Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0117

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Flussi ta' Dejta Transatlantiċi: Nirritornaw il-Fiduċja permezz ta' Salvagwardji Qawwija

COM/2016/0117 final

Brussell, 29.2.2016

COM(2016) 117 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Flussi ta' Dejta Transatlantiċi: Nirritornaw il-Fiduċja permezz ta' Salvagwardji Qawwija


1. Introduzzjoni: Ir-Rwol tal-Iskambji ta' Dejta Personali fir-Relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti

Sħubija transatlantika solida bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija vitali llum daqs kemm dejjem kienet. Għandna valuri komuni, objettivi politiċi u ekonomiċi komuni, u nikkooperaw mill-qrib fil-ġlieda kontra t-theddidiet komuni għas-sigurtà tagħna. Il-qawwa dejjiema tar-relazzjoni tagħna hija evidenzjata mill-ammont tal-iskambji kummerċjali tagħna u l-kooperazzjoni mill-qrib bejnietna fl-affarijiet globali.

It-trasferiment u l-iskambju ta' dejta personali huma komponent essenzjali li jirfed ir-rabtiet mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti fil-qasam kummerċjali kif ukoll fis-settur tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Dawn l-iskambji ta' dejta jirrikjedu livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta u s-salvagwardji korrispondenti.

F'Ġunju 2013, rapporti li jikkonċernaw programmi ta' ġbir ta’ intelliġenza fuq skala kbira fl-Istati Uniti qajmu tħassib serju kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell tal-Istati Uniti dwar l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-Ewropej ta' pproċessar ta' dejta personali fuq skala kbira kemm mill-awtoritajiet pubbliċi u kemm minn kumpaniji privati fl-Istati Uniti.

B'reazzjoni ta' dan, fis-27 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti 1 fejn stabbiliet pjan ta' azzjoni biex tiġi rritornata l-fiduċja fit-trasferimenti tad-dejta għall-benefiċċju tal-ekonomija diġitali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi Ewropej, u r-relazzjoni transatlantika usa'. Il-Komunikazzjoni stabbiliet l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin biex jinkiseb dan l-objettiv:

(i)    l-adozzjoni tal-pakkett ta' riforma tal-protezzjoni tad-dejta propost mill-Kummissjoni fl-2012 2 ;

(ii)    l-Isfera ta' Sikurezza ssir iktar sikura fuq il-bażi tat-13-il rakkomandazzjoni stipulati fil-Komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza 3 ; u

(iii) it-tisħiħ tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta għall-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi, partikolarment bil-konklużjoni ta' negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti. Din tal-aħħar tinkludi wkoll l-objettiv ta' ksib ta' impenji mill-Istati Uniti dwar drittijiet individwali eżekutorji, inklużi modi għall-ksib ta' rimedju ġudizzjarju, b'mod partikolari bl-adozzjoni ta' Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji li jestendi ċerti drittijiet minquxa fl-Att tal-1974 dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-UE li dak iż-żmien kienu disponibbli biss għaċ-ċittadini u r-residenti permanenti tal-Istati Uniti.

Dawn l-għanijiet kienu rrikonfermati fil-linji gwida politiċi 4 tal-Kummissjoni Juncker: "Il-protezzjoni tad-dejta hija dritt fundamentali ta' importanza partikolari fl-era diġitali. Minbarra l-finalizzazzjoni malajr tal-ħidma leġiżlattiva dwar ir-regoli ta' protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni Ewropea, irridu wkoll inħarsu dan id-dritt fir-relazzjonijiet esterni tagħna. Fid-dawl ta' rivelazzjonijiet reċenti dwar sorveljanza tal-massa, sħab mill-qrib bħall-Istati Uniti jridu jikkonvinċuna li l-arranġamenti attwali dwar l-isfera ta' sikurezza huma verament sikuri jekk iridu li jkomplu. L-Istati Uniti jridu jiggarantixxu wkoll li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom id-dritt li jinfurzaw id-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta fil-qrati tal-Istati Uniti, sew jekk jirrisjedu l-Istati Uniti u sew jekk le. Dan huwa essenzjali biex tiġi rritornata l-fiduċja fir-relazzjonijiet transatlantiċi."

Minn dakinhar, il-Kummissjoni ħadmet biex tikseb dawn l-objettivi. Il-Kummissjoni żiedet in-negozjati dwar Ftehim Komprensiv li kien inizjalat mill-partijiet fit-8 ta' Settembru 2015. Id-diskussjonijiet interistituzzjonali dwar il-pakkett ta' riforma tal-protezzjoni tad-dejta kienu intensifikati u rriżultaw fi ftehim politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fil-15 ta' Diċembru 2015. Fir-rigward ta' trasferimenti ta' dejta transatlantiċi fis-sfera kummerċjali, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-Istati Uniti biex issaħħaħ l-Isfera ta' Sikurezza f'Jannar 2014. L-invalidazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems fis-6 ta' Ottubru 2015 5 ikkonfermat il-bżonn għal qafas imġedded u pprovdiet gwida ulterjuri dwar il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-qafas. Wara s-sentenza, fis-6 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet gwida għall-kumpaniji li tistabbilixxi għodod alternattivi li jippermettu t-trasferiment kontinwat ta' dejta personali lejn l-Istati Uniti 6 . Fit-2 ta' Frar 2016, intlaħaq ftehim politiku dwar qafas ġdid għall-flussi ta' dejta transatlantiċi, it-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti 7 , biex jieħu post l-arranġament preċedenti.

Dawn il-kisbiet se jkunu ta' benefiċċju għar-relazzjoni transatlantika u għandhom jirritornaw il-fiduċja tal-Ewropej fl-ekonomija diġitali filwaqt li jqawwu d-drittijiet fundamentali tagħhom. Huma se jarmaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'qafas legali ta' protezzjoni tad-dejta iktar b'saħħtu li se jwassal għal integrazzjoni eqreb tas-suq intern, b'mod partikolari s-Suq Uniku Diġitali, kif ukoll jippermettu lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi u tiżviluppa standards internazzjonali tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-dejta personali.

B'mod parallel, tnedew inizjattivi importanti li wasslu għal bidliet sinifikanti fl-ordni ġuridiku Amerikan. Fis-17 ta' Jannar 2014, il-President Obama ħabbar 8 riformi għall-attivitajiet tal-intelliġenza tas-sinjali li sussegwentement ġew stabbiliti fid-Direttiva Politika Presidenzjali 28 (PPD-28) 9 . Ħaġa importanti hi li dawn ir-riformi stipulaw l-estensjoni ta' ċerti protezzjonijiet tal-privatezza lil ċittadini mhux Amerikani kif ukoll iffukar mill-ġdid tal-ġbir tad-dejta minn ġbir tal-massa lejn approċċ li jipprijoratizza ġbir u aċċess immirat. Il-Kummissjoni laqgħet dawk l-orjentazzjonijiet l-ġodda bħala pass importanti fid-direzzjoni t-tajba 10 . Dan il-proċess ta' riforma kien strumentali wkoll biex jinforma d-diskussjonijiet mal-Istati Uniti dwar it-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti. Minn dak iż-żmien ġew introdotti iktar bidliet. Pereżempju, f'Ġunju 2015 l-Istati Uniti għaddew l-Att tal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-Libertà 11 li mmodifika ċerti programmi ta' sorveljanza Amerikani, saħħaħ is-superviżjoni ġudizzjarja u żied it-trasparenza pubblika dwar l-użu tagħhom. Finalment, fl-10 ta' Frar 2016, il-Kungress Amerikan għadda l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji li ġiet iffirmata mill-President Obama biex issir liġi fl-24 ta' Frar 2016 12 .

