IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.2.2016
COM(2016) 81 final
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar il-proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, f'każ ta' tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha
Opinjoni tal-Kummissjoni
Dwar il-proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, f'każ ta' tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha
***
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,
(1)Permezz tat-talba tas-17 ta’ Novembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pproponiet lil-leġiżlatur l-adozzjoni ta’ Regolament immirat għax-xoljiment tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) u t-trasferiment tal-kawżi tas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni għall-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
(2)Din il-proposta hija l-prolongazzjoni neċessarja tar-riforma tal-Qorti Ġenerali li ġiet deċiża recentement mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tiġi indirizzata l-isfida taż-żieda tal-kawżi quddiem din il-ġuriżdizzjoni. Fil-fatt, bl-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tas-16 ta' Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għażlu żieda progressiva tan-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali sabiex ikun hemm żewġ imħallfin għal kull Stat Membru sal-2019, b'mod partikolari bl-integrazzjoni f'din il-ġuriżdizzjoni, mill-1 ta' Settembru 2016, tas-seba' mħallfin tal-TSP.
(3)Il-Kummissjoni kienet appoġġat bis-sħiħ it-talbiet inizjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li kellhom l-għan li jżidu n-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali. Ir-raġunijiet għal din il-pożizzjoni kienu ġew ippreżentati fid-dettal fl-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2011 (COM(2011)596). Il-Kummissjoni kienet imbagħad appoġġat ukoll is-soluzzjoni li ġiet miżmuma finalment mil-leġiżlatur, jiġifieri l-irdoppjar progressiv tan-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari permezz tat-trasferiment tal-postijiet ta' mħallfin tat-TSP.
(4)F'dawn il-kundizzjonijiet, din il-proposta għandha l-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni, safejn tippermetti l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tar-riforma u b'hekk tirrifletti b'mod fidili l-għażliet diġà ppreżentati mil-leġiżlatur.
(5)Il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha, barra minn hekk, li żżid żewġ kummenti addizzjonali.
(6)L-ewwel kumment huwa dwar it-trattament proċedurali futur tal-kawżi li se jiġu trasferiti lill-Qorti Ġenerali.
(7)Minbarra l-prinċipju tad-dissoluzzjoni tat-TSP fl-1 ta' Settembru 2016 kif ukoll it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kawżi pendenti kollha quddiem l-istess TSP f'din id-data, il-proposta fiha d-dispożizzjonijiet temporanji maħsuba għall-organizzazzjoni tal-modalitajiet tal-istess trasferiment. B'mod partikolari huwa previst li l-kawżi pendenti quddiem it-TSP fil-31 ta' Awwissu 2016 jiġu trasferiti fl-istat li jkunu fihom f'dik id-data.
(8)Qari komprensiv tal-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaha jissuġġerixxi li l-kawżi li jiġu trasferiti b’dan il-mod se jiġu rregolati, mid-data li fiha jkunu trasferiti, mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li sadanittant ikunu ġew emendati.
(9)F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun xieraq li, fl-interess taċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjoni espliċita li tikkonferma l-applikazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali għal dawk il-kawżi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali li se jkunu meħtieġa biex jitqies it-trasferiment tal-kawżi tas-servizz pubbliku lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tixtieq diġà f’dan l-istadju tesprimi l-importanza li hija tagħti sabiex jiġu inkorporati fir-regoli ta’ proċedura tagħha regoli speċifiċi għat-TSP kif attwalment stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura tat-TSP, b’mod partikolari l-Artikoli 108 u 109.
(10)It-tieni kumment tal-Kummissjoni jikkonċerna l-organizzazzjoni interna tal-Qorti Ġenerali, wara li n-numru ta’ mħallfin ikun żdied. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt għandu jkollha 47 membru mill-1 ta’ Settembru 2016. Huwa ovvju li l-mod kif il-Qorti Ġenerali taħdem se jkollu jinbidel profondament biex tlaħħaq ma’ din is-sitwazzjoni ġdida. Minn naħa, din iż-żieda tista’ tipprovdi opportunità għall-Qorti Ġenerali li tassenja għadd ikbar ta’ kawżi għal ġabra ikbar (awla b’ħames imħallfin, anki l-Awla Manja) skont l-importanza tagħhom. Din għandha tiżgura l-koerenza u l-kwalità tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali imwessa’ u tgħin biex jiġi evitat li jkun hemm għadd dejjem jikber ta’ appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni l-ġdida tista’ twassal għal riflessjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ adattament tar-regoli u l-prattiċi li jirregolaw l-allokazzjoni ta’ kawżi bil-ħolqien ta' sinerġiji tematiċi, b’mod partikolari billi titqies rabta fattwali bejn il-każijiet, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa sabiex dawn ir-regoli u l-prattiki jiġu adattati għall-evoluzzjoni futura ta’ kawżi.
(11)Il-Kummissjoni fl-aħħarnett tistieden lil-leġiżlatur jadotta l-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja malajr kemm jista' jkun. Fil-fatt, lil hinn mill-iskadenza tal-1 ta' Settembru 2016 diġà msemmija, il-Kummissjoni tfakkar li wara l-adozzjoni tat-test leġiżlattiv, ikun għadu neċessarju li tipproċedi għall-adattamenti meħtieġa fir-regolament ta' proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll għall-ħatra ta' mħallfin ġodda u r-riorganizzazzjoni interna tal-Qorti Ġenerali. Huwa biss f'dan il-mument li l-ġuriżdizzjoni tkun finalment armata biex tattakka b'mod deċiżiv ir-riassorbiment tal-arretrati ġudizzjarji tagħha.
* * *
Konklużjoni
Il-Kummissjoni tagħti opinjoni favorevoli għall-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Din l-Opinjoni se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kummissjoni
Jean-Claude Juncker
President tal-Kummissjoni