Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0079

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    COM/2016/079 final

    Brussell, 22.2.2016

    COM(2016) 79 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


    Introduzzjoni

    Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea 1 (Overseas Association Decision - OAD) tistabbilixxi l-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej 2 (Overseas Countries and Territories - OCTs), l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, u l-Unjoni Ewropea. Fuq il-bażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 3 (TFUE), l-għan tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea huwa li ssostni l-iżvilupp sostenibbli tal-OCTs u tippromwovi l-valuri tal-Unjoni fil-bqija tad-dinja.

    L-Unjoni tipprovdi sostenn finanzjarju lill-OCTs fil-kuntest tal-assoċjazzjoni primarjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b'ammont ta' EUR 364.5 miljun allokati taħt il-11-il FEŻ-OCT għall-perjodu ta' programmar 2014-2020 4 .

    Il-għan ta' dan ir-rapport huwa li juri l-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-11-il FEŻ għall-OCTs, skont l-Artikolu 91 tad-DAE. F'dan l-istadju tal-implimentazzjoni l-punt ewlieni jibqa' fuq l-orjentazzjoni u t-tfassil tal-programm. Hekk kif l-implimentazzjoni operattiva taċċelera u d-dejta ssir disponibbli, ir-rapporti fil-futur se jindirizzaw b'mod progressiv ir-riżultati u l-impatti tal-għajnuna, kif speċifikat fid-Deċiżjoni.

    Ir-Riżorsi Finanzjarj taħt il-11-il FEŻ-OCT

    Ir-riżorsi tal-11-il FEŻ-OCT disponibbli lill-OCTs jinqassmu fl-allokazzjonijiet li ġejjin, fuq il-bażi tal-Anness 2 tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea:

    EUR 229.5 miljun għall-allokazzjonijiet (bilaterali) territorjali;

    EUR 100 miljun għall-kooperazzjoni reġjonali u għall-integrazzjoni;

    EUR 21.5 miljun għall-iffinanzjar tal-għajnuna umanitarja u għall-għajnuna tal-emerġenża, jew għajnuna għall-flutwazzjonijiet fid-dħul mill-esportazzjoni;

    EUR 5 miljun għall-iffinanzjar tas-sussidji fuq l-imgħax u tal-għajnuna teknika permezz tal-Faċilità ta' Investiment tal-OCTs tal-BEI;

    EUR 8.5 miljun għall-istudji u għall-għajnuna teknika skont l-Artikolu 81 tad-DAE;

    Skont il-kriterji stabbiliti fid-DAE, 16-il OCT huma meqjusa eliġibbli għall-allokazzjoni territorjali taħt il-11-il FEŻ-OCT 5 . Għandu jiġi nnotat li Greenland tiġi ffinanzjata b'mod dirett mill-baġit ġenerali tal-UE fuq il-bażi tad-"Deċiżjoni Greenland." 6  

    Il-Programmi reġjonali jfittxu li jrawwmu kooperazzjoni fost l-OCT tal-istess reġjun u jikkondividu sett simili ta' sfidi u prijoritajiet. Azzjonijiet iffinanzjati taħt l-allokazzjoni reġjonali jsostnu l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti reġjonali komprensivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Sħubijiet ma' sorsi oħrajn ta' finanzjament, inklużi strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-AKP u/jew pajjiżi terzi ġirien, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, huma mħeġġa b'mod attiv.

    Il-proċess ta' programmar għall-11-il FEŻ-OCT

    Id-DAE 7 tistabbilixxi proċess ta' programmar li huwa speċifiku għall-OCT. Bil-kontra tal-pajjiżi tal-grupp Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), l-ipprogrammar mhuwiex fuq il-bażi tal- Programm Indikattiv Nazzjonali iżda organizzat madwar proċess ta' pass uniku, l-elaborazzjoni ta' Dokument ta' Programmar, li għandu żewġ kompenenti: a) l-istrateġija ta' rispons tal-UE u, b) id-Dokument(i) ta' Azzjoni. 

    Ittieħdet deċiżjoni formali waħda bissa tal-Kummissjoni biex jiġu approvati d-Dokumenti ta' Programmar tal-OCT, li tkopri kemm l-orjentazzjonijiet strateġiċi kif ukoll it-tfassil dettaljat tal-programm. Dan ifisser li Dokument ta' Programmar ma jistax jiġi adottat qabel ma l-istrateġija u Dokument ta' Azzjoni jiġu elaborati u miftiehema b'mod formali. L-appoġġ baġitarju għadu (kif kien il-każ taħt l-10 FEŻ) l-metodu preferut ta' implimentazzjoni fil-OCT.

