IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.5.2016
COM(2016) 276 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-raba' rapport dwar il-progress li għamel il-Kosovo* biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberizzazzjoni tal-viża
{SWD(2016) 160 final}
1. INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo fid-19 ta’ Jannar 2012. Fl-14 ta' Ġunju għaddiet lill-Kosovo pjan direzzjonali li kien jidentifika l-leġiżlazzjoni u l-miżuri kollha l-oħra li jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mill-Kosovo sabiex jagħmel progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża.
Il-Kummissjoni adottat tliet rapporti preċedenti rigward il-progress tal-Kosovo fid-djalogu dwar il-viża, l-ewwel wieħed fit-8 ta’ Frar 2013;
it-tieni wieħed fl-24 ta' Lulju 2014; it-tielet wieħed fit-18 ta' Diċembru 2015; Dawn ir-rapporti kien fihom valutazzjoni dwar il-progress li sar mill-Kosovo, rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Kosovo u dejta statistika dwar l-impatti potenzjali migratorji u ta' sigurtà mil-liberalizzazzjoni tal-viża.
Fit-tielet rapport tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet tmien rakkomandazzjonijiet li fil-pjan direzzjonali dwar il-viża jikkorrispondu għal tmien rekwiżiti pendenti, inklużi erba’ prijoritajiet ewlenin. Hija osservat li wieħed mir-rekwiżiti—ir-ratifika mill-Kosovo tal-ftehim dwar id-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro—jeħtieġ li jitlesta qabel ma l-Kosovo jiġi ttrasferit fil-lista tal-pajjiżi bla obbligu ta' viża.
Ir-rapport attwali, waqt li jkompli jibni fuq l-eżitu tal-missjoni ta’ valutazzjoni teknika fil-Kosovo tas-17 u tat-18 ta’ Marzu 2016, jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li għamel il-Kosovo sabiex jissodisfa t-tmien rekwiżiti pendenti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża.
Dan huwa bbażat fuq dokumenti ppreżentati mill-Kosovo, rapporti abbozzati mill-esperti tal-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw fil-missjoni ta’ valutazzjoni tas-17 u tat-18 ta’ Marzu 2016, tagħrif mogħti mill-EUROPOL, mill-FRONTEX, mill-EASO u mill-EULEX, kif ukoll dejta statistika miġbura mill-EUROSTAT u pprovduta mill-Istati Membri.
Il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo, kif ukoll l-għadd ta’ miżuri li l-Kosovo implimenta minn Diċembru 2015 sabiex jevita kriżi tal-migrazzjoni irregolari, huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.
Id-djalogu dwar il-viża qed iseħħ mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar l-istatus.
2. REKWIŻITI RELATATI MAR-RIAMMISSJONI U MAR-RIINTEGRAZZJONI
2.1. Riammissjoni
Il-Kosovo jissodisfa s-seba’ rekwiżiti kollha fil-qasam tar-riammissjoni. It-tielet rapport tal-Kummissjoni ma indika l-ebda rekwiżit pendenti f’dan il-qasam.
2.2. Ir-riintegrazzjoni
Il-Kosovo jissodisfa t-tliet rekwiżiti kollha fil-qasam tar-riammissjoni.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni juri li l-fond għar-Riintegrazzjoni għandu jiġi żborżat kompletament, u għandu jiffoka fuq li jforni assistenza għall-impjiegi, għat-twaqqif ta’ negozji żgħar, għat-taħriġ vokazzjonali u għat-taħriġ lingwistiku għat-tfal.
Fid-9 ta’ Marzu 2016, il-Kosovo adotta regolament dwar ir-riintegrazzjoni li fetaħ l-aċċess għall-assistenza għall-impjieg indipendenti u għan-negozji ġodda għal kull persuna rimpatrijata, tkun xi tkun id-data tat-tluq tagħha mill-Kosovo. Il-persuni rimpatrijati vulnerabbli jkollhom aċċess għal firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni, tkun xi tkun id-data tat-tluq tagħhom mill-Kosovo.
Fl-ewwel trimestru tal-2016, 704 persuni rimpatrijati bbenefikaw minn fuq servizzi ta’ riintegrazzjoni sostenibbli. Fl-2015 u fl-2014, rispettivament, 336 u 628 persuna rimpatrijata għamlu dan l-użu f'sena sħiħa (ara d-Dijagramma 1).
