IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.9.2016
COM(2016) 553 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriiji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE
1.INTRODUZZJONI
L-iskart li joriġina mill-industriji tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri jikkostitwixxi proporzjon kbir ħafna tal-volum totali tal-iskart prodott fl-Unjoni Ewropea (madwar 30 % fl-2012, ara t-tabella annessa ma’ dan ir-rapport). L-immaniġġjar ħażin ta’ dan l-iskart jista’ jkollu effetti detrimentali fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jista’ jwassal għal inċidenti serji.
Id-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas kemm jista’ jkun kwalunkwe effetti avversi fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-fawna u l-flora u l-pajsaġġ, u kwalunkwe riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, li jkun riżultat tal-immaniġġjar tal-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni. Id-Direttiva tkopri l-immaniġġjar tal-iskart li jirriżulta direttament mill-ipprospettar, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħżin ta’ riżorsi minerali u mill-qtugħ mill-barrieri.
Waqt iż-żewġ perjodi konsekuttivi koperti minn dan ir-rapport (l-1 ta’ Mejju 2008 sat-30 ta’ April 2011 u l-1 ta’ Mejju 2011 sat-30 ta’ April 2014), l-Istati Membri kienu meħtieġa jdaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Id-Direttiva kellha tiġi trasposta sal-1 Mejju 2008. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni żvelat bosta każijiet fejn id-Direttiva kienet ġiet trasposta b’mod skorrett jew parzjalment biss. Il-Kummissjoni fetħet tnejn u għoxrin inkjesta formali. Attwalment hemm erba’ proċedimenti legali miftuħin relatati man-nuqqas ta’ konformità.
Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet li jipprovdu gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva jew l-interpretazzjoni tagħhom, jew ikomplu jelaboraw l-aspetti tekniċi. L-iżvilupp tal-linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet għad irid jitlesta.
Bl-istess mod, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) żviluppaw metodi standardizzati ta’ kampjunar u ta’ analiżi, b’mod partikolari b’referenza għall-Artikolu 22(2) tad-Direttiva.
Il-Kummissjoni adottat is-sommarju tar-DReference Document on Best Available Techniques for the Management of Tailings and Waste-Rock in Mining Activities(id-Dokument ta’ Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli għall-Immaniġġjar ta’ Rmied tat-Tlissija u Skart tal-Blat fl-Attivitajiet ta’ Tħaffir fil-Minjieri) fl-2008.
2.RAPPORTAR U VALUTAZZJONI
Skont l-Artikolu 18(1), l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport kull tliet snin, abbażi ta’ kwestjonarju, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. L-Artikolu 18(1) jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri.
Dan ir-rapport ikopri l-ewwel żewġ perjodi ta’ rapportar, mill-1 ta’ Mejju 2008 sat-30 ta’ April 2011 u mill-1 ta’ Mejju 2011 sat-30 ta’ April 2014.
Skont l-Artikolu 18(2), l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jippreżentaw, fuq bażi annwali, informazzjoni dwar kwalunkwe avveniment irrapportat mill-operaturi li aktarx jaffettwa l-istabbiltà tal-faċilitajiet tal-iskart, u dwar kwalunkwe effett ambjentali avvers sinifikanti żvelat mill-proċeduri ta’ kontroll u monitoraġġ imwetttqa fil-faċilitajiet tal-iskart. Skont l-Artikolu 7(5), l-informazzjoni inkluża fil-permessi mogħtija skont id-Direttiva għandha tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-istatistika tal-UE meta tintalab għal finijiet ta’ statistika.
Il-valutazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għall-ewwel perjodu ta’ rapportar enfasizzat il-limitazzjonijiet tas-sistema ta’ rapportar attwali ta’ tliet snin, li tiffoka fuq l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri li jippermettu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva. L-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-Istati Membri ma ppermettietx lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ dawn il-miżuri.
