Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0701

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha

COM/2016/0701 final

Brussell, 3.11.2016

COM(2016) 701 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha

1.Introduzzjoni2

1.1.Ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart2

1.2.L-approċċi nazzjonali differenti u kwalità2

1.3.Il-kontroll tal-kwalità2

2.Puntwalità u tempesitività3

3.Il-kompletezza3

4.Il-preċiżjoni tad-dejta4

4.1.Il-kopertura tad-dejta4

4.2.It-tqassim skont is-setturi ekonomiċi5

4.3.Il-klassifikazzjoni tal-iskart5

4.4 Id-differenzi bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart5

5.Il-komparabbiltà6

5.1.Il-komparabilità matul iż-żmien6

5.2.Il-komparabbiltà fost il-pajjiżi kollha6

6.Il-piż fuq in-negozji6

7.L-iżvilupp tal-indikaturi7

8.Kisbiet u previżjoni7

1.Introduzzjoni

1.1.Ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart

L-għan tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2150/2002 tal-25 ta' Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart 1 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament) huwa li jipproduċi statistika dwar l-iskart li jaqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) 2 . L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jirrikejdi li l-Kummissjoni tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin (wara l-ewwel rapport, li kellu jiġi ppreżentat fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament). L-ewwel rapport ġie ippubblikat fl-2008, 3 it-tieni fl-2011 4 u t-tielet fl-2014 5 .

1.2.L-approċċi nazzjonali differenti u kwalità

Ir-Regolament jistabbilixxi d-dejta li għandha tiġi ppreżentata u l-kwalità meħtieġa, filwaqt li l-għażla tal-metodu speċifiku tat-tfassil tal-istatistika tal-iskart titħalla f’idejn l-Istati Membri. Dan jippermettilhom li jżommu s-sistemi tal-ġbir tad-dejta tagħhom u li jimminimizzaw il-piż li ġġib magħha l-konformità mar-Regolament.

Ir-Regolament (l-Anness I, it-Taqsima 7) jitlob li l-Istati Membri jippreżentaw rapport ta’ kwalità flimkien mad-dejta. F'dawn ir-rapporti, l-Istati Membri jirreferu għall-elementi ta’ kwalità li normalment jintużaw fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika 6 u li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1445/2005 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-iskart 7 .

1.3.Il-kontroll tal-kwalità

Sa mill-ewwel konsenja tad-dejta fl-2006, il-Kummissjoni (l-Eurostat) waqqfet sistema effiċjenti ta' kontroll tal-kwalità li tikkonsisti minn żewġ stadji.

Bħala l-ewwel pass wara l-konsenja tad-dejta, titwettaq evalwazzjoni ħafifa tar-rapporti tad-dejta u tal-kwalità fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tar-rappurtar. F’dan il-pass, il-validazzjoni tad-dejta tikkonċerna l-aktar il-koerenza interna tad-dejta l-ġdida u l-iżviluppi tul iż-żmien. L-analiżi ssir f’livell aggregat ħafna u għandha l-għan li tiskopri pawżi ewlenin fis-serje u li tivverifika jekk id-dejta tkunx adattata għall-pubblikazzjoni. Rapport ta’ valutazzjoni jintbagħat lill-Istati Membri li jistgħu jitolbu spjegazzjoni u/jew reviżjoni tad-dejta, skont l-osservazzjonijiet magħmula.

It-tieni pass huwa validazzjoni fil-fond. Dan janalizza d-dejta f'livell aktar dettaljat (pereżempju, skont is-settur ekonomiku u skont il-kategoriji tal-iskart) u jqabbel mudelli u żviluppi bejn pajjiż u ieħor. Il-kontrolli tal-validazzjoni jinkludu:

tqabbil fil-pajjiż innifsu ta’ skart iġġenerat għal kull attività ekonomika b’valuri mis-snin ta’ qabel;

tqabbil tad-dejta bejn il-pajjiżi għal kull attività ekonomika;

tqabbil fil-pajjiż innifsu ta’ skart iġġenerat u skart ittrattat għal kull kategorija ta’ skart;

kontrolli reċiproċi ma’ dejta tal-iskart minn obbligi oħrajn ta’ rapportar bħalma hu l-monitoraġġ dwar il-konformità skont leġiżlazzjoni oħra marbuta mal-iskart.