Huwa f'dan l-isfond li l-Komunikazzjoni preżenti tqis kemm imxejna biex nilħqu l-objettivi fformulati fil-Komunikazzjoni tal-2013. Huwa se jenfasizza wkoll oqsma fejn ikun għad hemm bżonn ta' iktar ħidma biex tiġi ċċimentata u rritornata bis-sħiħ il-fiduċja fil-flussi tad-dejta transatlantiċi.

2. Ir-Riforma tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE

2.1 Il-kuntest

Sabiex jinħatfu l-opportunitajiet u jiġu jindirizzati l-isfidi ta' dinja interkonnessa dejjem iktar diġitali, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett ta' Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta ("ir-riforma") f'Jannar 2012. Bit-tisħiħ tar-regoli interni tal-UE u billi individwi jkunu pprovduti b'iktar kontroll fuq id-dejta personali tagħhom, ir-riforma għandha l-għan li trawwem il-fiduċja fl-ekonomija diġitali sew jekk id-dejta personali tkun ipproċessata fi Stat Membru, fl-UE u sew jekk f'pajjiżi terzi, bħal fl-Istati Uniti.

Il-pakkett ta' riforma jinkludi żewġ strument legali, Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 13 ("ir-Regolament") li jistabbilixxi qafas komuni tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta, u Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ("id-Direttiva tal-Pulizija") 14 . Bil-proposta ta' regolament li jkun japplika direttament fl-Istati Membri, l-għan tal-Kummissjoni kien li jiġi stabbilit standard komuni wieħed għall-protezzjoni tad-dejta għal kulħadd, u b'hekk telimina d-differenzi fil-livell ta' protezzjoni fost l-Istati Membri. Similarment, id-Direttiva tal-Pulizija għall-ewwel darba se tkun qed tistipula sett ta' regoli komuni fil-livell tal-UE, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tat-tradizzjonijiet ġudizzjarji u tal-eżekuzzjoni tal-liġi fl-Istati Membri.

Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill waslu għal ftehim politiku dwar il-pakkett ta' riforma, u b'hekk issodisfaw waħda mill-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2013.

2.2 Xi nbidel?

Ir-Regolament aġġorna, immodernizza u f'xi każijiet saħħaħ il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta minqux fid-Direttiva tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 15 li tiggarantixxi d-drittijiet tal-privatezza. Huwa jiffoka fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi, l-approfondiment tas-suq intern tal-UE, l-iżgurar ta' eżekuzzjoni aqwa tar-regoli, is-semplifikazzjoni tat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali u l-iffissar ta' standards ta' protezzjoni tad-dejta globali. Ir-regoli huma maħsuba biex jiżguraw li d-dejta personali tal-individwi tal-UE tkun imħarsa – intbagħtet fejn intbagħtet, ġiet ipproċessata fejn ġiet ipproċessata u nħażnet fejn inħażnet – anke jekk mhux fl-UE, kif spiss jiġri fid-dinja diġitali. Għadd ta' fatturi fir-riforma huma partikolarment rilevanti biex jiġu enfasizzati.

L-ewwel nett, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali: ir-Regolament jiċċara li japplika wkoll għall-kumpaniji stabbiliti f'pajjiż terz jekk ikunu qed joffru oġġetti u servizzi, jew ikunu qed jimmonitorizzaw l-imġiba ta' individwi, fl-UE. Kumpaniji bbażati barra mill-UE jkollhom japplikaw l-istess regoli bħall-kumpaniji bbażati fl-UE. Dan jiżgura l-protezzjoni komprensiva tad-drittijiet tal-individwi tal-UE. Huwa joħloq ukoll kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk barranin, u b'hekk jiġu evitati żbilanċi kompetittivi bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk barranin meta joperaw fl-UE jew ikollhom konsumaturi fl-UE fil-mira tagħhom.

It-tieni, eżekuzzjoni aqwa tar-regoli ta' protezzjoni tad-dejta: ir-Regolament jipprevedi reġim ta' sanzjonijiet effettiv billi jarmonizza s-setgħat tal-awtoritajiet sorveljatorji ta' protezzjoni tad-dejta nazzjonali (DPAs). Dawn jingħataw is-setgħa li jimponu multi li jlaħħqu sa EUR 20 miljun jew sa 4% tal-fatturat annwali dinji totali ta' kumpanija. Din is-setgħa ta' impożizzjoni ta' sanzjonijiet dissważivi għan-nonkonformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta flimkien mal-kamp ta' applikazzjoni territorjali msemmi fuq se jiżgura li l-kumpaniji li jinnegozjaw fl-UE jkollhom kull inċentiv biex jikkonformaw mal-liġi tal-UE. Ir-regoli l-ġodda jintroduċu wkoll reġim ta' responsabbiltà iktar ċar u iktar strett għall-kontrolluri u l-proċessaturi.

It-tielet, regoli armonizzati għall-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi: id-Direttiva tal-Pulizija tapplika prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta u regoli għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri għal kwistjonijiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi kriminali. Din tinkludi regoli armonizzati għat-trasferimenti internazzjonali ta' dejta personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali 16 . Id-Direttiva l-ġdida se tgħolli l-livell ta' protezzjoni għall-individwi filwaqt li tiżgura li d-dejta ta’ vittmi, ta' xhieda u ta' persuni suspettati li wettqu reati, titħares kif xieraq fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jew ta’ azzjoni tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Is-superviżjoni hija żgurata minn awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u l-individwi jridu jingħataw il-possibilità ta' rimedji ġudizzjarji effikaċi. Fl-istess ħin, iktar liġijiet armonizzati jippermettu lill-pulizija u lill-awtoritajiet ġudizzjarji jikkooperaw b'mod iktar effikaċi, kemm bejn l-Istati Membri u kemm bejn l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali tagħhom, biex il-kriminalità u t-terroriżmu jkunu miġġielda b'mod aktar effikaċi. Din hija parti kruċjali tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 17 .

Ir-raba', regoli b'saħħithom għal trasferimenti internazzjonali aktar sikuri: kemm ir-Regolament u kemm id-Direttiva tal-Pulizija jipprovdu regoli trasparenti, dettaljati u komprensivi għat-trasferimenti ta' dejta personali lejn pajjiżi terzi. Dawn ikopru kull forma ta' trasferiment internazzjonali, kemm għal finijiet kummerċjali u kemm għall-eżekuzzjoni tal-liġi, bejn partijiet privati jew awtoritajiet pubbliċi, jew bejn entitajiet privati u awtoritajiet pubbliċi. Filwaqt li l-arkitettura tar-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali tibqa' essenzjalment l-istess bħal fid-Direttiva attwali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (jiġifieri deċiżjonijiet ta’ adegwatezza, klawżoli kuntrattwali standard u regoli korporattivi vinkolanti, kif ukoll ċerti derogi mill-projbizzjoni ġenerali għat-trasferiment ta' dejta personali 'l barra mill-UE), ir-riforma tiċċara u tissemplifika dawk ir-regoli f'għadd ta' modi filwaqt li tnaqqas il-burokrazija. Hija tintroduċi wkoll xi għodod ġodda għal trasferimenti internazzjonali.

