IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2016
COM(2016) 807 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 11-12/2016
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0807
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on EAGF expenditure Early Warning System No 11-12/2016
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 11-12/2016
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 11-12/2016
COM/2016/0807 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2016
COM(2016) 807 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 11-12/2016
WERREJ
1.Introduzzjoni
2.Dħul assenjat lill-FAEG
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2016
4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG
5.Konklużjonijiet
|
anness 1: |
Konsum provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/12/2016 |
1.Introduzzjoni
L-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija tal-2016, hija ppreżentata fl-Anness, b'nefqa li tammonta għal EUR 43 899,1 miljun. Dan l-ammont jinkludi prinċipalment in-nefqa tal-FAEG taħt ġestjoni kondiviża kif iddikjarata mill-Istati Membri bejn is-16 ta’ Ottubru 2015 u l-15 ta’ Ottubru 2016 u t-tnaqqis tar-rimborżi ta’ kull xahar imposti matul is-sena baġitarja. Dan jinkludi wkoll stima tan-nefqa diretta, li tammonta għal madwar EUR 10,9 miljun, li għadha prevista li ssir sal-31 ta’ Diċembru 2016.
2.Dħul assenjat lill-FAEG
Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 1 , id-dħul li ġej mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità , mill-irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib, huwa mmarkat bħala dħul assenjat lill-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. F’każ li xi parti minn dan id-dħul ma tintużax fi żmien is-sena baġitarja, din il-parti tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja li jmiss 2 . Ta’ min jinnota li s-sena baġitarja 2016 hija l-aħħar sena li fiha se jinġabar id-dħul li joriġina mill-imposta fuq il-ħalib, minħabba li l-kwoti tal-ħalib se jiskadu fil-31 ta’ Marzu 2015.
Il-baġit tal-FAEG għall-2016 inkluda mhux biss l-istimi l-iktar riċenti tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet biex tiġi ffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti, iżda wkoll l-istimi tad-dħul assenjat li kien mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit ikkonċernata kif ukoll ir-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena tal-baġit preċedenti. Fil-proposta tagħha għall-ammonti ta’ approprazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2016, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u għall-abbozz tal-baġit tal-2016 talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi d-dħul assenjat stmat jitnaqqas mill-istima tal-ħtiġijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit għall-2016, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli ammontaw għal EUR 2 980 miljun. B’mod speċifiku:
–Ġie stmat li d-dħul assenjat mistenni li jiġi ġġenerat matul is-sena tal-baġit tal-2016 kien se jkun ta’ EUR 2 090 miljun. Kienu mistennija ammonti ta' EUR 1 125 miljun u ta' EUR 155 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Ġie stmat li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib kien se jkun ta’ EUR 810 miljun.
Ġie stmat li d-dħul assenjat mistenni li jiġi riportat mis-sena baġitarja tal-2015 għall-2016 kellu jammonta għal EUR 890 miljun.
Fil-baġit tal-2016, il-Kummissjoni allokat dan id-dħul, oriġinarjament stmat għal EUR 2 980 miljun, għall-iskemi li ġejjin:
–EUR 600 miljun ġew allokati għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex, u
–EUR 2 380 miljun ġew allokati għall-iskema ta' pagament bażiku.
Għal dawn l-iskemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat favur approprjazzjonijiet skont il-proposta tal-Kummissjoni. L-ammont tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondi għal:
–EUR 898 miljun għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex, u
–EUR 18 307 miljun għall-iskema ta' pagament bażiku.
Fl-Anness, li jippreżenta l-eżekuzzjoni provviżorja tal-baġit għall-2016 għall-perjodu sal-15 ta’ Ottubru 2016, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit fil-livell tal-artikolu għall-frott u l-ħxejjex u għas-settur ta’ pagamenti diretti diżakkoppjati ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Huma jippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn l-artikoli li jammontaw għal EUR 611,8 miljun u għal EUR 34 269,2 miljun rispettivament. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat lil dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2016 jammontaw għal EUR 1 211,8 miljun għall-frott u l-ħxejjex u għal EUR 36 649,2 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2016
L-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2015 sal-15 ta' Ottubru 2016 hija ppreżentata fl-Anness. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli baġitarji, li juru d-differenzi l-aktar sinifikanti bejn in-nefqa attwali u l-approprjazzjonijiet korrispondenti mdaħħla fil-baġit tal-2016.
3.1.Miżuri tas-suq
Fit-tabella fl-Anness tidher implimentazzjoni żejda ta’ EUR 483,2 miljun. Madankollu, meta jitqies id-dħul assenjat, din tinbidel f’implimentazzjoni nieqsa ta’ EUR 116,8 miljun (għad-dettalji dwar dan ara l-punt 2 hawn fuq), bħala effett nett tax-xejriet ta’ eżekuzzjoni, primarjament fis-setturi tal-inbid, tal-frott u l-ħxejjex u tal-prodotti mill-annimali.
3.1.1.Frott u ħxejjex (+ EUR 560,9 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Kif muri hawn fuq, dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa primarjament dovut għan-nefqa għall-fondi operazzjonali għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati kif ukoll mid-dħul assenjat.
