Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0556

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali

    COM/2015/0556 final - 2015/0261 (NLE)

    Brussell, 9.11.2015

    COM(2015) 556 final

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja 1 fih sistema simplifikata għall-adeżjoni tal-Kroazja mal-konvenzjonijiet u mal-protokolli li ġew konklużi mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 34 TUE (li qabel kien l-Artikolu K.3 TUE) jew tal-Artikolu 293 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 3(4) tal-Att tal-Adeżjoni sempliċiment jistipula li l-Kroazja taderixxi mal-konvenzjonijiet u mal-protokolli bis-saħħa tal-Att.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    L-Artikoli 3(4) u (5) tal-Att tal-Adeżjoni jistipulaw li l-Kunsill se jadotta Deċiżjoni sabiex jistabbilixxi d-data li fiha dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli jidħlu fis-seħħ għall-Kroazja u sabiex isiru l-aġġustamenti neċessarji kollha għal dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli, li huma meħtieġa minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew.

    L-Anness I tal-Att tal-Adeżjoni jagħti l-lista ta’ konvenzjonijiet u ta’ protokolli li huma kkonċernati fil-qasam tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni.

    Din il-lista tinkludi l-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali 2 .

    L-adeżjoni tal-Kroazja mal-Konvenzjoni msemmija hawn fuq ma tirrikjedix aġġustamenti għaliha.

    Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija maħsuba biss biex tistabbilixxi d-data li fiha l-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997 tidħol fis-seħħ għall-Kroazja.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba li l-Att tal-Adeżjoni diġà jipprevedi l-adeżjoni tal-Kroazja mal-konvenzjonijiet u mal-protokolli mniżżla fl-Anness I tal-Att, mhux neċessarju li ssir konsultazzjoni tal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt ta’ tali adeżjoni.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-ebda

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-Kummissjoni hija mistiedna tadotta r-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill u tibgħatha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja,

    Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikoli 3(4) u (5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni 3 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 4 ,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali, (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fi Brussell fit-18 ta’ Diċembru 1997. Se tidħol fis-seħħ 90 jum wara n-notifika tat-tlestija tal-proċeduri kostituzzjonali għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni mill-Istat, Membru tal-Unjoni Ewropea fil-waqt tal-adozzjoni mill-Kunsill tal-Att li jfassal il-Konvenzjoni, li jkun l-aħħar wieħed li jwettaq dik il-formalità.

    (2)F’konformità mal-Artikolu 32(4) tal-Konvenzjoni, sa meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, kull Stat Membru jista’, meta jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 32(2) tal-Konvenzjoni, jew fi kwalunkwe żmien ieħor wara dan, jiddikjara li sa fejn ikun ikkonċernat, il-Konvenzjoni tapplika għar-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati Membri li għamlu l-istess dikjarazzjoni.

    (3)L-Artikolu 3(4) tal-Att tal-Adeżjoni jistipula li l-Kroazja taderixxi mal-konvenzjonijiet u mal-protokolli li ġew konklużi bejn l-Istati Membri u li huma mniżżla fl-Anness 1 tal-Att tal-Adeżjoni, li jinkludi, fost l-oħrajn, il-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997 fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali. Dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Kroazja fid-data stabbilita mill-Kunsill.

    (4)F’konformità mal-Artikolu 3(5) tal-Att tal-Adeżjoni, il-Kunsill se jiddeċiedi li jagħmel l-aġġustamenti kollha li huma meħtieġa minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-konvenzjonijiet u mal-protokolli msemmija fl-Artikolu 3(4) tal-Att tal-Adeżjoni. L-Att tal-Adeżjoni ma jirrikjedix aġġustament tal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997 fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq assistenza reċiproka u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali, tidħol fis-seħħ għall-Kroazja fid-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

    Artikolu 2

    Il-Konvenzjoni mfassla bil-Kroat 5 tkun awtentika bl-istess kundizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.
    (2) ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2 (ĠU: Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 008, p. 168). Emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni, ĠU L 9, 12.1.2008, p. 21.
    (3) ĠU C […], […], p. […].
    (4) L-Opinjoni ta’ XX.XX.XXXX
    (5) Il-verżjoni bil-Kroat tal-Konvenzjoni għandha tiġi ppubblikata iktar ’il quddiem fl-Edizzjoni Speċjali tal-ĠU.
    Top