Ir-riżultati jiġu vverifikati mar-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi u r-rispons mill-ewwel fażi tal-evalwazzjoni u kwalunkwe dokumenti oħra disponibbli (eż. ir-rappurtar tad-dokumentazzjoni minn snin preċedenti) u mbagħad jiġu diskussi mal-Istati Membri.

Minbarra dawn iż-żewġ passi l-Kummissjoni (l-Eurostat) ipproponiet pass ta' validazzjoni li l-pajjiżi għandhom iwettqu qabel jikkonsenjaw id-dejta u li jikkonsisti minn regoli standard ta’ validazzjoni. Fl-2014 l-Istati Membri qablu fuq sett komuni ta’ regoli standard ta' validazzjoni għall-istatistika tal-iskart. Ħdax-il Stat Membru diġà użaw dawn ir-regoli qabel ma ppreżentaw id-dejta għas-sena bażi 8 2012. Dan huwa pass importanti lejn it-titjib ulterjuri tal-effiċjenza tal-proċess ta’ validazzjoni.

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) qiegħda ssaħħaħ aktar id-dokumenti ta’ gwida metodoloġika li hemm fuq is-sit web tal-Eurostat u qiegħda tkompli ttejjeb u tirfina s-sistema ta’ kontroll tal-kwalità tad-dejta.

2.Puntwalità u tempesitività

Ir-rapporti dwar id-dejta u l-kwalità għandhom jiġu ppreżentati kull sentejn lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena bażi 9 .

Il-konformità mal-iskadenza tar-rappurtar għas-sena bażi 2012 hija simili għal dik tas-sena bażi 2010. B’kollox, 21 Stat Membru u pajjiż taż-ŻEE/EFTA taw is-settijiet tad-dejta għal 2012 u rapporti ta’ kwalità fil-ħin jew fi żmien xahar tal-iskadenza. Kemm id-dejta kif ukoll ir-rapporti ta' kwalità waslu aktar minn tliet (3) xhur wara l-iskadenza mingħand ħames (5) Stati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja u r-Rumanija) u pajjiż tal-EFTA/taż-ŻEE (l-Iżlanda). Partijiet ta’ settijiet tad-dejta jew rapporti ta’ kwalità waslu aktar minn tliet (3) xhur wara l-iskadenza tar-rappurtar mingħand tliet (3) pajjiżi (il-Finlandja, il-Latvja u r-Renju Unit).

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) qiegħda tieħu passi biex tħeġġeġ il-pajjiżi jirrevedu l-proċessi tagħhom ta’ produzzjoni statistika u jipprovdu dejta ta’ kwalità tajba skont l-iskadenza stabbiliti.

Pubblikazzjoni

Id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart ġiet ippubblikata fil-bażi tad-dejta ta' disseminazzjoni tal-Eurostat fl-1 ta’ Ottubru 2014.

3.Il-kompletezza

Il-konsenja ta' settijiet nazzjonali kompleti tad-dejta hija kruċjali biex jinħolqu l-aggregati tal-UE. Id-dejta nieqsa tillimita l-valur informattiv tal-istatistika tal-iskart. M’hemmx dejta fil-każ ta' pajjiżi li jew m'għandhom l-ebda sorsi ta’ dejta jew id-dejta mhix suffiċjenti għall-istimi.

