Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0606(02)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 189, 6.6.2015, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/11


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 189/04)

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li l-applikazzjoni tiġi opposta skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    “LATVIJAS LIELIE PELĒKIE ZIRŅI”

    Nru tal-KE: LV-PDO-0005-01194 — 04.02.2014

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Isem

    “Latvijas lielie pelēkie zirņi”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Il-Latvja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt (1)

    Id-DOP “Latvijas lielie pelēkie zirņi” tirreferi għaż-żrieragħ nexfin tal-kultivar lokali “Retrija” tal-varjetà maculatum tal-piżella (Pisum sativum L.).

    Dan il-legum imnixxef għandu l-karatteristiċi morfoloġiċi li ġejjin:

    Dehra: il-piżella tkun kbira, xierfa ħafna, kannella b'disinn immewweġ li jagħtiha lewn fil-griż, u b'punt iswed fejn iż-żerriegħa tingħaqad mal-perikarpju.

    Piż medju: massa ta' 1 000 piżella: 360-380 g

    densità tal-ħżin: 780 g/l

    Karatteristiċi kimiċi ta' “Latvijas lielie pelēkie zirņi” (f'%):

    —   kontenut ta' ilma: mhux iktar minn 14 %,

    —   proteina kruda: 0–34 % (b'kontenut massimu ta' liżina ta' 11,4 %),

    —   xaħmijiet: 1,5–2 %,

    —   karboidrati: 50–57 %,

    —   fibra kruda: massimu ta' 6,5 %,

    —   rmied: mhux iktar minn 2 %.

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” jittieklu mingħajr ma titneħħa t-testa (jew il-qoxra taż-żerriegħa) tal-prodott, billi din ma tistax tiġi sseparata mill-bqija taż-żerriegħa; dan ifisser li l-prodott ma jiddiżintegrax meta jitgħalla, billi t-testa tibqa' mwaħħla mal-bqija tal-piżella.

    Il-piżella mgħollija għandha l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

    konsistenza ratba, ramlija,

    togħma ħafifa imma speċifika li tiġi mill-qoxra.

    3.3.   Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss) u materja prima (għal prodotti pproċessati)

    3.4.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

    L-istadji kollha fil-produzzjoni - il-kultivazzjoni, it-tnixxif u l-għażla - jsiru fiż-żona kkonċernata.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-taħkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika fejn jiġi prodott il-prodott b'din id-DOP tkopri kważi l-Latvja kollha, ħlief għar-reġjuni li ġejjin: il-kosta tal-Baħar Baltiku u l-Golf ta' Riga sa 5 km ’l ġewwa fil-muniċipalitajiet ta' Nīca, Liepāja u Pāvilosta, iż-żona kostali tal-muniċipalità ta' Ventspils, iż-żona kostali tal-muniċipalità ta' Dundaga, u l-muniċipalitajiet ta' Roja, Engure, Jūrmala, Riga, Carnikava, Ādaži, Saulkrasti u Salacgrīva.

    5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

    Il-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-kwalità tal-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” huma l-kundizzjonijiet klimatiċi lokali, il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-fatturi storiċi u dawk marbuta mal-bniedem.

    Speċifiċità taż-żona ġeografika

    It-territorju fejn tiġi kkultivata l-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” tinsab fiż-żona ta' klima temperata. Il-klima tal-Latvja hija influwenzata mill-prossimità tal-baħar u l-mases tal-arja deħlin mill-Oċean Atlantiku, allura l-klima tagħha hija predominantement moderata u umida, b'erba' staġuni distinti. Is-sema spiss ikun imsaħħab (għal medja ta' 160–180 jum fis-sena) filwaqt li x-xemx toħroġ għal medja ta' 1 790 siegħa fis-sena. L-akbar numru ta' granet xemxin, medja ta' 28–30 jum, ikunu minn Mejju sa Awwissu, meta x-xemx toħroġ għal 8–10 siegħa kuljum. Il-preċipitazzjoni medja tvarja bejn 574 u 691 mm fis-sena. Il-klima predominantement moderata u umida toħloq il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-aħjar tkabbir, rimi tal-fjuri u formazzjoni tal-għalla, u għalhekk il-kwalitajiet u l-karatteristiċi ewlenin tal-legumi joħorġu l-aħjar preċiżament f'dik iż-żona ġeografika.