Biex tinkiseb stampa aktar kompluta, minbarra r-rapporti nazzjonali ġew ikkonsultati wkoll sorsi addizzjonali ta’ informazzjoni. Dawn kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu wara inċidenti jew kważi inċidenti, u informazzjoni minn sorsi ġeneriċi oħrajn, bħal proġetti ta’ riċerka u siti web tal-aġenziji nazzjonali.
Il-Kummissjoni użat is-servizzi ta’ konsulenti indipendenti biex jgħinuha fir-reviżjoni tal-informazzjoni disponibbli.
Ir-rapporti riċevuti mill-Istati Membri għaż-żewġ perjodi ta’ rapportar ġew ivvalutati, l-ewwel, għall-kompletezza u, it-tieni, biex jiġi aċċertat jekk il-miżuri deskritti fir-rapporti jikkostitwixxux grupp komprensiv ta’ miżuri, mingħajr ma tiġi preġudikata l-konformità ta’ dawn il-miżuri mad-Direttiva jew l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
3.RAPPORTAR DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA FL-ISTATI MEMBRI
3.1.Faċilitajiet tal-Kategorija A: dispożizzjonijiet ewlenin
Fid-dawl tal-fatt li frazzjon biss mill-iskart tal-estrazzjoni ġġenerat fl-UE jikkostitwixxi riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, id-Direttiva tipprevedi sistema ta’ obbligi differenzjati għall-immaniġġjar ta’ dan l-iskart u għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-faċilitajiet.
Id-Direttiva tapplika obbligi aktar stretti għall-faċilitajiet fejn jeżisti riskju akbar ta’ impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem fl-eventwalità ta’ inċident. Dawn huma magħrufa bħala faċilitajiet tal-Kategorija A. Ħdax-il Stat Membru rraportaw li ma għandhom l-ebda faċilità tal-Kategorija A fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tagħhom.
Il-valutazzjoni ffukat b’mod partikolari fuq dispożizzjonijiet li japplikaw għal din il-kategorija. Il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa meqjus bħala indikatur adattat għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva b’mod ġenerali. Dawn kienu jinkludu, prinċipalment: miżuri relatati mal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart u l-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar u l-informazzjoni dwarhom, l-arranġamenti prattiċi meħuda biex tiġi żgurata t-trażmissjoni tal-informazzjoni, il-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ faċilitajiet tal-Kategorija A (inkluż kwalunkwe waħda b’effetti transfruntiera), it-tħejjija ta’ pjanijiet esterni għall-immaniġġjar ta’ emerġenzi u spezzjonijiet.
Il-konklużjoni ġenerali hija li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ġew adottati miżuri ġenerali biex tiġi implimentata d-Direttiva. B’mod partikolari, dawn jikkonsistu fi pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart, il-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar u l-informazzjoni dwarhom, u miżuri prattiċi biex tiġi żgurata t-trażmissjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, meta jitqabblu ż-żewġ perjodi ta’ rapportar, instab li kien hemm titjib ġenerali dwar il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
B’kuntrast ma’ dan, il-valutazzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tittejjeb l-applikazzjoni prattika ta’ ċerti dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, pereżempju, jeħtieġ li xi Stati Membri jlestu l-identifikazzjoni tal-faċilitajiet tal-Kategorija A, u japplikaw il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/337/KE. Il-livell sinifikanti ta’ varjazzjoni li jidher fin-numru ta’ faċilitajiet tal-Kategorija A ddeżinjati mill-Istati Membri, u d-diskrepanzi bejn in-numru ta’ faċilitajiet irrapportati u l-volumi ta’ skart perikoluż ta’ estrazzjoni ġġenerati jissuġġerixxu li dan il-proċess għadu ma tlestiex (ara t-tabella annessa ma’ dan ir-rapport).
Qasam ieħor li jidher li jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ prijorità f’bosta Stati Membri, huwa l-ħruġ ta’ permessi għall-faċilitajiet kollha tal-Kategorija A. L-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterna għall-faċilitajiet kollha tal-Kategorija A għad irid jitlesta: skont informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri, jidher li madwar 25 % ta’ dawn il-faċilitajiet ma għandhomx pjanijiet stabbiliti.
