Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0433

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    COM/2015/0433 final - 2015/0196 (NLE)

    Brussell, 14.9.2015

    COM(2015) 433 final

    2015/0196(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 1 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżas fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 emenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 billi jittrasferixxi 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża. Dawn id-19-il pajjiż huma: Il-Kolombja, Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

    Ir-Regolment (UE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014 u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu 3 . Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

    L-ewwel serje ta’ ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża kienu ffirmati fis-6 ta’ Mejju 2015 (l-Emirati Għarab Magħquda), fis-26 ta’ Mejju 2015 (Timor-Leste) u fit-28 ta’ Mejju 2015 (Dominika, Grenada, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Trinidad u Tobago u l-Vanwatu) u japplikaw b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar sakemm jidħlu fis-seħħ.

    In-negozjati dwar il-ftehim tal-eżenzjoni mill-viża ma’ Tonga nbdew fid-19 ta’ Novembru 2014 fi Brussell. Matul din il-laqgħa, l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi rivedut u ntlaħaq qbil dwar l-aspetti kollha tiegħu. Wara numru ta’ skambji informali sussegwenti, il-ftehim ġie inizjalat permezz ta' skambju ta' ittri bejn in-negozjaturi ewlenin fid-29 ta' Mejju 2015 (Tonga) u fl-10 ta' Ġunju 2015 (Union). L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret fil-15 ta' Ġunju 2015.

    2.IL-BAŻI LEGALI

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

    Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim. Il-Kunsill ser jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata wara l-iffirmar tal-ftehim, f’isem l-Unjoni, minn persuna nominata mill-Presidenza tal-Kunsill u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.

    3.IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

    Għan

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tonga meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

    Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-ftehim li tiddikjara li Tonga tista’ tissospendi jew tittermina l-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni tistà wkoll tissospendi jew tittermina l-ftehim fir-rigward tal-Istati Membri tagħha.

    Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu.

    Kamp ta' applikazzjoni

    L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jivvjaġġaw għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-għan tat-twettiq ta attività bi ħlas. Għal din il-kategorija tal-aħħar, kull Stat Membru u wkoll Tonga jibqgħu ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża mal-Ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw għall-għan ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Tul ta' żmien tas-soġġorn

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tonga meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum f'kwalunkwe perjodu ta' 180 jum hi mehmuża ma’ dan il-ftehim.

    Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Tonga biex jibqgħu għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (attwalment il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona Schengen kollha.

    Applikazzjoni territorjali

    Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorrjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u n-Netherlands, l-eżenzjoni mill-viża tintitola liċ-ċittadini ta' Tonga biex jibqgħu biss f’dawk it-territorji Ewropej tal-Istati Membri.

    Dikjarazzjonijiet

    Barra minn hekk għad-dikjarazzjonijiet konġunti msemmija hawn fuq, żewġ dikjarazzjonijiet konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim:

    dwar l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    dwar it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħal-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju.

    4.KONKLUŻJONI

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim mehmuż bejn l-Unjoni Ewropea u Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir.

    2015/0196 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea mar-Repubblika ta' Tonga (minn hawn 'il quddiem 'Tonga') dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim').

    (2)Dan il-Ftehim ġie iffirmat, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-….... 2015, u japplika b'mod proviżorju mill-jum ta' wara dik id-data, suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu aktar tard, skont id-Deċiżjoni …....../….../KE tal-Kunsill tal-[………….].

    (3)Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4)Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim, li għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Huwa xieraq li tiġi kkontemplata proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni f'dan il-każ.

    (5)B'mod konformi mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea Ewropea u Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir huwa għalhekk approvat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill jagħmel in-notifika li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim 4 .

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ esperti dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tiegħu skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
    (2) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p. 67.
    (3) COM(2014) 467, 17.7.2014
    (4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
    Top

    Brussell, 14.9.2015

    COM(2015) 433 final

    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir


    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir



    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

    IR-RENJU TA' TONGA, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Tonga",

    minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien bħala l-“Partijiet Kontraenti”,

    BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa 1 billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Tonga, mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

    FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

    FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija, ir-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Tonga dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    ARTIKOLU 1

    Għan

    Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Tonga meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

    ARTIKOLU 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim,

    (a)    “Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b)    “ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

    (c)    "ċittadin ta' Tonga" tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Tonga;

    (d)    "żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.



    ARTIKOLU 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Tonga għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

    Iċ-ċittadini ta' Tonga li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Tonga, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

    2.    Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għal persuni li jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas.

    Għal dik il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini ta' Tonga jew li jirtirah skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 2 .

    Għal dik il-kategorija ta’ persuni, Tonga tista’ tiddeċiedi dwar ir-rekwiżit tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tagħha.

    3.    L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Tonga jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk ma jintlaħqux waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet.

    4.    L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

    5.    Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Tonga.

    ARTIKOLU 4

    Tul ta' żmien tas-soġġorn

    1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Tonga għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    2.    Iċ-ċittadini ta' Tonga jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

    Iċ-ċittadini ta' Tonga jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju ta' Stati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

    3.    Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li Tonga u l-Istati Membri jestendu l-perjodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.

    ARTIKOLU 5

    Applikazzjoni territorjali

    1.    Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

    2.    Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

    ARTIKOLU 6

    Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

    1.    Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Tonga. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2.    Il-Kumitat jkollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:

    (a)    li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    (b)    li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c)    li jsolvi tilwimiet li jinħolqu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    3.    Il-Kumitat jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    4.    Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    ARTIKOLU 7

    Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża
    bejn l-Istati Membri u Tonga

    Dan il-Ftehim jieħu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Tonga, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

    ARTIKOLU 8

    Dispożizzjonijiet finali

    1.    Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

    Dan il-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-ġurnata wara d-data tal-iffirmar tiegħu.

    2.    Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu indefinit, sakemm ma jiġix itterminat f'konformità mal-paragrafu 5.

    3.    Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.

    4.    Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu u tneħħi dik is-sospensjoni.

    5.    Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.

    6.    Tonga tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

    7.    L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Kroat, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bil-Finlandiż u bl-Isvediż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA
    U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari grazzi għall-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F'tali ċirkostanzi hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa, u l-awtoritajiet ta' Tonga, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TAL-PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BI SKOP TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS
    SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA' DAN IL-FTEHIM

    Bix-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, il-kategorija tal-persuni li jwettqu attività bi ħlas tkun tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom impjieg bi qliegħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.

    Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

       persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

       dawk li jwettqu attività sportiva jew ta' spettaklu fuq bażi ad hoc,

       ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

       apprendisti intra-korporattivi.

    L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni tkun sorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, u jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrahom neċessarji.



    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA' 90 JUM
    FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

    Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser jew soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

    Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI
    DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI MILL-VIŻA

    Peress li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tonga, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.

    ___

    (1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
    (2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
    Top