Dijagramma 1: Benefiċjarji ta’ servizzi sostenibbli ta’ riintegrazzjoni
|
Tip ta’ servizzi sostenibbli ta’ riintegrazzjoni
|
2014
|
2015
|
T1 2016
|
|
Għajnuna għal min jaħdem għal rasu
|
4
|
89
|
180
|
|
Negozji ġodda
|
191
|
64
|
13
|
|
Taħriġ vokazzjonali
|
122
|
63
|
183
|
|
Korsijiet tal-lingwa għat-tfal
|
311
|
120
|
328
|
|
Total
|
628
|
336
|
704
|
Sors: Il-Kosovo, 2016
Sa minn Diċembru 2015, konsulenza speċjalizzata offriet assistenza għall-persuni rimpatrijati li fetħu negozu ġdid. Il-muniċipalitajiet żiedu wkoll b'mod konsiderevoli l-isforz ta’ komunikazzjoni lokali tagħhom.
Fl-2016 il-Kosovo tejjeb ir-rata ta' żborż mill-fond tar-riintegrazzjoni tiegħu. Fl-ewwel trimestru tal-2016, nefaq EUR500 elf (25%) għal servizzi ta' riintegrazzjoni sostenibbli u impenja EUR 1,1 miljun (57%) li minnhom EUR 2 miljun jiffinanzjaw il-ħolqien ta' impjiegi għall-persuni rimpatrijati permezz ta' żewġ programmi: il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) joffri taħriġ fuq il-post tax-xogħol kif ukoll sussidji fuq il-pagi, u l-proġetti ta’ konsulenza ta' hawn fuq joffri assistenza lil negozji ġodda.
Min-naħa l-oħra, il-baġit ippjanat tal-fond, ta' EUR2,1 miljuni, f'nofs l-2015 tnaqqas għal EUR 1,2 miljun minħabba l-iżburżar ħażin fl-ewwel nofs. Sa tmiem l-2015 intefqu biss EUR 930 elf (44 % tal-baġit ippjanat). Fl-2014, intefqu EUR1,5 miljun (72%) mill-fond, u l-bqija ddaħħlu lura fil-baġit.
Kollox ma' kollox il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżit pendenti ta' żburżar tal-fond għar-riintegrazzjoni, u ffoka fuq li jforni assistenza għall-impjiegi, għat-twaqqif ta’ negozji żgħar, għat-taħriġ vokazzjonali u għat-taħriġ lingwistiku għat-tfal.
3. TAQSIMA 1: SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI
Il-Kosovo jissodisfa d-disa' rekwiżiti kollha fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni jindika li l-Kosovo għandu juri li huwa implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja emendata tiegħu dwar it-tibdil fl-isem.
Sa minn Lulju 2015, il-Kosovo implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja ġdida tiegħu dwar it-tibdil fl-isem. Dan il-korp ta’ leġiżlazzjoni introduċa salvagwardji addizzjonali kontra l-bidliet frodulenti tal-isem, inkluża d-dispożizzjoni li dawk taħt proċedura kriminali ma jistgħux jagħmlu tali talbiet. Abbażi tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ismijiet, il-persuni jistgħu jitolbu biex ibiddlu isimhom darba kull ħames snin.
L-applikanti jistgħu jitolbu bidla fl-isem abbażi ta' ħdax-il raġuni, u dawn iridu jipprovdu firxa ta’ dokumenti ta’ sostenn sabiex juru li t-talbiet tagħhom ikunu plawżibbli. Dawn id-dokumenti ta’ sostenn iridu jinkludu kopja tal-kondotta tal-persuna mill-qrati tal-post tar-residenza tal-persuna preċedenti u attwali. Irid jinhemeż ukoll ċertifikat tal-pulizija li jindika li ma hemmx sfond kriminali.
L-Aġenzija responsabbli mir-Reġistrazzjonijiet Ċivili waqqfet kumitat ġdid li jeżamina kull applikazzjoni, li joħroġ rakkomandazzjonijiet għall-uffiċċji tal-istatus ċivili lokali dwar jekk għandhomx jiġu approvati talbiet għal bidla fl-isem. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex vinkolanti, iżda meta uffiċċji lokali ma jikkonformawx magħhom jistgħu jitwettqu aktar investigazzjonijiet. Sa issa kull rakkomandazzjoni ġiet segwita.
