Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0020

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza li Franza li tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u d-diżil li jintużaw bħala karburanti skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    COM/2016/020 final - 2016/07 (NLE)

    Brussell, 25.1.2016

    COM(2016) 20 final

    2016/0007(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza li Franza li tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u d-diżil li jintużaw bħala karburanti skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    It-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-UE hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 1 (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

    Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

    L-għan ta' din il-proposta huwa li jippermetti li Franza tkompli tapplika, f'limiti definiti, livelli differenzjati ta' tassazzjoni fuq petrol bla ċomb u diżil, bl-esklużjoni tad-diżil għall-użu kummerċjali 2 . Dan id-divrenzjar huwa maħsub biex jirrifletti d-deċentralizzazzjoni ta’ ċerti setgħat speċifiċi li qabel kienu qed jiġu eżerċitati mill-gvern ċentrali.

    It-talba u l-kuntest ġenerali tagħha

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE 3 (minn hawn 'il quddiem id-"Deċiżjoni 2013/193/UE"), li ssegwi fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/38/UE 4 u 2005/767/KE 5 (minn hawn 'il quddiem id-"Deċiżjoni 2011/38/UE" u d-"Deċiżjoni 2005/767/KE"), awtorizzat li Franza tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2015, livelli mnaqqsa ta' tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għad-diżil fil-livell reġjonali għall-finijiet ta’ riforma amministrattiva li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni ta' ċerti setgħat speċifiċi li qabel kienu qed jiġu eżerċitati mill-gvern ċentrali.

    Abbażi ta' dik id-Deċiżjoni, Franza bħalissa qed tapplika skema li tippermetti li r-reġjuni amministrattivi Franċiżi japplikaw livell imnaqqas ta' tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq id-diżil bl-eċċezzjoni tad-diżil għall-użu kummerċjali. It-taxxa kkonċernata hija t-Taxe intérieure de consommation sur les produits énergétiques it-Taxxa Interna fuq il-Prodotti taż-Zejt Maħdum(TIPP), li hija dazju tas-sisa.

    Permezz ta’ ittra bid-data l-20 ta’ Ottubru 2015, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva, l-awtoritajiet Franċiżi talbu t-tiġdid ta’ din l-iskema fuq termini identiċi, iżda għal perjodu ta' sentejn mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2017.

    L-operat tal-miżura

    Il-Kodiċi Doganali Franċiża jiffissa rati massimi tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb u fuq id-diżil.

    Ir-reġjuni se jkunu jistgħu jnaqqsu dawn ir-rati b'ammont li ma jistax jaqbeż is-EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb, inkluż il-fjuwil E10, u l-EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta' diżil matul il-perjodu ta' deroga. Kull sena, il-Kunsilli reġjonali se jiddeċiedu l-ammont tat-tnaqqis b’vot, prova li d-deċiżjoni tapprova l-awtonomija tar-reġjuni tagħti inċentiv biex titjieb il-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom, ħaġa li ma tistax tinkiseb permezz ta' trasferiment mill-baġit nazzjonali għall-baġits lokali.

    Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqis ma jista’ qatt ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u mhu se japplika l-ebda tnaqqis fuq id-diżil għall-użu kummerċjali.

    Il-miżuri ta’ kontroll u ta’ moviment għall-prodotti kkonċernati

    L-awtoritajiet Franċiżi għamluha ċara li l-gvern ċentrali se jibqa' responsabbli għall-ġbir u l-kontroll tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil u l-petrol bla ċomb, ikun xi jkun it-tnaqqis adottat mir-reġjuni.

    Il-prodotti jitpoġġew taħt arranġamenti tad-dazju mħallas u l-fjuwils ikunu ntaxxati meta jiġu rilaxxati għall-konsum bir-rata tad-dazju fis-seħħ fir-reġjun li għalih dawn ikunu fornuti.