Ir-Regolament isaħħaħ ulterjorment is-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali. Meta mqabbla mad-Direttiva attwali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, id-dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza, il-funzjonijiet u s-setgħat tad-DPAs tal-UE huma deskritti f'aktar dettall u msaħħa sostanzjalment. Dan jinkludi espressament is-setgħa ta' sospensjoni tal-flussi tad-dejta lil riċevitur f'pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali. Id-Direttiva tal-Pulizija fiha dispożizzjonijiet simili fir-rigward ta' trasferimenti internazzjonali u s-setgħat tad-DPAs fuq is-settur tal-eżekuzzjoni tal-liġi.

B'mod iktar speċifiku, fir-rigward tar-regoli dwar id-deċiżjonijiet ta' adegwatezza, ir-Regolament stipula katalogu preċiż u dettaljat ta' elementi li l-Kummissjoni trid tqis meta tivvaluta l-livell ta' protezzjoni tad-dejta pprovdut fl-ordni ġuridiku ta' pajjiż terz. Dan il-proċess jikkonsisti f'valutazzjoni komprensiva li trid tagħmel il-Kummissjoni u li għandha tkopri – element li huwa wkoll konformi mas-sentenza Schrems – regoli li jirregolaw l-aċċess għal dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiż terz. Fattur kritiku ieħor ta' din il-valutazzjoni huwa li l-individwi jkunu pprovduti bi drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta effettivi u eżekutorji u jistgħu jiksbu rimedju ġudizzjarju jew amministrattiv effettiv.

Barra minn hekk, ir-Regolament jirrikjedi espressament lill-Kummissjoni tirrevedi perjodikament, tal-anqas kull erba' snin, id-deċiżjonijiet ta' adegwatezza kollha tagħha sabiex tibqa' aġġornata bl-iżviluppi rilevanti kollha f'pajjiż terz li jista' jkollhom impatt dirett jew avvers fuq il-livell ta' protezzjoni fl-ordni ġuridiku tiegħu. Dan il-monitoraġġ kontinwu tal-adegwatezza jkun proċess iktar dinamiku peress li jinvolvi wkoll djalogu mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat.

Fir-rigward tat-trasferimenti lejn pajjiżi terzi li ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza għalihom, ir-Regolament jipprovdi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta' għodod ta' trasferiment alternattivi bħal klawżoli kuntrattwali standard u regoli korporattivi vinkolanti. Huwa jżid ukoll l-istrumenti l-oħra għat-trasferimenti, bħall-kodiċijiet ta' kondotta approvati u l-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati. Fl-aħħar nett, iċċara s-sitwazzjoni meta jistgħu jintużaw id-derogi.

2.3 It-triq ’il quddiem

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta hija pass essenzjali biex jissaħħu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fl-era diġitali u jiġi ffaċilitat in-negozju billi jiġu ssemplifikati r-regoli għall-kumpaniji fis-Suq Uniku Diġitali. Il-fiduċja tal-konsumatur fl-UE u fl-operaturi ta' pajjiżi terzi tikkontribwixxi, u b'hekk tkun ta' benefiċċju, għall-ekonomija diġitali globali. Hija tolqot pożittivament ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna mal-Istati Uniti, l-ikbar sieħeb tan-negozju tagħna. Hija se ġġib iċ-ċarezza u ambjent stabbli għan-negozju tal-UE u dawk barranin biex joperaw fih. Min-naħa tagħhom, in-negozji Amerikani se jibbenefikaw minn ċertezza tad-dritt li tiġi min-negozju ma' żona ekonomika integrata li tapplika sett uniformi ta' regoli ta' protezzjoni tad-dejta.

Regoli komuni fis-settur tal-eżekuzzjoni tal-liġi se jiżguraw li d-dejta tal-individwi jkunu protetti u li jkunu intitolati għal rimedji ġudizzjarji effikaċi. Il-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri se żżid l-effiċjenza tal-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali u b'hekk toħloq kundizzjonijiet għal prevenzjoni tal-kriminalità iktar effikaċi fl-UE. Fl-istess ħin dan jippermetti kooperazzjoni b'inqas xkiel mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi.

L-adozzjoni formali tal-pakkett ta' riforma mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill mistennija sseħħ matul l-ewwel semestru tal-2016. Ir-Regolament se japplika sentejn wara l-adozzjoni tiegħu filwaqt li d-Direttiva tal-Pulizija tistipula perjodu ta' implimentazzjoni ta' sentejn. Il-perjodu tranżitorju ta' sentejn għandu jintuża mill-partijiet ikkonċernati kollha, kemm fl-UE u kemm barra, biex iħejju ruħhom għar-regoli l-ġodda. Il-Kummissjoni se jkollha r-rwol tagħha. Matul dan il-perjodu tranżitorju, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mad-DPAs u ma' partijiet interessati oħrajn biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli u tippromwovi ambjent konformi.

3. It-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti: Qafas Transatlantiku Ġdid għall-Flussi ta' Dejta Personali

3.1 Il-kuntest

Sabiex ikunu ffaċilitati l-flussi tad-dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-iskambji kummerċjali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni ta' dik id-dejta, il-Kummissjoni, fl-2000, kienet għarfet il-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza bħala li tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni 18 . Minħabba f'hekk, minkejja n-nuqqas ta' liġi ġenerali għall-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Uniti, id-dejta personali setgħet tiġi ttrasferita liberament minn Stati Membri tal-UE lejn kumpaniji fl-Istati Uniti li kienu ffirmaw il-prinċipji tal-privatezza li huma l-bażi tal-qafas.

Fil-Komunikazzjoni tal-2013 dwar l-Isfera ta' Sikurezza 19 , il-Kummissjoni enfasizzat għadd ta' dgħufijiet fil-funzjonament tal-arranġament tul iż-żmien, partikolarment nuqqas ta' trasparenza mill-kumpaniji li tikkonċerna l-aderenza tagħhom għall-iskema u nuqqas ta' eżekuzzjoni effikaċi mill-awtoritajiet Amerikani tal-konformità ta' dawk il-kumpaniji mal-prinċipji ta' privatezza tal-iskema. Barra minn hekk, ir-rivelazzjoni dwar is-sorveljanza iktar kmieni dik is-sena qajmu tħassib fir-rigward tal-iskala u l-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti programmi ta' intelliġenza Amerikani u l-livell ta' aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi Amerikani għad-dejta personali ttrasferita skont l-Isfera ta' Sikurezza. Wara li kkunsidrat dawn l-elementi u elementi oħrajn 20 , il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Isfera ta' Sikurezza kellha tiġi riveduta. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni fformulat 13-il rakkomandazzjoni 21 biex isaħħu u jaġġornaw il-garanziji tal-protezzjoni tad-dejta mibnija fil-qafas. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiffukaw fuq: (i) it-tisħiħ tal-prinċipji ta' privatezza sostantivi u ż-żieda tat-trasparenza tal-politiki privati tal-kumpaniji Amerikani awtoċertifikati li jinkorporaw dawn il-prinċipji; (ii) superviżjoni, monitoraġġ u eżekuzzjoni aħjar u effikaċi mill-awtoritajiet Amerikani tal-konformità tal-kumpaniji mal-prinċipji; (iii) id-disponibilità ta' mekkaniżmi ta' soluzzjoni tat-tilwim affordabbli għal ilmenti individwali; u (iv) il-bżonn li jiġi żgurat li l-użu tal-eċċezzjoni ta' sigurtà nazzjonali u eżekuzzjoni tal-liġi stipulata fid-Deċiżjoni tal-2000 dwar l-Isfera ta' Sikurezza tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju u proporzjonat.

