Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0416

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2015/0416 final - 2015/0185 (NLE)

    Brussell, 3.9.2015

    COM(2015) 416 final

    2015/0185(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, billi jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Mejju 2015 u fis-17 ta’ Ġunju 2015, is-Slovenja talbet għal awtorizzazzjoni biex tkompli teżenta lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tas-Slovenja permezz ta’ ittri bid-data tal-24 ta’ Ġunju 2015. Permezz ta’ ittra bid-data tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex tqis it-talba.

    Il-kuntest ġenerali

    Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.

    Skont l-Artikolu 287(15) tad-Direttiva tal-VAT, is-Slovenja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed mill-ekwivalenti ta’ EUR 25 000 fil-munita nazzjonali.

    Fl-2012, is-Slovenja talbet għal deroga sabiex tissimplifika l-obbligi tal-VAT għall-kummerċjanti ż-żgħar u sabiex tiffaċilita l-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill awtorizza lis-Slovenja biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Din il-miżura hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Abbażi ta’ din l-esperjenza, is-Slovenja issa talbet għal estensjoni ta’ dik il-miżura li tkompli tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

    Mit-tagħrif ipprovdut mis-Slovenja, fi tmiem l-2013, 51.45 % ta’ dawk li jħallsu l-VAT kellhom fatturat taxxabbli ta’ inqas minn EUR 50 000 u l-introjtu ġġenerat mill-VAT tagħhom kien jirrappreżenta 1 % biss tat-total tal-introjtu mill-VAT. Barra minn hekk, in-numru ta’ persuni taxxabbli rreġistrati għall-finijiet tal-VAT b’livell limitu ta’ bejn EUR 25 000 u EUR 50 000 naqas kemm fl-2013 kif ukoll fl-2014. Dan ifisser li għadd dejjem jikber ta’ negozji żgħar jużaw din il-miżura ta’ simplifikazzjoni.

    Mit-tagħrif ipprovdut mis-Slovenja, jidher li l-impatt tal-miżura fuq l-introjtu tat-taxxa mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali huwa negliġibbli.

    Għalhekk, qiegħed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża għal perjodu ieħor, minn tal-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2018 jew sad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-limiti tal-fatturat annwali, li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jkunu eżenti mill-VAT.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

    Ingħataw derogi simili lil Stati Membri oħra.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-miżura hija konformi mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008) 394 tal-25 ta’ Ġunju 2008).

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Meta wieħed iqis l-kamp limitat ta’ applikazzjoni tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrumenti proposti: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-iżjed strument adattat peress li tista’ tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli

    Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

    Mhux rilevanti.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill timmira li l-miżura ta’ simplifikazzjoni titkompla għal tliet snin oħra peress li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu b’fatturat annwali li mhuwiex iżjed minn EUR 50 000 u għalhekk għandha impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għall-amministrazzjoni tat-taxxi mingħajr impatt kbir fuq l-introjtu totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ristrett ta’ applikazzjoni tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tiegħu fiż-żmien, il-kamp ta’ applikazzjoni xorta waħda se jkun limitat.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE peress li s-Slovenja se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; terminu preskrittiv awtomatiku li għal din id-deroga huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2018.

    2015/0185 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)L-Artikolu 287(15) tad-Direttiva 2006/112/KE, jawtorizza lis-Slovenja li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 25 000.

    (2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE 2 , is-Slovenja ġiet awtorizzata biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000 sal-31 ta’ Diċembru 2015 u bħala deroga.

    (3)Permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Mejju 2015 u fis-17 ta’ Ġunju 2015, is-Slovenja talbet għal awtorizzazzjoni għal estensjoni tal-miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287(15) tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkun tista’ tkompli teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000. Permezz ta’ dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jiġu eżentati minn ċerti obbligi jew minn kollha kemm huma, fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli minn 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (4)Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tas-Slovenja permezz ta’ ittri bid-data tal-24 ta’ Ġunju 2015. Permezz ta’ ittra bid-data tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex tqis it-talba.

    (5)Mit-tagħrif ipprovdut mis-Slovenja, fi tmiem l-2013, 51.45 % ta’ dawk li jħallsu l-VAT kellhom fatturat taxxabbli ta’ inqas minn EUR 50 000 u kien jirrappreżenta 1 % biss tat-total tal-introjtu mill-VAT.

    (6)Peress li dan il-livell limitu ogħla rriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji iż-żgħar, filwaqt li dawn in-negozji għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, is-Slovenja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu ieħor limitat.

    (7)(7)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li s-Slovenja se twettaq kalkolu tal-kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89 3 .

    (8)(8)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE, id-data “31 ta’ Diċembru 2015” tiġi sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2018”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).
    (3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).
    Top