuri interim skont il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu proċeduri xierqa għal dan l-iskop skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
2.L-awtorità tal-Istati Membri għandha tinforma lill-kaptan tal-lanċa ro-ro jew tal-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li tkun suġġetta għal projbizzjoni tal-ordni tat-tluq dwar id-dritt tal-appell u l-proċeduri applikabbli. Meta, b'riżultat ta' appell jew ta' talba magħmula mill-kumpanija, il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq tiġi rrevokata jew emendata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet prevista fl-Artikolu 10 tiġi emendata kif xieraq mingħajr dewmien.
Artikolu 9
Spejjeż
1.Jekk l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 jikkonfermaw jew jiżvelaw nuqqasijiet li jkun jitolbu projbizzjoni tat-tluq, l-ispejjeż kollha relatati mal-ispezzjonijiet għandhom jiġu koperti mill-kumpanija.
2.Il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq m'għandhiex titneħħa sakemm ma jsirx il-ħlas sħiħ jew tingħata garanzija suffiċjenti għar-rimborż tal-ispejjeż.
Artikolu 10
Bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet
1.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm u taġġorna bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni prevista minn din id-Direttiva jew ittejjeb aktar il-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni relatata mal-ispezzjonijiet imwettqa skont din id-Direttiva, inkluż dwar nuqqasijiet u projbizzjoni tal-ordnijiet tat-tluq, tiġi ttrasferita għall-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet hekk kif jitlesta r-rapport tal-ispezzjoni jew titneħħa l-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Fir-rigward tad-dettalji tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Anness XIII tad-Direttiva 2009/16/KE għandhom japplikaw mutatis mutandis.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ttrasferita fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet tiġi vvalidata fi żmien 72 siegħa għall-finijiet tal-pubblikazzjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe dejta rilevanti li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fyq il-bażi tad-dejta tal-ispezzjoni pprovduta mill-Istati Membri.
5.L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet li hija rilevanti għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva 2009/16/KE.
Artikolu 11
Penali
L-Istati Membri għandhom jippreskrivu sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 12
Proċedura ta' emenda
1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 13, li jemendaw l-Annessi sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fl-IMO, u jittejbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom fid-dawl tal-esperjenza miksuba.
2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 13, li jemendaw din id-Direttiva sabiex teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 biss jekk, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni, ikun hemm riskju ċar li l-emenda internazzjonali se tbaxxi l-istandard tas-sikurezza marittima, tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri jew tal-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord il-vapuri stabbilit mil-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni, jew ikun inkompatibbli ma' dan tal-aħħar.
Artikolu 13
L-eżerċitar tad-delega
1.Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 qiegħda tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-[data tad-dħul fis-seħħ].
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
7.Att iddelegat li jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali skont l-Artikolu 12(3) għandu jiġi adottat tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda kkonċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perjodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-att iddelegat, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda f'leġiżlazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat.
Artikolu 14
Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE
Id-Direttiva 2009/16/KE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-punti 25 sa 28 li ġejjin:
"25."lanċa ro-ro" tfisser vapur tal-passiġġieri bil-faċilitajiet li jkunu jippermettu li l-vetturi tat-triq u tal-ferrovija jitilgħu u jinżlu mill-vapur, u li jġorru iżjed minn 12-il passiġġier;
26."bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri" tfisser biċċa tal-baħar b'veloċità għolja kif definit fir-Regolament 1 tal-Kapitlu X tal-Konvenzjoni ta' Solas tal-1974, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, li jittrasporta iktar minn 12-il passiġġier;
27."servizz regolari" jfisser serje ta' laneċ ro-ro jew qsim ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mħaddma biex jaqdu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew serje ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:
(i) skont skeda taż-żmien ippubblikata; jew
(ii) bi qsim hekk regolari jew ta' spiss illi jikkostitwixxu serje sistematika li tista' tingħaraf;
28."spezzjoni ta' qabel il-bidu" tfisser spezzjoni fuq lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva qabel il-bidu ta' servizz regolari biex jiġi vverifikat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Annessi I u II għad-Direttiva [XXXX].";
(2)fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:
"Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal spezzjonijiet ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mwettqa barra mill-port jew lil hinn mill-ankraġġ matul servizz regolari skont l-Artikolu 14a.";
(3)jiżdied l-Artikolu 14a li ġej:
"Artikolu 14a
Spezzjoni ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari
1.
