Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0030

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur” [COM(2015) 626 final]

    ĠU C 264, 20.7.2016, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 264/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur”

    [COM(2015) 626 final]

    (2016/C 264/06)

    Relatur:

    is-Sur Denis MEYNENT

    Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur

    [COM(2015) 626 final].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

    Matul il-516 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-27 u l-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’216-il vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jinnota b’dispjaċir li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmilx proposti aktar konkreti u sempliċement telenka kwistjonijiet varji mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwarhom, li huwa ta’ detriment għas-suċċess tal-istrutturar tad-dibattitu.

    1.2

    Id-drittijiet tal-awtur għadhom mezz fundamentali ta’ protezzjoni u remunerazzjoni ġusta tal-awturi u ta’ dawk involuti fit-tixrid ta’ xogħlijiet u spettakli permezz tan-netwerks diġitali interkonnessi.

    1.3

    Il-Kumitat jappella għar-ratifikazzjoni malajr tat-Trattat ta’ Marrakech. Eċċezzjonijiet għat-tagħlim, ir-riċerka xjentifika u l-iskambju tal-għarfien għandhom ikunu wkoll prijorità, u huwa wkoll favur id-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet orfni.

    1.4

    Il-KESE jqis li pożizzjoni unifikata Ewropea dwar l-ikkupjar privat hija possibbli u mixtieqa. Proporzjon sostanzjali mir-riżorsi tar-rimunerazzjoni fuq l-ikkupjar privat loġikament għandu jkun orjentat lejn il-finanzjament ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali, u lejn servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u r-riċerka.

    1.5

    Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ kuntest leġislattiv li jiffavorixxi f’daqqa l-ħolqien ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur u l-użu ta’ tipi ta’ liċenzji ġodda u mudelli tan-negozju ġodda li jgħinu fil-bini tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li l-awturi u l-kreaturi jżommu d-dritt li jibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħlijiet tagħhom.

    1.6

    Il-KESE jemmen li regolament huwa l-aħjar strument biex jistabbilixxi s-suq uniku diġitali. Il-leġislazzjoni eżistenti għandha tiġi kkonsolidata wkoll.

    1.7

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq studji u riċerki fil-fond dwar il-mudelli kummerċjali relatati mal-liċenzji liberi, dwar l-importanza ekonomika attwali u potenzjali, dwar id-dħul u l-impjiegi li dawn jistgħu joħolqu fid-diversi oqsma kif ukoll dwar proposti legali eventwali li jkunu utli fil-promozzjoni u l-użu tagħhom.

    1.8

    Il-KESE jemmen li d-diversità kulturali tal-Ewropa hija l-qalba tal-identità Ewropea u din għandha titrawwem u tiġi promossa bejn l-Istati Membri.

    1.9

    Il-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur għandha tagħti prijorità għat-tmiem u għall-penalizazzjoni tal-ksur fuq skala kummerċjali. Għal dan il-għan, huwa vitali li l-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jaħdmu flimkien u jiskambjaw informazzjoni.

    1.10

    Għandu jiġi indirizzat it-trasferiment tal-valur fl-ambjent onlajn li bħalissa jibbenefika lil dawk li jsejħu lilhom infushom intermedjarji u li jevitaw il-kunsens tal-kreaturi u r-remunerazzjoni lilhom.

    2.   Proposti tal-Kummissjoni

    2.1

    Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jimmodernizza r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-pjan, maħsub biex iwassal għall-istrateġija tas-suq uniku diġitali tagħha: iwessa’ l-aċċess għall-kontenut madwar l-UE kollha, jistipula eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, joħloq suq aktar ġust, u jiġġieled il-piraterija kummerċjali billi jinkoraġixxi wkoll l-unifikazzjoni fit-tul tad-drittijiet tal-awtur.

    2.2

    B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tippreżenta proposta għal Regolament dwar il-portabilità transkonfinali tas-servizzi ta’ kontenut onlajn (1) li jikkostitwixxi dritt ġdid għall-konsumaturi Ewropej u li għandu jsir realtà fl-2017, l-istess sena li fiha se jiġu aboliti t-tariffi tar-roaming fl-Unjoni.