    L-OCTs jżommu r-responsabbiltà ewlenija għall-istabbiliment ta' Dokumenti ta' Programmar, inklużi l-prijoritajiet li fuqhom jiġu bbażati l-istrateġiji tagħhom u li jiżguraw il-konsultazzjoni lokali meħtieġa. 

    Gwida speċifika ngħatat lill-OCTs bħala sostenn f'bosta aspetti tal-proċess ta' programmar għall-perjodu 2014-2020 :

    Struzzjonijiet ta' programmar dettaljati indirizzati b'mod speċifiku lill-OCTs ġew imfassla, u servew bħala bażi biex jigwidaw il-pajjiżi u t-territorji. Dawn il-linji gwida jinkludu kemm l-orjentazzjoni u kemm il-mudelli dedikati rigward l-istadji differenti għall-elaborazzjoni tal-Dokument ta' Programmar.

    Il-Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju tal-UE jinkludu gwida speċifika dwar l-approvazzjoni u l-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju fil-OCTs.

    Sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-OCTs, l-AKP/il-pajjiżi ġirien u r-Reġjuni Ultraperiferiċi, tfasslet nota ta' orjentazzjoni biex jitħeġġu proġetti komuni ffinanzjati mill-FEŻ u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

    Konsultazzjonijiet meħuda

    Saru konsultazzjonijiet estensivi bejn l-OCTs u l-Kummissjoni.

    L-eżerċizzju ta' programmar għall-OCTs tnieda matul it-12-il Forum ta' bejn l-UE u l-OCTs li sar f'Diċembru 2013, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea u l-qafas finanzjarju relevanti. Il-Kummissjoni ppreżentat l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi u l-istruzzjonitjiet ta' programmar lill-OCT su lill-Istati Membri li l-OCTs għandhom rabtiet magħhom, u nediet il-proċess ta' konsulatzzjoni bil-ħsieb ta' ftehim dwar setturi potenzjali ta' kooperazzjoni.

    Sussegwenatment saru laqgħat speċifiċi biex setgħet issir riflessjoni dwar prijoritajiet u għanijiet komuni. Il-konferenzi tal-OCTs reġjonali saru fl-Oċean Paċifiku u fil-Karibew, rispettivament f'Novemrbu 2014 u fi Frar 2015, taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-AKP, tal-organizzazzjonijiet reġjonali u, fejn xieraq, tar-Reġjuni Ultraperiferiċi. Il-konferenzi spiċċaw bi proposti konkreti mill-OCTs dwar is-setturi ta' konċentrazzjoni potenzjali u sub-komponenti possibbli u ħeġġew kooperazzjoni reġjonali mal-atturi li ma humiex OCTs, hekk kif l-entitajiet interessati reġjonali kollha wrew interess kbir biex joħolqu flimkien proġetti ta’ ġemellaġġ.

    Ir-riflessjoni dwar il-prijoritajiet strateġiċi u s-setturi ta' konċentrazzjoni mxiet 'il quddiem ukoll permezz tal-istanzi tal-assoċjazzjoni stabbiliti taħt id-DAE. Fuq il-livell tekniku, disa' laqgħat tripartitiċi bejn il-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-OCTs u l-Istati Membri li għandhom rabtiet magħhom, ġew organizzati matul il-perjodu 2014-2015, u offrew opportunità għal djalogu bejn il-Kummissjoni u l-OCTs.

    Kumitat tax-xogħol tas-sħubija dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ġie organizzat f'Jannar 2015, u offra pjattaforma għal diskussjonijiet preliminari fost l-OCTs dwar il-programm tematiku. 

    Fuq il-livell politiku, it-13-il Forum bejn l-OCTs u l-UE sar fi Frar 2015. Diskussjonijiet li saru fil-kuntest ta' żewġ laqgħat ipprovdew opportunità għal djalogu dwar il-programm tematiku u rriżultaw fi ftehim mill-OCTs fuq is-setturi ta' konċentrazzjoni proposti tagħhom rigward dan, li ġie riflettut fil-konklużjonijiet ta' dan il-Forum.