L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet jistgħu ma jiġux mifhuma u implimentati bl-istess mod mill-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, in-numru ta’ spezzjonijiet irrapportati mill-Istati Membri jvarja b’mod konsiderevoli. Billi l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri tirrifletti prattiki differenti, il-fatt li jitqabblu bejniethom huwa ta’ valur limitat.
3.2.Dispożizzjonijiet oħra
Jidher li wħud miċ-ċifri pprovduti mill-Istati Membri għan-numru ta’ faċilitajiet identifikati bħala soġġetti għad-Direttiva mhumiex plawżibbli (ara t-tabella annessa ma’ dan ir-rapport). Iċ-ċifri pprovduti jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-informazzjoni dwar il-ġenerazzjoni ta’ skart tal-estrazzjoni fil-livell nazzjonali disponibbli minn sorsi oħrajn. L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u jillimita l-possibilitajiet għal esklużjoni. Madankollu, in-numru ta’ installazzjonijiet irrapportati mill-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali tagħhom jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni mhux qiegħda tiġi mifhuma u applikata mill-Istati Membri kollha bl-istess mod.
Sitt Stati Membri jirrapportaw, pereżempju, li ma hemm l-ebda faċilità fit-territorju tagħhom li għaliha tapplika d-Direttiva. Madankollu, sorsi oħrajn ta’ informazzjoni jissuġġerixxu li wħud minn dawn il-pajjiżi jospitaw attivitajiet ta’ estrazzjoni li jiġġeneraw l-iskart, inkluż f’ċerti każijiet skart perikoluż.
Bl-istess mod, in-numru baxx ħafna ta’ faċilitajiet li jittrattaw l-iskart inert irrapportat minn uħud mill-Istati Membri jikkuntrasta ċ-ċifri pprovduti minn oħrajn (Franza, pereżempju, tirrapporta li għandha 4 100 faċilità u l-Ungerija ssostni li għandha 604 faċilitajiet, iżda pajjiżi oħrajn jipprovdu ċifri ħafna iktar baxxi).
Il-permessi maħruġa skont din id-Direttiva jistgħu jiġu kkombinati ma’ dawk meħtieġa minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE (pereżempju d-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva Sevesa)) biex tiġi evitata d-duplikazzjoni żejda ta’ informazzjoni u r-ripetizzjoni tax-xogħol. Jidher li numru żgħir biss ta’ faċilitajiet koperti minn din id-Direttiva ġew irrapportati bħala faċilitajiet ta’ skart tal-estrazzjoni.
L-Artikolu 17(1) jistabbilixxi l-obbligi dwar l-ispezzjonijiet. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-faċilitajiet tal-iskart koperti minn permess mogħti skont din id-Direttiva jiġu spezzjonati qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet ta’ depożitu u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem, inkluż fil-fażi ta’ wara l-għeluq, biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti tal-permessi. Id-Direttiva ma tiddefinixxix b’mod espliċitu l-kunċett ta’ spezzjoni u lanqas ma tistabbilixxi fid-dettall kif għandha titwettaq spezzjoni. Madankollu, l-Artikolu 22 jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa u tadotta linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet.
Il-varjazzjoni kbira li nstabet fir-rigward tal-miżuri adottati dwar l-ispezzjonijiet – b’mod partikolari, l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet, in-natura tagħhom, l-awtoritajiet responsabbli, u l-frekwenza tagħhom – u n-numru ta’ spezzjonijiet imwettqa waqt it-tieni perjodu ta’ rapportar, tissuġġerixxi l-possibbiltà li l-Istati Membri mhux dejjem interpretaw id-dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva bl-istess mod.
Seba’ pajjiżi biss irrapportaw li kien hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-livell nazzjonali waqt it-tieni perjodu ta’ rapportar. In-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permessi u l-faċilitajiet li joperaw mingħajr permess kienu fost it-tipi ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità rrapportati.