    3.   Introduzzjoni

    3.1

    Il-moviment ta’ kontenut diġitali bejn l-Istati Ewropej huwa baxx ħafna (4 % tat-total), filwaqt li l-maġġoranza tas-servizzi diġitali jinsabu fl-Istati Uniti u l-movimenti l-oħra kollha jsiru fi ħdan il-pajjiż. Għalissa, is-suq uniku diġitali Ewropew ftit li xejn huwa żviluppat. Għad hemm ostakli, u b’mod partikolari hemm ostakli għall-iskambji kulturali fost minoranzi lingwistiċi Ewropej, maqsuma bejn żewġ naħat ta’ fruntieri nazzjonali.

    3.2

    Fil-programm tiegħu “Bidu ġdid għall-Ewropa” (A New Start for Europe) (2), il-President tal-Kummissjoni għamilha prijorità li jiġi stabbilit suq kbir diġitali konness għall-Istati kollha tal-UE, mingħajr diskriminazzjoni nazzjonali.

    3.3

    Id-dritt tal-awtur huwa l-pilastru legali tal-kreazzjoni u l-bażi għar-remunerazzjoni tal-awturi, il-kreaturi, l-interpreti u sidien oħra ta’ drittijiet, u mil-lat iżjed globali għall-ekosistema tal-attivitajiet u l-industriji kulturali u kreattivi. Id-drittijiet tal-awtur huma drittijiet territorjali, b’differenzi bejn Stat Membru u ieħor. Huwa jagħti drittijiet esklussivi u estensivi kullimkien lid-detenturi tad-dritt. Dawn jirċievu dħul mhux biss mill-liċenzji, iżda wkoll sempliċement minħabba li x-xogħol jista’ jiġi kkuppjat fuq midja oħra jew mogħti lil parti terza mix-xerrej ta’ liċenzja, bl-ebda rekwiżit li juri li jkunu saru kopji (royalties għall-ikkupjar privat u tassazzjoni tal-midja vojta li jistgħu jintużaw biex isiru kopji illegali). Ċerti attivitajiet ta’ utenti onesti, magħmula in bona fide, huma saħansitra kklassifikati bħala offiżi kriminali f’xi pajjiżi, filwaqt li huma permessi f’oħrajn.

    3.4

    L-esklużjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur huma minimi fl-Istati kollha. Id-drittijiet tal-awtur inħolqu fiż-żmien tal-istampar fuq il-karta, u għat-teknoloġiji ta’ dak iż-żmien – fil-bidu pubblikazzjoni ta’ kotba u wara pubblikazzjoni ta’ gazzetti u rivisti u reġistrazzjonijiet mużikali – u m’għadhomx kompletament konformi mad-dinja diġitali u n-netwerks interkonnessi tal-broadband, li qed jiżviluppaw kontinwament. Dan il-fatt għandu bżonn ikun iċċarat. F’oqsma oħra, bħal prattiki ġodda ta’ aċċess għall-mużika u xogħlijiet awdjoviżivi, il-kumplessità tal-ġestjoni tad-drittijiet żdiedet, minħabba l-frammentazzjoni tar-repertorju li trid tiġi riżolta mid-Direttiva l-ġdida dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (3). Ftit li xejn inbidel bejn iż-żmien tad-diska tax-xama’ u dak tad-DVDs, partikolarment fir-rigward tad-distribuzzjoni jew tas-self ta’ xogħlijiet. It-teknoloġiji ġodda biddlu l-mudell kompletament, u l-ħwienet tal-bejgħ tad-diski u d-DVD kważi kollha għalqu, u taw lok għal tipi ġodda ta’ distribuzzjoni jew ta’ self diġitali onlajn. L-istess jista’ jingħad dwar iċ-ċinema, it-televiżjoni u l-arti li tista’ titqiegħed onlajn.

    3.5

    Billi l-liġi rilevanti naqset milli tevolvi mal-ħtiġijiet, ma nistgħux nutilizzaw sew il-possibilitajiet kollha offruti mit-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet u l-produzzjonijiet intanġibbli, u ċ-ċirkolazzjoni sussegwenti tagħhom permezz tal-Internet li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla u qiegħed kullimkien.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE jinnota b’dispjaċir li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmilx proposti aktar konkreti u sempliċement telenka kwistjonijiet varji mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwarhom, li huwa ta’ detriment għas-suċċess tal-istrutturar tad-dibattitu.

    4.2

    Fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006 (4), il-KESE talab b’mod partikolari lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-liċenzji liberi, inklużi l-LGPL għad-dokumentazzjoni teknika jew il-Creative Commons għal xogħlijiet lettararji u artistiċi. Iżda, minkejja l-importanza ta’ din il-kwistjoni — il-biċċa l-kbira tas-servers u l-farms ta’ servers madwar id-dinja joperaw b’liċenzji miftuħa bħad-Debian, jew l-LPG għall-GNU/Linux — għandu jiġi kkonstatat li għadha ma tressqet l-ebda proposta f’dan is-sens mill-Kummissjoni.

