IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.5.2016
COM(2016) 277 final
2016/0139(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa
(Kosovo*)
*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Fid-19 ta’ Jannar 2012 il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu mal-Kosovo dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, ippreżentat lill-Kosovo pjan direzzjonali li kien jidentifika l-leġiżlazzjoni u l-miżuri l-oħra kollha li jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mill-Kosovo sabiex jagħmel progress rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tipproponi vjaġġar mingħajr viża għal permanenzi qosra (jiġifieri sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum), għall-persuni mill-Kosovo, fl-Unjoni Ewropea ġaladarba l-Kosovo jkun issodisfa r-rekwiżiti u l-miżuri l-oħra kollha stabbiliti fil-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.
Il-Kummissjoni insistiet fuq progress adegwat rigward ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni bħala l-elementi meħtieġa li għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma jitnieda djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo. B’serje ta’ riformi importanti implimentati sa mill-2011, il-Kosovo għamel progress sodisfaċenti fit-twaqqif ta' qafas ta’ politika funzjonali għar-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati fil-Kosovo, kif kien diġà għamel fil-każ tar-riammissjoni. Il-Kummissjoni kompliet iżżomm taħt monitoraġġ u tivvaluta, fir-rapporti regolari tagħha, il-progress tal-Kosovo fit-tisħiħ tal-qafas tiegħu dwar ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati b’mod effettiv.
Il-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża kien fih żewġ taqsimiet: it-Taqsima I indirizzat ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni; it-Taqsima II kellha erba’ "partijiet" separati li jirrigwardaw id-djalogu dwar il-viża. L-erba’ partijiet tal-pjan direzzjonali dwar il-viża kienu jinkludu rekwiżiti speċifiċi għas-sigurtà tad-dokumenti; għall-ġestjoni tal-fruntieri/konfini u tal-migrazzjoni, inkluż l-ażil; għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà; u għad-drittijiet fundamentali relatati mal-libertà ta' moviment. Il-Kosovo ntalab jadotta jew jemenda, f’konformità mal-acquis tal-UE, il-leġislazzjoni stabbilita f’dan il-pjan direzzjonali, u mbagħad biex jimplimentaha kollha kemm hi.
Il-Kummissjoni mexxiet id-djalogu dwar il-viża mal-Kosovo, b’konsultazzjoni msaħħa mal-Kunsill, b'mod partikolari billi ġie involut il-Kunsill fl-iżvilupp tal-pjan direzzjonali dwar il-viża u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-esperti tal-Istati Membri biex jivvalutaw il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali.
Id-djalogu dwar il-viża mal-Kosovo twettaq mingħajr ma ġiet ippreġudikata l-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus.
Il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), f’konformità mal-mandat tagħha, kellha rwol importanti fil-monitoraġġ, l-iggwidar u l-għoti ta' pariri lill-Kosovo għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi u għall-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan direzzjonali. Kienet essenzjali l-kooperazzjoni effettiva tal-Kosovo mal-EULEX KOSOVO, inkluż it-twettiq tal-mandat eżekuttiv tagħha.
Sa mit-tnedija tad-djalogu dwar il-viża, il-Kummissjoni ppreżentat rapporti regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha ta’ kemm il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali. Dawn ir-rapporti indirizzaw ir-rekwiżiti relatati kemm mar-riammissjoni kif ukoll mar-riintegrazzjoni, u d-diversi partijiet tal-pjan direzzjonali dwar il-viża. Kull rapport bena fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Kosovo; mill-missjonijiet ta’ valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u mill-esperti tal-Istati Membri sabiex jivvalutaw il-progress tal-Kosovo fil-partijiet differenti tad-djalogu dwar il-viża u d-dejta pprovduta mill-EUROPOL, mill-FRONTEX, mill-EASO u mill-EULEX.
Sa issa l-Kummissjoni adottat tliet rapporti dwar il-progress tal-Kosovo fid-djalogu dwar il-viża — l-ewwel wieħed fit-8 ta’ Frar 2013, it-tieni wieħed fl-24 ta’ Lulju 2014; u t-tielet wieħed fit-18 ta’ Diċembru 2015, ikkumplimentati bir-raba’ wieħed li ġie adottat llum. Dawn ir-rapporti kienu jinkludu valutazzjoni dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża, ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kosovo u valutazzjoni tal-impatti potenzjali migratorji u tas-sigurtà bil-liberalizzazzjoni tal-viża.
Fit-tielet rapport tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet tmien rakkomandazzjonijiet li jikkorrispondu għal tmien rekwiżiti pendenti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża, inklużi erba’ prijoritajiet ewlenin. Hija osservat li l-ftehim ta' delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro għandu jiġi ratifikat mill-Kosovo qabel mal-persuni tal-Kosovo jingħataw l-istatus li ma jkollhomx bżonn viża.