Fuq il-bażi ta' dawn it-13-il rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni daħlet f'diskussjonijiet mal-awtoritajiet Amerikani f'Jannar 2014. L-invalidazzjoni sussegwenti tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza fis-6 ta' Ottubru 2015 mill-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-bżonn għal qafas ġdid u aqwa għall-flussi tad-dejta kummerċjali transatlantiċi. Filwaqt li d-deċiżjoni tal-Qorti tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2013 tal-Kummissjoni, hija tkompli tenfasizza l-bżonn li jkun hemm limitazzjonijiet, salvagwardji u mekkaniżmi ta' kontroll ġudizzjarju fis-seħħ sabiex tkun żgurata l-protezzjoni kontinwa tad-dejta personali tal-individwi tal-UE, inkluż meta d-dejta tkun aċċessata u użata mill-awtoritajiet pubbliċi għas-sigurtà nazzjonali, fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi.

Fit-2 ta' Frar 2016, wara sentejn ta' diskussjonijiet intensivi, l-UE u l-Istati Uniti laħqu ftehim politiku dwar il-qafas ġdid, it-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan l-arranġament il-ġdid jinkludi salvagwardji importanti u jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi tal-UE. Huwa jipprovdi ċ-ċertezza tad-dritt neċessarja għall-kumpaniji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku li jridu jinnegozjaw ma' xulxin. U se tagħti momentum ġdid lis-sħubija transatlantika.

Wara l-konklużjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti, il-Kummissjoni se tibgħat l-arranġament il-ġdid lill-"Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29" (li jinkludi d-DPAs tal-UE) għal opinjoni fil-livell ta' protezzjoni pprovdut. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ adegwatezza se tgħaddi mill-proċedura ta' komitoliġija qabel ma tkun tista' tiġi adottata. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta se jkun ikkonsultat ukoll.

3.2 Xi nbidel?

It-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti tipprovdi reazzjoni robusta u effikaċi kemm lit-13-il rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u kemm lid-deċiżjoni Schrems. Din fiha għadd ta' titjib importanti, meta mqabbla mal-qafas preċedenti, fir-rigward tal-impenji li jridu jittieħdu mill-kumpaniji Amerikani. Fiha wkoll impenji importanti ġodda u spjegazzjonijiet dettaljati tal-liġijiet Amerikani rilevanti u l-prassi tal-awtoritajiet Amerikani. Kuntrarjament għall-predeċessur tagħha, it-Tarka tal-Privatezza mhux biss tkopri l-impenji fis-settur kummerċjali imma anke, b'mod sinifikanti u għall-ewwel darba fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, fil-qasam tal-aċċess tad-dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi inkluż għal finijiet ta' sigurtà nazzjonali. Dan huwa element kruċjali u neċessarju fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti biex tiġi rritornata l-fiduċja fir-relazzjonijiet transatlantiċi wara r-rivelazzjonijiet dwar is-sorveljanza.

L-iktar kisbiet importanti ta' dan l-arranġament il-ġdid jistgħu jiġu raggruppati f'erba' kategoriji ewlenin:

L-ewwel, obbligi qawwija fuq il-kumpaniji u eżekuzzjoni robusta: l-arranġament il-ġdid se jkun iktar trasparenti u jkun fih mekkaniżmi ta' superviżjoni effikaċi biex ikun żgurat li l-kumpaniji jsegwu r-regoli li jkunu ntrabtu legalment li jirrispettaw. Kumpaniji Amerikani li jkunu jixtiequ jimportaw dejta personali mill-Ewropa skont it-Tarka tal-Privatezza se jkunu meħtieġa li jaċċettaw obbligi robusti dwar kif tiġi pproċessata d-dejta personali u jkunu ggarantiti d-drittijiet individwali. Dawn jinkludu kundizzjonijiet u dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà iktar stretti għall-kumpaniji tat-Tarka ta' Privatezza li jittrasferixxu d-dejta tal-UE, pereżempju għal attivitajiet ta' sottopproċessar, lejn partijiet terzi mhux inklużi fil-qafas, sew jekk fl-Istati Uniti u sew jekk f'pajjiżi terzi ("trasferimenti 'l quddiem"). Dwar is-superviżjoni, id-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan impenja ruħu għal monitoraġġ regolari u rigoruż ta' kif il-kumpaniji jikkonformaw mal-impenji tagħhom u biex jiġu eliminati l-"opportunisti", jiġifieri l-kumpaniji li jsostnu li jkunu qed jaderixxu mal-iskema iżda fir-realtà ma jkunux. L-impenji tal-kumpaniji huma legalment vinkolanti u eżekutorji skont il-liġi Amerikana mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ u l-kumpaniji li jikkonformawx magħhom jiffaċċaw sanzjonijiet severi.

It-tieni, limiti u salvagwardji ċari fir-rigward tal-aċċess mill-gvern Amerikan: għall-ewwel darba, il-gvern Amerikan, permezz tad-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju tad-Direttur tal-intelliġenza Nazzjonali bħala l-korp li jieħu ħsieb il-komunità tal-intelliġenza Amerikana kollha, ipprovda lill-UE rappreżentazzjoni u assikurazzjonijiet bil-miktub li l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għall-eżekuzzjoni tal-liġi, is-sigurtà nazzjonali u finijiet ta' interess pubbliku oħrajn se jkun suġġett għal limitazzjonijiet, salvagwardji u mekkaniżmi ta' superviżjoni ċari. L-Istati Uniti se jistabbilixxu wkoll mekkaniżmu ta' rimedju ġdid għas-suġġetti tad-dejta fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali permezz ta' Ombudsman li jkun indipendenti mill-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali. L-Ombudsman se jkollu l-kompitu li jieħu ħsieb l-ilmenti u d-domandi minn individwi tal-UE dwar l-aċċess għas-sigurtà nazzjonali u se jkollu jikkonferma lill-individwu li l-liġijiet rilevanti kienu rrispettati jew li kull nuqqas ta' rispett tagħhom ġie rrimedjat. Dan huwa żvilupp sinifikanti li mhux biss se japplika għat-trasferimenti tat-Tarka tal-Privatezza imma għal kull dejta personali trasferita lejn l-Istati Uniti għal finijiet kummerċjali, irrispettivament mill-bażi użata għat-trasferiment ta' dik id-dejta.