Id-Direttiva tippermetti li d-dispożizzjonijiet jiġu adattati jew irrifjutati għal ċertu faċilitajiet, skont in-natura tal-iskart. Il-listi nazzjonali ta’ skart inert, b’mod konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/359/KE, jippermettu li ssir differenzjazzjoni għal dawn it-tipi ta’ skart. Tmien Stati Membri biss ħadu vantaġġ minn din l-opzjoni.
Għaldaqstant il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn (dawk applikabbli għall-faċilitajiet kollha) stabbiliti fid-Direttiva huma l-istess bħal dawk li nsiltu fir-rigward tal-faċilitajiet tal-Kategorija A: filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri stabbilixxew qafas ġenerali, għad hemm numru ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.
Id-differenzi bejn l-Istati Membri juru li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jifhmu u japplikaw il-kunċetti bażiċi tad-Direttiva b’mod simili, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet fl-UE.
4.RAPPORTAR RELATAT MAS-SIGURTÀ
Skont l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni, kien hemm total ta’ ħames inċidenti, f’żewġ pajjiżi, waqt iż-żewġ perjodi koperti minn dan ir-rapport.
Madankollu ma ġiet ippreżentata l-ebda notifika formali ta’ dawn l-inċidenti lill-Kummissjoni, kif meħtieġ skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva. L-informazzjoni nkisbet minn sorsi oħrajn.
L-Istati Membri ntalbu wkoll jikkonfermaw in-nuqqas ta’ inċidenti waqt iż-żewġ perjodi ta’ rapportar. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw li ma seħħ l-ebda inċident. Tinħtieġ informazzjoni aktar dettaljata sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħqux l-objettivi stabbiliti fid-Direttiva dwar it-tnaqqis tar-riskju ta’ inċidenti.
5.KWISTJONIJIET ĠENERALI DWAR IR-RAPPORTAR U L-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI
Il-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri hija varjabbli. L-Istati Membri kollha ppreżentaw rapporti nazzjonali, kif meħtieġ mill-Artikolu 18. Ħafna minnhom ipprovdew informazzjoni ddettaljata ħafna, kompluta u aġġornata, u l-livell ta’ kompletezza huwa tal-inqas aċċettabbli għall-Istati Membri kollha.
Id-disparità fl-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, u l-possibbiltà li xi dispożizzjonijiet setgħu ġew interpretati ħażin joħolqu inċertezza dwar il-komparabbiltà tal-informazzjoni pprovduta, u jagħmluha diffiċli ħafna li tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.
B’mod ġenerali, l-esperjenza tal-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport ikkonfermat li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18 mhijiex biżżejjed biex tagħti stampa ċara, iddettaljata biżżejjed u affidabbli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-prattika. Ir-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu jiffukaw fuq l-adozzjoni ta’ miżuri, filwaqt li ma jagħmlu l-ebda referenza espliċita għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ dawn il-miżuri.
Anke bl-użu ta’ sorsi oħrajn, il-Kummissjoni setgħet tikseb biss informazzjoni limitata biex tissupplimenta jew tikkonferma l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aspetti legali u amministrattivi (inklużi inċidenti). L-informazzjoni disponibbli tiffoka fuq kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi iżda, pereżempju, ma jeżisti l-ebda direttorju pubbliku ta’ faċilitajiet ta’ skart tal-estrazzjoni.
6.KONKLUŻJONIJIET U L-PASSI LI JMISS
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jiġi konkluż li l-parti l-kbira tal-Istati Membri adottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva. Madankollu, il-valutazzjoni żvelat ukoll li numru ta’ kwistjonijiet għad iridu jiġu indirizzati, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tad-Direttiva twassal għal-livell mixtieq ta’ protezzjoni.
Ir-rapporti tal-Istati Membri jissuġġerixxu li diversi dispożizzjonijiet importanti, bħal dawk dwar l-identifikazzjoni ta’ faċilitajiet tal-iskart jew tal-għoti ta’ permessi u spezzjonijiet, mhumiex qed jiġu mifhuma u implimentati bl-istess mod mill-Istati Membri. Sabiex l-implimentazzjoni tad-Direttiva tkun aktar konsistenti, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li:
–toħroġ gwida ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva; u
–tiżviluppa linji gwida għall-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 22(1)(c).
Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll modi kif ittejjeb ir-rapportar tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni, inkluż dwar l-inċidenti, it-tixrid aktar wiesgħa tar-riżultati tal-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, u l-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ estrazzjoni, inklużi l-aħjar prattiki.
Pereżempju, tista’ tintuża proċedura differenti għall-ġbir ta’ informazzjoni, skont l-Artikolu 7(5). Il-ġbir ta’ informazzjoni ulterjuri dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tad-Direttiva jgħin fix-xogħol tal-Kummissjoni bil-għan li:
–tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-konformità magħha, b’mod partikolari billi jiġu identifikati b’mod aktar effettiv il-lakuni fl-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva u jitfasslu miżuri possibbli biex jiġu indirizzati;
–jiġu identifikati l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva; kif ukoll
–jiġu esplorati modi ġodda biex jiġi mmaniġġjat ir-rapportar u jiġu ssimplifikati l-proċessi, u biex jiġu previsti, jekk ikun meħtieġ, dispożizzjonijiet emendatorji fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/358/KE dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, f’konformità mal-objettivi tal-Kontroll tal-Idoneità fuq il-Monitoraġġ u r-Rapportar Ambjentali.
Biex timplimenta l-impenn tagħha fil-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq it-tħejjija ta’ gwida u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart mit-tħaffir fil-minjieri.
Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor ukoll informazzjoni li tippermetti aġġornamenti futuri dwar aspetti rilevanti tad-Direttiva biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, b’enfasi partikolari fuq aspetti bħall-immaniġġjar tal-iskart perikoluż, is-sigurtà tad-digi u l-għadajjar u l-prevenzjoni tat-tniġġis.
Dejta tal-Istati Membri
|
|
Skart totali 2012
I
|
Skart totali mill-attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri 2012
II
|
Skart minerali u solidifikat minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri
III
|
Skart minerali u solidifikat perikoluż minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri
IV
|
% ta’ skart perikoluż mit-total ta’ skart minerali u solidifikat minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri
|
Faċilitajiet irrapportati fl-operat
V
|
Faċilitajiet tal-Kategorija A fl-operat
VI
|
Kompletezza (rapportar)
VII
|
Numru ta’ spezzjonijiet (total)
VIII
|
Numru ta’ spezzjonijiet (Kategorija A)
IX
|
|
L-Unjoni Ewropea (28)
|
2.514.220.000
|
733.980.000
|
731.950.000
|
13.460.000
|
1.84
|
|
|
|
|
|
|
Il-Belġju
|
67.630.317
|
115.137
|
30.245
|
9
|
0.03
|
3
|
0
|
|
mhux provdut
X
|
|
|
Il-Bulgarija
|
161.252.166
|
141.082.596
|
141.061.523
|
13.266.720
|
9.40
|
mhux provdut
|
2
|
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
Ir-Repubblika Ċeka
|
23.171.358
|
167.422
|
88.585
|
1.359
|
1.53
|
7
|
0
|
|
0
|
|
|
Id-Danimarka
|
16.332.249
|
18.005
|
5.704
|
45
|
0.79
|
0
|
0
|
|
0
|
|
|
Il-Ġermanja