Fir-rapport tagħha li jakkumpanja din il-proposta, il-Kummissjoni osservat li l-Kosovo kien ħa passi importanti biex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jirratifika l-ftehim tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro, u ssodisfa biżżejjed elementi sabiex ikollu sensiela ta' riżultati tajbin rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u fid-dawl tal-eżitu tal-monitoraġġ u tar-rappurtar kontinwu li sar sa mit-tnedija tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo, il-Kummissjoni tikkonferma li l-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża bil-qbil li sal-jum tal-adozzjoni ta' din il-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kosovo jkun rratifika l-ftehim tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro u jkun saħħaħ ir-riżultati tiegħu fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji kollha li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu ddeterminati, skont xi jkun il-każ, il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għar-rekwiżit tal-viża jew eżentati minnu, kif stabbilit fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (imdaħħal mir-Regolament (UE) Nru 509/2014), il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, billi l-Kosovo jiġi ttrasferit mill-Anness I, il-Parti 2, għall-Anness II, il-Parti 4 ta’ dan ir-Regolament. Kif indikat fil-pjan direzzjonali, din l-emenda tkopri biss l-individwi mill-Kosovo li huma d-detenturi ta’ passaport bijometriku maħruġ skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-istandards tal-UE għall-elementi ta’ sigurtà u għall-bijometrija fid-dokumenti tal-ivvjaġġar.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit – u wkoll mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja u mill-Iżvizzera. Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-viża tal-UE għal permanenzi qosra ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.
Il-Kosovo huwa attwalment elenkat fl-Anness I fil-Parti 2 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, jiġifieri fost dawk l-entitajiet u l-awtoritajiet territorjali li mill-anqas Stat Membru wieħed ma jirrikonoxxihomx bħala stati. Il-persuni minn dawn l-entitajiet għandhom bżonn ta' viża meta jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE.
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 kien emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 259/2014 meta l-Moldova ġiet ittrasferita fil-lista tal-pajjiżi mingħajr l-obbligu ta' viża, wara li implimentat b'suċċess il-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża tagħha; u mir-Regolament (UE) Nru 509/2014 meta ħames pajjiżi tal-Karibew u ħdax-il pajjiż tal-Paċifiku, kif ukoll il-Kolombja, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda ġew eżentati mill-ħtieġa tal-viża – soġġetti għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rispettivi – wara rieżami perjodiku tal-listi dwar il-viża. Fid-9 ta’ Marzu 2016 u fl-20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni għamlet proposti sabiex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, u ttrasferiet rispettivament, il-Georgia u l-Ukrajna taħt il-lista tal-pajjiżi mingħajr l-obbligu ta' viża.
Il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ – il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew eżentati mill-ħtieġa ta' viża huma stipulati fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dawn jinkludu "l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali". Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.
Il-Kosovo, liċ-ċittadini kollha tal-UE, diġà eżentahom mir-rekwiżit ta' viża għal permanenzi ta’ mhux iktar minn 90 jum fi żmien sitt (6) xhur. Jekk din id-deċiżjoni tiġi rrevokata jew jekk is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża tiġi abbużata, il-mekkaniżmi ta’ reċiproċità u ta' sospensjoni tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, kif emendati bir-Regolament xxx, jistgħu jiġu attivati.
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni pproponiet it-twaqqif ta’ Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE (EES) sabiex issaħħaħ il-fruntieri esterni taż-żona ta' Schengen. L-għanijiet prinċipali ta’ din il-proposta huma sabiex titjieb il-kwalità tal-kontrolli fuq il-fruntiera għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta’ persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. L-EES tal-futur għalhekk se tkun element importanti sabiex jiġi żgurat l-użu skont il-liġi ta' permanenzi mingħajr l-obbligu ta' viża fiż-żona Schengen minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u sabiex tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari ta’ ċittadini minn pajjiżi mingħajr l-obbligu ta' viża.
Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ħabbret li se tivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-proporzjonalità tat-twaqqif ta’ Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS). Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora xorta waħda fl-2016 jekk tali livell alternattiv ta’ kontroll għal ċittadini mingħajr l-obbligu ta' viża huwiex fattibbli u proporzjonali, u jekk jikkontribwixxix b'mod effettiv sabiex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona ta’ Schengen.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi legali
Peress li l-proposta se temenda l-politika komuni tal-UE dwar il-viża, il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-regolament propost jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
•Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għażla tal-istrument
Billi r-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa att legali tal-UE, jista’ jiġi emendat biss permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment sabiex jilħqu l-objettiv ta’ politika. Ma hija disponibbli l-ebda għażla oħra (mhux leġiżlattiva) sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Seħħew diskussjonijiet regolari mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Balkani tal-Punent (COWEB), u saru wkoll skambji regolari mal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni ġabret dejta komprensiva dwar l-implimentazzjoni mill-Kosovo tar-rekwiżiti kollha tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Ir-raba’ rapport tal-Kummissjoni huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-impatti migratorji u ta’ sigurtà potenzjali tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo, kif ukoll għadd ta’ miżuri li l-Kosovo implimenta, sa minn Diċembru 2015, sabiex tiġi evitata kriżi ta’ migrazzjoni irregolari.
