Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0950

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża

    COM/2016/0950 final

    Brussell, 30.11.2016

    COM(2016) 950 final

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża


    1. Introduzzjoni

    Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 1 il-President Juncker enfasizza l-ħtieġa li jkollna Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi. Biex jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom, l-Ewropej għandhom jinvestu fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża essenzjali sabiex ikunu jistgħu jiskoraġġixxu, jirreaġixxu u jipproteġu lilhom infushom kontra theddid estern. L-Unjoni Ewropea għandha turi li tista’ taġixxi bħala fornitur ta’ sigurtà militari kif ukoll mhux militari, filwaqt li tappella għal solidarjetà akbar fis-sigurtà u d-difiża 2 . Reċentement, il-pjan direzzjonali ta’ Bratislava, 3 il-Parlament Ewropew 4 u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 5 ssottlinjaw ukoll din il-prijorità.

    Difiża Ewropea aktar qawwija teħtieġ li l-Istati Membri jakkwistaw, jiżviluppaw u jżommu l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet tal-art u tal-ajru kif ukoll dawk spazjali u marittimi. L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 6  (“Strateġija Globali”) tidentifika għadd ta’ oqsma ta’ prijorità dwar il-kapaċitjiet ta’ difiża li fihom l-Ewropa teħtieġ li tinvesti u tiżviluppa approċċi kollaborattivi: intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni, sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, komunikazzjoni bis-satellita u aċċess awtonomu għall-ispazju u osservazzjoni permanenti tad-dinja; kapaċitajiet militari ta’ livell għoli inklużi faċilitaturi strateġiċi, kif ukoll kapaċitajiet li jiżguraw is-sigurtà ċibernetika u marittima.

    Is-suq Ewropew tad-difiża qed iġarrab frammentazzjoni u kollaborazzjoni industrijali insuffijenti. It-tisħiħ tas-Suq Uniku tad-Difiża, it-tnaqqis fid-duplikazzjonijiet u t-titjib tal-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-UE jistgħu jinkisbu permezz ta’ użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi u permezz ta’ bażi industrijali aktar b’saħħitha.

    Il-ħtieġa li jsir investiment fil-kapaċitajiet strateġiċi

    Sabiex tkun tista’ tikkonkretizza l-prijoritajiet fir-rigward tal-kapaċitajiet, l-Ewropa għandha toħloq il-kundizzjonijiet għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża biex jiġu mmassimizzati r-rendiment u l-effiċjenza tal-infiq għad-difiża. Dan għandu jmur id f’id ma’ bażi industrijali tad-difiża b’saħħitha, kompetittiva u innovattiva, għall-benefiċċju tal-ekonomija inġenerali: l-investimenti fis-settur tad-difiża għandhom effett multiplikatur ekonomiku sinifikanti f’termini ta’ ħolqien ta’ spin-offs u ta’ trasferimenti ta’ teknoloġija lejn setturi oħra, kif ukoll f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi 7 .

    Kif mitlub mill-Kunsill 8 , dan il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża jikkontribwixxi sabiex ikun żgurat li l-bażi industrijali tad-difiża Ewropea tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà – kemm ta’ bħalissa u kemm tal-ġejjieni – u f’dan ir-rigward il-Pjan itejjeb l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, billi jsaħħaħ l-abbiltà tagħha li taġixxi mal-imsieħba. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jintrabat sfiq mal-Pjan għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża, li jistabbilixxi livell ġdid ta’ ambizzjoni għall-Unjoni u jidentifika l-azzjonijiet biex dan jitwettaq, kif ukoll mal-implimentazzjoni tad- Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO 9 ffirmata mill-President tal-Kunsill Ewropew, mill-President tal-Kummissjoni u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO. L-azzjonijiet proposti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża se jwasslu għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha fil-qasam tad-difiża, u fl-aħħar mill-aħħar dan ifisser NATO aktar b’saħħitha.

    Il-Kunsill laqa’ l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża u ħa nota tal-oqsma prijoritarji kurrenti li fihom l-Ewropa jeħtiġilha tinvesti b’mod adegwat u tiżviluppa approċċi kollaborattivi 10 . Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati fil-qasam tal-kapaċitajiet. Permezz tal-azzjonijiet żviluppati f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa ċ-ċiklu kollu tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża – mir-riċerka u l-iżvilupp sal-produzzjoni tal-kapaċità.

    L-isfidi tad-difiża Ewropea

    B’mod kollettiv, l-Ewropa hija t-tieni l-akbar investitur militari. Madankollu, għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u qed iġġarrab ineffiċjenza fl-infiq minħabba d-duplikazzjonijiet, in-nuqqas ta’ interoperabilità u d-dgħufijiet teknoloġiċi. Barra minn hekk, il-baġits tad-difiża fl-Ewropa ċkienu fis-snin li għaddew, filwaqt li atturi globali oħra (iċ-Ċina, ir-Russja u l-Arabja Sawdija) aġġornaw is-setturi tad-difiża tagħhom fuq skala mingħajr preċedent. Mingħajr investiment sostnut fid-difiża, l-industrija Ewropea qed tissogra li ma jkollhiex il-kapaċità teknoloġika biex tibni l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kapaċitajiet kritiċi tad-difiża. Fl-aħħar nett, dan se jolqot l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u l-abbiltà tagħha li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà.

    Is-settur industrijali tad-difiża mhuwiex biss ta’ importanza strateġika għas-sigurtà tal-Ewropa. B’fatturat totali ta’ EUR 100 biljun fis-sena u 1.4 miljun persuna b’ħiliet għolja impjegati direttament jew indirettament fl-Ewropa, 11 huwa wkoll kontributur ewlieni għall-ekonomija Ewropea.

    L-industrija tad-difiża hija dipendenti mit-tnedija ta’ programmi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet mill-gvernijiet u b’mod aktar ġenerali mil-livell tan-nefqa pubblika u tal-investiment fid-difiża. Bħala klijenti aħħarin għat-tagħmir ta’ difiża, il-gvernijiet jispeċifikaw ir-rekwiżiti u jaġixxu bħala awtoritajiet kontraenti, regolaturi u, ta’ spiss, bħala sostenituri tal-esportazzjonijiet. Barra minn hekk, l-iżvilupp tas-sistema tad-difiża isir b’perspettiva fit-tul u jimplika riskji għoljin, billi l-ħtiġijiet operazzjonali jistgħu jinbidlu tul l-iżvilupp tal-prodott. Dan ifisser li l-kumpaniji li joperaw fil-qasam tad-difiża mhux se jinvestu f’teknoloġiji militari mingħajr l-impenn li dawn jinxtraw mill-awtoritajiet pubbliċi.

    Ħafna Stati Membri naqqsu l-baġits tad-difiża tagħhom matul l-aħħar deċennju. Mill-2005 sal-2015, l-infiq tal-UE27 12 f’dak li għandu x’jaqsam mad-difiża naqas bi kważi 11 % biex jilħaq ammont ġenerali ta’ EUR 200 biljun. Is-sehem tan-nefqa għad-difiża fil-PGD niżel ukoll għall-aktar livell baxx irreġistrat ta’ 1.4 % fl-2015. F’termini reali, il-baġits tad-difiża fl-UE naqsu b’EUR 2 biljun fis-sena matul l-aħħar deċennju 13 . Bħalissa, huma biss 4 minn 28 Stat Membru li jilħqu l-mira tan-nefqa ta’ 2 % tal-PGD stabbilita min-NATO matul is-Summit ta’ Wales tal-2014: l-Estonja, il-Greċja, il-Polonja u r-Renju Unit. 

    Bħala paragun, l-Istati Uniti investew aktar mid-doppju tal-infiq totali tal-Istati Membri tal-UE fil-qasam tad-difiża fl-2015. Iċ-Ċina żiedet il-baġit tad-difiża tagħha b’150 % matul l-aħħar deċennju. Fl-2015, ir-Russja investiet 5.4 % tal-PGD tagħha fid-difiża 14 .

    Minkejja indikazzjonijiet ta’ xejra ta’ tnaqqis matul l-aħħar sentejn, in-nuqqas persistenti ta’ investiment kellu impatt fuq l-industrija tad-difiża Ewropea, mill-kuntratturi prinċipali sal-fornituri. Kien hemm nuqqas ġenerali ta’ opportunitajiet f’termini ta’ proġetti ġodda ewlenin fil-qasam tal-industrija tad-difiża, inkluż nuqqas ta’ programmi kollaborattivi Ewropej 15 .