    Barra minn hekk, laqgħat trilaterali bejn il-Kummissjoni, l-Uffiċjali tal-Awtorizzazzjoni Territorjali/Reġjonali għall-OCTs u l-Istati Membri li magħhom huma marbuta l-OCTs inżammu fil-marġini tal-Forum. Dawn id-diskussjonijiet ipprovdew opportunità għar-riflessjoni dwar l-implimentazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u għat-tfassil tal-passi li jmiss ma' OCTs individwali imma wkoll fil-livell reġjonali u wasslu għan-nomina tal-Uffiċjali Reġjonali tal-Awtorizzazzjoni għall-programmi reġjonali kif ukoll tematiċi.

    Il-proċess ta' programmar qed jiġi sostnut ukoll b'mod attiv bl-għoti ta' Għajnuna Teknika. Sa issa, tlettax-il pajjiż u territorju bbenefikaw minn Għajnuna Teknika bħal din, jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan. Dan huwa ffinanzjat kemm taħt l-10 kif ukoll taħt il-11-il riżorsa FEŻ-OCT, tal-aħħar hija l-ewwel deċiżjoni finanzjarja meħuda għall-11-il riżorsa FEŻ-OCT – sehem ta' EUR 3 miljun tal-faċilità 8 stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 tad-DAE.

    Is-sitwazzjoni fl-2015 

    Fuq il-bażi ta' dawn il-konsultazzjonijiet u tal-għajnuna teknika pprovduta, inkiseb progress notevoli fl-2015 fit-termini tal-istadji inizjali tal-ipprogrammar. L-orjentazzjoni strateġika tal-programmi ġiet stabbilita, u s-setturi ta' konċentrazzjoni ġew proposti għall-programmi kollha, kemm territorjali u kemm reġjonali/tematiċi.

    Għall-allokazzjonijiet territorjali, l-appoġġ baġitarju ġie propost bħala l-modalità ta' implimentazzjoni minn ħafna mill-OCTs. Dan jibni fuq is-sitwazzjoni taħt l-10 FEŻ-OCT, filwaqt li f'bosta każijiet jirrappreżenta ċaqliq pożittiv 'il bogħod mill-modalità tal-proġett li ntużat qabel, b'mod speċjali f'Bonaire, Curaçao, il-Polineżja Franċiża, Saba, Sint Eustatius, Wallis u Futuna. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-kriterji ta' eleġibbiltà dwar l-użu tal-modalità tal-appoġġ baġitarju.

    Is-setturi ta' konċentrazzjoni proposti għall-allokazzjonijiet territorjali jintgħażlu b'mod partikolari fuq il-bażi ta' temi ewlenin, li jinkludu:

    Kwistjonijiet ambjentali, tibdil fil-klima, enerġija rinnovabbli u tnaqqis tar-riskju ta' diżastri (li jammontaw għal ħamsa mis-16-il OCT b'allokazzjonijiet territorjali indikattivi u li jirrappreżentaw 21% tat-total tal-allokazzjonijiet territorjali tal-11-il FEŻ-OCT)

    Żvilupp soċjali (żgħażagħ) jew impjiegi/inklużjoni professjonali u edukazzjoni/taħriġ vokazzjonali (li jammontaw għal ħamsa mis-16-il OCT u jirrapreżentaw 33% tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ-OCT )

    Turiżmu sostenibbli (li jammonta għal tlieta mis-16-il OCT u li jirrappreżenta 26% tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ-OCT)

    Konnettività u aċċessibbiltà/żvilupp diġitali (li jammontaw għal tlieta mis-16-il OCT u li jirrappreżentaw 20% tal-allokazzjonijiet territorjali indikattivi tal-11-il FEŻ-OCT).

    Dawn il-prijoritajiet huma konfomri mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli, u b'hekk jindirizzaw it-tliet pilastri tal-iżvilupp - żvilupp ekonomiku, żvilupp soċjali u ħarsien tal-ambjent, kif deskritti fl-għanijiet tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

    B'mod sinifikanti, dawn il-prijoritajiet huma konformi b'mod ċar mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni kif deskritti f'Ewropa 2020 9 , l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea, fuq 10 snin, għall-impjiegi u t-tkabbir, li tfittex li tikseb tkabbir li huwa intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