    Biex twieġeb għar-riskju ta’ frodi speċifiku identifikat (id-diverżjoni tal-kunsinni li jibbenefikaw minn differenzjali tat-taxxa bejn żewġ reġjuni), il-katina loġistika se tkun sorveljata permezz ta’ identifikazzjoni minn qabel ta’ riċevituri mill-fornituri u n-notifika ta' din l-informazzjoni lill-amministrazzjoni doganali. L-analiżi tar-riskju tindika li r-riċevituri għandhom jinqasmu fi tliet kategoriji: l-utenti aħħarin bil-kapaċità għall-ħażna bl-ingrossa, l-istazzjonijiet tas-servizz u d-distributuri ta’ fjuwil bid-dazju mħallas. Fil-każ tal-moviment intern ta' fjuwil bid-dazju mħallas, l-awtoritajiet doganali se jkunu jistgħu jivverifikaw l-oriġini tal-prodott u r-reġjun tad-destinazzjoni tiegħu. F'każijiet ta' rotot atipiċi jew ta’ ħinijiet twal u inspjegabli ta’ trasportazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu jinvestigaw jekk il-kunsinni jkunux ġew żvijati mid-destinazzjoni reġjonali inizjalment iddikjarata.

    L-argumenti ta’ Franza dwar l-impatt fuq is-suq intern u l-aspetti tal-għajnuna mill-Istat

    L-awtoritajiet Franċiżi jgħidu li l-miżura mhix se tkun taffettwa t-tħaddim tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura huwa limitat għal karburanti għall-użu mhux kummerċjali. Barra minn hekk, il-varjazzjonijiet bejn in-netwerks ta' distribuzzjoni bil-prezz għall-konsumatur tal-fjuwil għall-użu mhux kummerjċali huma akbar mill-ammont tal-varjazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-miżura. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, ma waslu l-ebda ilmenti dwar effetti distorsivi tal-miżura matul l-applikazzjoni tagħha.

    Fir-rigward tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura tad-diżil għall-użu kummerċjali, l-operaturi Franċiżi jew tal-UE tat-trasport bit-triq li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal ribassi parzjali tas-sisa fuq id-diżil għall-użu kummerċjali se jkunu soġġetti għall-istess rata tad-dazju tas-sisa, ikun xi jkun ir-reġjun li fih ikunu xtraw il-fjuwil. L-arranġamenti ppjanati se jżommu l-proċedura ta' ribass attwali, b'mod li jpaċu kompletament l-effetti ta’ tnaqqis fir-rati deċiżi mir-reġjuni permezz ta’ tnaqqis ekwivalenti fl-ammont tar-ribassi fuq id-diżil għall-użu kummerċjali. L-arranġamenti għalhekk mhux se jfixklu l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport jew jaffettwaw il-kummerċ fl-UE.

    L-argumenti ta’ Franza dwar il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura

    Il-Gvern Franċiż jinnota li l-esperjenza miksuba minn kull tiġdid tal-pakkett ta' miżuri wasslet biex il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, jinnota n-nuqqas totali ta’ konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-miżura, kemm għall-kummerċ fl-UE kif ukoll fuq il-livell ġenerali tat-tassazzjoni fuq il-karburanti fi Franza. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jixtieq li l-eżenzjoni mġedda tingħata għal perjodu ta’ sentejn, biex ikun assigurat li jkun hemm stabbiltà u tul ta’ żmien raġonevoli għall-politiki segwiti mir-reġjuni, f’konformità mal-għan li jrid jintlaħaq u biex l-awtoritajiet reġjonali jingħataw il-viżibbiltà meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom.

    Il-valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    Il-Kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jinqara kif ġej:

    Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

    Skont id-Deċiżjoni 2013/193/UE, il-miżura nazzjonali kkonċernata tissodisfa dan ir-rekwiżit. Mid-Deċiżjoni joħroġ li d-divrenzjar reġjonali tar-rati, bħala parti minn politika ta' deċentralizzazzjoni usa', hija maħsuba għall-għan politiku speċifiku li titjieb l-effiċjenza amministrattiva. Ġie kkunsidrat li l-possibbiltà ta' divrenzjar reġjonali toffri lir-reġjuni inċentiv ulterjuri biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b'mod trasparenti. L-istess deċiżjoni teħtieġ li t-tnaqqis jintrabat mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fih kienu applikati.

    F'dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta minn Franza kkonfermat li tista' tabilħaqq tiġi stabbilita rabta bejn l-applikazzjoni ta' rata reġjonali taħt ir-rata nazzjonali u l-kundizzjoniiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni kkonċernati.