    4.3

    Dan huwa ta’ ħsara għall-iżvilupp tal-movimenti transkonfinali ta’ data u servizzi fis-suq uniku Ewropew. Il-liċenzja Creative Commons u l-qasam pubbliku fil-fatt jikkostitwixxu territorji ġodda universali miġjuba mid-diġitalizzazzjoni u n-netwerk interkonness filwaqt li l-istat ta’ frammentazzjoni tal-liġi jikkontribwixxi għal ostakli għall-kummerċ transkonfinali daqs kemm jikkontribwixxu l-barrieri fuq il-fruntiera.

    4.4

    Il-liġi għandha tippermetti l-użu tal-potenzjal eċċellenti tal-Internet għall-awturi u l-kreaturi minn naħa u l-utenti min-naħa l-oħra, minflok tistakolah u toħonqu. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tippermetti li jitneħħew kemm jista’ jkun ostakoli għall-kummerċ transkonfinali fost il-minoritajiet lingwistiċi fl-Unjoni Ewropea u biex ikun hemm aċċess aktar faċli għas-servizzi u għax-xogħlijiet.

    4.5

    Minflok il-biża’ minn żviluppi bħal dawn, id-detenturi tad-drittijiet għandhom pjuttost jieħdu l-opportunitajiet li dawn joffru. “Liberu” ma jfissirx awtomatikament “mingħajr ħlas”, softwer ta’ sors miftuħ, pereżempju, jippermetti mudell kummerċjali differenti bbażat fuq is-servizz u joħloq l-impjiegi, għall-kuntrarju ta’ ċerti prattiki attwali li jiffavorixxu l-qligħ tas-sid u l-protezzjoni legali tiegħu.

    4.6

    Il-KESE jħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex twettaq studji u riċerki fil-fond dwar il-mudelli kummerċjali relatati mal-liċenzji liberi, dwar l-importanza ekonomika attwali u potenzjali, dwar id-dħul u l-impjiegi li dawn jistgħu joħolqu fid-diversi oqsma kif ukoll dwar proposti legali eventwali li jkunu utli fil-promozzjoni u l-użu tagħhom.

    4.7

    Għandhom jiġu kkunsidrati sew l-esperimenti bħad-disponibbiltà fuq l-Internet b’liċenzja ħielsa ta’: pubblikazzjonijiet xjentifiċi; rapporti ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi; u korsijiet universitarji — bħal korsijiet kollha offruti mill-MIT — sabiex jikkumpensaw għall-ispiża sproporzjonata tal-edukazzjoni ogħla f’ċerti pajjiżi. Dawn għandhom ikunu studjati biex titkejjel sa liema punt dawn jistgħu jiġu implimentati fl-UE (MOOCs — korsijiet onlajn miftuħa massivi). B’dan il-mod, l-edukazzjoni ogħla u l-kultura jsiru beni pubbliċi li jgħinu biex nerqsu lejn is-soċjetà tal-għarfien, li nixtiequ niżviluppaw fl-UE.

    4.8

    Il-modi ta’ produzzjoni qed jinbidlu, u prodotti u servizzi intanġibbli li jitqassmu permezz ta’ netwerks interkonnessi jirrappreżentaw direzzjoni ġdida fl-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi u negozji innovattivi. Il-modi ta’ konsum bdew jinbidlu, u dawn il-forom ġodda qed isiru popolari malajr. Madankollu, minkejja dan, is-suq uniku Ewropew għadu ma jeżistix fir-rigward tal-fornituri attwali tas-servizzi intanġibbli. Dan jirrifletti l-preferenzi u l-prattiki kulturali differenti fost l-Istati Membri, il-lingwa mitkellma mill-konsumaturi kif ukoll il-frammentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li ma jiffaċilitawx l-iżvilupp tas-suq Ewropew u lanqas il-ħolqien ta’ liċenzji multiterritorjali jew Ewropej.

    4.9

    Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ kuntest leġislattiv li jiffavorixxi f’daqqa l-ħolqien ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur u l-użu ta’ tipi ta’ liċenzji ġodda u mudelli tan-negozju ġodda li jgħinu fil-bini tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li l-awturi u l-kreaturi jżommu d-dritt li jibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħlijiet tagħhom. Dawn il-mudelli ġodda jistgħu jiġu żviluppati b’mod parallel mal-mudelli li jinsabu fit-Trattati tad-WIPO. Din il-kwistjoni għandha tagħmel parti integrali mill-Istrateġija Diġitali li l-Kummissjoni ħabbret f’Mejju 2015 u mill-pjan għall-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur eżaminat hawnhekk.