Sa mit-twaqqif tiegħu, il-kumitat il-ġdid tal-kontroll ħareġ 180 rakkomandazzjoni—106 pożittivi u 74 negattivi. Meta jitqabblu l-ewwel trimestri tal-2015 u tal-2016, kien hemm tnaqqis ta’ 72 % fit-talbiet għal bidla fil-kunjom u tnaqqis ta’ 69 % fit-talbiet għal bidla fl-isem.
Kollox ma' kollox il-Kosovo ssodisfa l-prijorità ewlenija pendenti, li juri li implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja emendata dwar it-tibdil fl-isem.
4. TAQSIMA 2: IL-ĠESTJONI TAL-FRUNTIERI/KONFINI U TAL-MIGRAZZJONI
4.1. Il-ġestjoni tal-fruntieri/konfini
Il-Kosovo jissodisfa erbatax mill-ħmistax-il rekwiżit fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri/konfini.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni jindika li l-ftehim dwar id-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro, li ġie ffirmat miż-żewġ partijiet, għandu jiġi rratifikat qabel ma l-Kosovo jiġi ttrasferit mal-lista tal-pajjiżi bla obbligu ta' viża.
Fil-15 ta’ Marzu 2016, il-Kosovo waqqaf kummissjoni internazzjonali ad hoc biex jirrevedi d-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro, li kkonkludiet li, abbażi ta’ kriterji tekniċi u legali u tal-Kosovo, fil-proċess tal-Kosovo ta’ delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro "tissodisfa biċ-ċar l-istandards internazzjonali", għalkemm mingħajr il-livell meħtieġ ta’ trasparenza.
B’mod kumplessiv, il-Kosovo ħa passi importanti sabiex jissodisfa r-rekwiżit pendenti li jirratifika l-ftehim ta’ delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro. Il-Kosovo qed jaħdem sabiex jirratifika dan il-Ftehim sal-jum tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva biex il-Kosovo jiġi ttrasferit mal-lista tal-pajjiżi bla obbligu ta' viża tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
4.2. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni
Il-Kosovo jissodisfa l-għaxar rekwiżiti kollha fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. It-tielet rapport tal-Kummissjoni ma indika l-ebda rekwiżit pendenti f’dan il-qasam.
4.3. Ażil
Il-Kosovo jissodisfa s-seba’ rekwiżiti kollha fil-qasam tal-ażil.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni juri li l-Kosovo għandu jimmonitorja r-raġunijiet għal din ir-rata baxxa ta’ rikonoxximent għall-persuni li jfittxu l-ażil.
L-għadd ta’ persuni li jfittxu ażil fil-Kosovo għadu baxx ħafna, minħabba li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jqisu lill-Kosovo bħala post ta’ tranżitu. Mas-70, 98 u 62 persuna fittxew l-ażil fil-Kosovo, rispettivament, fl-2015, l-2014 u l-2013. Ma hemm l-ebda indikazzjoni sa issa li r-rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent lejn il-Kosovo qiegħda tifframmenta ruħha.
Is-sistema ta' ażil tal-Kosovo qed tiffunzjona, u l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkorpora l-elementi essenzjali tal-acquis tal-UE dwar l-ażil. F'dawk il-każijiet meta l-applikanti baqgħu l-Kosovo wara li ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil, il-Kosovo b'mod konsistenti segwa l-proċeduri tal-ażil stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tiegħu.
Ir-rata ta’ rikonoxximent għadha wkoll baxxa: fl-2015, żewġ applikanti minn 70 applikant għall-ażil ingħataw il-protezzjoni sussidjarja; fl-2014, wieħed minn 98 applikant; fl-2013, erbgħa minn 62 applikant; Dan jirrappreżenta rata ta’ rikonoxximent ta’ 3 %, 1 % u 6 %, rispettivament, fl-2015, l-2014 u l-2013.
Ħafna mill-applikanti jibqgħu fil-Kosovo għal ġimgħa qabel ma jaħarbu. Fl-2015, l-awtoritajiet setgħu jwettqu biss sitt intervisti mid-59 applikazzjoni, peress li t-53 applikant l-oħra ħarbu. Minn dawn is-sitta, żewġ persuni ngħataw protezzjoni sussidjarja, li jirrappreżentaw rata ogħla ta’ rikonoxximent mill-individwi li ssirilhom intervista għall-ażil.
Kollox ma' kollox, il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżit pendenti marbut mal-monitoraġġ tar-rata ta' rikonoxximent baxxa tal-ażil.