    Ix-xejra ta’ tnaqqis fil-baġits tad-difiża ġiet aggravata bl-ineffiċjenzi fil-mod kif dawk il-baġits jintużaw. Il-frammentazzjoni tas-swieq Ewropej twassal għal duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-kapaċitajiet, tal-organizzazzjonijiet u tal-infiq 16 . Il-maġġoranza tan-nefqa marbuta mad-difiża tintefaq permezz tal-akkwist nazzjonali, filwaqt li s-sehem tal-akkwist kollaborattiv tat-tagħmir jirrappreżenta biss 22 % tat-total tal-akkwist tat-tagħmir fl-2014 17 .

    Il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni akbar fil-livell tal-UE, li huma ż-żewġ mezzi għat-tisħiħ tal-effiċjenza u tal-kapaċità innovattiva tal-bażi industrijali tad-difiża Ewropea, għadhom wisq limitati. It-tnaqqis fil-baġits tad-difiża fl-Ewropa kollha ma wassalx għal aktar kooperazzjoni, anzi pjuttost il-kuntrarju. Hemm inqas programmi ta’ koooperazzjoni llum milli kien hemm 20 sena ilu.

    Il-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea:

    Id-deċiżjoni għas-sostenn tal-investimenti fid-difiża u għat-tnedija ta’ programmi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tibqa’ l-prerogattiva u r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti u tal-politiki tal-UE, fil-ħdan il-limiti tat-Trattati, ma għandiex isservi ta’ sostituzzjoni għal-livelli baxxi ta’ investimenti tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża. Madankollu, il-Kummissjoni hija impenjata li tikkomplementa, tingrana u tikkonsolida l-isforzi kollaborattivi mill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża biex twieġeb għall-isfidi tas-sigurtà kif ukoll tappoġġa l-industrija Ewropea tad-difiża 18 .

    B’mod partikolari, il-politiki u l-istrumenti tal-UE jistgħu jipprovdu valur miżjud permezz ta’: (i) titjib fil-kompetittività u l-funzjonament tal-industrija tad-difiża fis-suq uniku; (ii) stimulazzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta’ inċentivi pożittivi, u mmirar lejn proġetti li l-Istati Membri ma jistgħux iwettqu; (iii) tnaqqis fid-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa, u għalhekk promozzjoni ta’ użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi fi żmien ta’ restizzjonijiet baġitarji.

    Il-Kummissjoni diġà żviluppat strateġiji li jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża u l-ħolqien ta’ suq tad-difiża aktar integrat fl-Ewropa. L-adozzjoni, fl-2009, ta’ żewġ direttivi 19 dwar id-difiża kkontribwixxa għall-istabbiliment progressiv ta’ suq Ewropew tad-difiża. Fl-2013, ġew proposti għadd ta’ miżuri ta’ ftuħ tas-swieq u ta’ appoġġ għall-industrija: il-Kummissjoni identifikat lista ta’ azzjonijiet 20 sabiex ikompli jissaħħaħ is-suq uniku għad-difiża u tiġi promossa industrija tad-difiża aktar kompetittiva.

    Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni issa qed tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża li jiffoka fuq il-ħtiġijiet fil-qasam tal-kapaċitajiet u li jappoġġa l-industrija Ewropea tad-difiża. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu tliet pilastri ewlenin li jindirizzaw ħtiġijiet differenti iżda komplementari matul iċ-ċiklu ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet, b’enfażi fuq it-teknoloġiji u l-prodotti:

    It-tnedija ta’ Fond Ewropew għad-Difiża;

    It-trawwim tal-investimenti fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża; u

    It-tisħiħ tas-suq uniku għad-difiża.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi sinerġiji ċivili/militari fil-politiki tal-UE, kull fejn ikun xieraq.

    F’ħafna mill-oqsma kkonċernati, l-inizjattivi mħabbra f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jibbenefikaw mill-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (‘EDA’ - European Defence Agency), b’mod partikolari fuq Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet, 21 il-prijoritajiet R&T u l-Attivitajiet Strateġiċi Ewlenin 22 .



    2. It-tnedija ta’ Fond Ewropew għad-Difiża;

    Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President Juncker sejjaħ għall-ħolqien ta’ Fond Ewropew għad-Difiża. Dan il-Fond jikkonsisti minn żewġ strutturi ta’ finanzjament distinti (iktar ’il quddiem ‘twieqi’), li huma komplementari u għandhom jiddaħħlu gradwalment maż-żmien:

    (i)“Tieqa għar-riċerka” biex tiffinanzja proġetti ta’ riċerka kollaborattivi fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE. Dan jiġi żviluppat permezz tat-tnedija ta’ Azzjoni Preparatorja u għandu jirriżulta fi programm speċifiku tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għal wara l-2020 23 . 

    (ii) “Tieqa għall-kapaċitajiet” biex tappoġġa l-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet fil-qasam tad-difiża 24 maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri. Il-finanzjament isir permezz tal-akkomunament ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali u, fejn possibbli, jingħata appoġġ mill-baġit tal-UE.

    It-“tieqa għar-riċerka” u t-“tieqa għall-kapaċitajiet” se jkunu komplementari iżda distinti fin-natura ġuridika tagħhom u l-għejun ta’ finanzjament.

    It-“twieqi” se jiġu kkomplementati b’mekkaniżmu ta’ kkordinazzjoni fil-forma
    ta’
    Bord ta’ Koordinazzjoni, li jiġbor flimkien il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli,
    l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif ukoll l-industrija kif inhuwa xieraq.

    Il-kompitu prinċipali tal-Bord ta’ Koorindazzjoni se jkun li jiżgura l-konsistenza bejn it-“twieqi” għar-riċerka u għall-kapaċitajiet biex jiġi appoġġat aħjar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif maqbul mill-Istati Membri. Dawn il-kapaċitajiet huma identifikati skont proċessi separati, inkużi dawk tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Analiżi Annwali Koordinata dwar id-Difiża, immexxija mill-Istati Membri u li għandha tipproponiha r-Rappreżentant Għoli f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill.



    Grafika 1. Lejn Fond Ewropew għad-Difiża

    It-“tieqa għar-riċerka”: il-finanzjament għar-riċerka fit-teknoloġiji u l-prodotti marbuta mad-difiża

    Ir-riċerka fil-qasam tad-difiża għal teknoloġiji, prodotti u servizzi innovattivi hija kruċjali biex tiġi salvagwardata l-kompetittività fit-tul tas-settur tad-difiża u, fl-aħħar mill-aħħar, l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Madankollu, in-nefqa għar-Riċerka u Teknoloġija (R&T) fil-qasam tad-difiża ġarrbet tnaqqis sinifikanti fil-baġits nazzjonali 25 . Bejn l-2006 u l-2013, in-nefqa għar-R&T fil-qasam tad-difiża fis-27 Stat Membru li jipparteċipaw fl-EDA tnaqqset b’27 % 26 . Fl-2014, in-nefqa tal-UE27 għar-R&T fil-qasam tad-difiża ammontat għal madwar EUR 2 biljun. Dan ma ġiex ikkumpensat b’kooperazzjoni akbar: matul l-istess perjodu, ir-R&T fil-qasam tad-difiża kollaborattiva naqset b’aktar minn 30 %.

    Matul il-perjodu 2006-2011, l-Istati Uniti nefqu medja ta’ EUR 9 biljun fis-sena fuq ir-R&T fil-qasam tad-difiża u medja ta’ EUR 54.6 biljun fuq ir-R&Ż fil-qasam tad-difiża. L-isforz tal-Istati Uniti se jissokta u saħansitra se jiżdied bħala konsegwenza tat-tielet Strateġija Offset. Bejn l-2012 u l-2015, ir-Russja rduppjat ir-R&Ż fil-qasam tad-difiża, filwaqt li ċ-Ċina, skont id-dejta disponibbli, qed iżżid ukoll l-investiment fir-R&Ż.

    Aktar investiment fir-riċerka dwar id-difiża hija meħtieġa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE sabiex tissaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-UE fil-qasam tat-teknoloġiji, tal-prodotti u tas-servizzi tad-difiża. Il-Kummissjoni hija għalhekk lesta li timmobilizza fondi tal-UE sabiex tappoġġa r-riċerka dwar id-difiża fil-livell tal-UE. Madankollu, dawn il-fondi għandhom jikkomplementaw u jikkatalizzaw l-isforzi nazzjonali, u mhux jidduplikawhom jew jissostitwuhom. 

    Fl-2017, il-Kummissjoni beħsiebha tniedi Azzjoni Preparatorja għar-riċerka fil-qasam tad-difiża, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, b’baġit ta’ EUR 90 miljun għall-perjodu 2017-2019 27 . Dan se jkun l-ewwel pass, limitat fiż-żmien u fil-baġit, li se jservi biex jittestja l-valur miżjud tal-baġit tal-UE li jappoġġa ir-riċerka dwar id-difiża. Il-Kummissjoni se tikkunsidra ftehim ta’ delega mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar ċerti kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni preparatorja. Is-suġġetti ta’ riċerka se jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma abbażi tal-prinċipji tal-komitoloġija.