Nota f’qiegħ il-paġna * fit-tabella tal-implimentazzjoni provviżorja mogħtija fl-Anness 1 turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku l-indikatur ġie applikat għall-approprjazzjonijiet kollha għal dan l-artikolu inkluż id-dħul assenjat ta’ EUR 600 miljun. Li kieku l-indikatur ġie applikat għall-finanzjament totali mistenni li jkun disponibbli għal dan l-artikolu (EUR 1 211,8 miljun), kienet tidher implimentazzjoni nieqsa ta’ - EUR 39,1 miljun.
Din l-implimentazzjoni nieqsa tikkonċerna l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u l-għajnuna għall-gruppi ta’ produtturi għal rikonoxximent preliminari.
3.1.2.Prodotti tas-settur tal-vitikultura (- EUR 46,6 miljun)
Din l-implimentazzjoni nieqsa kienet dovuta għan-nefqa aktar baxxa mġarrba minn xi Stati Membri fl-2016 meta mqabbel mal-ammonti previsti fil-programmi tal-Istati Membri dwar l-inbid.
3.1.3.Ħalib u prodotti tal-ħalib (+ EUR -130,5 miljun)
L-implimentazzjoni nieqsa ta’ EUR 130,5 miljun hija prinċipalment ir-riżultat tal-effett ikkombinat ta’ użu inqas tal-iskema tal-ħalib fl-iskejjel u tal-iskemi ta’ ħażna. Għall-iskema eċċezzjonali ta’ għajnuna mmirata għall-bdiewa fis-setturi tat-trobbija tal-bhejjem, l-ammont sħiħ ta’ EUR 420 miljun f’approprjazzjonijiet għal din l-iskema ġie inkluż taħt il-partita 05 02 12 99 – Miżuri oħra (ħalib u prodotti tal-ħalib) minkejja l-fatt li l-Istati Membri kellhom l-għażla li jużawh għas-setturi kollha tat-trobbija tal-bhejjem. Dan l-approċċ intgħażel għaliex l-informazzjoni ex-ante dwar l-użu ippjanat f’diversi setturi tat-trobbija tal-bhejjem ma kinitx disponibbli fil-ħin tal-ibbaġitjar.
L-Istati Membri ddikjaraw nefqa ta’ EUR 324 miljun għal din l-iskema ta’ għajnuna fis-settur tal-ħalib, filwaqt li użaw ukoll parti minn din l-għajnuna għall-bdiewa f’setturi oħra tat-trobbija tal-bhejjem. Għalhekk, l-użu tal-approprjazzjonijiet f’dan l-artikolu huwa aktar baxx mit-trasferimenti baġitarji li kellhom isiru sabiex tiġi koperta n-nefqa ddikjarata fis-setturi l-oħra tat-trobbija tal-bhejjem, jiġifieri EUR 29,6 miljun għaċ-ċanga u l-vitella, EUR 1,8 miljun għal-laħam tan-ngħaġ u tal-mogħoż u EUR 74,9 miljun għal-laħam tal-majjal.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ammont globali ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna mmirata, sakemm tasal id-data ta’ skadenza għall-eleġibbiltà tat-30 ta’ Ġunju 2016, l-approprijazzjonijiet disponibbli ġew ikkonsmati kważi kompletament (nefqa li tammonta għal EUR 414,6 miljun jew 98,7 % tal-allokazzjoni totali ta’ EUR 420 miljun).
3.1.4.Ċanga u vitella (+ EUR 30,1 miljun), laħam tan-ngħaġ u tal-mogħoż (+ EUR 1,8 miljun), laħam tal-majjal, bajd u tjur (+ EUR 76,6 miljun)
L-implimentazzjoni żejda f’dawn l-artikoli hija r-riflessjoni opposta tal- implimentazzjoni nieqsa fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-għajnuna mmirata għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem. In-nefqa ddikjarata għal dawn is-setturi hija koperta permezz ta’ trasferimenti minn approprjazzjonijiet disponibbli għal din il-miżura fl-artikolu 05 02 12.
3.2.Pagamenti diretti
It-tabella fl-Anness turi implimentazzjoni żejda ta’ EUR 1 585,4 miljun. Madankollu, meta jitqies id-dħul assenjat, din tinbidel f’implimentazzjoni nieqsa ta’ madwar EUR 794,6 miljun.
3.2.1.Għajnuniet diretti diżakkoppjati (+ EUR 935,5 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
It-tabella fl-Anness turi implimentazzjoni żejda ta’ EUR 935,5 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati. Iżda meta mqabbel mat-total tal-approprjazzjonijiet disponibbli ta’ EUR 36 649,2 miljun, li jidhru fin-nota f’qiegħ il-paġna u jinkludu d-dħul assenjat għal dan is-settur, din l-implimentazzjoni żejda tinbidel f’implimentazzjoni nieqsa ta’ EUR 1 444,5 miljun (għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq).