5. TAQSIMA 3: L-ORDNI PUBBLIKU U S-SIGURTÀ
5.1. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, tal-korruzzjoni u tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom
Il-Kosovo jissodisfa erbatax mill-ħmistax-il rekwiżit fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu, kif ukoll elementi suffiċjenti tal-ħmistax-il prijorità ewlenija.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni wera tliet prijoritajiet ewlenin pendenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu:
-It-trasferiment ta' biżżejjed mħallfin, flimkien mal-persunal ta’ appoġġ adegwat, f'dipartimenti kontra l-kriminalità serja fil-qrati tal-Kosovo;
-It-tisħiħ ta' rekord ta' twettiq rigward l-investigazzjonijiet, is-sentenzi finali tal-qorti u l-konfiski f’każijiet serji ta’ korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata, b’mod partikolari billi l-koordinatur ċentrali għall-każijiet serji ta’ kriminalità organizzata u ta' korruzzjoni jingħata l-mandat u r-riżorsi sabiex imexxi timijiet multidixxiplinarji f'investigazzjonijiet finanzjarji u sabiex jimmonitorja s-segwitu ġudizzjarju ta’ dawn il-każijiet;
-L-iżgurar tal-indipendenza operattiva tal-Korp ta' Analiżi tal-Akkwist Pubbliku u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta' integrità stretta sabiex tiġi protetta l-indipendenza ta’ dan il-korp u tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku;
It-trasferiment ta' mħallfin u ta' persunal ta’ appoġġ f'dipartimenti kontra l-kriminalità serja fil-qrati bażiċi
Sa minn Lulju 2015, il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo (KJC) ittrasferixxa 6 imħallfin lejn il-qorti ordinarja ta' Prishtinë/Priština, u l-għadd totali tagħhom żdied għal 18. Il-KJC ittrasferixxa wkoll imħallfin lejn qrati ordinarji oħra: wieħed f'Ferizaj/Uroševac, tnejn f'Gjakova/Đakovica u wieħed f’Pejë/Peć, u b’hekk l-għadd totali ta’ mħallfin f'kull qorti ordinarja ġie mill-inqas sitta. Il-KJC żied is-salarji tal-imħallfin u nieda r-reklutaġġ ta’ sitt professjonisti assoċjati u fi Frar 2016 ippubblika 25 pożizzjoni vakanti oħra.
Fl-24 ta' Marzu l-assemblea emendat il-liġi tal-KJC sabiex jiġi eliminat il-limitu preċedenti ta' sitt xhur fuq it-trasferimenti, biex ikunu jistgħu jsiru trasferimenti "għal perjodu raġonevooli ta' żmien" Peress li każ medju jieħu madwar sitt xhur sabiex jitlesta, din l-emenda kienet komponent kruċjali sabiex jissaħħaħ is-segwitu ġudizzjarju għall-każijiet serji ta' kriminalità organizzata u ta' korruzzjoni fil-Kosovo.
B’mod kumplessiv, il-Kosovo ssodisfa l-prijorità ewlenija pendenti li jittrasferixxi għadd suffiċjenti ta' mħallfin u ta' persunal ta’ appoġġ f'dipartimenti kontra l-kriminalità serja fi qrati ordinarji.
It-tisħiħ ta' rekord ta' twettiq rigward l-investigazzjonijiet, is-sentenzi finali tal-qorti u l-konfiski f’każijiet serji ta’ korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata
Bejn Settembru u Diċembru 2015, il-Kunsill ta' Prosekuzzjoni tal-Kosovo (KPC) waqqaf sistema integrata ta’ ġestjoni tal-każijiet li jippermetti t-traċċar ta’ għadd magħżul ta’ każijiet ta’ korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata ta’ profil għoli, mill-investigazzjoni, għall-prosekuzzjoni, sal-kundanna finali. Hija bbażata fuq bażi tad-dejta sofistikata li tiffunzjona bħala għodda tal-IT u tal-ġestjoni.
Il-każijiet huma magħżulin mill-koordinatur ċentrali li jaqa' taħt il-prosekuzzjoni speċjali fi ħdan struttura multidixxiplinarja li testendi sal-pulizija, l-unità tal-intelliġenza finanzjarja, l-amministrazzjoni tat-taxxa, l-aġenzija responsabbli mill-amministrazzjoni ta' beni kkonfiskati u ssekwestrati (AMSCA), is-servizz penitenzjarji u d-dipartimenti kontra l-kriminalità serja fi qrati ordinarji. Kull korp għandu membri permanenti ssekondati f'din l-istruttura multidixxiplinarja, li jiskambjaw l-informazzjojni dwar il-każijiet u jdaħħluha fil-bażi tad-dejta. Kull każ fil-mira jiġi ttrattat bħala prijorità ewlenija. Il-presidenti tal-qrati għandhom immedjatament jassenjawhom lill-imħallfin u jirrappurtaw lill-KJC, ta’ kull xahar, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu u l-iżviluppi ġudizzjarji.