    Jekk l-Istati Membri jaqblu ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, l-Azzjoni Preparatorja se twitti t-triq biex it-tieqa għar-riċerka tieħu s-sura ta’ programm Ewropew ta’ riċerka dwar id-difiża fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għal wara l-2020. Dan il-programm għandu jkun ta’ daqs kredibbli. Minħabba l-importanza tal-investiment fir-riċerka dwar id-difiża, l-iskala tal-baġits nazzjonali eżistenti għar-riċerka dwar id-difiża u l-ispejjeż għolja biex jiġu żviluppati teknoloġiji avvanzati fil-qasam tad-difiża, tali “tieqa” jaf tirrikjedi baġit annwali bi stima ta’ EUR 500 miljun sabiex jagħmel differenza sostanzjali f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Personalitajiet fuq ir-Riċerka Ewropea dwar id-Difiża, 28 kif ukoll mar-rapport reċenti tal-Parlament Ewropew dwar l-istess materja 29 . Dan l-ammont ipoġġi lill-UE fost l-akbar 4 investituri fir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa.

    Il-programm għandu jiffoka fuq għadd limitat ta’ proġetti ewlenin ta’ riċerka marbuta mal-prijoritajiet ta’ kapaċitajiet ta’ difiża maqbula mill-Istati Membri. Dan se jiżgura allokazzjoni kosteffiċjenti ta’ riżorsi, se jiskoraġġixxi duplikazzjoni mhux meħtieġa u se jagħmel użu mill-ekonomiji ta’ skala 30 . Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE għandha timmira lejn id-difiża kritika, kif ukoll lejn teknoloġiji xprunati mill-innovazzjoni, abbażi tal-eċċellenza.

    Il-governanza tal-programm se tkun soġġetta għal regoli baġitarji tal-UE u għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża. Ser jiġu esplorati diversi għażliet għal struttura ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija dwar l-implimentazzjoni tat-“tieqa” futura, pereżempju permezz tal-possibbiltà ta’ pjattaformi teknoloġiċi. Dan id-djalogu se jibbenefika minn attivitajiet tal-EDA fl-oqsma tar-R&T u l-prijoritajiet fir-rigward tal-kapaċitajiet, kif ukoll l-Attivitajiet Strateġiċi Ewlenin. Kif issemma mill-Grupp ta’ Personalitajiet, 31 il-Kumitat tal-Programm għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, jaħdem skont il-“proċedura ta’ komitoloġija” u jivvaluta l-valur miżjud tal-UE fil-proġetti, speċjalment minħabba li l-Istati Membri huma l-utenti aħħarin fis-settur tad-difiża.

    Il-finanzjament jiġi primarjament permezz ta’ għotjiet, iżda se tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà li jintużaw akkwisti 32 prekummerċjali fil-każ speċifiku tar-riċerka dwar id-difiża. Dawn il-proġetti se jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-istituti tar-riċerka u l-kumpaniji minn diversi Stati Membri u se jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-SMEs, inklużi dawk li jaħdmu fuq l-innovazzjoni b’użu doppju. Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fil-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR), filwaqt li titqies ukoll l-esperjenza tal-Azzjoni Preparatorja.

    It-teknoloġiji tad-difiża żviluppati permezz tal-Azzjoni Preparatorja u l-Programm futur jistgħu wkoll jissodisfaw ħtiġijiet ċivili. Għandhom jiġu mħeġġa s-sinerġiji biex tingħata spinta lill-innovazzjoni għal ekonomija ċivili aktar ġenerali, bħal teknoloġiji fil-qasam taċ-ċiberdifiża filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-riċerka ċivili tista’ wkoll tintuża sabiex tappoġġa l-industrija tad-difiża. L-Orizzont 2020 33 jista’ jintuża biex tingħata spinta lir-riċerka fundamentali u lill-innovazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-effett ta’ fertilizzazzjoni trasversali. Il-Kummissjoni se tiġbor flimkien, mill-2017, l-industrija tad-difiża u l-industriji innovattivi ċivili li jibbenefikaw minn finanzjament tal-Orizzont 2020 sabiex jiġu inkoraġġiti effetti kollaterali fir-rigward ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji potenzjali u ta’ proċessi ġodda fl-industrija tad-difiża.



    It-“tieqa għall-kapaċitajiet”: il-finanzjament tal-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża

    Minbarra l-importanza tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni Ewropea fir-rigward tar-riċerka fil-qasam tad-difiża, hemm il-ħtieġa li mmorru lil hinn u niżguraw appoġġ sħiħ fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża. Minkejja l-vantaġġi ovvji, kemm dawk ekonomiċi u kemm dawk maħluqa minn ħidma għalenija, l-Istati Membri għadhom jiffaċċaw ostakli importanti li qed ixekklu l-iżvilupp ta’ programmi kollaborattivi.

    In-nuqqas ta’ koordinazzjoni u ta’ ppjanar konġunt tal-kapaċitajiet fil-livell tal-UE inaqqas l-effiċjenza fl-infiq pubbliku u fl-investimenti tal-Istati Membri, filwaqt li jwassal għal duplikazzjonijiet mhux meħtieġa. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji individwali jwassal għal dewmien konsiderevoli fit-tnedija u t-twettiq ta’ programmi kollaborattivi. Fl-aħħar nett, iż-żieda fl-ispejjeż tal-kapaċitajiet kumplessi tad-difiża jistgħu jkunu projbittivi għall-Istati Membri li jinvestu waħedhom u għaldaqstant l-akkomunament tar-riżorsi nazzjonali għall-kapaċitajiet iwassal għal tfaddil baġitarju u jimmassimizza l-valur għall-flus ta’ investimenti fid-difiża.

    It-“tieqa għall-kapaċitajiet” tal-Fond tipprova tindirizza dawn l-ostakli. B’dan jiġi żgurat l-finanzjament konġunt tal-iżvilupp ta’ prijoritajiet strateġiċi fir-rigward tal-kapaċitajiet kif ukoll l-akkwist relatat. Dawn jiġu miftiehma b’mod konġunt mill-Istati Membri u jistgħu jinkludu prijoritajiet b’użu doppju li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE 34 . Din it-“tieqa” se tiffoka fuq il-fażijiet ta’ wara r-R&T, inklużi dawk li jikkonċernaw il-prototipi kif ukoll l-iżvilupp u l-akkwist ta’ prodotti u teknoloġiji.

    Bħala l-ewwel stima, ammont ta’ referenza ta’ EUR 5 biljun fis-sena jista’ jservi bħala objettiv. Dan jikkorrispondi għal 2.5 % tat-total tal-infiq nazzjonali fuq id-difiża fi ħdan l-UE u għal 14 % tal-infiq nazzjonali fuq il-kapaċitajiet tad-difiża. B’dan jimtela l-vojt sabiex tintlaħaq il-mira miftiehma bejn l-Istati Membri tal-EDA biex jonfqu 35 % tal-infiq tat-tagħmir tagħhom fi proġetti kollaborattivi 35 . Din ir-referenza għandha tiġi rfinata aktar fuq il-bażi ta’ eżerċizzju dwar l-ambitu li għandu jitwettaq flimkien mal-Istati Membri.

    L-ispeċifiċitajiet ta’ din it-“tieqa għall-kapaċitajiet” se jkollhom bżonn jiġu żviluppati aktar b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ir-Rappreżentant Għoli, inkluż fil-kapaċità tagħha bħala Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u partijiet interessati rilevanti oħra. Dan se jsir f’konformità mat-Trattati u mal-mandati eżistenti u b’tali mod li jiġu mmassimizzati s-sinerġiji u evitati d-duplikazzjonijiet. B’mod partikolari, dan għandu jirrispetta l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli biex tesplora l-potenzjal tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti skont il-mandat mogħti mill-Kunsill. L-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-pussess tal-kapaċitajiet jibqgħu b’mod ċar f’idejn l-Istati Membri, li joperaw wkoll dawn il-kapaċitajiet. Il-kooperazzjoni hija mistennija li tiżviluppa maż-żmien.

    It-“tieqa għall-kapaċitajiet” għandha tibni fuq żewġ livelli:

    L-ewwel livell, miftuħ għall-Istati Membri kollha, jikkonsisti minn “struttura umbrella”. Din tistabbilixi l-qafas komuni għall-appoġġ lill-Istati Membri, kif ukoll tipprovdi l-back-office operattiv għall-iżvilupp ta’ proġetti speċifiċi permezz ta’ regoli komuni u għodod legali u finanzjarji applikabbli għall-operat tal-proġetti . Tista’ wkoll tgħin biex jitħaffew ir-rekwiżiti baġitarji tal-Istati Membri u biex jingħeleb in-nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni taċ-ċikli baġitarji nazzjonali.