    4.10

    L-eċċezzjonijiet jirrappreżentaw ostakolu ieħor. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw it-Trattat ta’ Marrakech, li jistipula eċċezzjoni għall-persuni għomja jew b’vista mnaqqsa, kemm jista’ jkun malajr. L-UE ffirmat dan it-Trattat, iżda l-Istati Membri individwalment biss jistgħu jirratifikawh biex jidħol fis-seħħ. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li ssegwi l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw dan it-Trattat importanti, li kien diffiċli ħafna li jiġi nnegozjat minħabba l-attitudnijiet konservattivi ta’ ċerti partijiet interessati. Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel minn kollox sabiex jitħaffef il-proċess ta’ ratifikazzjoni.

    4.11

    Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-produzzjoni tax-xogħlijiet aċċessibbli għal persuni għomja jew b’vista mnaqqsa: aktar minn 95 % tal-kotba m’humiex attwalment disponibbli għalihom.

    4.12

    Eċċezzjonijiet oħra relatati mal-era diġitali u n-netwerks għandhom jitqiesu, b’mod partikolari fir-rigward tar-riċerka pubblika, id-diġitalizzazzjoni minn libreriji universitarji u pubbliċi ta’ xogħlijiet letterarji li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku jew li huma orfni, is-self ta’ kotba elettroniċi u materjal ta’ awdjo u filmati, filwaqt li jitqies it-tkabbir mgħaġġel tal-qari tal-kotba elettroniċi u d-diversi mezzi ġodda. Fl-istess waqt, huwa importanti li jiġi nnotat li xi industriji teknoloġiċi jippruvaw jakkwistaw mill-ġdid il-protezzjoni għal dak li huwa diġà fid-dominju pubbliku, u jirrestrinġu l-aċċess minħabba strateġiji kummerċjali.

    4.13

    It-tqassim f’żoni ġeografiċi huwa ostaklu ieħor għat-tixrid tax-xogħlijiet. Dan jaffettwa l-utenti potenzjali kollha, iżda partikolarment il-minoranzi lingwistiċi numerużi fl-UE, minħabba differenzi bejn il-mappa politika u l-mappa lingwistika tal-Ewropa, wirt tal-istorja u l-konsegwenza tal-gwerer fis-sekli dsatax u għoxrin. Iż-żieda tad-diskorsi populisti u nazzjonalisti taw dimensjoni politika urġenti għas-soluzzjoni tal-problema. Il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali ġiet ratifikata fuq firxa wiesgħa, iżda, pereżempju, l-ostakli attwali jnaqqsu sew l-impatt kulturali ta’ xandiriet televiżivi f’lingwi reġjonali.

    4.14

    Il-KESE jemmen li d-diversità kulturali tal-Ewropa hija l-qalba tal-identità Ewropea u din għandha titrawwem u tiġi promossa bejn l-Istati Membri.

    4.15

    Dawn il-kwistjonijiet huma ta’ prijorità għall-KESE, u l-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-proposti tagħha, li m’mhumiex f’kontradizzjoni mat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u jistgħu jiftħu prospetti ġodda għat-twettiq tas-suq uniku diġitali tal-UE.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Ser ikunu meħtieġa bidliet sostanzjali fil-futur qarib, b’referenza għall-istrateġija ta’ 16-il inizjattiva ppubblikata f’Mejju 2015 u għar-rimarki ġenerali preċedenti li jipproponu inizjattiva ġdida biex jiġu promossi l-beni pubbliċi, l-interoperabbiltà u r-rabtiet transkonfinali u l-liċenzji miftuħa. Fl-opinjonijiet tiegħu dwar drittijiet ta’ kuntratti diġitali (INT/775) u dwar l-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni (INT/779), il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tal-awtur għal definizzjoni solida tad-drittijiet tal-partijiet interessati fil-forniment ta’ kuntratti diġitali u l-ekonomija kollaborattiva.