L-għadd ta’ valuri nieqsa u l-għadd ta’ pajjiżi li qed jirrapportaw valuri nieqsa naqas b’mod konsiderevoli bejn is-snin bażi 2010 u 2012 għas-sett ta’ dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart. Fl-2010, tmien (8) pajjiżi rrappurtaw valuri nieqsa iżda dan naqas għal tlieta (3) fis-sena bażi 2012. L-għadd totali tal-valuri nieqsa naqas minn 4,1 % fis-sena bażi 2010 għal 1,5 % fl-2012. Hemm l-istess tendenza fid-dejta tat-trattament tal-iskart, għalkemm b’mod anqas distint. Is-sehem tal-valuri nieqsa naqas minn 3,5 % fis-sena bażi 2010 għal 3,1 % fl-2012 u l-għadd ta’ pajjiżi li qed jirrapportaw valuri nieqsa naqas minn tmienja (8) għal sitta (6). Aktar min-nofs tal-valuri nieqsa fis-settijiet tad-dejta tat-trattament tal-iskart (55 %) jikkonċernaw il-kategorija tat-trattament “l-irdim”. Id-dejta dwar l-irdim inġabret għall-ewwel darba fl-2010 wara li saret emenda fir-Regolament 10 .

4.Il-preċiżjoni tad-dejta

4.1.Il-kopertura tad-dejta

L-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart għandha tinġabar għas-setturi ekonomiċi kollha u għall-unitajiet domestiċi u għandha tinkludi skart li ġej minn operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi — dak li hu magħruf bħala skart sekondarju. L-istatistika għandha tkopri wkoll skart minn negozji żgħar (< 10 impjegati) għalkemm dawn l-impriżi għandhom jiġu eżentati mill-istħarriġ fejn ikun possibbli.

L-istatistika dwar it-trattament tal-iskart tkopri l-iskart kollu li huwa rkuprat jew mormi fil-pajjiż stess, irrispettivament mill-oriġini tal-iskart. Il-kunċett bażiku tar-Regolament huwa li tinġabar id-dejta dwar id-destinazzjoni finali tal-iskart; L-operazzjonijiet ta’ trattament preparatorju mhumiex koperti.

Żbalji fil-kopertura u d-differenzi fil-kopertura tad-dejta

L-iżbalji ta’ kopertura osservati huma dovuti l-aktar għal:

differenzi fl-applikazzjoni tad-definizzjoni tal-iskart;

approċċi metodoloġiċi differenti u prijoritajiet differenti fil-ġestjoni nazzjonali tal-iskart u l-istatistika tal-iskart;

problemi ta' kopertura speċifiċi għas-settur.

Erba’ oqsma juru l-ikbar differenzi fil-kopertura tad-dejta:

Il-kopertura differenti tal-iskart estrattiv (skart mill-minjieri u mill-attivitajiet tal-barrieri) għandha impatt qawwi ħafna. L-akbar differenzi fil-pajjiżi kollha huma minħabba l-kopertura ta’ piż eċċessiv, jiġifieri materjal naturali li jitneħħa minn siti tal-minjieri biex ikun hemm aċċess għall-minerali mingħajr ma jkunu pproċessati, u fir-rigward tal-iskart estrattiv li huma ġestiti fil-minjieri.

Id-distinzjoni bejn l-iskart u l-prodotti sekondarji għandha impatt sinifikanti fuq l-ammonti tal-iskart fl-attivitajiet ekonomiċi 11 tan-NACE A (l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd) u n-NACE C (il-manifattura). Dan huwa speċjalment il-każ għall-kategoriji tal-iskart: l-iskart tal-injam, l-iskart tal-annimali u dak veġetali, u gagazza minn produzzjoni tal-metall.

Il-varjanza tal-ġenerazzjoni tal-iskart fis-settur NACE F (il-kostruzzjoni) tindika d-differenzi fil-kopertura tad-dejta.

Kif diġà msemmi fit-Taqsima 3, xi pajjiżi għadhom mhumiex kapaċi jirrapportaw dwar il-kategorija tat-trattament “l-irdim”.