•Valutazzjoni tal-impatt
Fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tat analiżi aġġornata u informazzjoni statistika dwar l-impatti migratorji u ta’ sigurtà possibbli mil-liberalizzazzjoni tal-viża għall-persuni mill-Kosovo, u indikat l-għadd ta’ miżuri li l-Kosovo implimenta sa minn Diċembru 2015 sabiex jevita kriżi ta’ migrazzjoni irregolari, abbażi tar-riżultati pprovduti minn aġenziji tal-UE rilevanti u minn partijiet ikkonċernati oħra. Ma hemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt oħra.
•Id-drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandhiex konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. It-twettiq tal-punti ta’ riferiment tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża se jtejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kosovo.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar
Ir-Regolament emendat se jkun direttament applikabbli mid-data ta' dħul fis-seħħ tiegħu u se jiġi implimentat immedjatament mill-Istati Membri. L-ebda pjan ta’ implimentazzjoni ma huwa neċessarju.
Il-Kummissjoni b'mod attiv se tkompli żżomm taħt monitoraġġ il-proċess ta’ ratifikazzjoni tal-Kosovo dwar il-ftehim tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro, u t-tkattir ta’ riżultati tajbin fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
L-implimentazzjoni li għadha għaddejja mill-Kosovo tar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-erba’ partijiet tal-pjan direzzjonali dwar il-viża, kif ukoll ir-riintegrazzjoni u r-riammissjoni, se jinżammu taħt monitoraġġ permezz tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ segwitu ad hoc. Il-Kosovo għandu jiżgura li jibqgħu fis-seħħ miżuri effettivi biex ma tiġix abbużata s-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża. Fost l-oħrajn, il-Kosovo għandu jorganizza kampanji ta’ informazzjoni mmirati bl-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen u r-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli żżomm taħt monitoraġġ u tagħmel l-almu tagħha sabiex tappoġġja lill-Kosovo ħalli jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża.
•Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 se jiġi emendat, sabiex il-Kosovo jiġi ttrasferit mill-Anness I, il-Parti 2 (il-lista tal-pajjiżi bl-obbligu ta' viża) għall-Anness II, il-Parti 4 (il-lista tal-pajjiżi mingħajr l-obbligu ta' viża). Se tiżdied nota f’qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mill-viża se tkun limitata għad-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-istandards tal-UE għall-elementi ta’ sigurtà u għall-bijometrija fid-dokumenti tal-ivvjaġġar (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004).
2016/0139 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa
(Il-Kosovo*)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Il-konfigurazzjoni tal-listi tal-pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fihom. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni marbuta ma' dawn il-kriterji, għandhom ikunu ttrasferiti minn anness għall-ieħor, kif xieraq.
(2)Il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ – il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew eżentati mill-ħtieġa ta' viża huma stipulati fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dawn jinkludu "l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali".
(3)(il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tiegħu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha elenkati fl-Aritkolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, huwa xieraq li l-persuni mill-Kosovo jiġu eżentati mill-obbligu tal-viża meta jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri.)
(4)Għaldaqstant il-Kosovo għandu jiġi ttrasferit mill-Anness I, il-Parti 2 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, għall-Anness II, il-Parti 4 tiegħu stess. Din l-eżenzjoni mill-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004.
(5)L-eżenzjoni tal-viża tiddependi fuq it-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-Kummissjoni b'mod attiv se tkompli żżomm taħt monitoraġġ l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti permezz tal-mekkaniżmu ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża. L-eżenzjoni tal-viża tista’ tiġi sospiża mill-UE skont il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilit bl-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, kif emendat permezz tar-Regolament xxx jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fih jiġu ssodisfati.
(6)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp, fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li r-Renju Unit ma jipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE. Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma huwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.
(7)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp, fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li l-Irlanda ma tipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE. Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(8)Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(9)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.
(10)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:
(a)fl-Anness I, il-Parti 2 ("L-ENTITAJIET U L-AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MILL-INQAS STAT MEMBRU WIEĦED MA JIRRIKONOXXIHOMX BĦALA STATI"), titħassar ir-referenza għall-Kosovo kif definita mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999.
(b)fl-Anness II, il-Parti 4 ("L-ENTITAJIET U L-AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MILL-INQAS STAT MEMBRU WIEĦED MA JIRRIKONOXXIHOMX BĦALA STATI"), tiddaħħal ir-referenza li ġejja:
“Kosovo* (**)”
______________
*
Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
**
L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża hija limitata għad-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President