It-tielet, protezzjoni effikaċi tad-drittijiet ta' privatezza tal-individwi tal-UE b'bosta possibilitajiet ta' rimedju: kull min fl-Ewropa jħoss li d-dejta tiegħu tkun ġiet użata ħażin skont l-arranġament il-ġdid jibbenefika minn bosta toroq aċċessibbli u affordabbli biex jinkiseb rimedju individwali, inklużi korpi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li jkunu bla ħlas. Il-kumpaniji jintrabtu li jkollhom limitu ta' żmien fiss biex iwieġbu l-ilmenti. Barra minn hekk, kull kumpanija li tittratta dejta dwar ir-riżorsi umani mill-Ewropa trid tintrabat li tirrispetta d-deċiżjonijiet tad-DPA tal-UE kompetenti filwaqt li kumpaniji oħrajn jistgħu jintrabtu b'dan il-mod volontarjament. L-individwi jistgħu anke jwasslu l-ilment tagħhom lid-DPA ta' pajjiżhom li jkun offrut proċedura formalizzata biex jirriferi l-ilmenti lid-Dipartiment tal-Kummerċ u lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ biex ikunu ffaċilitati l-investigazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-pretensjoni rispettiva fi żmien raġonevoli. Jekk madankollu każ jibqa' ma jissolviex minn l-ebda waħda minn dawn l-alternattivi, l-individwi jkunu jistgħu jirrikorru, bħala l-aħħar alternattiva, għall-Bord tat-Tarka tal-Privatezza, mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li jista' jieħu deċiżjonijiet vinkolanti u eżekutorji kontra kumpaniji Amerikani tat-Tarka tal-Privatezza. Barra minn hekk, id-DPAs tal-UE se jkunu jistgħu jipprovdu assistenza lill-individwi biex iħejju l-każ tagħhom. Kif intqal fuq, għal ilmenti dwar aċċess possibbli mill-awtoritajiet nazzjonali tal-intelliġenza se jinħoloq Ombudsman ġdid, li jipprovdi triq oħra għal rimedju.

Ir-raba' u l-aħħar, mekkaniżmu ta' reviżjoni konġunta annwali: dan se jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorizza regolarment il-funzjonament tal-aspetti kollha tat-Tarka tal-Privatezza, inklużi l-limitazzjonijiet u s-salvagwardji relatati mal-aċċess għas-sigurtà nazzjonali. Il-Kummissjoni u d-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan se jwettqu r-reviżjoni u se jinvolvu lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE u l-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali Amerikani u l-Ombudsman. B'dan il-mod, l-Istati Uniti se jinżammu responsabbli għall-impenji tagħhom. Imma l-Kummissjoni mhix se tieqaf hemm: hija se tibbaża wkoll fuq is-sorsi l-oħra ta' informazzjoni disponibbli kollha, inklużi r-rapporti ta' trasparenza volontarji mill-kumpaniji dwar il-grad tat-talbiet għal aċċess mill-gvern 22 . Ir-reviżjoni annwali tmur lil hinn mir-Regolament il-ġdid, li jirrikjedi tali reviżjonijiet biss tal-anqas kull erba' snin, u b'hekk juri d-determinazzjoni kemm tal-UE u kemm tal-Istati Uniti biex jiżguraw rigorożament konformità assoluta.

Din ir-reviżjoni mhix se tkun eżerċizzju formalistiku mingħajr konsegwenzi. Fil-każijiet fejn il-kumpaniji jew l-awtoritajiet pubbliċi Amerikani ma jkunux qed iżommu l-impenji tagħhom, il-Kummissjoni tattiva l-proċess biex tissospendi t-Tarka tal-Privatezza. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni Schrems, deċiżjoni ta’ adegwatezza ma tridx tkun fuq il-karta biss; anzi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet Amerikani jridu jagħtu l-ħajja lill-qafas u jsostnuh kontinwament billi jżommu mal-impenji tagħhom. Jekk dan jonqsu li jagħmluh, il-benefiċċju partikolari għat-trasferimenti tad-dejta li jiġi mill-konstatazzjoni tal-adegwatezza ma jibqax iġġustifikatau jiġi rtirat.

3.3 It-triq ’il quddiem

L-impenji maqbula mill-Istati Uniti fit-Tarka tal-Privatezza se jipprovdu l-bażi għal deċiżjoni ta’ adegwatezza ġdida tal-Kummissjoni u se jkunu riflessi fiha. Il-kumpanija huma mħeġġa jibdew minn issa t-tħejjijiet tagħhom biex ikunu f'qagħda li jissieħbu fil-qafas il-ġdid malajr kemm jista' jkun wara li jibda jaħdem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa tiegħu il-gvern Amerikan se jippubblika r-rappreżentazzjonijiet tiegħu fir-Reġistru Federali Amerikan, biex b'hekk jattesta pubblikament li se jżomm l-impenji tiegħu.

It-Tarka ta' Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti tirrikjedi azzjoni mingħand ħafna atturi:

il-kumpaniji Amerikani parteċipanti li jridu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-qafas filwaqt li jafu sew li se jkunu infurzati strettament u li se jkunu sanzjonati jekk ma jkunux konformi. Biex iqawwu l-fiduċja mal-konsumaturi tagħhom, il-kumpaniji huma mħeġġa wkoll jagħżlu DPAs tal-UE bħala t-triq magħżula tagħhom biex isolvu l-ilmenti skont it-Tarka tal-Privatezza, peress huwa aktar probabbli li l-individwi Ewropej iduru fuq dawn l-awtoritajiet. Bl-istess mod, kemm il-kumpaniji lesti jużaw il-possibilità prevista fil-liġi Amerikana biex jiġu ppubblikati r-rapporti ta' trasparenza dwar is-sigurtà nazzjonali u t-talbiet għal aċċess għall-eżekuzzjoni tal-liġi li jikkonċernaw id-dejta tal-UE li jirċievu se jikkontribwixxi biex tinżamm il-kunfidenza li dan it-tip ta' aċċess ikun limitat għal dak li jkun neċessarju u proporzjonat 23 ;

il-bosta awtoritajiet Amerikani fdati bis-superviżjoni u l-eżekuzzjoni tal-qafas, li jirrispettaw il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji f'dak li jikkonċerna l-aċċess għad-dejta għal finijiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi u ta' sigurtà nazzjonali, u dawk fdati li jwieġbu fil-ħin u b'mod sinifikanti l-ilmenti minn individwi tal-UE dwar il-possibbiltà ta' użu ħażin tad-dejta personali tagħhom;

id-DPAs tal-UE li għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-individwi jistgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Tarka tal-Privatezza, inkluż billi jgħaddu l-ilmenti tagħhom lill-awtoritajiet Amerikani xierqa u jikkooperaw ma' dawn tal-aħħar, iħaddmu l-mekkaniżmu tal-Ombudsman, jassistu lill-ilmentaturi biex itellgħu l-każ tagħhom quddiem il-Bord tat-Tarka tal-Privatezza, kif ukoll jeżerċitaw sorveljanza fuq trasferimenti tad-dejta tar-riżorsi umani; u

il-Kummissjoni li hija responsabbli biex tagħmel konstatazzjoni ta' adegwatezza u tirrevediha fuq bażi regolari: dawn ir-reviżjonijiet regolari jimmarkaw differenza sinifikanti mis-sitwazzjoni statika preċedenti billi jittrasformaw il-konstatazzjoni tal-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza f'qafas tal-għajxien immonitorizzat mill-qrib.

