Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0646

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

COM/2015/0646 final - 2015/0296 (CNS)

Brussell, 14.12.2015

COM(2015) 646 final

2015/0296(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-Direttiva tal-VAT") jistipula li mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2015 ir-rata standard ma għandhiex tkun anqas minn 15%.

Din id-dispożizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE). B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE nbidel bl-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 113 tat-TFUE jistipula li l-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna t-taxxi fuq id-dħul minn negozju, sa fejn din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja biex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u biex tevita t-tfixkil tal-kompetizzjoni.

Bil-ħsieb li tistabbilixxi s-suq intern, fl-1 ta' Jannar 1993 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti biex titwaqqaf sistema definittiva ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa.

Madankollu, minħabba l-impossibilità li jiġu adottati l-proposti tal-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1993, il-Kunsill iddeċieda li jadotta sistema tranżitorja. F'dak li jikkonċerna r-rati tat-taxxa, il-Kunsill adotta d-Direttiva 92/77/KEE 2 .

Dik id-Direttiva introduċiet sistema ta' rati minimi. Din stipulat li mill-1 ta' Jannar 1993 sal-31 ta' Diċembru 1996, ir-rata standard ma setgħetx tkun aktar baxxa minn 15% fl-Istati Membri kollha. Din id-dispożizzjoni ġiet estiża ħames darbiet u tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Il-modifiki riċenti tad-Direttiva tal-VAT 3 implimentaw tassazzjoni fil-post tad-destinazzjoni, minħabba li dan jirriżulta fi ftit possibbiltajiet biss ta' tranżazzjonijiet transfruntiera li jfittxu rati anqas ta' VAT, atteġġament li jista' jwassal għal tfixkil fil-kompetizzjoni. Madankollu, hija prattika komuni fil-qasam tat-taxxi indiretti li jiġu stabbiliti rati minimi, kemm għad-dazji tas-sisa kif ukoll għall-VAT, speċjalment minħabba l-fatt li l-VAT tiġi applikata għax-xiri transfruntier u għall-bejgħ mill-bogħod li jaqgħu taħt il-livell limitu, pjuttost aktar fil-post tal-oriġini milli fil-post tad-destinazzjoni. Għalhekk, ir-rata standard minima applikata fl-Istati Membri kollha, kif inhu l-każ bħalissa, tipprovdi salvagwardja utli għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

Meta wieħed iqis li bħalissa l-Istati Membri kollha jimponu rata standard ta' aktar minn 15%, id-dispożizzjonijiet attwali għal rata standard minima ta' 15% jiżguraw ukoll li l-Istati Membri jkollhom lok għall-manuvra biex b'hekk ikunu jistgħu jsiru r-riformi tal-VAT maħsuba biex titnaqqas ir-rata standard billi titwessa' l-bażi tal-VAT u jiġi limitat l-użu tar-rati mnaqqsa.

Fis-6 ta' Diċembru 2011 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT 4 li pproponiet li jiġi abbandunat il-prinċipju tal-oriġini u ddeskriviet diversi modi kif tista' tinkiseb it-tassazzjoni fid-destinazzjoni. Fl-2016, il-Kummissjoni se tippubblika Pjan ta' Azzjoni għal sistema definittiva tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li tkun sempliċi, effiċjenti u reżistenti għall-frodi, imfassla għas-suq uniku. Il-Pjan ta' Azzjoni se jistabbilixxi d-direzzjonijiet għall-ħidma futura wara r-riżultati miksuba mill-Komunikazzjoni tal-2011. B'mod partikolari, dan se jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tas-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-UE li l-Kummissjoni trid tipproponi, u r-riformi li qed tippjana biex tadatta r-regoli eżistenti dwar ir-rati tal-VAT għal sistema definittiva kkaratterizzata bil-prinċipju tad-destinazzjoni. Din ir-reviżjoni tar-regoli dwar ir-rati tal-VAT se tindirizza żewġ kwistjonijiet ewlenin: jekk l-Istati Membri jistgħux jingħataw aktar awtonomija fl-istabbiliment tar-rati ("aktar flessibbiltà") u kif għandhom jittrattaw id-derogi temporanji li jippermettu l-eżenzjonijiet, ir-rati żero u r-rati mnaqqsa ħafna, li jridu jkunu rikonoxxuti mal-introduzzjoni tas-sistema definittiva tal-VAT.

F'dawn iċ-ċirkostanzi u sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-forma finali tas-sistema definittiva, jidher xieraq li jinżamm il-prinċipju ta' rata standard minima tal-VAT ta' 15% u li jiġi propost li d-dispożizzjonijiet attwali jiġu estiżi għal [sentejn sal-31 ta' Diċembru 2017]. Dan il-perjodu ta' żmien jiżgura li l-partijiet ikkonċernati jgawdu miċ-ċertezza legali neċessarja u għandhom jippermettu li ssir diskussjoni aktar komprensiva dwar ir-rati tal-VAT relatati mal-Pjan ta' Azzjoni li jmiss dwar il-VAT.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika

Jekk id-dispożizzjoni eżistenti tiġi estiża (l-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-VAT), il-proposta tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali.

Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Mhux rilevanti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT. Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Unjoni Ewropea diġà stabbiliet id-dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-applikazzjoni tar-rati tal-VAT fid-Direttiva tal-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew estiżi biss b'att tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tistax tiddevja mir-regoli armonizzati.

Għalhekk, azzjoni mill-Unjoni Ewropea biss tista' tilħaq l-għanijiet tal-proposta u tiżgura t-trattament indaqs taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-proposta ppreżentata żżomm is-sitwazzjoni attwali, fejn l-Istati Membri japplikaw rata standard ta' VAT b'minimu ta' 15%.

Peress li l-proposta testendi biss il-perjodu li fih tapplika dispożizzjoni eżistenti, il-miżura hija proporzjonata mal-għan li qed jiġi segwit. Il-proposta ma tinvolvi l-ebda spiża finanzjarja għall-Unjoni Ewropea u l-ebda piż finanzjarju ġdid għan-negozji jew għall-konsumaturi.

L-għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Direttiva. Mezzi oħra ma jkunux adegwati, minħabba li din il-proposta timmodifika d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rati tal-VAT li diġà jinsabu fid-Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Attwalment, ir-rata standard minima tal-VAT ġiet estiża ħames darbiet. Is-sitt estensjoni żżomm is-sitwazzjoni attwali sodisfaċenti u tipprovdi ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tippermetti d-dħul fis-seħħ tas-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-UE abbażi ta' sett ta' regoli rreveduti għar-rati standard u mnaqqsa tal-VAT.

Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Meta wieħed iqis li l-proposta testendi biss is-sitwazzjoni attwali għal żmien limitat, li ma ġie rrappurtat l-ebda lment jew talba speċifika lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li japplikaw għar-rata standard tal-VAT u li hija prevista evalwazzjoni usa' tas-sistema tar-rati relatata mal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT, bħalissa ma hemmx bżonn ta' konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Meta wieħed iqis li ma ġie rrappurtat l-ebda lment jew talba speċifika lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li japplikaw għar-rata standard tal-VAT, ma kienx hemm bżonn tal-ġbir u l-użu tal-għarfien espert estern.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-miżura kkonċernata għandha biss l-għan li testendi d-dispożizzjoni temporanja li tikkonċerna t-tul ta' żmien li fih għandha tiġi applikata r-rata standard minima tal-VAT attwali. Din l-estensjoni sempliċiment iżżomm is-sitwazzjoni attwali dwar ir-rata standard tal-VAT.

Fi kwalunkwe każ, il-miżura proposta mhux mistennija tħalli impatt ekonomiku, soċjali, reġjonali jew ambjentali peress li mhumiex meħtieġa bidliet meta mqabbla mal-istatus quo.

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT u ma tinvolvi l-ebda piż regolatorju.

Id-drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-metodi ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Peress li fl-2016 il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli kollha dwar ir-rati tal-VAT, jeħtieġ li tiġi evalwata speċifikament l-estensjoni tar-rata standard minima.

Id-dokumenti ta' spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Bħalissa l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-rata minima tal-VAT ta' 15%. Ma hemmx bżonn ta' dokumenti ta' spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jipproponi li r-rata standard minima tal-VAT attwali fl-Istati Membri, stabbilita għal 15%, tiġi estiża mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 2

L-Artikolu 2 jipprevedi t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Artikolu 3

L-Artikolu 3 jipprevedi d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

2015/0296 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)L-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 7 jipprevedi li mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2015, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15%.

(2)Ir-rata standard ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fis-seħħ bħalissa fl-Istati Membri, flimkien mal-mekkaniżmu tas-sistema tranżitorja, jiżguraw li din is-sistema tiffunzjona b'mod aċċettabbli. B’regoli ġodda dwar il-post tal-forniment tas-servizzi li jiffavorixxu t-tassazzjoni fil-post tal-konsum, il-possibbiltajiet li jiġu sfruttati d-differenzi fir-rati tal-VAT permezz tar-rilokazzjoni ġew limitati aktar u tnaqqas ukoll it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni.

(3)Sabiex id-diverġenzi li qed jiżdiedu fir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma jwasslux għal żbilanċ strutturali fl-Unjoni u għal tfixkil tal-kompetizzjoni f'xi setturi ta' attività, fil-qasam tat-taxxi indiretti hija prattika komuni li jiġu stabbiliti rati minimi. Dan għadu meħtieġ għall-VAT.

(4)Sakemm isir l-arranġament finali ta' sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-Unjoni, ikun prematur li jiġi stabbilit livell permanenti ta' rata standard jew li jitqies li jinbidel il-livell ta' rata minima.

(5)Għalhekk jixraq li tinzamm ir-rata standard minima attwali ta' 15% għal perjodu ieħor li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa r-reviżjoni ulterjuri.

(6)Dan ma jeskludix li ssir reviżjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta' Diċembru 2017 biex tindirizza l-arranġamenti finali tas-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-Unjoni.

(7)Għalhekk, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KEE jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 97

Mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2017, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %."

Artikolu 2

1.    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mod ta' kif issir din ir-referenza.

2.    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 316, 31.10.1992, p. 1.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta' servizzi (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11)
(4) COM(2011) 851
(5) ĠU C , , p. .
(6) ĠU C , , p. .
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
Top