L-impatt ġenerali ta' żbalji ta' kopertura huwa diffiċli biex wieħed jivvalutah. Dawn jistgħu jwasslu kemm għal sottoestimi kif ukoll għal sovraestimi. L-impatt huwa preżunt li jkun l-ogħla għall-iskart minerali min-NACE B (minjieri u barrieri).

4.2.It-tqassim skont is-setturi ekonomiċi

Ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw id-dejta tagħhom imqassma f'19-il kategorija (18-il attività ta’ ġenerazzjoni tal-iskart kif ukoll l-unitajiet domestiċi). It-tqassim tal-attivitajiet ekonomiċi huwa definit skont in-NACE. L-allokazzjoni korretta tal-iskart għall-attivitajiet ta' ġenerażżjoni hija prerekwiżit:

għall-komparabbiltà ta' ammonti ta' skart speċifiċi għas-settur;

għall-konsistenza tal-istatistika tal-iskart mal-istatistika tan-negozju.

L-allokazzjoni tal-iskart għall-attivitajiet ta' ġenerazzjoni tiddependi fuq il-metodi applikati għall-ġbir tad-dejta u fuq l-unitajiet statistiċi li għalihom tinġabar l-istatistika tal-iskart. Il-komparabbiltà u l-konsistenza tad-dejta huma bbażati fuq l-użu ta’ reġistri kummerċjali għall-ġbir tad-dejta. Peress li r-Regolament jippermetti l-użu jew tal-unitajiet lokali jew tal-unitajiet ta' attività ekonomika bħala unitajiet statistiċi għall-ġabra tad-dejta, jista' jkun hemm differenzi fl-allokazzjoni tal-iskart fil-pajjiżi kollha anki meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament jiġu applikati kif jixraq.

L-impatt ġenerali ta’ allokazzjoni żbaljata jitqies li hu żgħir. Mhux probabbli li każijiet bħall-iskart minerali mit-trattament tal-iskart jew mill-iskart stabbilizzat prodott mill-unitajiet domestiċi jiġu skoperti minn validazzjoni u b’hekk jiġu spjegati jew ikkoreġuti. Każijiet bħal dawn ma jseħħux ta’ spiss.

4.3.Il-klassifikazzjoni tal-iskart

Ir-Regolament jistabbilixxi t-tqassim għar-rappurtar lill-UE skont il-kategoriji tal-iskart skont il-Klassifika Ewropea tal-Iskart għall-Istatistika 12 (EWC-Stat). Madankollu, dan ma jistipulax klassifikazzjoni speċifika biex tintuża għall-ġbir tad-dejta nazzjonali.

Ħafna mill-pajjiżi jiġbru d-dejta tagħhom skont il-lista tal-iskart tal-UE 13 , li hija magħmula minn 839 tip ta’ skart. Minkejja xi problemi fl-applikazzjoni tal-lista, l-użu wiesa’ ta’ din il-klassifikazzjoni jiżgura livell għoli ta’ komparabbiltà, għallanqas fil-livell aggregat li jirrikjedi r-Regolament. L-impatt ġenerali ta’ żbalji ta’ klassifikazzjoni fuq il-preċiżjoni tad-dejta jitqies li huwa żgħir.

4.4.Id-differenzi bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart

Id-differenza bejn l-ammont iġġenerat u trattat fl-UE fl-2012 hija ta’ madwar 200 miljun tunnellata. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 8 % tal-iskart kollu ġġenerat. Din id-differenza kienet stabbilita matul l-aħħar żewġ perjodi ta’ rappurtar. Din kienet ogħla fl-2006 u fl-2008, b'400 miljun tunnellata. Il-mudell jibqa’ l-istess: hemm aktar skart iġġenerat milli ttrattat. Fl-2012 id-differenza kienet l-ogħla għall-ħama u l-iskart likwidu wara t-trattament tal-iskart (madwar 70 %) u l-aktar baxxa (madwar 0 %) għall-ħamrija.