Ir-reviżjoni konġunta annwali u r-rapport li jsegwi mingħand il-Kummissjoni – flimkien mal-prospettiva ta' sospensjoni tal-arranġament f'każ ta' nuqqas ta’ konformità – b'hekk se jkollhom rwol ċentrali biex ikun żgurat li t-Tarka tal-Privatezza tibqa' għal żmien twil. L-ambizzjoni transatlantika reċiproka tagħna għandha tkun li niżviluppaw flimkien kultura b'saħħitha ta' konformità mal-privatezza u l-protezzjoni ta' drittijiet individwali li tirritorna u żżomm il-fiduċja.

4. Il-Ftehim Komprensiv: It-Tisħiħ tas-Salvagwardji għall-Protezzjoni tad-Dejta fil-Kooperazzjoni għall-Eżekuzzjoni tal-Liġi

4.1 Il-kuntest

Dimensjoni importanti tar-relazzjoni transatlantika tagħna hija l-kapaċità biex l-UE, l-Istati Membri u l-Istati Uniti jirreaġixxu b'mod effikaċi għat-theddidiet ta' sigurtà komuni u l-isfidi b'mod kooperattiv u koordinat. Ir-reazzjoni kollettiva sserraħ b'mod sinifikanti fuq il-kapaċità tagħna li niskambjaw dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali. Tul iż-żmien ġew konklużi għadd ta' ftehimiet bilaterali b'dan l-għan bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Uniti 24 . Fl-istess ħin, huwa ugwalment importanti li dawn il-ftehimiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi jipprovdu salvagwardji effikaċi għall-protezzjoni tad-dejta. L-objettiv doppju li naħdmu b'suċċess ma' sħabna l-Amerikani biex niġġieldu l-kriminalità serja u t-terroriżmu filwaqt li navvanzaw il-livell ta' protezzjoni tal-Ewropej b'konformità mad-drittijiet fundamentali tagħhom u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta meta jsiru trasferimenti għal dawn il-finijiet, wasslu għan-negozjati, varati f'Marzu 2011, dwar ftehim internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-liġi, il-"Ftehim Komprensiv" bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali 25 .

L-UE u l-Istati Uniti ffinalizzaw in-negozjati tagħhom fis-sajf tal-2015. Iż-żewġ partijiet inizjalizzaw il-Ftehim Komprensiv fit-8 ta' Settembru 2015 fil-Lussemburgu 26 , u issa l-ftehim qed jistenna r-ratifika tiegħu fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku. L-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv kien, madankollu, bil-kundizzjoni li l-Kungress Amerikan jgħaddi l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji biex għall-ewwel darba jipprovdi trattament indaqs għaċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini Amerikani skont l-Att Amerikan tal-1974 dwar il-Privatezza 27 . L-abbozz ta' liġi ġie approvat mill-Kungress fl-10 ta' Frar 2016 u ġie ffirmat biex isir liġi fl-24 ta' Frar 2016.

4.2 Xi nbidel?

Il-Ftehim Komprensiv se jnaqqax għall-ewwel darba, sett armonizzat u komprensiv ta' salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta li se japplika għall-iskambji transatlantiċi kollha bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali. Huwa effettivament ftehim dwar id-drittijiet fundamentali li jiffissa standard ta' protezzjoni ta' livell għoli li l-iskambji ta' dejta kollha fi ftehimiet eżistenti u futuri jridu jikkonformaw magħhom.

L-ewwel nett, il-protezzjonijiet u s-salvagwardji previsti fil-Ftehim Komprensiv se japplikaw orizzontalment għall-iskambji tad-dejta li jsiru fil-kuntest ta' kooperazzjoni transatlantika għall-eżekuzzjoni tal-liġi f'materji kriminali. Dan jinkludi trasferimenti fuq il-bażi tal-liġijiet domestiċi, tal-ftehimiet bejn l-US u l-Istati Uniti, il-ftehimiet bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti (eż. Trattati dwar Assistenza Legali Reċiproka) kif ukoll ftehimiet speċifiċi li jipprevedu t-trasferiment ta' dejta personali minn entitajiet privati għal finijiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi. Id-dispożizzjonijiet maqbula b'hekk se jżidu mill-ewwel il-livell ta' protezzjoni ggarantit mis-suġġett tad-dejta tal-UE meta d-dejta tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti. Dawn se jżidu wkoll iċ-ċertezza tad-dritt għall-kooperazzjoni transatlantika għall-eżekuzzjoni tal-liġi billi jiżguraw li l-ftehimiet eżistenti jkun fihom il-protezzjonijiet neċessarji kollha u b'hekk ikunu jistgħu jegħlbu l-isfidi legali possibbli.

It-tieni, id-dispożizzjonijiet ikopru r-regoli ewlenin kollha tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tal-istandards ta' pproċessar (eż. il-kwalità tad-dejta u l-integrità, is-sigurtà tad-dejta, ir-responsabbiltà u s-sorveljanza), tas-salvagwardji u tal-limitazzjonijiet (eż. limitazzjonijiet fuq l-użu u l-fini, iż-żamma tad-dejta, l-ipproċessar ta' dejta sensittiva) kif ukoll tad-drittijiet tal-individwu (aċċess, rettifika, rimedji amministrattivi u ġudizzjarji).

It-tielet, il-ftehim se jiżgura d-disponibbiltà ta' drittijiet għal rimedju ġudizzjarju f'każ ta' ċaħda għal aċċess, ċaħda għal rettifika u żvelar illegali. Dan jikkostitwixxi titjib maġġuri u se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tiġi rritornata l-fiduċja fl-iskambji transatlantiċi. Din it-talba kruċjali tal-UE li l-UE ilha titlob u li kienet baqgħet bla tweġiba għal ħafna snin, diġà ġiet riflessa fl-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji introdott fil-Kungress Amerikan f'Marzu 2015 u li għadda fl-10 ta' Frar 2016. Dan l-Att se jestendi għaċ-ċittadini tal-UE 28 tliet toroq ewlenin għal rimedju ġudizzjarju skont l-Att tal-1974 dwar il-Privatezza li bħalissa huma riżervati biss għal ċittadini u residenti permanenti tal-Istati Uniti. B'hekk, għall-ewwel darba, iċ-ċittadini tal-UE se jkunu jistgħu jgawdu minn drittijiet ta' applikazzjoni ġenerali għal kull trasferiment transatlantiku ta' dejta fis-settur tal-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali. Dan ineħħi differenza kritika fit-trattament taċ-ċittadini Amerikani u dawk tal-UE.

Ir-raba', il-Ftehim Komprensiv jiġġeneralizza u jespandi għas-settur kollu tal-eżekuzzjoni tal-liġi, il-prinċipju ta' sorveljanza indipendenti bħala rekwiżit ewlieni tal-protezzjoni tad-dejta, xi ħaġa li ma teżistix f'ħafna mill-ftehimiet bilaterali eżistenti. Dan jinkludi setgħat effikaċi biex jiġu investigati u solvuti lmenti individwali fir-rigward tal-konformità mal-Ftehim.