    Bl-istess mod, fil-każ tal-programmi reġjonali, hemm proposta għal konċentrazzjoni ċara ta' riżorsi għal sett limitat ta' prijoritajiet; dawn huma naturalment kemm transfruntieri kif ukoll trasversali fl-ambitu tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fuq il-bażi tas-setturi ta' konċentrazzjoni proposti mill-OCT lill-Kummissjoni, il-programmi reġjonali ġeografiċi kollha jenfasizzaw fuq l-ambjent u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Dan jippermetti għal komplementarjetà sostanzjali mal-komponent tematiku, kif ukoll programmi oħrajn iffinanzjati mill-Unjoni, bħal ma hu BEST 2.0, iffinanzjat fil-kuntest tal-programm tal-Beni u Sfidi Pubbliċi Globali.



    Il-proposti relevanti għal setturi ta' konċentrazzjoni huma kif ġej:

    Il-Karibew: Enerġija sostenibbli u bijodiversità marittima;

    Oċean Paċifiku: L-ambjent u l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (sub-setturi tat-tibdil fil-klima u bijodiversità);

    Oċean Indjan: Osservazzjoni, amministrazzjoni, konservazzjoni tal-ekosistema terrestri u marittima;

    Programm tematiku (l-OCTs kollha): Użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali Subsetturi jinkludu: Is-subsetturi jinkludu: a) Tibdil fil-klima, inkluż tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u b) Enerġija Sostenibbli).

    Bank Ewropew tal-Investiment

    Taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-OCTs 10 allokazzjoni ta' EUR 5 miljun tiġi amministrata mill-BEI, għall-iffinanzjar tas-sussidji fuq l-imgħax u għajnuna teknika (b'finanzjament ta' 11-il FEŻ-OCT ). Il-BEI ikkonkluda ftehim ta' self wieħed ma' New Caledonia fl-2015, li pprovda sussidju tal-imgħax ta' self ta' EUR 20 miljun għal proġett ta' modernizzar ta' sptar.”

    Id-DAE tbassar ukoll aktar iffinanzjar (sa' EUR 100 miljun) mill-BEI mir-riżorsi proprji 11 . Filwaqt li ma ġewx konklużi Deċiżjonijiet taħt dan il-finanzjament, il-proċessi ta' deċiżjoni interna tnedew għal linja ta' kreditu reġjonali għall-OCTs, kif ukoll investiment f'Sint Maarten, li huma mistennija li jiġu finalizzati fl-2016.

    Ħarsa ’l quddiem

    Billi jkompli fuq il-progress li sar s'issa, l-għan definit tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament u tal-approvazzjoni tad-Dokumenti ta' Programmar għall-OCTs fir-raba' kwart tal-2016 jibqa' realistiku. Madankollu biex tiġi rispetta din l-iskeda ta' żmien se jkun kruċjali li jinżamm momentum fl-2016; L-OCTs jridu jiżguraw li l-abbozz ta' Dokumenti ta' Programmar mressqa ikunu ta' kwalità għolja, fuq il-bażi tal-programmi mfassla tajjeb u oqfsa ta' politika u ta' strateġija lokali sodi. Dan huwa importanti b'mod partikolari fil-każ ta' programmi reġjonali u tematiċi, fejn se tkun meħtieġa koordinazzjoni mtejba mill-OCTs ikkonċernati.

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (ĠU L 344/1)

    (2)

    Il-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej tal-UE huma Greenland, New Caledonia u Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinnhar u Antartiċi, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Saint Pierre u Miquelon, Saint-Barthélemy, Aruba, Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten, Angwilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Gżejjer ta' Ġeorġja ta’ Nofsinhar u ta’ Sandwich ta’ Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Sant’ Elena u d-Dipendenzi, it-Territorju Brittanniku tal-Antartika, it-Territorju Britanniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Britanniċi Verġni, il-Bermuda.

    (3)

    Ir-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C 326/47 tas-26.10.2012)

    (4)

     Il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2014-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (L220/1 tas-6.8.2013)

    (5)

     L-Anness 1 ta' dan ir-rapport jinkludi l-lista tal-allokazzjonijiet territorjali u reġjonali individwali.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal- 14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (ĠU L76/1), talloka EUR 217.8 miljun għall-perjodu 2014-2020 għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u Greenland f'qasam ta' interess reċiproku.

    (7)

    Ir-Raba' Parti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea

    (8)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura individwali favur Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej għal Faċilità ta' Kooperazzjoni Teknika li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Tranżitorja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp C(2015) 307 finali.

