Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0581

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

COM/2015/0581 final - 2015/0266 (NLE)

Brussell, 20.11.2015

COM(2015) 581 final

2015/0266(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata f'isimha f'korp imwaqqaf bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"). 

Il-Ftehim ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014, u beda jiġi applikat b'mod proviżorju, sakemm issir ir-ratifika mill-Istati Membri, mill-1 ta' Settembru 2014. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 1 approvat l-iffirmar tal-Ftehim, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tiegħu.

Il-Ftehim jistabbilixxi Kunsill ta' Assoċjazzjoni, li għandu jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni, kif ukoll perjodikament jirrieżamina l-funzjonament tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar meta l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta' dan il-Ftehim se jiġu żgurati fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

Konsistenza ma' dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta' politika

Din il-proposta timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn Pajjiż Sieħeb tal-Lvant, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim msemmi hawn fuq. Hija għandha l-għan li tiżgura li l-benefiċċji ekonomiċi taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva japplikaw għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti mal-politiki esterni l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova, u tikkumplementahom.

2.Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-korpi stabbiliti permezz tal-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu. 

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f'konformità mal-Artikolu 3 tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-proporzjonalità

Din il-proposta hi meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni stipulati fil-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova.

Għażla ta' strument

Din il-proposta hija skont l-Artikolu 218(9) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' Deċiżjonijiet mill-Kunsill. Ma jeżisti l-ebda strument ġuridiku ieħor li jista' jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f'din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mhumiex applikabbli għal din il-proposta.

Ġbir u użu ta' kompetenzi

Il-Kummissjoni qieset il-fehmiet tal-esperti esterni u l-korpi li jassistu lill-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-politika tal-viċinat.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova, li kienet soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt ex-ante fl-2009, segwita mill-Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà tal-Kummerċ tal-2012 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummerċ tal-Kummissjoni, li kkontribwixxiet għall-proċess tan-negozjati tad-DCFTA.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova mhuwiex soġġett għal proċeduri ta' REFIT;

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenzi negattivi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta' implimentazzjoni, u arranġamenti ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

L-implimentazzjoni tal-Ftehim hija rieżaminata regolarment mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-ir-Repubblika tal-Moldova. Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha wkoll li tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dan il-Ftehim.

Dokumenti ta' spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tadotta pożizzjoni tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova. L-Artikolu 462(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-applikazzjoni tat-Titolu V ta' dan il-Ftehim jew tal-Ftehim sħiħ fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova għandha tibda meta r-Repubblika tal-Moldova tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ ta' Titolu V jew tal-Ftehim fiż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova ma jeżerċitax kontroll effettiv. Ir-Repubblika tal-Moldova infurmat lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim sa mill-1 ta' Jannar 2016. Għaldaqstant, huwa propost li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jadotta deċiżjoni kif previst fl-Artikolu 462(3) tal-Ftehim.

2015/0266 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 464(3) u (4) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") jistipulaw l-applikazzjoni provviżorja ta' parti mill-Ftehim.

(2)L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE 2 tas-16 ta' Ġunju 2014 jispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jridu jiġu applikati b'mod provviżorju, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dan il-Ftehim.

(3)L-Artikolu 462 tal-Ftehim jistipula li l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fir-rigward ta' dawk iż-żoni tar-Repubblika tal-Moldova li l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova ma jeżerċitax kontroll effettiv fuqhom għandha tibda meta r-Repubblika tal-Moldova tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V fit-territorju kollu tagħha.

(4)L-Artikolu 462 tal-Ftehim jistipula wkoll li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar meta jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(5)Ir-Repubblika tal-Moldova infurmat lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tagħha sa mill-1 ta' Jannar 2016.

(6)Huwa meħtieġ li tiġi mmonitorjata u rieżaminata regolarment l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(7)Huwa għalhekk xieraq li tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 434 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubbika tal-Moldova għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.Tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jista' jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mingħajr ebda deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Fi żmien tmien xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-deċiżjoni u darba kull sena wara dan, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova. Jekk ir-Repubblika tal-Moldova ma tkunx għadha tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fir-rigward ta' dawk iż-żoni tar-Repubblika tal-Moldova li fuqhom ma teżerċitax kontroll effettiv, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jitolbu lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni biex jikkunsidra t-tkomplija tal-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fiż-żoni kkonċernati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p.1).
Top

Brussell, 20.11.2015

COM(2015) 581 final

ANNESSI

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


ANNESS

Abbozz

Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-ir-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

tal-…2015

dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TA' Assoċjazzjoni,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 462 tiegħu,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 464, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014.

(2)Ir-Repubblika tal-Moldova infurmat lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim fit-territorju kollu tagħha mill-1 ta' Jannar 2016.

(3)Huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni regolarment jirrieżamina l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(4)Huwa xieraq li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jimmonitorja l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova u jirrapporta regolarment lill-Kunsill ta' Assoċjazjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.It-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni japplika għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova mill-1 ta' Jannar 2016.

2.Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jirrieżamina l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova fi żmien 10 xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u darba fis-sena minn hemm' il quddiem.

3.Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jissorvelja l-applikazzjoni tat-Titolu V kif imsemmi fil-paragrafu 1. Huwa għandu jirrapporta lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni darba fis-sena u skont ma jeħtieġu ċ-ċirkostanzi.

4.It-Titolu VII japplika sal-punt li huwa applikat fir-rigward tat-Titolu V.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-Presidenza

Top