Qabel tibda l-operazzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari kopert minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni ta' qabel il-bidu, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva [XXXX], biex jissodisfaw ruħhom li l-lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji għall-operazzjoni bla periklu ta' servizz regolari u biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva [XXXX].
2.
Il-laneċ ro-ro u l-biċċiet tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għandhom f'kull perjodu ta' tnax-il xahar ikunu suġġetti għal żewġ spezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. Waħda minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun spezzjoni matul servizz regolari li tista' tieħu waħda minn dawn il-forom li ġejjin, skont l-għażla tal-Istat Membru:
(a)spezzjoni estiża; jew
(b)spezzjoni li tkopri l-oġġetti elenkati fl-Anness III u n-numru suffiċjenti tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II għad-Direttiva [XXXX] biex jissodisfaw lill-Istat Membru li l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tkompli tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-operazzjoni bla periklu.
3.
L-Istati Membri għandhom, meta jippjanaw l-ispezzjonijiet ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, iqisu kif xieraq l-iskeda operazzjonali u tal-manutenzjoni tal-lanċa jew biċċa tal-baħar. Stat Membru jista' jaqbel li jwettaq spezzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq talba ta' Stat Membru ieħor.
4.
Meta lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun ġiet suġġetta għal spezzjoni, din l-ispezzjoni għandha tiġi rreġistrata bħala spezzjoni estiża, fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u titqies għall-finijiet tal-Artikoli 10, 11 u 12 u għall-kalkolu tat-twettiq tal-impenn tal-ispezzjoni ta' kull Stat Membru, sal-punt li jkunu koperti l-oġġetti kollha msemmija fl-Anness VII għal din id-Direttiva.";
(4)fl-Artikolu 15, għandu jitħassar il-paragrafu 3;
(5)fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:
"1.Stat Membru għandu jirrifjuta l-aċċess għall-portijiet u l-ankraġġi tiegħu lil kwalunkwe vapur li:
–jtajjar il-bandiera ta' Stat li r-rata ta' detenzjoni tiegħu taqa' fil-lista' s-sewda, adottata skont il-MtQ ta' Pariġi fuq il-bażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul is-36 xahar preċedenti f'port jew ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju tal-MtQ ta' Pariġi, jew
–jtajjar il-bandiera ta' Stat li r-rata ta' detenzjoni tiegħu taqa' fil-lista' l-griża, adottata skont il-MtQ ta' Pariġi fuq il-bażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul l-24 xahar preċedenti f'port jew ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju tal-MtQ ta' Pariġi.
L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika fis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 21(6).
Iċ-ċaħda għall-aċċess għandha ssir applikabbli malli l-vapur iħalli l-port jew l-ankraġġ fejn ikun ġie soġġett għat-tielet detenzjoni u fejn tkun inħarġet ċaħda ta' ordni ta' aċċess.";
(6)fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:
"2.Meta l-ħila professjonali meħtieġa ma tistax tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port, l-ispettur ta’ dik l-awtorità kompetenti jista’ jkun assistit minn kull persuna bil-ħila rikjesta.
L-ispettur tal-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port jista', matul l-ispezzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, ikun akkumpanjat minn spettur tal-Istat tal-port ta' Stat Membru ieħor, jew jekk mitlub mill-kumpanija minn rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-vapur.".
Artikolu 15
Tħassir
Id-Direttiva 1999/35/KE hija imħassra.
Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.
Artikolu 16
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)].
Artikolu 17
It-traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 18
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Id-destinatarji
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President