    (9)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali.

    (10)

    Stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/822/KE mal-fondi tal-FEŻ biex jitħeġġu impriżi vijabbli kummerċjalment

    (11)

    Anness III tad-DAE

    Top

    Brussell, 22.2.2016

    COM(2016) 79 final

    ANNESS

    għar-

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp


    Anness 1: Id-distribuzzjoni ta' allokazzjonijiet indikattivi u setturi proposti tal-konċentrazzjoni għall-finanzjament tal-11-il FEŻ-OCT

    a)L-allokazzjonijiet Territorjali Indikattivi tal-11-il FEŻ-OCT

    OCT

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur propost ta' Konċentrazzjoni

    Angwilla

    14.05

    Edukazzjoni

    Aruba

    13.05

    Edukazzjoni

    Bonaire

    3.95

    Żvilupp Soċjali - Żgħażagħ

    Curaçao

    16.95

    Enerġija rinnovabbli

    Il-Gżejjer Falkland

    5.90

    Konnettività u Aċċessibbiltà

    Il-Polineżja Franċiża

    29.95

    Turiżmu

    Montserrat

    18.40

    Enerġija Sostenibbli

    New Caledonia u d-Dipendenzi tagħha,

    29.80

    Impjieg u inklużjoni professjonali

    Pitcairn

    2.40

    Turiżmu

    Saba

    3.55

    Enerġija Rinnovabbli

    Saint-Pierre et Miquelon

    26.35

    Turiżmu sostenibbli u konnettività marittima

    Sant’ Elena u d-Dipendenzi,

    21.50

    Konnettività u aċċessibbiltà

    Sint-Eustasius,

    2.45

    Enerġija

    Sint Maarten.

    7.00

    Ilma u sanità

    Il-Gżejjer Turks u Kajkos

    14.60

    Edukazzjoni

    Wallis et Futuna Islands

    19.60

    Żvilupp diġitali

    Totali

    229.5

    Il-Groenlandja

    (Intestatura 4 tal-baġit tal-UE)

    (f'miljuni ta' EUR)

    Konċentrazzjoni tas-settur

    Totali

    217.8

    Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali;


    b)Allokazzjonijiet Indikattivi Reġjonali tal-11-il FEŻ-OCT

    Reġjun

    (f'miljuni ta' EUR)

    Settur proposti ta' konċentrazzjoni

    Il-Karibew

    40.00

    Enerġija sostenibbli u bijodiversità marittima

    Il-Paċifiku

    36.00

    Tibdil fil-klima u bijodiversità

    L-Oċejan Indjan

    4.00

    Osservazzjoni, amministrazzjoni, konservazzjoni tal-ekosistema terrestri u marittima

    Programm tematiku (l-OCTs kollha)

    16.00 – 18.00

    Tibdil fil-klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u enerġija sostenibbli

    Miżuri ta' sostenn għall-Assoċjazzjoni tal-OCT (AOCT)

    2 – 4.00

    Għajnuna Teknika lill-AOCT

    Total

    100,00

    c)Faċilità ta' Kooperazzjoni Teknika tal-11-il FEŻ-OCT

    Faċilità ta' Kooperazzjoni Teknika

    (f'miljuni ta' EUR)

    Kumment

    Total

    8 50

    EUR 3m mpenjati f'1/2015

    (EUR 1m kkuntrattati sa tmiem l-2015)

    Id-DAE tistipula l-ammonti allokati kollha għall-programmi reġjonali u territorjali, kif ukoll għall-għajnuna teknika.

    Id-distribuzzjoni indikattiva tal-allokazzjonijiet territorjali speċifiċi tqis id-daqs tal-popolazzjoni, il-livell tal-Prodott Domestiku Gross, il-livell ta’ allokazzjonijiet preċedenti tal-FEŻ u l-limitazzjonijiet minħabba l-iżolament ġeografiku, skont l-Artikolu 9 tad-DAE. 

    Id-distribuzzjoni indikattiva ta' allokazzjonijiet reġjonali speċifiċi tirrifleti l-ħtieġa ta' massa kritika biex jiġi żgurat l-impatt u l-ħtieġa li titħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-OCTs, ir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-AKP, kif ukoll pajjiżi terzi, kif enfasizzat fid-DAE.

     

    Top