    It-tieni livell jikkonsisti minn proġetti speċifiċi għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet konġunti abbażi tal-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri. It-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji u operazzjonali marbuta ma’ proġetti speċifiċi u l-modalitajiet ta’ finanzjament tagħhom jaqgħu f’idejn l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kull proġett, fi ħdan ir-regoli stipulati fil-livell tal-istruttura umbrella. Jista’ jkun hemm gruppi differenti ta’ Stati Membri li jipparteċipaw fi proġetti individwali differenti.

    L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet konġunti se jiġi ffinanzjat permezz tal-akkomunament ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri li jiddeċiedu li jipparteċipaw. Dan se jiżgura l-kofinanzjament kontinwu tagħhom fuq tul ta’ żmien. Kull kontribuzzjoni għandha tkun limitata għal proġetti individwali, li jiġu definiti ex ante mill-Istati Membri parteċipanti. Għalhekk, il-proġetti għandhom ikunu finanzjarjament indipendenti u limitati fiż-żmien u fid-daqs, u b’hekk tiġi eskluża kwalunkwe responsabilità reċiproka finanzjarja bejn il-proġetti.

    Jekk meħtieġ u jkun hemm qbil, “l-istruttura umbrella” u/jew il-proġetti individwali jistgħu jintużaw sabiex jinħarġu strumenti ta’ dejn marbuta mal-proġetti. Tali strumenti jistgħu jiġu appoġġati minn linji ta’ pagament tal-Istati Membri speċifikament allokati għall-proġett individwali, jew permezz ta’ garanziji addizzjonali/kapital imħallas, jew fil-livell tal-proġett individwali, jew fil-livell tal-istruttura umbrella. F’dan l-aħħar każ, l-istruttura umbrella jista’ jkollha l-bażi ta’ kapital tagħha stess 36 .

    Il-kontribuzzjonijiet kapitali nazzjonali lit-“tieqa għall-kapaċitajiet” se jiġu ttrattati bħala “miżuri ta’ darba” skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jfisser li dawn se jitnaqqsu mill-isforz fiskali strutturali mistenni li jitwettaq mill-Istati Membri. L-istess trattament se japplika fir-rigward ta’ garanziji sa fejn dawn ikollhom impatt fuq id-defiċit u/jew id-dejn 37 .

    Il-Kummissjoni hija lesta li tesplora l-għażliet kollha ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE fir-rigward tat-“tieqa għall-kapaċitajiet”, skont it-Trattati. Tali kontribuzzjoni tista’ b’mod partikolari tingħata għall-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-proġetti, inklużi l-prototipi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll il-possibbiltà li tappoġġa studji tal-fattibbiltà u faċilitajiet tal-ittestjar. Il-baġit tal-UE jista’ jappoġġa wkoll prodotti u teknoloġiji b’użu doppju. Fl-aħħar nett, in-nefqa amministrattiva ta’ din it-“tieqa” tista’ tiġi ddebitata lill-baġit tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa din it-“tieqa” bl-għarfien espert finanzjarju u tekniku tagħha 38 . L-esperjenza tal-Istati Membri u l-ħidma li għaddejja fil-kuntest tal-EDA għall-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Kooperattiv ta’ Faċilità għandhom jitqiesu wkoll.

    B’segwitu għad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, u fid-dawl ta’ aktar diskussjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-UE, għandu jiġi stabbilit il-Fond Ewropew għad-Difiża. Il-Kummissjoni tipproponi l-pjan li ġej.

    Fir-rigward tat-“tieqa għar-riċerka”:

    Hekk kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar il-baġit tal-UE għall-2017, il-Kummissjoni se tniedi Azzjoni Preparatorja fl-2017 b’baġit propost ta’ EUR 25 miljun fl-ewwel sena u baġit ġenerali li mistenni jilħaq EUR 90 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin.

    Fil-qafas finanzjarju pluriennali għal wara l-2020, jekk l-Istati Membri jaqblu ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi programm speċifiku ta’ riċerka dwar id-difiża b’ammont stmat li jilħaq EUR 500 miljun fis-sena.

    Fir-rigward tat-“tieqa għall-kapaċitajiet”:

    Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, ukoll fil-kapaċità tagħha bħala kap tal-EDA, biex tkompli tiżviluppa l-modalitajiet u l-governanza tat-tieqa għall-kapaċitajiet sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp konġunt, mill-Istati Membri, ta’ proġetti speċifiċi tal-kapaċitajiet.

    Bħala idea tal-kobor tagħha, din it-tieqa għandha tkun tista’ timmobilizza madwar EUR 5 biljun fis-sena. L-ewwel passi għandhom jittieħdu fl-2017. Fl-2017, u mingħajr dewmien, il-Kummissjoni se tniedi studju esplorattiv biex tirfina din l-istima. Abbażi ta’ diskussjonijiet ulterjuri mal-istituzzjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni tinsab lesta li tiffaċilita l-iżvilupp tat-“tieqa għall-kapaċitajiet”. Il-Kummissjoni se tesplora l-għażliet kollha ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE għall-“tieqa għall-kapaċitajiet”, skont it-Trattati. Hija tinsab lesta li tappoġġaha bl-għarfien espert finanzjarju u tekniku tagħha.

    3. It-trawwim tal-investimenti fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża

    Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jkun pass kruċjali biex tiġi appoġġata l-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża. Madankollu huma meħtieġa azzjonijiet addizzjonali sabiex il-bażi industrijali tad-difiża tkun tista’ tibqa’ innovattiva u kompetittiva u, fl-aħħar mill-aħħar, biex tkun tista’ twieġeb għall-ħtiġijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kapaċitajiet tal-Ewropa. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u tal-fornituri mhux tradizzjonali u lit-trawwim tal-investimenti fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża.

    L-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u l-investimenti fis-settur tad-difiża

    L-SMEs u l-kumpaniji intermedjarji huma, f’ħafna Stati Membri, is-sinsla tas-settur tad-difiża tagħhom u element ċentrali tal-bażi industrijali tad-difiża Ewropea u tal-katina tal-valur. L-SMEs Ewropej jew is-sussidjarji tal-produtturi ewlenin fil-qasam tad-difiża (kuntratturi prinċipali u sottokuntratturi) spiss joffru prodotti jew servizzi b’użu doppju f’firxa wiesgħa ta’ industriji 39 . Fl-istess ħin, huma jikkostitwixxu l-parti l-aktar vulnerabbli fil-katina tal-provvista tad-difiża f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għal kapital ġdid meħtieġ għal investimenti ġodda. L-innovazzjoni, u l-bidliet teknoloġiċi l-aktar rivoluzzjonarji, iseħħu ’l barra minn gruppi kbar, f’ekosistema ta’ negozji ġodda 40 u SMEs. Dawn ma jibbenefikawx minn finanzjament meħtieġ biex jikbru aktar, u fl-aħħar mill-aħħar dan jostakolahom milli jintegraw b’suċċess fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża. L-istituzzjonijiet finanzjarji spiss jagħżlu li ma jappoġġawx kumpaniji fis-settur tad-difiża minħabba r-riskji involuti.

    Fil-limitazzjonijiet tat-Trattati u bi ftehim mal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Grupp tal-BEI jista’ jipprovdi self, garanziji u prodotti ta’ ekwità għall-espansjoni tal-attivitajiet attwali b’użu doppju, u dan joħloq opportunitajiet ġodda għal ċerti partijiet fil-katina tal-provvista tad-difiża, b’mod partikolari għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Dan jista’ jkollu wkoll effetti kollaterali pożittivi fuq l-intermedjarji finanzjarji nazzjonali u fuq il-banek nazzjonali għall-iżvilupp. Għadd ta’ strumenti finanzjarji tal-UE li huma bbażati fuq self mill-BEI, pereżempju l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi 41 (FEIS) u l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (‘COSME’ - Programme for the Competitiveness of Enterprises and small and medium-sized enterprises) jistgħu jgħinu fl-attivitajiet b’użu doppju marbuta mad-difiża. Il-FEIS jista’ jiggarantixxi operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI jew tal-FEI li jappoġġaw l-objettivi elenkati fir-Regolament tal-FEIS, inkluż għal proġetti marbuta mas-settur tad-difiża.

    L-adattament ulterjuri tal-kriterji ta’ self 42 fil-Grupp tal-BEI għas-settur tad-difiża, fil-limiti tat-Trattati 43 u skont id-deċiżjonijiet meħtieġa mill-korpi relevanti tal-BEI, għandu jkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri, li l-industrija tad-difiża tagħhom hija magħmula prinċipalment minn SMEs.