    Franza tikkonferma li qabel it-tnaqqis tat-taxxa se jkun hemm żieda fit-taxxa tar-rata nazzjonali mill-2016.

    Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/193/UE (2013, 2014 u 2015 rispettivament), Franza rrappurtat li żewġ reġjuni (Poitou-Charentes u Korsika) kellhom rata differenzjata aktar baxxa; l-għoxrin reġjun ieħor ma kinux qed japplikaw rati differenzjati aktar baxxi.

    Iż-żewġ reġjuni li kienu qed japplikaw l-aġġustament ’l isfel irrappurtaw PDG per capita taħt il-medja nazzjonali fl-2013. Barra minn hekk, wieħed mir-reġjuni rrapporta rata ta’ qgħad ogħla meta mqabbla mal-medja tal-livell nazzjonali tal-qgħad fl-2013.

    B'hekk jista' jiġi konkluż li l-possibbiltà li r-rata nazzjonali tiġi aġġustata 'l isfel donnha offriet lill-awtoritajiet reġjonali l-possibbiltà li jużaw it-taxxa kkonċernata b'mod adattat għaċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi prevalenti fit-territorju tagħhom.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, kull talba għandha tiġi eżaminata waqt li jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta u l-politiki tal-Komunità dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    Dan l-eżami diġà twettaq fl-okkażjoni ta’ talbiet preċedenti minn Franza u wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/767/KE, id-Deċiżjoni 2011/38/UE u d-Deċiżjoni 2013/193/UE. Kif iddikjarat f’dawn id-Deċiżjonijiet, instab li l-miżuri, kif deskritti fihom, ma ħolqu l-ebda tfixkil għall-kummerċ ġewwa l-UE; fl-istess ħin, ġew stabbiliti għadd ta' kundizzjonijiet biex ikun żgurat li l-applikazzjoni tad-deroga ma twassalx għal xi problema fit-tħaddim tas-suq intern u ma tegħlibx is-suċċess tal-għanijiet tal-politika tal-UE speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tal-bidla fil-klima u tal-ambjent.

    Għaldaqstant, għall-possibbiltà li l-iskema tiġi mġedda kif mitlub minn Franza, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/193/UE, kienx hemm konformità mal-għanijiet u mal-politiki stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, matul l-applikazzjoni tagħha, sabiex fil-prinċipju jkun jista' jiġi previst l-istess għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2016.

    F'dan il-kuntest, irid jiġi vverifikat ukoll jekk il-kuntest tal-politika tal-UE għaddiex minn bidla rilevanti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/193/UE jew hux qed jirriskja li jgħaddi minn bidla rilevanti fil-ġejjieni għall-valutazzjoni.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta

    Ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni ġie kkunsidrat bħala baxx billi d-Deċiżjoni 2005/767/KE, id-Deċiżjoni 2011/38/UE u d-Deċiżjoni 2013/193/UE stipulaw ammonti massimi baxxi għat-tnaqqis. Għaldaqstant, id-divrenzjar tar-rati tad-dazji bejn ir-reġjuni għadu żgħir u għandu mnejn lanqas biss jaqbeż id-differenzi fil-prezzijiet bejn in-netwerks ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, id-diżil għall-użu kummerċjali huwa eskluż mill-applikazzjoni tal-miżura.

    Fir-rigward tal-livelli ta' divrenzjar, ġie stabbilit limitu strett jiġifieri li t-tnaqqis mhuwiex iktar minn EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb jew EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta' diżil. Din il-kundizzjoni ġiet irrispettata minn Franza.

    L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tad-deroga ma tidhirx li tqajjem dubji dwar il-valutazzjoni li saret fl-2005, fl-2011 u fl-2013. Il-Kummissjoni ma semgħet l-ebda lment dwar effetti ħżiena tal-miżura fuq il-kummerċ ġewwa l-UE.

    Ma ġie rrappurtat l-ebda ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, lanqas b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-kapaċità tagħhom bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

    Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Artikolu 107(1) u (3) tat-Trattat.

