Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 52015XC0606(01)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal ċiklamat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja

    ĠU C 189, 6.6.2015, s. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/2


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal ċiklamat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja

    (2015/C 189/02)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba kienet ippreżentata fis-6 ta’ Marzu 2015 minn Productos Aditivos S.A. (“l-applikant”), il-produttur uniku taċ-ċiklamat tas-sodju fl-Unjoni, li b’hekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    2.   Il-prodott rieżaminat

    Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa ċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja (“il-pajjiżi kkonċernati”) u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2929 90 00 (kodiċi TARIC 2929900010) (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”).

    3.   Il-miżuri eżistenti

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 492/2010 (3) kif l-aħħar emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 398/2012 (4) (“il-miżuri eżistenti”).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew okkorrenza mill-ġdid ta’ dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni u rikorrenza tad-dumping

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq il-bażi tal-valur normali maħdum (l-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (l-“SG&A”) u l-profitt) f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Indoneżja. L-allegazzjoni li x’aktarx jibqa’ jsir id-dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġni ta’ dumping li nstab għar-RPĊ huwa sinifikanti.

    Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għall-Indoneżja l-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum (l-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u l-qligħ) fl-Indoneżja mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn is-swieq ta’ esportazzjoni kollha ta’ pajjiżi terzi, minħabba l-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjoni mill-Indoneżja lejn l-Unjoni.

    4.2.    L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara

    L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdiedu f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq.

    L-evidenza prima facie mogħtija mill-applikant turi wkoll li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott impurtat mir-RPĊ kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq is-sehem mis-suq u fuq fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-applikant jallega li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ x’aktarx li twassal għal aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.

    Fuq din il-bażi, l-applikant jallega l-kontinwazzjoni tal-ħsara.

    L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara mill-Indoneżja. F’dan ir-rigward l-evidenza prima facie pprovduta mill-applikant, ikkumplementati minn informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt reviżjoni mill-Indoneżja lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fl-Indoneżja u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    5.1.    Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping

    Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiżi kkonċernati, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    Il-proċedura tal-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Indoneżja

    Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ u fl-Indoneżja, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi.

    Il-produtturi esportaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.1.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

    Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ, il-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

    Fl-investigazzjoni ta’ qabel, intużat l-Indoneżja bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-RPĊ. Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tippjana li terġa’ tuża l-Indoneżja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, il-produzzjoni tal-prodott li qed tiġi rieżaminat hija biss fl-Unjoni u fil-pajjiżi kkonċernati. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ.

    5.1.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (6)  (7)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ ħsara

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Biex tikseb informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lil produtturi tal-Unjoni jew produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni magħrufa u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni, jiġifieri lil:

    Productos Aditivos S.A.

    Il-produttur tal-Unjoni msemmi hawn fuq irid jibgħat il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kull produttur fl-Unjoni u assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-Unjoni li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih preferibbilment permezz tal-posta elettronika, iżda sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju.

    5.3.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.4.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Struzzjonijiet għal preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew id-dejta li hija soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet biex jippermetti b’mod espliċitu: a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża ta’ kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom iħaddmu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (8).

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma meħtieġa li jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet iridu jkunu ddettaljati biżżejjed sabiex jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali ikun raġonevolment jinftiehem. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu pprovduti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate General for Trade

    Directorate H

    Office: CHAR 04/039

    1040 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Il-posta elettronika għal kwistjonijiet dwar dumping

    :

    TRADE-SOCY-DUMPING@ec.europa.eu

    Il-posta elettronika għal kwistjonijiet oħrajn u l-Anness

    :

    TRADE-SOCY-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u l-konklużjonijiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

    7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u l-ħsara.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, dik il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami bħal dan, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (9).


    (1)  ĠU C 374, 22.10.2014, p. 4.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 492/2010 tat-3 ta’ Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indoneżja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 140, 8.6.2010, p. 2).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 398/2012 tas-7 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 124, 11.5.2012, p. 1).

    (5)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott rieżaminat.

    (6)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 3 fl-Anness.

    (7)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

    (8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li hu meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 026 p. 102 - 124.


    ANNESS

    Image

    Image


    Op