Diversi fenomeni jistgħu jispjegaw id-differenza bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart:

Mhux l-iskart kollu jiġi trattat fil-pajjiż fejn huwa ġġenerat. Id-dejta tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ma tinġabarx skont ir-Regolament, u għaldaqstant differenzi li ġejjin mill-importazzjonijiet u mill-esportazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkwantifikati mad-dejta tar-Regolament. Stimi mid-dejta tal-kummerċ estern juru li dan l-effett jispjega madwar għoxrin fil-mija tad-differenza għall-UE kollha. Għall-Istati Membri individwali dan l-effett jista' jkun ogħla. Pereżempju, għall-Ġermanja, l-importazzjonijiet tal-iskart jammontaw għal aktar minn 4 % tal-iskart iġġenerat tagħha, filwaqt li r-Renju Unit jesporta aktar minn 6 % tal-iskart li jipproduċi.

Id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart tkopri l-iskart primarju u sekondarju ġġenerat filwaqt li t-trattament tal-iskart jirreferi għat-trattament finali tal-iskart u l-iskart trattat għandu jingħadd darba biss.

Il-kategoriji kollha tal-iskart ħlief il-ħama huma rrappurtati fil-piż imxarrab normali. Matul il-proċess tat-trattament minn qabel, pereżempju l-operazzjonijiet tat-trattament preparatorju għar-rimi (it-trattament tal-iskart likwidu, eż., il-lissija tal-miżbla jew l-emulsjoni taż-żejt/l-ilma), jintilef il-piż tal-ilma u l-iskart jidħol fit-trattament finali b’tnaqqis sinifikanti fil-piż.

Xi operazzjonijiet huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament, bħal impjanti ta’ koinċinerazzjoni li jużaw biss skart tal-bijomassa partikolari bħala fjuwil.

Mhux l-iskart kollu jiġi trattat fl-istess sena li jiġi ġġenerat. Ċertu skart jinħażen temporanjament. Għalhekk skart ittrattat fis-sena t jista’ jkun fih skart iġġenerat fis-sena t-1. Skart iġġenerat fis-sena t jista' jiġi ttrattat fis-sena t+1.

5.Il-komparabbiltà

5.1.Il-komparabbiltà matul iż-żmien

Id-dejta miġbura għas-sena bażi 2012 kienet it-tieni ġbir minħabba l-bidliet maġġuri introdotti bil-verżjoni emendata tar-Regolament. Dawn il-bidliet ġew implimentati sew mill-pajjiżi. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) ħadmet kontinwament fuq il-preżentazzjoni u l-analiżi tas-serje konoloġika, li attwalment tikkonsisti minn ħames (5) snin bażi (2004, 2006, 2008, 2010 u 2012).

Ir-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi wrew li huma għodod utli biex jimmonitorjaw bidliet metodoloġiċi u l-impatti tagħhom fuq il-komparabbiltà tad-dejta. Evalwazzjoni ta’ rapporti nazzjonali tal-kwalità turi li kważi l-Istati Membri kollha għamlu aġġustamenti konsiderevoli fl-approċċi tal-istatistika nazzjonali tal-iskart mill-2004. Ħafna mill-pajjiżi issa qed itejbu aktar il-ġbir tad-dejta tagħhom fir-rigward tal-kwalità tad-dejta (pereżempju, l-eliminazzjoni ta’ differenzi bejn id-dejta u t-titjib tal-kopertura) u tal-effiċjenza tal-metodi tagħhom;

It-titjib tal-ġbir tad-dejta matul is-snin ħoloq interruzzjonijiet fis-serje kronoloġika Il-pajjiżi jirrevedu s-settijiet tad-dejta għas-snin preċedenti biex jillimitaw dawn l-interruzzjonijiet. L-utenti huma infurmati. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) twissi dwar id-diskontinwità tas-serje kronoloġika fis-settijiet tad-dejta mxerrda.