    Il-ħamrija taż-żona ġeografika definita hija kkundizzjonata moderatament jew tajjeb u għandha konsistenza granulometrika, grassa u kalkaruża bl-aħjar pH tal-ħamrija ta' madwar 7, fatturi essenzjali għall-aħjar tkabbir tal-“Latvijas lielie pelēkie zirņi”.

    Speċifiċità tal-prodott

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” nexfin huma distinti mill-piżelli l-oħra għaliex għandhom żrieragħ xierfa partikolarment kbar (massa ta' 1 000 żerriegħa tiżen 360–380 g). Għalkemm f'kull miżwed ikun hemm ftit żrieragħ, il-kwalitajiet kulinarji tajbin tagħhom, bħall-ħin relattivament qasir għat-tgħollija (madwar 10 minuti inqas minn piżelli oħra) ipattu għal dan il-fatt. Karatteristiċi tal-piżella mgħollija: konsistenza ramlija ratba u togħma ħafifa imma speċifika li tiġi mill-qoxra.

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” jittieklu mingħajr ma titneħħa t-testa (jew il-qoxra taż-żerriegħa) tal-prodott, billi din ma tistax tiġi sseparata mill-bqija taż-żerriegħa; dan ifisser li l-prodott ma jiddiżintegrax meta jitgħalla, billi t-testa tibqa' mwaħħla mal-bqija tal-piżella.

    Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” huwa prodott li ġie żviluppat biss bl-influwenza ta' kundizzjonijiet naturali speċifiċi u minħabba l-ħila tal-produtturi lokali.

    1.

    Il-fatturi ambjentali li jiżguraw li l-prodott ikollu karatteristiċi ta' kwalità ogħla (iż-żrieragħ huma xierfa u għandhom konsistenza ramlija):

    il-klima — id-differenzi fl-umdità u fit-temperatura fl-istadji varji tat-tkabbir tal-pjanta huma kruċjali biex jinkisbu żrieragħ daqshekk kbar.

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” għandhom staġun tat-tkabbir twil li jdum bejn 80 u 115-il jum. Il-prodott jikber u jiżviluppa pjuttost bilmod fil-bidu tal-istaġun tat-tkabbir, iżda mbagħad jarmi l-fjuri u jsir pjuttost malajr. Għalhekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi tal-Latvja huma adatti biex tinkiseb produzzjoni ta' kwalità għolja (żrieragħ xierfa, ta' konsistenza ramlija, ħin qasir tat-tgħollija). Huwa importanti ħafna fiż-żmien tar-rimi tal-fjuri, u speċjalment meta jkunu qed jiffurmaw l-imżiewed (fit-tieni nofs ta' Ġunju u fl-ewwel nofs ta' Lulju), li t-temp ikun umdu biżżejjed, billi dan ikollu effett deċiżiv fuq id-daqs taż-żrieragħ u fuq il-ħxuna tal-qoxra. L-umdità eċċessiva f'dan il-perjodu ma tħallix liż-żrieragħ isiru malajr filwaqt li l-kundizzjonijiet nexfin jirriżultaw f'piżelli ċkejknin b'qoxra eħxen. Fiż-żewġ każijiet, ir-riżultat ikun li l-ħin tat-tgħollija jitwal u l-karatteristiċi tat-togħma tal-kultivar jiddeterjoraw, allura l-piżelli għandhom jinżergħu kmieni — l-iktar kmieni fl-aħħar għaxart ijiem ta' April imma mhux iktar tard mill-ewwel għaxart ijiem ta' Mejju;

    l-aħjar pH tal-ħamrija hija ta' 7.

    Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” huma iktar eżiġenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent tat-tkabbir minn varjetajiet oħra ta' piżelli. Huma adatti għal ħamrija kkundizzjonata tajjeb jew moderatament ta' konsistenza granulometrika grossa kalkaruża, iżda ħamrija kkundizzjonata ħażin, ħamrija ramlija grassa u ħamrija minerali qarsa xorta jistgħu jipproduċu kwantitajiet iżgħar. L-aħjar pH tal-ħamrija għal-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” huwa ta' madwar 7, li huwa iktar minn ta' varjetajiet tal-piżelli oħrajn li huma inqas eżiġenti.

    2.

    Fatturi storiċi u marbutin mal-bniedem: il-kultivazzjoni u l-għażla ta' “Latvijas lielie pelēkie zirņi” fiż-żona ġeografika definita mal-ġenerazzjonijiet ipproduċew varjetà ta' kwalità għolja li hija perfettament adatta għall-kundizzjonijiet lokali u li saret prodott gastronomiku favorit.

    Hemm tradizzjoni twila ta' kultivazzjoni tal-piżelli griżi fil-Latvja. Dan it-tip ta' piżelli ilu jitkabbar fil-Latvja mill-bidu tas-seklu 18. Fil-bidu tas-seklu 20 ġew ippubblikati artikli dwar l-ispeċifitajiet tal-kultivazzjoni tal-piżelli “griżi”. It-tnissil selettiv tal-piżelli fil-Latvja beda fl-1925 fl-Istitut tal-Istat ta' Stende għat-Tnissil taċ-Ċereali, iżda tkompla fl-Istitut tal-Istat ta' Priekuļi għat-Tnissil taċ-Ċereali mill-1945 ’l hawn, u dan juri li l-piżelli jistgħu jitkabbru fil-Latvja kollha. It-tnissil selettiv tal-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” nbeda min-nies ordinarji permezz tal-piżelli kbar kannella “Vidzeme”. L-Istitut tal-Istat ta' Priekuļi għat-Tnissil taċ-Ċereali uża l-materjal magħżul b'dan il-mod u tejbu bis-selezzjoni immirata, jiġifieri billi ntagħżlu ż-żerriegħa l-anqas morri biex mill-imrar tal-varjetajiet selvaġġi nkisbu t-togħma u l-apparenza tajba taż-żerriegħa mgħollija, u ħoloq il-varjetà “Retrija” tal-“Latvijas lielie pelēkie zirņi”, l-unika waħda li għandha żerriegħa daqshekk kbar.

    Il-kultivazzjoni tal-għalla u l-metodi tal-ħsad żviluppati fuq bosta snin huma ta' importanza kruċjali biex tkun żgurata kemm żieda fil-produzzjoni totali u wkoll prodott ta' kwalità għolja. Dawn jinkludu pereżempju, it-tħejjija tal-ħamrija, l-għażla tal-proporzjon it-tajjeb għaż-żriegħ imħallat, u l-għażla taż-żmien it-tajjeb għall-ħsad. Il-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” jitkabbru biss fi żriegħ imħallat ma' pjanti taċ-ċereali (ħafur, xgħir jew qamħ tar-rebbiegħa) li jservu bħala appoġġ. Il-proporzjon tal-għelejjel differenti fiż-żriegħ imħallat għandu jkun kif ġej: Il-proporzjon ta' “Latvijas lielie pelēkie zirņi” maċ-ċereali huwa jew 1:2 jew 1:1.

    Id-dris tal-prodott b'magna tad-dris jeħtieġ l-attenzjoni u l-ħila billi l-“Latvijas lielie pelēkie zirņi” misjur jinqasam min-nofs faċilment. Ladarba l-prodott ikun inħasad, jitnixxef bil-galbu fil-magni tat-tnixxif.

    Il-Latvjani ilhom is-sekli jieklu l-piżelli. Il-piżelli, ix-xgħir u l-fażola ilhom parti essenzjali mid-dieta tagħhom u baqgħu importanti sakemm iddaħħlet il-patata fis-seklu 19. Illum “pelēkie zirņi” bil-bejken tissemma fil-kotba ta' gwida għat-turisti bħala platt Latvjan tipiku li ta' min wieħed iduqu.

    Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament (2))

    http://www.pvd.gov.lv/lat/kreis_izvlne/novertesana_un_registracija/lauksaimniecibas_un_partikas_p/


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.


    Top