Il-Kosovo poġġa fil-mira 31 każ ta’ ta' kriminalità organizzata u ta' korruzzjoni f'din il-bażi tad-dejta. Sal-lum, il-prosekuturi ressqu 15-il kap ta' akkuża kontra 54 persuna. F’żewġ każijiet twaqqfu l-investigazzjonijiet; Erbatax-il każ għadhom qed jiġu investigati. Fis-6 ta’ April 2016 wieħed minn dawn il-każijiet wassal għal kundanni fl-ewwel istanza: panel ta’ mħallfin sabu tliet imputati ħatjin fuq akkużi ta’ korruzzjoni. L-imputat prinċipali rċieva sentenza ta’ tliet snin ħabs u pieni oħrajn; it-tieni imputat, 18-il xahar ħabs; it-tielet wieħed, multa. L-imputat prinċipali kien il-prosekutur f’każ ta’ suspett ta’ omiċidju u ġie kkundannat talli aċċetta tixħim.
Fis-27 ta’ April 2016, il-Kosovo arresta sitt persuni bħala parti minn investigazzjoni dwar l-allegat bejgħ u xiri ta’ art pubblika b'ingann, li jammonta għal EUR 30 miljun. Leġiżlatur prominenti kien l-allegat kap ta’ din il-frodi, li setgħet involviet mal-40 persuna. Din il-persuna tat ruħha lill-awtoritajiet fid-29 ta’ April 2016. L-investigazzjoni kkonċernat grupp tal-kriminalità organizzata fuq skala kbira, attiv mill-2006 sal-lum, involut fil-kriminalità organizzata, fil-ħasil tal-flus, fl-abbuż mill-karigi uffiċjali, fl-iffalsifikar tad-dokumenti kif ukoll fl-għoti u fl-aċċettar ta’ tixħim.
Il-Kosovo għamel ukoll progress fl-iffriżar u fil-qbid ta' beni miksuba b’mod illeċitu, madankollu parti żgħira biss ġew ikkonfiskati fin-nuqqas ta’ verdetti finali. Il-valur stmat ta' beni ffriżati, issekwestrati u kkonfiskati huwa ta' EUR20,6 miljun. Bejn l-2014 u l-2015, il-valur tal-beni kkonfiskati żdied minn EUR 130 000 għal EUR 450 000. L-għadd ta’ inġunzjonijiet għall-iffriżar, is-sekwestru jew il-konfiska żdied minn 204 għal 242.
Għad hemm lakuna fil-beni ttrasferiti lil AMCSA. Fl-2015, 18 % biss tal-beni maqbudin tal-aħħar ġew ittrasferiti lill-Aġenzija; Mas-37 % ġew ittrasferiti fl-2014.
Kollox ma' kollox il-Kosovo ssodisfa biżżejjed elementi tal-prijorità ewlenija, biex jissaħħaħ ir-rekord ta' twettiq rigward l-investigazzjonijiet, is-sentenzi finali tal-qorti u l-konfiski f’każijiet ta’ korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata ta' profil għoli. Huwa stabbilixxa tim multidixxiplinarju ta’ prosekuturi, imħallfin u investigaturi speċjali sabiex isegwu ċertu għadd ta’ każijiet ta’ profil għoli, megħjunin minn bażi tad-dejta. L-iffriżar u l-qbid tal-beni żdied, għalkemm il-konfiski fin-nuqqas ta’ verdetti finali għadhom baxxi. Din is-sistema diġà tat ir-riżultati f’każ wieħed, iżda s-segwitu ġudizzjarju għall-każijiet li jifdal, it-trasferiment tal-beni maqbuda u l-konfiski finali jirrikjedu azzjoni sostnuta min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kosovo qed jaħdem b’mod attiv sabiex isaħħaħ ir-rekord ta' twettiq tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu.