Il-ħames, l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim Komprensiv se tkun suġġetta għal reviżjonijiet konġunti perjodiċi. F'dawn ir-reviżjonijiet se tingħata attenzjoni partikolari għad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-individwi (aċċess, rettifika, rimedji amministrattivi u ġudizzjarji).

Il-Ftehim Komprensiv ma jawtorizzax fih innifsu t-trasferimenti ta' dejta, u lanqas ma jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ adegwatezza.

4.3 It-triq ’il quddiem

Id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji 29 se jwitti t-triq għall-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv. Il-Kummissjoni se tibgħat dalwaqt proposta għal deċiżjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha tiffirma l-Ftehim Komprensiv. Wara l-firma, il-Kunsill irid jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-Ftehim wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-Ftehim Komprensiv se jtejjeb b'mod sinifikanti il-qagħda attwali li hija kkaratterizzata minn regoli ta' protezzjoni tad-dejta frammentati, mhux armonizzati u spiss dgħajfa f'mużajk ta' strumenti multilaterali, bilaterali, nazzjonali u settorjali. Il-Ftehim Komprensiv għandu funzjoni retrospettiva minħabba li jissupplimenta l-garanziji għall-protezzjoni tad-dejta fi ftehimiet kurrenti meta u sal-punt li dawn ikun jonqoshom il-livell rekwiżit ta' salvagwardji. F'dan ir-rigward, dan se jġib valur miżjud sinifikanti billi essenzjalment "jimla l-lakuni" ta' ftehimiet eżistenti li fihom standards iktar baxxi ta' protezzjoni tad-dejta minn dawk li hemm fil-Ftehim Komprensiv. Dan se jippermetti kontinwità fil-kooperazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-liġi filwaqt li jiżgura ċertezza tad-dritt ikbar meta jsiru t-trasferimenti. Fir-rigward ta' ftehimiet futuri, il-Ftehim Komprensiv se jirrappreżenta xibka ta’ sikurezza li l-livell tal-protezzjoni ma jistax jaqa' taħtha. Din hija garanzija importanti ħafna għall-futur u qabża kbira mill-qagħda preżenti fejn is-salvagwardji, il-protezzjonijiet u d-drittijiet iridu jkunu nnegozjati mill-bidu għal kull ftehim ġdid individwali. Il-Ftehim Komprensiv huwa għalhekk mudell li fih is-salvagwardji standard li ma jistgħux jiġu nnegozjati għall-agħar. Dan huwa preċedent importanti ħafna mhux biss għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti imma, b'mod aktar ġenerali, għal kull arranġament futur fil-livell internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta jew dwar l-iskambju tad-dejta.

Il-Ftehim Komprensiv, li ġie nnegozjat mar-riforma, huwa allinjat mal-acquis tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE. L-interazzjoni bejn il-Ftehim Komprensiv u d-Direttiva tal-Pulizija hija partikolarment rilevanti meta tqis l-importanza li jkollok livell għoli u komuni ta' protezzjoni tad-dejta, irrispettivament minn jekk id-dejta personali tkunx ipproċessata fil-livell nazzjonali jew skambjata minn pajjiż għall-ieħor fl-UE jew ma' pajjiżi terzi. F'dan ir-rigward, il-Ftehim Komprensiv se jgħin jissustanzja r-rekwiżiti ġenerali tar-riforma fil-kuntest transatlantiku.

Il-konklużjoni ta' negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv li jiffissa l-istandards komuni f'qasam kumpless tal-liġi u tal-politika hija kisba sinifikanti. Il-Ftehim Komprensiv futur se jirritorna u jqawwi l-fiduċja, jipprovdi garanziji ta' legalità għat-trasferimenti tad-dejta u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam.

'Il quddiem, hemm bżonn li nindirizzaw flimkien l-isfidi komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija. Kwistjoni miftuħa importanti hija dik tal-aċċess dirett tal-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi għad-dejta personali miżmuma minn kumpaniji privati f'pajjiżi oħrajn. Dan l-aċċess għandu, fil-prinċipju, iseħħ fil-qafas tal-kanali formali ta' kooperazzjoni, bħall-Assistenza Legali Reċiproka (MLA) jew ftehimiet settorjali oħrajn. Il-kumpaniji privati bħalissa qed jirriskjaw li jiffaċċaw inċertezza tad-dritt li tista' tolqot il-kapaċità tagħhom li joperaw f'ġuriżdizzjonijiet differenti meta jintalbu biex jipprovdu aċċess għal evidenza elettronika skont il-liġijiet ta' pajjiz għal dejta personali suġġetta għal-liġijiet ta' pajjiż ieħor. B'mod parallel għar-reviżjoni li ġejja tal-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-UE u l-Istati Uniti 30 , l-UE tilqa' skambji futuri fl-Istati Uniti dwar din il-kwistjoni, inkluż billi jindirizzaw l-iżvilupp ta' regoli komuni u iktar effikaċi għall-ġbir ta' evidenza elettronika.

5. Konklużjoni

Il-konklużjoni b'suċċess tal-azzjonijiet ewlenin deskritti fil-Komunikazzjoni tal-2013 turi l-kapaċità tal-UE li ssolvi l-problemi b'mod prammatiku u ffukat mingħajr ma tissagrifika l-valuri u t-tradizzjonijiet b'saħħithom tagħha dwar id-drittijiet fundamentali. Hija turi wkoll li l-UE u l-Istati Uniti huma kapaċi jsolvu d-differenzi ta' bejniethom u jieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex jippreservaw relazzjoni strateġika li ilha żmien twil. Fl-istess ħin, hekk kif qed nibdew kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna, iż-żmien għall-viġilanza ma ntemmx peress li għadna niffaċċaw theddidiet u sfidi komuni f'dinja inċerta.

Ladarba t-Tarka tal-Privatezza u l-Ftehim Komprensiv jidħlu fis-seħħ, huwa d-dmir taż-żewġ partijiet li jiżguraw li dawn iż-żewġ oqfsa importanti tat-trasferiment tad-dejta jaħdmu b'mod effikaċi u dejjiemi. Is-suċċess tagħhom jiddependi fil-parti l-kbira fuq eżekuzzjoni effikaċi u r-rispett tad-drittijiet konċessi lill-individwi. Dan jiddependi wkoll mill-valutazzjoni kontinwa tal-funzjonament tagħhom; dan jitlob bidla fil-mentalità minn proċess statiku għal wieħed iktar dinamiku.

F'dan l-isfond, element importanti ta' dan il-proċess huwa relatat mar-riforma li għaddejja fil-programmi tal-intelliġenza tal-Istati Uniti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib ir-rapporti imħejjija mill-Bord tas-Sorveljanza tal-Libertajiet Ċivili u l-Privatezza (PCLOB) li ġejjin u r-reviżjoni tal-programm FISA tal-Artikolu 702 relatat mas-sorveljanza barranija mistenni għall-2017. B'mod partikolari, se jkunu segwiti mill-qrib ir-riformi ulterjuri għat-trasparenza, is-sorveljanza, u l-estensjoni tas-salvagwardji għal persuni mhux Amerikani.

