IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.12.2015
COM(2015) 643 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi
FTEHIM
BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
DWAR L-EŻENZJONI MILL-VIŻA GĦAL SOĠĠORN QASIR GĦAD-DETENTURI TA’ PASSAPORTI DIPLOMATIĊI
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u
IR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “iċ-Ċina”,
minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,
BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet amikevoli bejn il-Partijiet Kontraenti u biex ir-rabtiet mill-qrib bejn il-Partijiet Kontraenti jkomplu jissaħħu;
BIX-XEWQA li l-ivvjaġġar ikun iffaċilitat billi jiġu ggarantiti dħul u soġġorn qasir mingħajr obbligu ta’ viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ laissez-passer tal-UE u biex jitħarsu l-prinċipji tal-ugwaljanza u tar-reċiproċità,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, li jinsab anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda,
FTEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Skop
Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini taċ-Ċina, li huma detenturi ta’ passaport diplomatiku validu jew ta’ laissez-passer tal-UE, meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
ARTIKOLU 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a)
“Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda;
(b)
“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif definit fil-punt (a);
(c)
“ċittadin taċ-Ċina” tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza taċ-Ċina;
(d)
“żona Schengen” tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ;
(e)
“laissez-passer tal-UE” tfisser id-dokument maħruġ mill-Unjoni lil ċerti impjegati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013.
ARTIKOLU 3
Kamp ta’ applikazzjoni
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma detenturi ta’ passaport diplomatiku validu maħruġ minn Stat Membru jew ta’ laissez-passer jistgħu jidħlu u jissoġġornaw mingħajr viża fit-territorju taċ-Ċina għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).
Iċ-ċittadini taċ-Ċina li għandhom passaport diplomatiku validu maħruġ miċ-Ċina jistgħu jidħlu u jissoġġornaw mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).
2.
L-eżenzjoni mill-viża prevista minn dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u ċ-Ċina jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfata.
3.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti fis-seħħ fit-territorju taċ-Ċina matul is-soġġorn tagħhom.
Iċ-ċittadini taċ-Ċina li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti fis-seħħ fit-territorju ta’ kull Stat Membru matul is-soġġorn tagħhom.
4.
L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-mezz ta’ trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.
5.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim jkunu rregolati mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali taċ-Ċina.
ARTIKOLU 4
Id-durata tas-soġġorn
1.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma detenturi ta’ passaport diplomatiku validu maħruġ minn Stat Membru jew ta’ laissez-passer jistgħu jissoġġornaw fit-territorju taċ-Ċina għall-perjodu massimu ta’90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
2.
Iċ-ċittadini taċ-Ċina li huma detenturi ta’ passaport diplomatiku maħruġ miċ-Ċina jistgħu jissoġġornaw fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jiġi kkalkulat irrispettivament minn kwalunkwe soġġorn f’xi Stat Membru li għalissa ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
Iċ-ċittadini taċ-Ċina li huma detenturi ta’ passaport diplomatiku validu maħruġ miċ-Ċina jistgħu jissoġġornaw għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għalissa ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu ta’ soġġorn ikkalkulat għat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.
3.
Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għaċ-Ċina u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn 90 jum f’konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.
ARTIKOLU 5
Żjarat minn uffiċjali għolja
L-uffiċjali fil-livell viċi ministerjali jew ogħla tal-gvern ċentrali u l-uffiċjali fi grad ta’ Maġġur Ġeneral jew ogħla tal-forzi armati taċ-Ċina għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tal-mezzi diplomatiċi qabel ma jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-istess Stati Membri għal skopijiet uffiċjali.
L-uffiċjali fil-livell viċi ministerjali jew ogħla tal-gvern ċentrali u l-uffiċjali fi grad ta’ Maġġur Ġeneral jew ogħla tal-forzi armati tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti taċ-Ċina permezz tal-mezzi diplomatiċi qabel ma jivvjaġġaw lejn it-territorju taċ-Ċina għal skopijiet uffiċjali.
ARTIKOLU 6
Applikazzjoni territorjali
1.
Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.
2.
Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.
ARTIKOLU 7
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim
1.