Madankollu, l-Iskema għall-Bdiewa Żgħar (SFS), li tinsab taħt Pagamenti diretti oħra, hija ffinanzjata mil-limiti massimi tal-iskemi l-oħra kollha, kemm dawk diżakkoppjati kif ukoll dawk li mhumiex. Minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni possibbli f’din l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-pagamenti diretti riformati, kif ġie miftiehem fir-riforma tal-PAK tal-2013, ma kienx hemm baġit previst għall-SFS fil-baġit tal-2016. Għalhekk, taħt Pagamenti diretti oħra ġie ddikjarat ammont ta’ EUR 874 miljun għall-SFS, iżda dan l-ammont ġie ffinanzjat mill-baġit allokat għal pagamenti diretti diżakkoppjati.
L-implimentazzjoni nieqsa li jifdal ta’ EUR 570 miljun kienet tikkonċerna prinċipalment l-iskema ta' pagament bażiku (SPB), il-pagament għal prattiki agrikoli ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent u l-pagament għal bdiewa żgħażagħ.
3.2.2.Pagamenti diretti oħra (+ EUR 650,1 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)
Kif ġie spjegat rigward pagamenti diretti diżakkoppjati, l-iskema SFS hija ffinanzjata minn diversi skemi oħra. Meta dan l-effett jiġi eskluż, hemm implimentazzjoni nieqsa ta’ EUR 224 miljun li tista’ tiġi attribwita kważi bis-sħiħ lill-appoġġ akkoppjat volontarju.
3.3.Awditjar tan-nefqa agrikola (+ EUR 52,4 miljun)
L-implimentazzjoni żejda f’dan il-kapitolu hija dovuta għal korrezzjonijiet tal-kontijiet u tal-approvazzjoni tal-konformità tal-kontijiet favur l-Istati Membri u għal pagamenti ogħla b’rabta mas-soluzzjoni ta’ tilwim.
4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG
L-anness juri li t-total tad-dħul assenjat eventwalment disponibbli fl-2016 ammonta għal EUR 3 423,5 miljun.
Id-dħul assenjat stmat fil-baġit tal-2016 ammonta għal EUR 2 980 miljun, li minnhom EUR 890 miljun kienu riportati mill-2015, EUR 1 125 miljun kienu mistennija mill-approvazzjoni tal-FAEG, EUR 155 miljun minn irregolaritajiet u EUR 810 miljun mill-imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib.
Billi d-dħul proprju mill-imposta addizzjonali kien simili għal dak li kien mistenni, id-dħul mill-irregolaritajiet huwa EUR 37 miljun inqas, filwaqt li d-dħul mill-approvazzjoni huwa ogħla b’EUR 469 miljun.
Dawn il-varjazzjonijiet b’rabta mal-approvazzjoni u l-irregolaritajiet diġà ġew innutati f’Ġunju u tqiesu meta kienet qed tiġi stabbilita l-ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit tal-2017. Il-bilanċ tad-dħul assenjat li ma ntużax fl-2016 se jiġi riportat lejn l-2017 u se jintuża biex tiġi ffinanzjata n-nefqa tal-FAEG iddikjarata mill-Istati Membri f’dik is-sena.
5.Konklużjonijiet
In-nefqa provviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2016, inklużi stimi għal infiq dirett sal-31 ta’ Diċembru 2016, tirriżulta f’implimentazzjoni żejda ta’ EUR 2 120,4 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit. Din l-implimentazzjoni żejda hija koperta mid-dħul assenjat disponibbli ta’ EUR 3 423,5 miljun. Barra minn hekk, ir-riżerva għall-kriżijiet ma ġietx immobilizzata fl-2016, b’hekk l-ammont ta’ EUR 441,6 miljun f’approprjazzjonijiet mhux użati baqgħu fil-baġit tal-2016.
F'konformità mal-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 3 , il-Kummissjoni tadotta regolament li jistabbilixxi l-ammonti li fl-2017 għandhom jiġu rimborżati lill-benefiċjarji ta’ pagamenti diretti soġġett għad-dixxiplina finanzjarja f’dik is-sena finanzjarja. L-ammont ta’ EUR 435 miljun f’approprjazzjonijiet mhux impenjati li jikkorrispondi għall-ammont ta’ dixxiplina finanzjarja mnaqqas fl-Istati Membri fl-2016 minn pagamenti diretti imbagħad għandu jiġi trasferit għas-sena finanzjarja 2017 u għandu jintuża biex jiġi rimborżat l-infiq tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.
Għad iridu jsiru għadd ta’ aġġustamenti u trasferimenti tal-approprjazzjonijiet ta’ tmiem is-sena. Meta jitqiesu dawn l-aġġustamenti u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-baġit tal-2016 deskritti hawn fuq, huwa stmat li l-bilanċ li jifdal tad-dħul assenjat li għandu jiġu riportat se jammonta għal madwar EUR 1,3 biljun, li se jiġi inkorporat fil-baġit tal-2017.
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008
Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, id-dħul assenjat intern għandu jiġi riportat għal sena waħda biss. Għalhekk, fl-interess ta’ ġestjoni soda tal-baġit, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel qabel kwalunkwe approprjazzjoni vvutata tal-artikolu tal-baġit ikkonċernat.
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2016
COM(2016) 807 final
ANNESS
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 11-12/2016
Anness