5.2.Il-komparabbiltà fost il-pajjiżi kollha

Bis-saħħa tad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet komuni, il-komparabbiltà tad-dejta fil-pajjiżi kollha hija ġustament għolja għal ħafna setturi u tipi ta’ skart. Madankollu, għadhom jitfaċċaw xi problemi fit-tqabbil tad-dejta fost il-pajjiżi kollha minħabba d-differenzi fil-kopertura deskritti fit-Taqsima 4.1.

6.Il-piż fuq in-negozji

Fir-rapporti tagħhom ta’ kwalità, l-Istati Membri juru impenn biex il-piż fuq in-negozji jinżamm baxx kemm jista’ jkun. Dan huwa rifless fl-għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri li jiġbru l-informazzjoni dwar il-piż tar-rapportar u li huma kapaċi jikkwantifikaw iż-żmien medju li dawk li jwieġbu għandhom bżonn biex jimlew il-kwestjonarji jew il-formoli tar-rapportaġġ. L-informazzjoni tinġabar minn dawk li jwieġbu permezz ta’ kwestjonarji jew tiġi determinata minn studji speċifiċi. Madwar nofs l-Istati Membri jużaw id-dejta amministrattiva bħala s-sors ewlieni tagħhom għall-istatistika tal-iskart u b’hekk jevitaw piż fuq il-fornituri tad-dejta bi kwestjonarji addizzjonali. Pajjiżi oħrajn jużaw id-dejta amministrattiva bħala waħda minn bosta sorsi ta’ dejta. Kumpaniji żgħar huma eżentati mill-istħarriġ b’modi differenti 14 .

Qed jiżdied l-għadd ta’ pajjiżi li implimentaw jew jippjanaw li jimplimentaw sistemi elettroniċi ta’ rapportar, jiġifieri sistemi li awtomatikament jgħaddu d-dejta meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart mill-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart lill-awtoritajiet tal-istatistika. Għodod elettroniċi ta’ rapportar għal xi dejta tal-iskart jew għad-dejta kollha huma disponibbli fil-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja, in-Norveġja u r-Renju Unit.

7.L-iżvilupp tal-indikaturi

Id-dejta prodotta tiġi użata biex jiġu kkalkulati l-indikaturi. Pereżempju, l-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni dwar " il-ġenerazzjoni tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni " u dwar " il-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż minn attività ekonomika " huma disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat. Dawn l-indikaturi jiġu rrapportati f’kilogrammi għal kull abitant sabiex jitħaffef it-tqabbil fil-pajjiżi kollha.

Ġie żviluppat indikatur ġdid ibbażat fuq il- ġestjoni tal-iskart għajr l-iskart minerali ewleini L-indikatur juri t-trattament finali tal-iskart iġġenerat fuq il-livell nazzjonali 15 . Għall-kuntrarju tad-dejta miġbura skont ir-Regolament, jitqies ukoll it-trattament tal-iskart esportat, filwaqt li l-iskart importat jiġi eskluż mill-indikatur.

Dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw bħala kontribut siewi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal -istrateġija dwar l-ekonomija ċirkolari tal-Kummissjoni.

8.Kisbiet u previżjoni

Sar progress sinifikanti fir-rigward tal-ġbir tal-istatistika tal-iskart sa mill-ewwel rapportar fl-2006. Il-kompletezza tal-konsenja tad-dejta mill-Istati Membri tjiebet b’mod konsistenti. L-istatistika dwar l-iskart laħqet livell pjuttost għoli ta' komparabbiltà fil-pajjiżi kollha għal ħafna mill-kategorij u s-setturi tal-iskart u qed isir progress konsiderevoli lejn il-kisba ta' kopertura sħiħa tad-dejta. Inġenerali, id-dejta hija ta' kwalità adegwata għal ħafna mill-pajjiżi. Madankollu, sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet politiċi tal-UE dwar l-ambjent, l-industrija u l-materja prima, hemm bżonn ta' aktar titjib. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mal-Istati Membri fuq dan it-titjib, pereżempju permezz ta’ seminars u skambji tal-aħjar prattika.