|
368.022.172
|
8.625.187
|
8.488.645
|
7.705
|
0.09
|
27
|
2
|
|
1073
|
46
|
|
L-Estonja
|
21.992.343
|
9.354.964
|
9.346.454
|
5
|
0.00
|
4
|
0
|
|
53
|
|
|
L-Irlanda
|
13.421.334
|
2.024.984
|
1.984.284
|
508
|
0.03
|
22
|
2
|
|
154
|
49
|
|
Il-Greċja
|
72.328.280
|
47.831.627
|
47.822.445
|
90
|
0.00
|
2343
|
1
|
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
Spanja
|
118.561.669
|
22.509.144
|
22.495.556
|
368
|
0.00
|
1558
|
25
|
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
Franza
|
344.731.922
|
2.477.408
|
2.196.522
|
1.644
|
0.07
|
4152
|
1
|
|
3401
|
1
|
|
Il-Kroazja
|
3.378.638
|
5.034
|
2.729
|
257
|
9.42
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
L-Italja
|
162.764.632
|
719.666
|
345.842
|
1.990
|
0.58
|
213
|
126
|
|
349
|
mhux provdut
|
|
Ċipru
|
2.086.469
|
217.888
|
217.311
|
0
|
0.00
|
13
|
1
|
|
13
|
1
|
|
Il-Latvja
|
2.309.581
|
1.968
|
1.478
|
0
|
0.00
|
0
|
0
|
|
|
|
|
Il-Litwanja
|
5.678.751
|
25.911
|
7.171
|
25
|
0.35
|
0
|
0
|
|
|
|
|
Il-Lussemburgu
|
8.397.228
|
131.314
|
121.034
|
0
|
0.00
|
0
|
0
|
|
|
|
|
L-Ungerija
|
16.310.151
|
91.218
|
81.827
|
30.852
|
37.70
|
862
|
6
|
|
932
|
115
|
|
Malta
|
1.452.496
|
45.103
|
45.103
|
0
|
0.00
|
0
|
0
|
|
|
|
|
In-Netherlands
|
123.612.767
|
179.164
|
139.670
|
3.280
|
2.35
|
0
|
0
|
|
|
|
|
L-Awstrija
|
34.047.465
|
51.339
|
34.687
|
7.830
|
22.57
|
33
|
0
|
|
60
|
|
|
Il-Polonja
|
163.377.949
|
68.035.432
|
67.599.891
|
1.301
|
0.00
|
99
|
0
|
|
116
|
|
|
Il-Portugall
|
14.184.456
|
242.598
|
227.253
|
5
|
0.00
|
8
|
3
|
|
18
|
28
|
|
Ir-Rumanija
|
266.975.602
|
223.292.741
|
223.173.154
|
125.458
|
0.06
|
74
|
2
|
|
743
|
|
|
Is-Slovenja
|
4.546.506
|
14.448
|
10.936
|
0
|
0.00
|
mhux provdut
|
mhux provdut
|
|
0
|
0
|
|
Is-Slovakkja
|
8.425.384
|
310.580
|
299.913
|
203
|
0.07
|
119
|
3
|
|
102
|
15
|
|
Il-Finlandja
|
91.824.193
|
52.880.000
|
52.880.000
|
0
|
0.00
|
90
|
9
|
|
166
|
41
|
|
L-Iżvezja
|
156.306.504
|
129.480.919
|
129.455.408
|
162
|
0.00
|
22
|
15
|
|
75
|
|
|
Ir-Renju Unit
|
241.100.639
|
24.043.977
|
23.787.471
|
8.233
|
0.03
|
601
|
4
|
|
43
|
4
|
-
(I)
Meħuda minn env_wasgen, EUROSTAT: skart iġġenerat mill-attivitajiet kollha ta’ NACE u mid-djar.
-
(II)
Meħuda minn env_wasgen, EUROSTAT: skart iġġenerat minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri.
-
(III)
Meħuda minn env_wasgen, EUROSTAT: skart minerali u solidifikat iġġenerat minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri.
-
(IV)
Meħuda minn env_wasgen, EUROSTAT: skart minerali u solidifikat perikoluż iġġenerat minn attivitajiet tal-qtugħ mill-barrieri u tat-tħaffir fil-minjieri.
-
(V)
Dejta għat-tieni perjodu, kif irrapportata mill-Istati Membri.
-
(VI)
Dejta għat-tieni perjodu, kif irrapportata mill-Istati Membri.
-
(VII)
informazzjoni kompluta disponibbli; informazzjoni pprovduta, iżda jidher li mhijiex kompluta jew mhijiex ċara.
-
(VIII)
Dejta għat-tieni perjodu, kif irrapportata mill-Istati Membri.
-
(IX)
Dejta għat-tieni perjodu, kif irrapportata mill-Istati Membri.
-
(X)
mp: mhux provdut.