B'mod iktar ġenerali, minħabba s-sinifikanza tal-flussi tad-dejta transfruntieri għall-kummerċ transatlantiku, l-UE se ssegwi mill-qrib il-progress leġiżlattiv min-naħa tal-Istati Uniti fil-qasam tal-privatezza. Issa li l-Ewropa armat ruħha b'sett ta' regoli uniku, koerenti u robust, nittamaw li l-Istati Uniti jkomplu wkoll bl-isforzi tagħhom għal sistema komprensiva ta' privatezza u protezzjoni tad-dejta. Huwa permezz ta' approċċ komprensiv bħal dan li tista' tinkiseb konverġenza bejn iż-żewġ sistemi fit-terminu itwal. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tlaqqa' samit annwali dwar il-privatezza mal-NGOs interessati u partijiet ikkonċernati oħrajn miż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti tista' tkun mutur għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' standards legali internazzjonali għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali. Inizjattivi fil-livell tan-NU, inkluża l-ħidma tar-Relatur Speċjali dwar id-Dritt għall-Privatezza, jista' wkoll ikollhom rwol importanti f'dan ir-rigward. Fis-snin li ġejjin, minħabba li dawn il-kwistjonijiet qed jieħdu post dejjem iktar ċentrali fix-xena globali, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħtfu din l-opportunità biex javvanzaw il-valuri komuni tal-libertajiet u d-drittijiet individwali f'dinja diġitali globalizzata.

(1)

     Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti COM(2013) 846 final, 27.11.2013 (minn hawn 'il quddiem "il-Komunikazzjoni tal-2013" jew "il-Komunikazzjoni"), disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/files/com_2013_846_en.pdf .

(2)

     Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta, COM(2012) 10 final, 25.1.2012, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) , COM(2012) 11 final, 25.1.2012, disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/reform/index_en.htm  

(3)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE, COM(2013) 847 final, 27.11.2013, pp. 18-19 (minn hawn 'il quddiem "il-Komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza"), disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/files/com_2013_847_en.pdf .

(4)

Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, ilĠustizzja u l- Linji Gwida Politiċit għat-Tibdil Demokratiku għallKummissjoni Ewropea li jmiss.

(5)

Is-Sentenza tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta, UE:C:2015:650.

(6)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Trasferiment ta’ Dejta Personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-362/14 (Schrems), COM(2015) 566 final, 6.11.2015. Ara wkoll l-Istqarrija tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Konsegwenzi tas-Sentenza Schrems tat-3 ta' Frar 2016, disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/press-material/press-release/art29_press_material/2016/20160203_statement_consequences_schrems_judgement_en.pdf  

(7)

Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-216_en.htm?locale=en

(8)

  https://www.whitehouse.gov/the-press-office/2014/01/17/remarks-president-review-signals-intelligence  

(9)

  https://www.whitehouse.gov/the-press-office/2014/01/17/presidential-policy-directive-signals-intelligence-activities  

(10)

      http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-30_en.htm  

(11)

     USA FREEDOM Act of 2015, Pub. L., No. 114-23, § 401, 129 Stat. 268.

(12)

     H.R.1428 - Judicial Redress Act of 2015. Dan se jidħol fis-seħħ 90 jum wara l-adozzjoni.

(13)

     COM(2012) 11 final, 25.1.2012: ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(14)

     COM(2012) 10 final, 25.1.2012: ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(15)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281 tat-23.11.95, p. 31 (“id-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Dejta”).

(16)

Kuntrarjament għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, li tkopri biss skambji transfruntieri tad-dejta bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli skont id-Direttiva tal-Pulizija mhix se tibqa' tiddependi minn jekk dik id-dejta ġietx skambjata preċedentement bejn l-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali tal-Istati Membri.

(17)

Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, COM(2015) 185 final, 28.4.2015.

(18)

     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tal-20 ta' Lulju 2000. F'din id-deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, il-Kummissjoni kienet għarfet il-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-Mistoqsijiet Frekwenti li jakkumpanjawhom maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan bħala li jipprovdu protezzjoni adegwata għall-finijiet tat-trasferimenti tad-dejta mill-UE. Il-funzjonament tal-arranġament tal-Isfera ta’ Sikurezza kien ibbażat fuq l-impenji u l-awtoċertifikazzjoni tal-kumpaniji aderenti. Ir-regoli kienu vinkolanti skont il-liġi Amerikana għal dawk l-entitajiet u eżegwibbli mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Amerikana.

(19)

     Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(20)

     Dawn l-elementi jinkludu ż-żieda esponenzjali fil-flussi tad-dejta u l-importanza kritika tagħhom għall-ekonomija transatlantika kif ukoll it-tkabbir rapidu tal-għadd ta' kumpaniji Amerikani li jaderixxu għall-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza. Ara l-Komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, p. 37.

(21)

     Il-Komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, pp. 18-19.

(22)

     Kumpaniji Amerikani ewlenin tal-internet diġà jipproduċu rapporti ta' dan it-tipp biex jiksbu mill-ġdid il-fiduċja tal-klijenti tagħhom. L-Att tal-Istati Uniti tal-Amerka tal-2015 dwar il-LIBERTÀ jippermetti l-pubblikazzjoni ta' rapporti volontarji dwar it-talbiet għal aċċess, tal-anqas f'ċerti marġini biex jitħarsu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

(23)

     Irrapportar ta' dan it-tip isir skont id-dispożizzjonijiet fl-Att Amerikan tal-2015 dwar il-LIBERTÀ. Ara n-nota 22 f'qiegħ il-paġna.

(24)

     Partikolarment, il-Ftehim dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) tal-UE u l-Istati Uniti u l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP).

(25)

     Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni ta' dejta personali meta tiġi ttrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-individwazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali.

(26)

      http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-15-5610_en.htm  

(27)

L-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji jagħti drittijiet liċ-ċittadini tal-"pajjiżi koperti", magħżula mill-Gvern Amerikan. Dan min-naħa tiegħu huwa jiddependi mill-kriterji li ġejjin: (a) il-pajjiż [jew l-organizzazzjoni reġjonali] ikollu ftehim mal-Istati Uniti dwar il-protezzjonijiet tal-privatezza għal informazzjoni mqassma għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni, jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali: (b) il-pajjiż jew [l-organizzazzjoni reġjonali] jippermetti t-trasferiment ta' dejta personali għal finijiet kummerċjali bejnu u l-Istati Uniti; u (c) il-politiki li jirrigwardaw it-trasferiment tad-dejta personali għal finijiet kummerċjali u azzjonijiet relatati tal-pajjiż jew organizzazzjoni reġjonali, ma jimpedux materjalment l-interessi ta sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.

(28)

Skont l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji, pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE jew "organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika" jistgħu jiġu nominati wkoll bħala "pajjiżi koperti" bl-effett li d-drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tagħhom.

(29)

L-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji jidħol fis-seħħ 90 jum wara l-adozzjoni tiegħu.

(30)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/PESK tat- 23 ta’ Ottubru 2009 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU L 291, 7.11.2009, p. 40-41.

Top