Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0582

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

COM/2015/0582 final - 2015/0265 (NLE)

Brussell, 25.11.2015

COM(2015) 582 final

2015/0265(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Repubblika tal-Korea hija pajjiż b’kapaċitajiet tat-teknoloġija u l-applikazzjonijiet spazjali. Ir-Repubblika tal-Korea hija utent attiv tas-servizzi ta’ navigazzjoni bis-satellita f’diversi setturi inklużi t-trasport, il-ġestjoni tal-flotot, ix-xjenza u l-ġeodesija.

Il-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005, innegozjat Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsemmi bħala "il-Ftehim"). Imbagħad, il-Ftehim ġie ffirmat fid-9 ta’ Settembru 2006, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-1 ta’ Settembru 2006.

L-Istati Membri firmatarji tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea lestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom relatati mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

F’konformità mal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija għandhom isiru partijiet mill-Ftehim bil-konklużjoni ta' protokoll skont l-Artikolu 6(2) tal-Atti dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u tar-Repubblika tal-Kroazja rispettivament u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea.

2015/0265 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 1 ,

Billi:

(1)F'konformità mad-Deċżjoni tal-Kunsill 2006/700/KE tal-1 ta' Settembru 2006 2 , il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fid-9 ta' Settembru 2006 suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)Il-Ftehim huwa biex iħeġġeġ, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fin-navigazzjoni globali ċivili bis-satellita.

(3)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, qed ikun hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna awtorizzata biex f'isem l-Unjoni Ewropea tagħti n-notifika, prevista fl-Artikolu 18(1) tal-Ftehim, sabiex l-Unjoni Ewropea tesprimi l-kunsens tagħha li tintrabat bil-Ftehim, u għandha tagħti din in-notifika li ġejja:

"Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea, u minn dik id-data qed teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-"Komunità Ewropea" fit-test tal-Ftehim iridu jinqraw bħala "l-Unjoni Ewropea".

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Din tiġi ppubblikata f'll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 3 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Il-kunsens ingħata fi […201.].
(2) ĠU L 288, 19.10.2006, p. 30.
(3) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Top