L-iżgurar tal-indipendenza operattiva tal-Korp ta' Analiżi tal-Akkwist Pubbliku u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta' integrità stretta sabiex tiġi protetta l-indipendenza tiegħu u dik tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku;
Sa minn Lulju 2015, il-Kosovo ħa passi konsiderevoli biex issaħħaħ l-integrità tal-akkwist pubbliku. L-eks kap tal-Korp ta' Analiżi tal-Akkwist Pubbliku (PPRB), mixli b’akkużi ta’ korruzzjoni, tneħħa mill-kariga, u l-emendi fil-liġi dwar l-akkwist pubbliku adottati mill-assemblea fid-19 ta’ Frar 2016 ippermettew is-sospensjoni u t-tneħħija tiegħu mill-kariga, sakemm tinqata' l-kundanna finali, tal-membri ta’ dan il-korp li ġew akkużati. Fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ korp għas-selezzjoni magħmul minn imħallfin tal-Qorti Suprema, fit-30 ta’ Marzu l-assemblea ħatret il-president il-ġdid u ż-żewġ Membri tal-PPRB li kien jonqos biex saret operattiva bis-sħiħ.
Ir-rieżami ta’ każijiet reċenti dwar l-appelli tal-akkwist pubbliku juri wkoll progress. Fil-592 appell imressqin fl-2015, il-PPRB ħa deċiżjonijiet favur l-operaturi ekonomiċi f’129 każ. B'kollox il-PPRB reġa' vvaluta 196 każ, u fl-2015 reġa' tefa' mill-ġdid għall-offerta 129 minnhom. Dan huwa titjib konsiderevoli meta mqabbel ma’ Lulju 2015, meta r-rata ta’ suċċess tal-PPRBfir-rieżamijiet kontra operaturi ekonomiċi kienet ta’ 100 %. F’każijiet fejn l-operaturi ekonomiċi appellaw quddiem il-qorti ordinarja ta’ Prishtinë/Priština, il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-PPRB intlaqgħu.
L-istrateġija tal-akkwist pubbliku hija mistennija li tiġi adottata f’Mejju 2016, li għandha l-għan li ttejjeb l-integrità, l-obbligu ta' rendikont u r-responsabilità fl-akkwist pubbliku abbażi ta’ sistema ta' akkwist pubbliku mmodernizzat.
L-akkwist elettroniku tnieda fil-5 ta’ Jannar 2016. Il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku saret operattiva għall-proċeduri ċentrali tal-offerti fl-1 ta’ April 2016. L-organizzazzjonijiet baġitarji kollha f'livell ċentrali huma obbligati jibdew jużaw is-sistema elettronika mill-1 ta’ Settembru; l-organizzazzjonijiet baġitarji tal-Kosovo kollha mill-1 ta’ Jannar 2017. L-operatur tal-elettriku tal-Kosovo sar l-ewwel korp li uża l-pjattaforma tal-akkwist elettroniku fil-25 ta’ Marzu 2016.
Kollox ma' kollox il-Kosovo ssodisfa l-proijorità ewlenija pendenti li jiżgura l-indipendenza operattiva tal-Korp ta' Analiżi tal-Akkwist Pubbliku u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta' integrità stretta sabiex tiġi protetta l-indipendenza tiegħu u tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku
5.2. Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi
Il-Kosovo jissodisfa l-ħdax-il rekwiżit kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-ligi. It-tielet rapport tal-Kummissjoni ma indika l-ebda rekwiżit pendenti f’dan il-qasam.
5.3. Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali
Il-Kosovo jissodisfa s-seba’ rekwiżiti kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. It-tielet rapport tal-Kummissjoni ma indika l-ebda rekwiżit pendenti f’dan il-qasam.
5.4. Protezzjoni tad-dejta
Il-Kosovo jissodisfa t-tliet rekwiżiti kollha fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta. It-tielet rapport tal-Kummissjoni ma indika l-ebda rekwiżit pendenti f’dan il-qasam.
6. TAQSIMA 4: ID-DRITTIJIET FUNDAMENTALI RELATATI MAL-LIBERTÀ TAL-MOVIMENT
Il-Kosovo jissodisfa t-tmien rekwiżiti kollha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali relatati mal-libertà tal-moviment.
It-tielet rapport tal-Kummissjoni juri li l-Kosovo għandu jipprovdi post xierqa għall-ombudsman u jiżgura l-indipendenza baġitarja totali tiegħu.
Ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn l-ombudsman u l-ministeru tal-amministrazzjoni pubblika fit-12 ta’ Frar 2016. Dan jalloka bini xieraq għall-ombudsman fil-belt kapitali. Ir-rinnovazzjoni bdiet f'April 2016, u sa Lulju 2016 l-ombudsman għandu jittrażloka.
Il-Ministeru tal-Finanzi alloka EUR 98 000 addizzjonali għall-ombudsman. Dawn se jkopru s-salarji ta' disa' persuni oħra tal-persunal maħluqa mill-pakkett ta' Lulju 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem, li żied il-kompiti tal-ombudsman fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Sabiex tissaħħaħ l-indipendenza baġitarja tal-ombudsman, il-Kosovo fit-18 ta’ Frar 2016 impenja ruħu li jalloka għalih baġit ta’ EUR 422 000. Dan l-ammont jikkorrispondi għat-talba tal-ombudsman u se jippermettilu jwettaq kompiti ġodda li jirriżultaw mill-pakkett dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-liġi tal-ombudsman tipprevedi li l-baġit ta' din l-istituzzjoni jista’ jitnaqqas biss bl-approvazzjoni tal-ombudsman.
Kollox ma' kollox, il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżit pendenti relatat mal-għoti ta’ bini adegwat u mal-indipendenza baġitarja totali tal-ombudsman.
7. KONKLUŻJONI
Dan ir-rapport jikkomplimenta t-tlieta preċedenti adottati mill-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kosovo fid-djalogu dwar il-viża. Dawn ir-rapporti kienu jinkludu valutazzjoni dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża, ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kosovo u l-valutazzjoni dwar l-impatti potenzjali migratorji u ta' sigurtà mil-liberalizzazzjoni tal-viża.
Fit-tielet rapport tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet tmien rakkomandazzjonijiet li fil-pjan direzzjonali dwar il-viża jikkorrispondu għal tmien rekwiżiti pendenti, inklużi erba’ prijoritajiet ewlenin. Hija osservat li wieħed mir-rekwiżiti – ir-ratifika mill-Kosovo tal-ftehim dwar id-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro – jeħtieġ li jitlesta qabel mal-Kosovo jiġi ttrasferit fil-lista tal-pajjiżi bla obbligu ta' viża.
Il-Kummissjoni evalwat il-passi riċenti tal-Kosovo sabiex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti pendenti. Il-Kosovo pprovda d-dokumenti leġiżlattivi u politiċi meħtieġa għal din il-valutazzjoni. Dan ir-rapport ġie msejjes fuq is-sejbiet ta’ erba’ esperti tal-Istati Membri li akkumpanjaw lill-Kummissjoni fuq missjoni ta’ valutazzjoni fil-Kosovo fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2016.
L-impatti potenzjali migratorji u ta' sigurtà mil-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo, kif ukoll l-għadd ta’ miżuri li l-Kosovo implimenta minn Diċembru 2015 sabiex jevita l-abbuż min-nuqqas ta' obbligu tal-viża, huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah.
Id-djalogu dwar il-viża mal-Kosovo wera li hu għodda importanti u partikolarment effettiva fl-avvanz ta’ riformi mifruxa u diffiċli fil-qasam tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni, u lil hinn, u ħalla impatt f’oqsma bħall-istat tad-dritt u r-riforma tal-ġustizzja kriminali. Dawn il-kwistjonijiet huma mmonitorjati wkoll f’oqfsa oħra, bħal fis-sottokumitat tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.
Il-progress miksub mill-Kosovo fl-oqsma kollha koperti mill-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għadu stabbli u effettiv, li juri l-impenn fit-tul tal-Kosovo li jitwettaq ir-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fit-tielet rapport tal-Kummissjoni ġew indirizzati sabiex jiġi żgurat li l-qafas leġiżlattiv u politiku, il-prinċipji istituzzjonali u organizzattivi u l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-erba’ taqsimiet, kif ukoll ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, huma konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dan jikkonferma li l-Kosovo lest li jkompli jindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tal-viża.
Bħala riżultat ta’ għadd ta’ miżuri importanti li l-Kosovo implimenta minn Diċembru 2015, il-Kummissjoni tqis li l-Kosovo wettaq dan li ġej:
1.Issodisfa l-prijorità ewlenija li jittrasferixxi għadd suffiċjenti ta' mħallfin u ta' persunal ta’ appoġġ f'dipartimenti kontra l-kriminalità serja fi qrati ordinarji.