    Il-Kummissjoni se tappoġġa, fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BEI, l-adattament tal-kriterji ta’ self tal-BEI fis-settur tad-difiża fil-limiti tat-Trattati. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw dan il-proċess.

    It-tisħiħ tal-appoġġ tal-fondi tal-UE għall-investiment fid-difiża

    Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fis-settur tad-difiża sakemm dawn jikkontribwixxu għall-objettivi tal-fond inkwistjoni jiġifieri li: (i) jikkofinanzjaw proġetti ta’ investimenti produttivi, u (ii) jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża. L-industriji tad-difiża jistgħu jikkontribwixxu għall-miri u l-objettivi stabbiliti fil-FSIE, bħal ngħidu aħna l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali, li jirrappreżentaw effett muliplikatur qawwi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, tal-impjiegi, dak teknoloġiku u dak ekonomiku.

    L-investimenti fil-qasam tad-difiża li jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali fit-tifsira tal-Artikolu 174 TFUE, jistgħu jirċievu għajnuna reġjonali. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ difiża u attivitajiet b’użu doppju fir-riċerka u fl-innovazzjoni, bħala parti minn strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali jew reġjonali. Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet amministrattivi lokali u reġjonali, li jispeċifikaw is-sejħiet għall-investiment u l-proċeduri tal-għażla għall-proġetti ta’ investiment, biex jappoġġaw lill-SMEs u lill-kumpaniji intermedjarji attivi wkoll fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża.

    Il-Kummissjoni se tippromwovi l-kofinanzjament permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ta’ proġetti ta’ investimenti produttivi u l-modernizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tad-difiża fis-settur tad-difiża, dment li l-investiment isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-Kummissjoni għandha, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tippromwovi dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament.

    L-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ raggruppamenti reġjonali ta’ eċċellenza

    Ir-raggruppamenti reġjonali li jispeċjalizzaw f’niċeċ industrijali (magħrufa wkoll bħala “raggruppamenti ta’ eċċellenza”) jippermettu li l-intrapriżi l-kbar, l-SMEs u ċ-ċentri ta’ riċerka jaħdmu qrib xulxin fi prossimità ġeografika sabiex tiżdied il-kollaborazzjoni fil-qasam tar-R&Ż u jispeċjalizzaw f’qasam teknoloġiku speċifiku (pereżempju magni tal-inġenji tal-ajru). Filwaqt li d-deċiżjoni biex tingħata prijorità lir-raggruppamenti reġjonali taqa’ f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-finanzjament tal-UE (inkluż permezz tal-BEI) jista’ jwassal għat-twettiq effettiv ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija u għall-iżvilupp ta’ sħubiji industrijali u xjentifiċi bejn l-intrapriżi u ċ-ċentri ta’ riċerka 44 .

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet in-Netwerk Ewropew ta’ Reġjuni relatati mad-Difiża 45 biex jiġu appoġġati r-reġjuni tal-UE b’assi industrijali u ta’ riċerka importanti u rilevanti u biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni ta’ prijoritajiet relatati mad-difiża fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu raggruppamenti reġjonali ta’ eċċellenza, li minnhom igawdi s-settur tad-difiża.

    L-appoġġ għall-ħiliet fil-qasam tad-difiża

    L-industrija Ewropea tad-difiża għandha żżomm il-ħiliet ewlenin u takkwista ħiliet ġodda sabiex tkun tista’ tforni prodotti u servizzi ta’ teknoloġija avvanzata fil-qasam tad-difiża, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà u tikkompeti, fuq terminu twil, f’suq globali. Madankollu, il-kumpaniji qed isibu problema bin-nuqqas ta’ ħiliet, problema li qiegħda dejjem tikber.

    Id-difiża se tkun settur ta’ prijorità skont il-qafas tal-Pjan tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 46 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll it-twaqqif ta’ Alleanza Ewropea tal-Ħiliet fil-Qasam tad-Difiża mmexxija mill-industrija biex ikun hemm strateġija għall-ħiliet settorjali. L-Alleanza se tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet skalabbli u sostenibbli għal ħtiġijiet ġodda fir-rigward tal-impjiegi u tal-ħiliet. Dan se jsir billi jintużaw l-istrumenti COSME 47 u Erasmus+ 48 sabiex jitmexxew il-proġetti pilota. Il-Kummissjoni se tikkunsidra aktar miżuri biex titjieb il-bażi tal-għarfien u tal-innovazzjoni dwar l-użu doppju.

    Skont il-‘Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet’ il-Kummissjoni se tappoġġa, mill-2017, il-kooperazzjoni strateġika bejn il-partijiet interessati ewlenin fis-Settur tad-Difiża.

    4. It-tisħiħ tas-suq uniku għad-difiża

    Il-ftuħ ta’ appoġġ finanzjarju għall-investimenti fis-settur tad-difiża ma jistax jikseb riżultati sostenibbli mingħajr industrija tad-difiża effiċjenti li topera f’Suq Uniku ġenwin u li jsaħħaħ l-innovazzjoni. Aktar opportunitajiet ta’ finanzjament mhux se jiksbu riżultati tanġibbli jekk jintużaw b’mod ineffettiv.

    Aktar kompetizzjoni, u aktar ftuħ tas-suq tad-difiża fl-Ewropa, għandhom jgħinu lill-fornituri biex jiksbu ekonomiji ta’ skala, jottimizzaw il-kapaċità tal-produzzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull unità, u b’hekk jagħmlu l-prodotti Ewropej aktar kompetittivi fis-suq dinji. Il-kompetizzjoni għandha ssir kemm fil-livell tal-kuntratturi prinċipali kif ukoll fil-livell tal-fornituri.

    Lejn suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża kompetittiv u miftuħ

    Iż-żewġ Direttivi dwar l-akkwist u dwar trasferimenti fl-UE ġew adottati bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq tad-difiża u tiżdied il-kompetizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża. Jekk jiġu applikati b’mod sħiħ, jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jintlaħaq l-għan ta’ Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża kompetittiv, miftuħ u integrat. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward.

    L-evalwazzjonijiet taż-żewġ Direttivi juru li huma ġeneralment adatti għall-iskopijiet previsti u li l-ebda emenda leġiżlattiva mhi meħtieġa f’dan l-istadju. Madankollu, huma jidentifikaw ukoll għadd ta’ nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

    B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża 49 tindika li, minkejja li kien hemm żieda ta’ aktar mid-doppju fil-valur tal-kuntratti pubbliki fl-UE kollha, sehem sinifikanti sew tal-akkwist fil-qasam tad-difiża għadu jsir barra r-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE 50 . Dan ifisser li fid-Direttiva għad hemm potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat u li bis-saħħa tiegħu jista' jkun hemm aktar iffrankar pubbliku u aktar opportunitajiet ta’ impjiegi u ta’ tkabbir. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi għadhom jużaw, sa ċertu punt, rekwiżiti ta’ kumpens/rendiment industrijali li jistgħu jwasslu għal inċertezzi fl-industrija. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tas-sottokuntrattar tad-Direttiva, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-akkwist jitolbu lill-offerent rebbieħ biex jissottokuntratta sehem tal-kuntratt lil partijiet terzi permezz ta’ sejħiet għal offerti kompetittivi, jintużaw rarament.

    Il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, inkluż permezz tal-infurzar. Hija se tiċċara l-interpretazzjoni tal-esklużjonijiet tad-Direttiva sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet tal-akkwist fl-applikazzjoni tar-regoli: l-adozzjoni tal-avviż dwar kuntratti bejn il-gvernijiet hija l-ewwel pass f’din id-direzzjoni. Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll il-gwida dwar id-dispożizzjonijiet tas-sottokuntrattar sabiex tiżdied il-flessibbiltà għall-awtoritajiet tal-akkwist. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-flessibilità ta’ din id-Direttiva għall-akkwist kooperattiv.

    Id-Direttiva dwar it-trasferimenti fl-UE tintroduċi sistema simplifikata ta’ liċenzjar għal trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża, inkluż permezz ta’ Liċenzji Ġenerali ta’ Trasferiment (‘GTLs’ - General Transfer Licences). L-evalwazzjoni tagħha 51 turi li, minkejja l-kontribut pożittiv tagħha biex tiżdied it-trasparenza u biex jiġu ffrankati l-ispejjeż għall-kumpaniji, għad hemm sistemi ta’ liċenzjar differenti madwar l-Ewropa, b’varjazzjonijiet kbar fil-kontenut tal-GTLs u differenzi fir-rekwiżiti nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji u użu differenti tal-eċċezzjonijiet. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ma implimentawx l-eċċezzjoni rigward l-awtorizzazzjoni minn qabel u t-trasferimenti għall-programmi kollaborattivi. Il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, inkluż permezz tal-infurzar. Flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, iż-żewġ rakkomandazzjonijiet huma adottati biex jinkoraġġixxu t-tħaddim armonizzat tal-GTLs għall-forzi armati u għall-impriżi ċċertifikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tesplora aktar l-armonizzazzjoni taż-żewġ GTLs li jifdal, tissimplifika ċ-ċertifikazzjoni fejn possibbli, u tippromwovi l-użu tagħha fl-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva taż-żewġ Direttivi, inkluż permezz tal-infurzar. Se tibda bl-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u se tiċċara l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża permezz tal-adozzjoni ta’ avviżi ta’ gwida fl-2017-18 u tadotta rakkomandazzjonijiet għal funzjonament armonizzat ta’ Liċenzji Ġenerali ta’ Trasferiment fl-ewwel kwart tal-2018.