    5.2

    Il-KESE jinnota b’interess li l-Kummissjoni tagħmilha ċara li r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu adattati, sabiex l-atturi kollha tas-suq u ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tal-ambjent il-ġdid, u huwa meħtieġ qafas leġislattiv aktar Ewropew biex tingħeleb il-frammentazzjoni u t-tensjonijiet f’suq uniku li jiffunzjona. Il-Kumitat jappoġġja dan l-għan iżda jinnota li l-gvernijiet qed jiddefendu t-territorjalità bħala l-uniku mod kif jiġi żgurat il-finanzjament ta’ proġetti kreattivi. Jeżistu mezzi oħra u għandhom jiġu esplorati; m’għandhomx jingħalqu bibien qabel ma l-alternattivi mill-inqas ikunu jistgħu jiġu oġġettivament studjati.

    5.3

    Il-Kumitat ma jemminx li n-nuqqas ta’ azzjoni u r-rifjut tat-tibdil fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur huma tweġiba xierqa għall-bidliet teknoloġiċi rapidi u l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi u tad-distribuzzjoni li inevitabbilment qed jinħolqu u jikbru mal-iżvilupp tal-Internet, tan-netwerks u tal-broadband. Jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li jeħtieġ u “fejn jinħtieġ, ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur jiġu addattati għar-realtajiet ġodda teknoloġiċi biex dawn jibqgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom”.

    5.4

    Jidher ċar li hemm varjabbiltà għolja u din se tinħass iktar fil-futur fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet li huma relatati mal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-għarfien. Dan jista’ jvarja mis-sempliċi użu bħala eżempju sa — fil-prattika jekk mhux fil-leġislazzjoni — it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr limitu ta’ xogħlijiet, ta’ kotba jew korsijiet għal skopijiet edukattivi.

    5.5

    Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar id-dritt tal-awtur tinkludi lista ta’ eċċezzjonijiet. Id-dħul fis-seħħ ta’ elementi ta’ din il-lista u l-evoluzzjoni tagħhom għandu jiġi diskuss skont il-prattika tad-demokrazija parteċipattiva sabiex jiġu avvanzati l-opinjonijiet individwali u kollettivi, u sabiex tinkiseb leġislazzjoni Ewropea koerenti u unifikata dwar l-eċċezzjonijiet, li għandhom ikunu speċifikati u definiti sabiex ikunu aktar faċilment applikabbli. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-eċċezzjonijiet għat-tagħlim, ir-riċerka xjentifika u l-iskambju tal-għarfien għandhom ikunu prijorità; fl-istess ħin, b’ħarsa ‘l quddiem, beni pubbliċi oħra għandhom ikunu studjati.

    5.6

    Il-KESE jqis li pożizzjoni unifikata Ewropea dwar l-ikkupjar privat hija possibbli u mixtieqa. Huwa se jappoġġa l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, mill-aktar fis possibbli, għaliex id-differenzi nazzjonali jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għas-suq uniku għall-prodotti elettroniċi, waqt li jibqgħu jitfaċċaw mezzi ġodda. Il-konsistenza hija indispensabbli għall-moviment ħieles tal-prodotti li jinkorporaw fihom dawn il-midja. Id-distribuzzjoni tad-dħul mir-royalties għandha tqis li ħafna minn dawn il-mezzi mhumiex maħsuba għall-ikkupjar ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Loġikament, għalhekk, proporzjon kbir ta’ dan id-dħul għandu jkun dirett lejn il-finanzjament ta’ kreazzjonijiet artistiċi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali — kif diġà huwa l-każ f’xi pajjiżi — u lejn beni pubbliċi bħall-edukazzjoni u r-riċerka.

    5.7

    Il-Kumitat huwa konvint li l-prinċipju ta’ newtralità għandu jibqa’ konsistenti għall-Internet sabiex jiggarantixxu ugwaljanza stretta għall-konsumatur irrispettivament mill-poter ekonomiku tiegħu. In-newtralità tal-Internet hija prinċipju fundatur tal-Internet li tiżgura li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ma jiddiskriminawx il-komunikazzjonijiet tal-utenti tagħhom, iżda jibqgħu sempliċi trażmettituri ta’ informazzjoni. Dan il-prinċipju jippermetti lill-utenti kollha, irrispettivament mir-riżorsi ekonomiċi tagħhom, li jiksbu aċċess għall-istess netwerk fit-totalità tagħha. Din id-definizzjoni u l-affermazzjoni tal-protezzjoni ta’ din in-newtralità għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar fil-leġislazzjoni Ewropea.