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt tal-esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti taċ-Ċina. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.
2.
Il-Kumitat ikollu, fost l-oħrajn, il-kompiti li ġejjin:
(a)
li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(b)
li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;
(c)
li jsolvi tilwimiet li jfeġġu mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
3.
Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ, wara li ssir rikjesta ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.
4.
Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.
ARTIKOLU 8
Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ ftehimiet bilaterali eżistenti ta’ eżenzjoni mill-viża
bejn l-Istati Membri u ċ-Ċina
Dan il-Ftehim ikollu preċedenza fuq kull ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u ċ-Ċina, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 9
Skambju ta’ eżemplari
1.
Iċ-Ċina, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom, jekk mhux diġà għamlu hekk, jagħmlu skambju, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, ta’ eżemplari tal-passaporti diplomatiċi validi tagħhom u tal-laissez-passer tal-UE, mhux aktar tard minn 90 jum wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.
2.
F’każ li jiddaħħlu passaporti diplomatiċi jew laissez-passer tal-UE ġodda jew isiru modifiki ta’ dawk eżistenti, iċ-Ċina, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jgħaddu lil xulxin, permezz tal-mezzi diplomatiċi, eżemplari ta’ dawn il-passaporti jew laissez-passer tal-UE ġodda jew immodifikati, akkumpanjati b’informazzjoni dettaljata dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-applikabbiltà tagħhom, mhux aktar tard minn 90 jum qabel l-applikazzjoni tagħhom.
ARTIKOLU 10
Dispożizzjonijiet finali
1.
Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar notifika fost iż-żewġ notifiki li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi neċessarji għal dak l-iskop ikunu tlestew.
Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mit-tielet jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu.
2.
Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit, sakemm ma jiġix itterminat f’konformità mal-paragrafu 5.
3.
Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma neċessarji għal dan l-iskop.
4.
Kull Parti Kontraenti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew protezzjoni tas-saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew hekk kif jerġa’ jiddaħħal l-obbligu tal-viża minn waħda mill-Partijiet Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f’każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.
5.
Kull Parti Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dan.
6.
Iċ-Ċina tista’ tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.
7.
L-Unjoni tista’ tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u biċ-Ċiniż, b’kull test ikollu l-istess awtentiċità. F’każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
F’ċirkostanzi bħal dawn ikun mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein, minn naħa, u taċ-Ċina, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi f’termini simili għal dawk ta’ dan il-Ftehim.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM
FI KWALUNKWE PERJODU TA’ 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM
Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif previst fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li d-durata totali tagħhom ma taqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza “mobbli” ta’ 180 jum, billi titqies b’lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta’ 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum ikunx baqa’ jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta’ mhux aktar minn 90 jum.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR OQSMA OĦRA TA’ KOOPERAZZJONI FIL-QAFAS TAD-DJALOGU DWAR IL-MOBILITÀ U L-MIGRAZZJONI BEJN L-UE U Ċ-ĊINA
Il-Partijiet Kontraenti jfakkru li dan il-Ftehim huwa wieħed mill-eżiti tal-pjan direzzjonali tan-negozjati li dwaru sar qbil fil-minuti tat-tieni rawnd tad-Djalogu dwar il-Mobilità u l-Migrazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u approvat mill-mexxejja politiċi fid-dikjarazzjoni konġunta tas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina. Dan il-pjan direzzjonali jinkludi, fl-ewwel stadju, in-negozjati u l-iffirmar ta’ ftehim reċiproku ta’ eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, il-ftuħ ta’ ċentri għall-applikazzjonijiet għal viża fi bliet Ċiniżi miftehma b’mod reċiproku mingħajr preżenza konsulari, u t-tnedija ta’ kooperazzjoni prattika fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, u fit-tieni stadju, in-negozjati ta’ ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.
Il-Partijiet Kontraenti jtennu l-intenzjoni qawwija tagħhom li jirrispettaw l-impenji meħuda fil-pjan direzzjonali u l-fehim komuni tagħhom li dawk l-impenji huma interdipendenti u jagħmlu parti minn pakkett indiviżibbli.