    It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista

    Is-sigurtà tal-provvista hija wkoll element fundamentali għall-ħolqien ta’ suq uniku ġenwin għad-difiża u hija essenzjali għall-programmi futuri ta’ kooperazzjoni. L-Istati Membri jeħtieġ ikollhom l-assigurazzjoni li l-kunsinni transfruntieri ma jiġux interrotti. It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE jimplika t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

    Ċerti miżuri, bħall-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża. Għalhekk, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu skont il-liġi tal-UE fir-rigward tal-akkwist pubbliku sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista.

    Il-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattiva tal-Istati Membri, permezz tal-EDA, għal impenn politiku biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża u biex tingġata assistenza reċiproka fi żminijiet ta’ kriżi. Il-Kummissjoni tieħu nota tan-nuqqas ta’ rieda tal-Istati Membri biex f’dan l-istadju jmorru lil hinn minn tali impenn politiku u jaqblu dwar sistema għas-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE.

    Il-Kummissjoni se tidentifika, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Materja Prima 52 , l-ostakli u r-riskji tal-provvista marbuta mal-materjali li huma meħtieġa għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ewlenin filwaqt li tibni fuq is-sejbiet ta’ studju reċenti 53 54 . Il-programmi futuri ta’ riċerka tal-UE jistgħu jintużaw ukoll biex itaffu r-riskji tal-provvista, inkluża s-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika, filwaqt dan isir abbażi tal-ħidma fil-qasam tat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETs).

    Fl-aħħar nett, il-prinċipji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Ekonomija Ċirkolari 55 , jiġifieri soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda u mudelli ġodda ta’ negozju bi produzzjoni, konsum u mmaniġġar aktar sostenibbli tal-iskart, għandhom jiġu applikati wkoll fis-settur tad-difiża fejn l-effiċjenza tar-riżorsi u s-sigurtà tal-provvisti qed isiru dejjem aktar importanti. Barra minn hekk, potenzjalment jistgħu jiġu ffrankati ħafna flus permezz ta’ użu akbar ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ enerġija rinnovabbli fil-forzi armati tal-UE, li huma konsumaturi kbar tal-enerġija.

    It-titjib tal-aċċess tal-SMEs fis-settur tad-difiża għas-swieq transfruntieri

    It-trawwim tal-aċċess għas-swieq transfruntieri u l-ftuħ tal-ktajjen tal-provvista huma kruċjali għal Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża effiċjenti u effettiv, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett lejn l-libertà kummerċjali tal-kuntrattur. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ sottofornituri, li ta’ sikwit huma SMEs, jeħtieġ li tiġi żgurata opportunità ġusta biex ikollhom aċċess għal ktajjen tal-provvista tad-difiża, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fis-Suq Uniku.

    M’hemm l-ebda “soluzzjoni mirakoluża” għal din il-kwistjoni kumplessa, iżda jinħtieġ progress gradwali. Abbażi tar-rapport tal-grupp ta’ esperti ad hoc mal-Istati Membri u mal-industrija 56 , il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-akkwist sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transfruntiera u tal-SMEs fil-proċeduri tal-akkwist fil-qasam tad-difiża 57 u lill-kuntratturi prinċipali sabiex jagħtu l-opportunità anki lil sottofornituri u lill-SMEs mill-Istati Membri kollha biex jaċċessaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom 58 . Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu kkomplementati minn strumenti volontarji, iffirmati mill-partijiet rilevanti, inklużi kuntratturi prinċipali u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju.

    Il-Kummissjoni se tadotta rakkomandazzjonijiet, sa tmiem l-2017, li jinkoraġġixu lill-awtoritajiet tal-akkwist jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transfruntiera u dik tal-SMEs fil-proċeduri tal-akkwist fil-qasam tad-difiża, u li jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-ktajjen tal-provvista tad-difiża.

    Standardizzazzjoni u valutazzjoni tal-konformità

    Iċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni huma abilitaturi kruċjali għall-kooperazzjoni minħabba li jsaħħu l-interoperabbiltà u jwasslu għal iffrankar tal-ispejjeż. L-EDA diġà tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ komuni għaċ-ċertifikazzjoni tal-ajrunavigabbiltà permezz tal-inizjattiva rigward ir-Rekwiżiti Ewropej dwar l-Ajrunavigabbilità Militari (EMARs).

    Il-Kummissjoni żviluppat il-kunċett ta’ “standards ibridi” għal prodotti b’użu doppju 59 biex jappoġġaw r-riċerka relatata mas-sigurtà. Fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà 60 , il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-industrija, qed tiżviluppa qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni 61 u tesplora qafas ta’ tikkettar volontarju għas-sigurtà tal-prodotti tal-ICT. Fid-dawl tas-sinerġiji bejn is-setturi ċivili u militari, is-settur tad-difiża jista’ jibbenefika minn dawn l-iżviluppi. 

    Intlaħaq qbil bejn il-Kummissjoni, l-EDA u l-Istati Membri dwar mekkaniżmu ġdid li jimmonitorja u jniedi l-iżvilupp ta’ standards ta’ difiża kif ukoll ibridi 62 . Qed tiġi esplorata l-opzjoni ta’ żvilupp possibbli ta’ ta’ standards Ewropej tul il-proċessi stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni 63

    Il-Kummissjoni, fil-parametri tal-kompetenzi tagħha, se tikkunsidra tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards li l-Istati Membri identifikaw bħala meħtieġa għal proġetti ta’ kooperazzjoni f’oqsma ta’ prijorità.

    5. Massimizzar tas-sinerġiji ċivili/militari fil-politiki kollha tal-UE

    Hemm ukoll il-ħtieġa li tiżdied il-koerenza u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet tad-difiża u l-politiki u s-setturi rilevanti l-oħra tal-Unjoni, biex b’hekk jiġi sfruttat bis-sħiħ il-valur miżjud tal-UE.

    Skont l-Istrateġija Spazjali Ewropea, l-investiment fil-kapaċitajiet spazjali se jippermetti l-aċċess tal-Ewropa għall-ispazju u għall-użu sikur 64 , u dan jiżgura l-libertà ta’ azzjoni tagħha u l-awtonomija tagħha. Il-Kummissjoni hija impenjata li tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali kritika ċivili u militari Ewropea, u hekk issaħħaħ il-qafas eżistenti tal-UE għall-appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) 65 .

    Kif issottolinjat mill-Istrateġija Spazjali, is-servizzi spazjali jistgħu jsaħħu wkoll il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li qed jikbru fil-qasam tas-sigurtà. Il-Kummissjoni se tara li timmassimizza s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma’ attivitajiet rilevanti taċ-Ċentru Satellitari tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża spazjali.

    Fil-kuntest attwali ta’ ambjent ta’ theddid dejjem jevolvi, l-asimmetrija bejn il-ħtiġijiet tal-utenti tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (‘SATCOM’ - Satellite Communications), u s-soluzzjonijiet f’waqthom u xierqa, qed toħloq dejjem aktar riskji għall-operazzjonijiet u għall-infrastrutturi tal-missjonijiet ewlenin fil-qasam tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, l-EDA u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, qed tħejji inizjattiva, għal tmiem l-2017, biex jiġu żgurati servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita affidabbli, sikuri u kosteffikaċi għall-UE u għall-awtoritajiet nazzjonali li jamministraw il-missjonijiet u l-infrastrutturi kritiċi fil-qasam tas-sigurtà.

    Sabiex ittejjeb l-abbiltà tal-UE li tirrispondi għall-isfidi li dejjem qed jevolvu fil-qasam tas-sigurtà u li huma relatati mal-kontrolli tal-fruntieri u mas-sorveljanza marittima, il-Kummissjoni se tespandi l-kapaċitajiet ta’ Copernicus 66 filwaqt li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda f’dan is-settur, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell adegwat ta’ sigurtà tal-infrastruttura u tas-servizzi, id-disponibbiltà ta’ sorsi differenti ta’ dejta u l-kapaċità fit-tul tas-settur privat li jipprovdi soluzzjonijiet xierqa.