    5.8

    Fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, għandu jitwaqqaf u jiġi ppenalizzat il-ksur fuq skala kummerċjali li jċaħħad lill-awturi minn parti kbira mid-dħul tagħhom. Il-Kumitat diġà ħareġ bosta opinjonijiet dwar il-problemi fil-ġlieda kontra l-prodotti foloz u l-forom kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u għalhekk jirreferi għal dawn l-opinjonijiet, li l-Kumitat jikkunsidra li għadhom totalment validi (6).

    5.9

    Id-drittijiet tal-awtur għadhom mezz fundamentali għall-protezzjoni tal-awturi u ta’ dawk involuti fid-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet u spettakli permezz tan-netwerks diġitali interkonnessi. Id-drittijiet tal-awtur għandhom bżonn jevolvu biex jadattaw għal bidliet teknoloġiċi rapidi ħafna u l-innovazzjonijiet fid-distribuzzjoni u s-servizzi. Din il-modernizzazzjoni għandha ssir f’qafas li jippermetti li jiġu żgurati d-drittijiet tal-awturi u l-artisti, ir-remunerazzjoni ġusta tal-isforz kreattiv tagħhom, il-kumpens xieraq għas-suċċess kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom u ż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u finanzjament tax-xogħlijiet. B’mod partikolari, għandu jiġi rivedut l-istatus legali ta’ servizzi ta’ pjattaformi onlajn dwar id-drittijiet tal-awtur. Għalkemm illum huwa l-portal ewlieni li permezz tiegħu l-utenti jaċċessaw il-kontenut onlajn, pjattaformi ta’ servizzi jsostnu li huma sempliċiment intermedjarji tekniċi u għalhekk jirrifjutaw li jirremuneraw l-kreaturi tal-kontenut. Dan jimmina l-effiċjenza tas-suq, jgħawweġ il-kompetizzjoni u jnaqqas il-valur globali tal-kontenut kulturali onlajn.

    5.10

    Ir-rifjut għall-adattamenti għan-natura globali tal-Internet, il-broadband u l-istennijiet il-ġodda tal-konsumaturi jpoġġina fir-riskju tal-iżvalutar ta’ dritt daqstant utli għall-progress tax-xogħlijiet kreattivi u t-tixrid tagħhom. Madankollu, l-eċċezzjonijiet ġustifikati minħabba d-drittijiet ta’ partijiet oħra interessati, bil-bżonnijiet soċjali tagħhom li qed jevolvu — bħal persuni b’diżabilità, studenti jew libreriji pubbliċi – ikollhom jiġu aċċettati. L-Istati Membri, li għandhom l-akbar grad ta’ influwenza legali fuq il-bidliet li se jsiru, se jkollhom jimplimentaw żviluppi oħrajn sabiex “jewropejizzaw” id-drittijiet tal-awtur u dawk relatati.

    5.11

    Il-KESE jqis li Regolament huwa l-aħjar strument biex jistabilixxi s-suq uniku diġitali, billi d-diversità tal-liġijiet nazzjonali turi, bla dubju, l-istagnar kważi totali li hemm bżonn jingħeleb permezz tad-djalogu fost il-partijiet interessati kollha mingħajr diskriminazzjoni, inklużi r-rappreżentanti ta’ liċenzji ta’ softwer u kontenut ħieles u s-servizzi ġodda u l-mudelli kummerċjali li jiġu minn dawn. L-analiżi tal-ostakli għal-liċenzji multiterritorjali u l-modi biex dawn jingħelbu għandhom ukoll jiġu approfonditi.

    5.12

    Interessi diversi u kunċetti mfassla minn qabel dwar is-suġġett tad-drittijiet tal-awtur huma tant b’saħħithom li l-progress jista’ biss ikun gradwali, abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa u reazzjonijiet proporzjonati. Madanakollu, irid isir kull sforz biex tinħoloq verament is-soċjetà tal-għarfien u tal-informazzjoni, l-unika mod biex l-Ewropa toħroġ minn kriżi li qed thedded il-pedamenti tal-ideal Ewropew. L-interess ġenerali għandu jkun prevalenti fuq ċerti interessi speċjali fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali dinamika.

    Brussell, is-27 ta’ April 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  COM(2015) 627 final (ara paġna 86 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali).

    (2)  http://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/pg_fr_0.pdf.

    (3)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.

    (4)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 8.

    (5)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

    (6)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 66; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 52; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 7; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 36; ĠU C 318 du 29.10.2011, p. 32; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 8; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 7; ĠU C 256, 27.10.2007, p. 3; ĠU C 32, 5.2.2004, p. 15.


    Top