    Il-politiki tal-Unjoni dwar l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ambjent

    It-taxxi fuq il-prodotti tal-enerġija għandhom l-effett li jnaqqsu d-domanda għal dawn il-prodotti u b'hekk inaqqsu wkoll l-emissjonijiet relatati mal-konsum tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk it-tnaqqis tar-rati applikat f'ċerti reġjuni jwassalx għal żieda fil-konsum tal-fjuwil (u għalhekk fl-emissjonijiet relatati) li jkun kontradittorju mal-għanijiet ikkwotati hawn fuq.

    Id-Deċiżjoni 2013/193/UE ġibdet l-attenzjoni fuq il-fatt li l-introduzzjoni tal-possibbiltà ta' aġġustament 'l isfel tar-rati se tkun akkumpanjata minn żieda fir-rata nazzjonali sottostanti fi Franza. Ikkonkludiet li huwa improbabbli li l-effett ġenerali tal-iskema l-ġdida jkun inċentiv imnaqqas għall-effiċjenza tal-fjuwil peress li l-applikazzjoni tad-deroga ma tippermettix lir-reġjuni li jinżlu aktar 'l isfel mir-rata fis-seħħ fuq il-livell nazzjonali qabel l-introduzzjoni tal-iskema. Id-Deċiżjoni 2013/193/UE kkonkludiet ukoll li ma tantx hemm riskju li l-varjazzjonijiet reġjonali jwasslu għal differenzi fil-prezzijiet għall-konsumatur li jikkaġunaw tibdiliet fit-traffiku billi l-livell ta' divrenzjar kien baxx u dawn kienu sostitwiti minn differenzi fil-prezzijiet għall-konsumatur fost in-netwerks ta' distribuzzjoni. Għalhekk kien mistenni li l-miżura, fil-prinċipju, ma kinitx se tkun kontradittorja mal-politika tal-UE dwar l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ambjent.

    Franza se tapplika tnaqqis iżgħar meta mqabbel ma’ snin preċedenti.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

    Is-sussidjarjetà

    Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE mhuwiex fih innifsu fil-kompetenza esklussiva tal-UE fit-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

    Madankollu, f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata l-kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta' liġi sekondarja, li jawtorizza li Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhux applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, billi dan l-att mhux abbozz ta’ att leġislattiv, ma jridx jiġi trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal reviżjoni ta’ konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Il-proposta għaldaqstant tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjaretà.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan inkwistjoni.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96 għandu dispożizzjoni għal din it-tip ta’ miżura biss.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-miżura ma teħtieġx evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.]

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula minn Franza u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt. L-impatt fuq il-prezzijiet u fuq il-klima huwa limitat billi

    id-divrenzjar kien baxx u ġie sostitwit minn differenzi fil-prezzijiet għall-konsumatur fost in-netwerks

    tad-distribuzzjoni. B'riżultat ta' dan, ma tantx hemm riskju li l-varjazzjonijiet reġjonali jwasslu għal differenzi fil-prezzijiet għall-konsumatur li jikkaġunaw tibdiliet fit-traffiku.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Il-miżura ma tistipulax simplifikazzjoni. Din hija riżultat ta’ talba magħmula minn Franza u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru.

    Id-drittijiet fundamentali

    Il-miżura m’għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-UE. Għaldaqstant, il-proposta m'għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjega dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1- Ir-reġjuni se jitħallew inaqqsu r-rati għall-petrol bla ċomb u għad-diżil li jintużaw bħala karburant b’ammont li ma jistax jaqbeż is-EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta’ petrol bla ċomb, inkluż l-E10 u l-EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta’ diżil għal perjodu ta’ sentejn.

    Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqis ma jista’ qatt ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u l-ebda tnaqqis mhu se japplika għad-diżil għall-użu kummerċjali.

    Il-miżura nazzjonali stipulata b'din id-deċiżjoni hija parti minn politika mfassla minn Franza biex iżżid l-effiċjenza amministrattiva billi ttejjeb il-kwalità u tnaqqas l-ispiża tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll bħala politika ta' deċentralizzazzjoni. Din toffri inċentiv addizzjonali lir-reġjuni biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b’mod trasparenti.

    L-Artikolu 2 - L-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016 għal perjodu ta’ sentejn, kif mitlub minn Franza.