    Il-Kummissjoni għandha tesplora kif Copernicus jista’ jkopri wkoll ħtiġijiet ta’ sigurtà, inkluża d-difiża. Hija għandha ssaħħaħ ir-rekwiżiti tas-sigurtà u se ssaħħaħ is-sinerġiji mal-kapaċitajiet ta’ osservazzjoni mhux spazjali fl-2018.

    Meta wieħed iqis l-importanza, dejjem tevolvi, tal-qasam ċibernetiku u tan-natura ta’ użu doppju tiegħu, għandhom jiġu mfittxija sinerġiji bejn l-isforzi fil-qasam taċ-ċiberdifiża u l-politiki aktar ġenerali tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà. Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Strateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea 67 tistipula miżuri li jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika tas-sistemi tal-informatika, inaqqsu ċ-ċiberkriminalità u jsaħħu l-politika internazzjonali tal-UE fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża. It-taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà għandu jissaħħaħ, b’kont meħud tal-ħidma tal-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità u ta’ attivitajiet oħra simili.

    Il-Kummissjoni għandha taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ir-Rappreżentant Għoli u korpi rilevanti oħrajn tal-UE biex tiġi stabbilita, sal-2018, pjattaforma ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà sabiex tiġi indirizzata l-lakuna attwali tal-ħiliet fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża.

    Fil-qasam tal-avjazzjoni, għalkemm l-Ajru Uniku Ewropew 68 (‘SES’ - Single European Sky) u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew 69 (‘SESAR’ - Single European Sky Air Traffic Management Research) huma ffukati fuq l-objettivi tal-avjazzjoni ċivili, l-avjazzjoni militari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq is-settur tad-difiża. B’mod partikolari, l-użu tal-RPAS (drones) għal skopijiet ta’ sigurtà jeħtieġ l-integrazzjoni effettiva tagħhom fis-sistema tal-avjazzjoni abbażi ta’, fost affarijiet oħra, sforz ċivili-militari kkoordinat, inklużi programmi ta’ R&Ż. F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ċivili/militari bejn l-EDA, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Impriża Konġunta SESAR għandu jgħin biex jiġu sfruttati r-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka militari fil-kuntest tal-programm SESAR 2020 u r-regoli u l-istandards ta’ sigurtà assoċjati.

    F’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea 70 , is-soluzzjonijiet ta’ kapaċitajiet b’użu doppju jistgħu jiżguraw li kemm l-awtoritajiet militari kif ukoll dawk ċivili jibbenefikaw minn teknoloġiji, prodotti u servizzi rilevanti. Dawn is-soluzzjonijiet żviluppati mill-industrija tad-difiża jistgħu jkunu effettivi fl-indirizzar tal-oqsma relatati mas-sigurtà, bħas-sorveljanza marittima, il-ġestjoni tar-riskju u l-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi.

    Sal-2018, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, mal-EDA u mal- l-Istati Membri, se tiżviluppa kemm azzjonijiet speċifiċi sabiex tappoġġa aġenda ċivili u militari koordinata għar-riċerka dwar is-sigurtà marittima kif ukoll kapaċitajiet interoperabbli ta’ sorvoljenza marittima .



    6. Konklużjonijiet

    Il-President Juncker appella biex l-Ewropa ssaħħaħ il-politika tagħha dwar id-difiża. L-Ewropa għandha tieħu r-responsabbiltà biex tipproteġi l-interessi tagħha, il-valuri tagħha kif ukoll l-istil ta’ ħajja Ewropew. Qed taffaċċa sfidi ta’ sigurtà kumplessi u l-ebda Stat Membru ma jista’ jaffronta dawn l-isfidi waħdu.

    F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tista’ tikkomplementa l-isforzi nazzjonali u ssir hija stess fornitur importanti tas-sigurtà. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża tar-Rappreżentant Għoli 71 u l-Konklużjonijiet relatati adottati mill-Kunsill, kif ukoll dan il-Pjan ta’ Azzjoni, jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ewlenin meħtieġa għas-sigurtà tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. L-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO se tikkontribwixxi aktar biex tiġi żgurata l-komplementarjetà man-NATO.

    Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mar-Rappreżentant Għoli, inkluż fil-kapaċità tagħha ta’ Kap tal-EDA, tistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija għall-Implimentazzjoni, li jiltaqa’ fuq bażi regolari biex jissorvelja u jiffaċilita il-progress fl-Azzjonijiet. L-ewwel laqgħa se ssir fl-ewwel kwart tal-2017. Se tistabbilixxi wkoll forum ta’ konsultazzjoni mal-industrija Ewropea tad-difiża biex jiġu allinjati aħjar in-naħat tal-provvista u tad-domanda.

    Il-Kummissjoni hija lesta li timpenja ruħha f’livell bla preċedent fil-qasam tad-difiża sabiex tappoġġa lill-Istati Membri. Se tkun qed tuża bl-aħjar mod l-istrumenti tal-UE, inkluż il-finanzjament tal-UE, u l-potenzjal sħiħ tat-Trattati, bl-għan li tinbena Unjoni tad-Difiża.

    Madankollu, l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni hija biss l-ewwel pass.
    Sabiex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża se jkun meħtieġ appoġġ qawwi mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni se tniedi l-implimentazzjoni tal-għadd ambizzjuż ta’ azzjonijiet stipulati f’dan id-dokument. Abbażi ta’ aktar diskussjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, il-Kummissjoni tinsab lesta wkoll biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża.

    Imsejjes fuq impenn qawwi u kondiviż bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża jista’ jsir element ta’ bidla radikali għal aktar kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża kif ukoll għal solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri.

    (1) L-Istat tal-Unjoni 2016: "Lejn Ewropa Aħjar - Ewropa li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi", 14 ta’ Settembru 2016.
    (2) Fl-14 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonkluda li għandu jiġi esplorat il-potenzjal ta’ Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) inklussiva. Il-President Juncker appella għal inizjattiva bħal din fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu f’Lulju 2014. Huwa stqarr: “iżda saħansitra l-aktar setgħat ta’ persważjoni b'saħħithom fl-aħħar mill-aħħar ma jistgħux jgħaddu mingħajr xi kapaċitajiet integrati ta’ difiża. It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi għall-possibilità li dawk l-Istati Membri li jixtiequ jistgħu jgħaqqdu flimkien il-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom fil-forma ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti.”
    (3) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/09/16-bratislava-declaration-and-roadmap Il-programm ta’ ħidma propost mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-Presidenza tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni waqt il-laqgħa tas-27 Kap ta’ Stat jew Gvern fis-16 ta’ Settembru 2016,  
    (4)

     Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar “l-Unjoni Ewropea tad-Difiża” (2016/2052(INI)) adottat
    fit-22 ta’ Novembru 2016.

    (5) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin, 14.11.2016.
    (6) https://europa.eu/globalstrategy/en/global-strategy-foreign-and-security-policy-european-union Ara:  
    (7) Huwa stmat li kull ewro investit fid-difiża jiġġenera redditu ta’ 1.6, b’mod partikolari permezz ta’ impjiegi speċjalizzati, ir-riċerka u t-teknoloġija, u l-esportazzjonijiet (Ara Europe Economics, “The Economic Case for Investing in Europe’s Defence Industry”, 2013).
    (8) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin, 17.10.2016.
    (9) Iffirmata f’Varsavja f’Lulju 2016.
    (10) Dan isegwi mill-prijoritajiet fil-qasam tal-kapaċitajiet tad-difiża li ntlaqgħu mill-Kunsill Ewropew fl-2013 u minn dawk imħabbra fil-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet tal-2014 u mill-Istrateġija Globali tal-UE; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin, 14.11.2016.
    (11) Dejta tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija Aerospazjali u tad-Difiża (ASD)
    (12) L-Istati Membri parteċipanti tal-EDA
    (13) EDA, dejta dwar id-difiża 2014 u 2015 - 7.6.2016. Iċ-ċifri l-oħra f’dan il-paragrafu ttieħdu minn dan is-sors.
    (14) Il-Bażi tad-Dejta SIPRI dwar in-Nefqa Militari 2014, Il-Bażi tad-Dejta Militari 2015, L-Istitut Internazzjonali għall-Istudji dwar is-Sigurtà.
    (15) Rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet fuq ir-Riċerka Ewropea dwar id-Difiża (GoP), L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà, Frar 2016.
    (16) Pereżempju, hemm 154 tip ta’ sistemi tal-armi fl-UE meta mqabbel ma’ 27 fl-Istati Uniti (Dejta dwar id-Difiża UE-Stati Uniti 2011, Aġenzija Ewropea għad-Difiża)
    (17) Għall-Istati Membri tal-EDA. Ara d-dejta tal-EDA dwar id-difiża tal-2014 u tal-2015 - 7.6.2016.
    (18)  Fl-istudju tagħha dwar “Il-Kost tan-Non-Ewropa fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni” (“The Cost of Non-Europe in Common Security and Defence Policy”) tal-2013, il-Parlament Ewropew iqis li l-firxa tal-kost tan-non-Ewropa fid-difiża hija maħsuba li tvarja minn EUR 130 biljun, fl-ogħla livell, għal mill-inqas EUR 26 biljun, abbażi ta’ kalkolu aktar konservattiv. Huwa importanti li jiġi nnutat li ċ-ċifra ta’ EUR 26 biljun fis-sena tikkorrispondi għall-baġit ta’ difiża kombinat ta’ 15-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja).
    (19) Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1; Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
    (20)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti”, COM(2013) 542 final.