2.Issodisfa biżżejjed elementi tal-prijorità ewlenija, biex isaħħaħ ir-rekord ta' twettiq rigward l-investigazzjonijiet, is-sentenzi finali tal-qorti u l-konfiski f’każijiet ta’ korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata ta' profil għoli. Huwa stabbilixxa tim multidixxiplinarju ta’ prosekuturi, imħallfin u investigaturi speċjali sabiex isegwu ċertu għadd ta’ każijiet ta’ profil għoli, megħjunin minn bażi tad-dejta. L-iffriżar u l-qbid tal-beni żdied, għalkemm il-konfiski fin-nuqqas ta’ verdetti finali għadhom baxxi. Din is-sistema diġà tat ir-riżultati f’każ wieħed, iżda s-segwitu ġudizzjarju għall-każijiet li jifdal, it-trasferiment tal-beni maqbuda u l-konfiski finali jirrikjedu azzjoni sostnuta min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kosovo qed jaħdem b’mod attiv sabiex isaħħaħ ir-rekord ta' twettiq tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu;
3.Issodisfa l-prijorità ewlenija li jiżgura l-indipendenza operattiva tal-Korp ta' Analiżi tal-Akkwist Pubbliku u implimenta pjanijiet ta' integrità stretta sabiex jipproteġi l-indipendenza tiegħu u dik tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku;
4.Issodisfa l-prijorità ewlenija, dik li juri li implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja emendata dwar it-tibdil fl-isem.
5.Ħa passi importanti sabiex jissodisfa r-rekwiżit li jirratifika l-ftehim ta’ delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro. Il-Kosovo qed jaħdem sabiex jirratifika dan il-Ftehim sal-jum tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva biex il-Kosovo jiġi ttrasferrit mal-lista tal-pajjiżi bla obbligu ta' viża tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
6.Issodisfa r-rekwiżit li jiżborża l-fond għar-riintegrazzjoni, u ffoka fuq li jforni assistenza għall-impjiegi, għat-twaqqif ta’ negozji żgħar, għat-taħriġ vokazzjonali u għat-taħriġ lingwistiku għat-tfal;
7.Issodisfa r-rekwiżit marbut mal-monitoraġġ tar-rata ta' rikonoxximent baxxa tal-ażil.
8.Issodisfa r-rekwiżit relatat mal-għoti ta’ bini adegwat u mal-indipendenza baġitarja totali tal-ombudsman.
Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u fid-dawl tal-eżitu tal-monitoraġġ u tar-rappurtar kontinwu li sar mit-tnedija tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo, il-Kummissjoni tikkonferma li l-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, bil-qbil li, sal-jum tal-adozzjoni ta' din il-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kosovo jkunu rratifika l-ftehim dwar il-fruntieri/konfini mal-Montenegro u saħħaħ ir-rekord ta' twettiq tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji kollha li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu ddeterminati, skont il-każ, il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jkunu suġġetti għar-rekwiżit ta' viża jew eżentati minnu, kif stabbilit fl-Artiklu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (kif introdott mir-Regolament (UE) Nru 509/2014), il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, li l-Kosovo jiġi ttrasferit mill-Anness I, il-Parti 2 għall-Anness II, il-Parti 4 ta’ dan ir-Regolament. Kif indikat fil-pjan direzzjonali, din l-emenda tkopri biss persuni li jkunu d-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-istandards tal-UE għall-elementi ta’ sigurtà u għall-bijometrija fid-dokumenti tal-ivvjaġġar.
Wara l-preżentazzjoni ta’ din il-proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja b’mod attiv ir-ratifika tal-Kosovo tal-ftehim mal-Montenegro rigward il-fruntieri/konfini kif ukoll żviluppi oħra fir-rekord ta' twettiq fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
L-implimentazzjoni li għadha għaddejja mill-Kosovo tar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-erba’ taqsimiet tal-pjan direzzjonali dwar il-viża, kif ukoll ir-riintegrazzjoni u r-riammissjoni, se jinżammu taħt monitoraġġ permezz tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ segwitu ad hoc. Il-Kosovo għandu jiżgura li jibqgħu fis-seħħ miżuri effikaċi li jipprevjenu l-abbuż mis-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża. Fost affarijiet oħra, il-Kosovo għandu jkompli jorganizza kampanji ta’ informazzjoni mmirati bl-għan li jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi tal-ivjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta' Schengen, u dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli żżomm taħt monitoraġġ u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja lill-Kosovo fl-implimentazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali dwar il-viża.