    2016/0007 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza li Franza li tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u d-diżil li jintużaw bħala karburanti skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 6 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE (minn hawn 'il quddiem id-"Deċiżjoni 2013/193/UE"), tawtorizza lil Franza tapplika, għal perjodu ta' tliet snin, livelli mnaqqsa ta' tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għad-diżil għall-finijiet ta’ riforma amministrattiva li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni ta' ċerti setgħat speċifiċi li qabel kienu qed jiġu eżerċitati mill-gvern ċentrali. Id-Deċiżjoni 2013/193/UE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2015.

    (2)B’ittra bid-data tal-20 ta’ Ottubru 2015, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tippermetti lir-reġjuni Franċiżi biex ikomplu japplikaw tnaqqis tar-rati ta’ tassazzjoni ta’ mhux aktar minn EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta’ petrol bla ċomb jew EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta’ diżil għal sentejn oħra wara l-31 ta’ Diċembru 2015.

    (3) Id-Deċiżjoni 2013/193/UE, li ġiet adottata abbażi tal-miżura mitluba minn Franza tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, billi b'mod esklussiv tippermetti eżenzjoni jew tnaqqis mit-taxxa għal raġunijiet politiċi speċifiċi. B'mod partikolari, ġie kkunsidrat li l-miżura ma kinitx se tfixkel it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Ġie kkunsidrat ukoll li kienet f’konformità mal-politiki rilevanti tal-Unjoni.

    (4)Il-miżura nazzjonali hija parti minn politika maħsuba biex iżżid l-effiċjenza amministrattiva billi ttejjeb il-kwalità u tnaqqas l-ispiża tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll bħala politika ta' deċentralizzazzjoni. Franza trid toffri inċentiv addizzjonali lir-reġjuni biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b’mod trasparenti. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni 2013/193/UE teħtieġ li t-tnaqqis jintrabat maċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat tali tnaqqis. Għaldaqstant, għadd ta’ reġjuni b'PDG anqas mill-medja jew b’qgħad ogħla mill-medja applikaw rati aktar baxxi. B'mod ġenerali, il-miżura nazzjonali hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

    (5)Il-limiti stretti stabbiliti għat-tnaqqis fir-rati fuq bażi reġjonali kif ukoll l-esklużjoni mill-miżura tad-diżil użat għal għanijiet kummerċjali jimplikaw li r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huwa baxx ħafna. Ma ġie rrappurtat l-ebda ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-kapaċità tagħhom bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

    (6)Qabel il-miżura se jkun hemm żieda fit-taxxa. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni kif ukoll tal-esperjenza miġbura, ma jidhirx li l-miżura nazzjonali f’dan l-istadju hija f’kunflitt mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima.

    (7)Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu għandu jkollha żmien strettament limitat. Franza talbet li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta’ sentejn. Għaldaqstant huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jiġi limitat għal sentejn.

    (8)Għandu jkun żgurat li Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma’ din id-Deċiżjoni bla ebda xkiel wara s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2016, skont id-Deċiżjoni 2013/193/UE. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

    (9)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.    B'dan, Franza hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq id-diżil użati bħala karburanti. Id-diżil għall-użu kummerċjali li jintuża bħala propellant fit-tifsira tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE m'għandux ikun eliġibbli għal tnaqqis bħal dan.

    2.    Ir-reġjuni amministrattivi jistgħu jkunu permessi japplikaw tnaqqis differenzjat sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)    it-tnaqqis mhuwiex aktar minn EUR 17,7 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb jew EUR 11,5 għal kull 1 000 litru ta' diżil;

    (b)    it-tnaqqis mhuwiex aktar mid-differenza bejn il-livelli ta’ tassazzjoni għad-diżil għall-użu mhux kummerċjali bħala propellant u d-diżil għall-użu kummerċjali bħala propellant;

    (c)    it-tnaqqis huwa marbut mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi oġġettivi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat.

    (d)    l-applikazzjoni tat-tnaqqis reġjonali ma jkollhiex l-effett li tagħti xi vantaġġ kompetittiv lil xi reġjun fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni.

    3.    Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283 tal-31.10.2003 p. 51)
    (2) L-użu kummerċjali tad-diżil kif definit fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/96/KE.
    (3) ĠU L 113, 22.04.2013 p.15
    (4) ĠU L 19, 22.1.2011, p. 13.
    (5) ĠU L 290, 4.11.2005, p. 25.
    (6) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
    Top