    (21) https://www.eda.europa.eu/what-we-do/eda-priorities/capability-development-plan Ara s-sit web tal-EDA:
    (22) jiġifieri t-teknoloġiji, il-ħiliet, il-kapaċitajiet fil-qasam tal-manifattura industrijali.
    (23) Ir-relazzjoni mal-programm qafas pluriennali għar-riċerka previst fl-Artikolu 182 TFUE se tiġi ddeterminata bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid.
    (24) Għall-fini ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-kapaċitajiet tad-difiża jirreferu għall-assi militari, inkluż il-materjal, it-tagħmir u t-teknoloġiji meħtieġa li jkopru l-oqsma rilevanti kollha. Ma jinkludux operazzjonijiet ta’ difiża jew elementi oħra meħtieġa biex jiġu amministrati l-kapaċitajiet tad-difiża bħal ngħidu aħna t-taħriġ, il-persunal u l-loġistika.
    (25) https://www.eda.europa.eu/info-hub/defence-data-portal/definitions In-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp għad-Difiża (R&Ż) tkopri kull proġett ta’ R&Ż sal-punt fejn tibda tiġġarrab in-nefqa għall-produzzjoni tat-tagħmir. R&Ż tinkludi R&T. Ara d-definizzjoni hawnhekk:
    (26) Studju tal-Parlament Ewropew, “The Future of EU defence research”, 2016. Iċ-ċifri l-oħra f’dan il-paragrafu ttieħdu minn dan is-sors.
    (27)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19/20 ta’ Diċembru 2013, EUCO 217/13.

    (28) http://www.iss.europa.eu/publications/detail/article/report-of-the-group-of-personalities-on-the-preparatory-action-for-csdp-related-research Ara:
    (29)

     Ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar “L-Unjoni Ewropea tad-Difiża (2016/2052(INI))” adottat fit-22 ta’ Novembru 2016 li jinnota li “l-Programm ta’ Riċerka Ewropea tad-Difiża se jeħtieġ baġit totali ta’ mill-inqas EUR 500 miljun fis-sena f’dan il-perjodu, sabiex ikun kredibbli u biex jagħmel differenza sostanzjali”.

    (30) Pereżempju, ir-riċerka ffinanzjata mill-UE tista’ tappoġġa teknoloġiji għall-iżvilupp fl-Ewropa ta’ Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (bħal ngħidu aħna drones), kif ukoll teknoloġiji biex jappoġġaw il-monitoraġġ u s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE, inkluż biex itejbu l-protezzjoni tal-fruntieri u s-sigurtà marittima (inklużi assi ta’ appoġġ marittimi u tal-ajru meħtieġa ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ sigurtà marittima u tal-ajru meħtieġa).
    (31) http://www.iss.europa.eu/publications/detail/article/report-of-the-group-of-personalities-on-the-preparatory-action-for-csdp-related-research/   
    (32)

     L-akkwist prekummerċjali (‘PCP’ - pre-commercial procurement) huwa approċċ għall-akkwist ta’ servizzi R&Ż, li jippermetti lill-akkwirenti pubbliċi jikkondividu r-riskji u l-benefiċċji tal-iddisinnjar, il-prototipar u l-ittestjar ta’ kwantità limitata ta’ prodotti u servizzi ġodda mal-fornituri.

    (33)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 104.

    (34) Pereżempju, drones li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza tal-fruntieri.
    (35) Matul il-perjodu 2010-2014, l-Istati Membri tal-EDA nefqu, bħala medja, 19.6 % tal-infiq totali tat-tagħmir tagħhom fi proġetti ta’ kollaborattivi ta’ tagħmir, l-ekwivalenti ta’ EUR 7.56 biljun fis-sena. Dan l-ammont huwa inferjuri b’EUR 5.84 biljun kull sena mill-mira miftiehma.
    (36) L-għan ta’ struttura ta’ kapital permanenti jista’ jkun doppju: it-titjib tal-affidabbiltà tal-kreditu tat-tieqa u l-iffaċilitar tal-funġibilità tal-ħruġ ta’ dejn individwali.
    (37) Kif ikkjarifikat ngħidu aħna fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2015)12 tat-13 ta’ Jannar 2015 dwar “L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir”.
    (38) Skont il-ġurisprudenza Pringle (Kawża QtĠ-UE C-370/12 Pringle) tas-27 ta’ Novembru 2012).
    (39) Pereżempju, is-setturi tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni u tal-ICT, tal-karozzi, tal-materjali, tal-kimika, tal-ajrunawtika u tal-ispazju.
    (40) It-teknoloġiji innovattivi ċivili jista’ jkollhom impatt dirett fuq is-settur militari (pereżempju l-analitika tal-Big Data).
    (41)

    Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, ĠU L 169 tal-1.7.2015, p. 1.

    (42) http://www.eib.org/about/documents/excluded-activities-2013.htm   
    (43) Ara l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment.
    (44) Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-oqsma prijoritarji, bħas-sigurtà marittima, is-sigurtà ċibernetika, is-Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod u l-komunikazzjoni bis-satellita.
    (45) www.endr.eu EDNR,
    (46) COM(2016) 381 final.
    (47) Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), (2014 - 2020), ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33.
    (48) Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
    (49) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà.
    (50) Fl-2014, 77.9 % tat-totalità tal-akkwist tat-tagħmir sar fil-livell nazzjonali, u b’hekk dan ċaħħad lill-pajjiżi mill-iffrankar tal-ispejjeż li seta’ jsir kieku l-akkwist sar fuq skala akbar. Sors: il-ktejjeb Defence Data tal-EDA b'dejta tal-2014 u stimi għall-2015.
    (51) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità.
    (52) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri tal-Ewropa fil-ġejjieni – proposta għal sħubija Ewropea tal-innovazzjoni dwar il-materja prima, COM/2012/082 final.
    (53) Pavel, C. u Tzimas, E., Raw materials in the European defence industry. Il-Lussemburgu, il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (‘JRC’ - Joint Research Centre), 2016
    (54) Eż. il-berillju jintuża f’missili, fighter jets, ħelikopters u satelliti (għaliex huwa sitt darbiet eħfef u aktar b’saħħtu mill-azzar).
    (55) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, COM/2015/0614.
    (56) Il-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess transkonfinali tal-SMEs għal kuntratti ta’ difiża u ta’ sigurtà, rapport finali u rakkomandazzjonijiet.
    (57) Pereżempju, permezz tal-provvediment ta’ informazzjoni bikrija dwar il-pjani u l-prijoritajiet fit-tul, tal-użu ta’ reklamar ta’ qabel l-akkwist, tat-tfassil ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni transfruntiera u tal-SMEs.
    (58) Pereżempju, permezz ta’ pjani trasparenti strateġiċi fit-tul, reklamar qabel l-akkwist u dak dwar is-sottokuntrattar, riċerki dwar is-swieq fil-livell tal-UE u prospezzjoni biex jiġu identifikati fornituri potenzjali fl-Istati Membri differenti, u billi jkun hemm trasparenza dwar l-elementi transfruntieri tal-ktajjen ta’ provvista tagħhom.
    (59) Politika tal-Industrija tas-Sigurtà – Pjan ta’ Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva COM(2012) 417, Lulju 2012.
    (60) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva, 5.7.2016, COM(2016)410 final.
    (61)

     F’konformità mal- Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur , 7.2.2013, JOIN(2013)1.

    (62) https://www.eda.europa.eu/what-we-do/activities/activities-search/materiel-standardisation  
    (63)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

    (64) COM(2016) 705 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
    (65) Id-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju, ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227.
    (66) Ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus, ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.
    (67) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur, 7.2.2013, JOIN(2013) 1 final.
    (68) Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew, ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.
    (69) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024, ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1.
    (70) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Għal qasam marittimu mondjali miftuħ u sigur: l-elementi għal Strateġija ta’ Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea, 6.3.2014 JOIN/2014/09.
    (71) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14.11.2016.
    Top