Bil-konsenja tad-dejta għall-2010, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart issa hija disponibbli għal erba' snin bażi, jiġifieri, għall-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2012. F’serje kronoliġika itwal, id-dejta qed issir dejjem aktar utli, pereżempju, għall-iżvilupp ta’ indikaturi jew bħala kontribut għall-analiżi marbuta mal-klima.

Fl-istess ħin, it-titjib metodoloġiku f’pajjiżi individwali għad jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq is-serje kronoloġika, fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-aggregat tal-UE-28. Għaldaqstant, l-iżviluppi tul iż-żmien għandhom xorta waħda jiġu interpretati b’kawtela u wara analiżi bir-reqqa tad-dejta sottostanti

(1) ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1.
(2) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(3) COM (2008) 355 finali, 13.6.2008.
(4) COM (2011) 131 finali, 17.3.2011.
(5) COM (2014) 79 finali, 14.2.2014.
(6) Is-sit web tal-Eurostat dwar il-Kwalità: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2273.1 2273_47140765&_dad=portal&_schema=PORTAL.
(7) ĠU L 229, 6.9.2005, p. 6.
(8) Sena bażi tfisser il-perjodu li huwa deskritt permezz tad-dejta. Peress li d-dewmien tad-dejta huwa ta’ 18-il xahar, id-dejta għas-sena bażi 2012 hija rrapportata f’2014.
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002, it-Taqsima 7(2) tal-Annessi I u II.
(10) ĠU L 253, 28.9.2010, p. 10.
(11) Ikklassifikati skont il-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE), il-verżjoni attwali NACE Rev. 2.
(12)

   Il-verżjoni attwali EWC-Stat Rev. 4, li fiha 51 kategorija.

(13) Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE.
(14) L-eżenzjoni ta’ kumpaniji żgħar mill-istħarriġ hija trattata b’modi differenti. Xi pajjiżi jkopru l-kumpaniji żgħar permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni u jestrapolaw ir-riżultati. Madankollu, bosta jeskluduh kompletament. Iċ-ċifri jistgħu jew jiġu injorati jekk l-esklużjoni tkun konsistenti mal-kopertura u mal-objettivi tal-kwalità tal-Artikolu 3 tar-Regolament jew jiġu estrapolati permezz ta’ mudelli ta’ stima bbażati fuq il-fattur. Il-pajjiżi stabbilixxew limiti ta' esklużjoni differenti, definiti l-aktar mill-għadd ta' ħaddiema jew mill-ammont ta' skart iġġenerat fis-sena. Xi pajjiżi jiġbru flimkien iż-żewġ kriterji sabiex jiżguraw li anke l-pajjiżi ż-żgħar huma koperti mill-ġbir tad-dejta meta dawn jaqbżu l-limitu ffissat ta’ ġenerazzjoni tal-iskart.
(15) L-indikatur ikopri l-iskart kollu ħlief “skart minerali ewlieni”. Dan jipprovdi sett koerenti ta’ indikaturi li jkopru l-kategoriji kollha tat-trattament tal-iskart tal-Anness II, it-Taqsima 8 tar-Regolament. Is-sett ta’ indikaturi huwa bbażat fuq id-dejta dwar it-trattament tal-iskart tar-Regolament u jirrifletti l-ammonti ta’ skart li huma amministrati fl-Istati Membri. Barra minn hekk, dejta statistika tal-kummerċ barrani (COMEXT) jew dejta nazzjonali dwar l-importazzjonijiet/l-esportazzjonijiet tal-iskart tintuża biex jiġu inklużi l-ammonti ta’ skart esportat u biex jiġu esklużi mill-kalkolu l-ammonti ta’ skart importat.
Top