IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.8.2015
COM(2015) 398 final
ANNESSI
għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-Ftehim li jkompli
ċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn
l-Unjoni Ewropea u l-Euratom li jaġixxu bħala Parti waħda, u l-Ġeorġja, il-Ġappun, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika Kirgiża, ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Każakistan, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika tat-Taġikistan, u l-Istati Uniti tal-Amerka
ANNESSI
għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-Ftehim li jkompli
ċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn
l-Unjoni Ewropea u l-Euratom li jaġixxu bħala Parti waħda, u l-Ġeorġja, il-Ġappun, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika Kirgiża, ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Każakistan, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika tat-Taġikistan, u l-Istati Uniti tal-Amerka
IL-FTEHIM LI JKOMPLI
IĊ-ĊENTRU INTERNAZZJONALI TAX-XJENZA U T-TEKNOLOĠIJA
IL-PARTIJIET F’DAN IL-FTEHIM,
FILWAQT LI JINSABU MĦASSBA dwar it-theddida tal-proliferazzjoni nukleari madwar id-dinja minn armi nukleari, radjoloġiċi, kimiċi, u bijoloġiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “AQM”) u l-użu ta’ materjali nukleari, radjoloġiċi, kimiċi, u bijoloġiċi bħala armi;
FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid il-ħtieġa ta' prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ teknoloġiji, materjali u għarfien espert relatat mal-AQM u s-sistemi ta’ twassil tagħhom;
FILWAQT LI JFAKKRU r-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ddeċidiet li l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jieqfu milli jipprovdu kwalunkwe forma ta’ appoġġ lil atturi mhux Statali li jippruvaw jiżviluppaw, jakkwistaw, jimmanifatturaw, ikollhom fil-pussess, jittrasportaw, jittrasferixxu jew jużaw armi nukleari, kimiċi, jew bijoloġiċi u s-sistemi ta’ twassil tagħhom;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li sforzi kollaborattivi, multilaterali fost l-Istati huma mezz effettiv għall-prevenzjoni ta’ tali proliferazzjoni, u jirrikonoxxu r-rwol importanti tar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku bħala elementi ewlenin tal-isfidi tal-proliferazzjoni tal-lum;
FILWAQT LI JQISU d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (minn hawn’ il quddiem “l-ISTC” jew “iċ-Ċentru”), iffirmat f’Moska f’Novembru 27, 1992 (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim tal-1992”) u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali ta’ Xjenza u Tekonoloġija, iffirmat f’Moska fis-27 ta’ Diċembru fl-1993 (minn hawn ’il quddiem “l-Applikazzjoni Proviżorja tal-Protokoll”);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għall-ISTC li jimminimizza inċentivi biex jieħu sehem f’attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f’proliferazzjoni ta’ AQM jew materjali relatati billi jappoġġja u jikkoopera f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp għal skopijiet paċifiċi ta’ xjenzati u inġiniera fi Stati b’teknoloġiji, l-għarfien espert, u materjali relatati applikabbli għall-AQM, u l-kontribuzzjonijiet preċedenti tal-ISTC biex jipprevjenu l-proliferazzjoni ta’ AQM u li jippromwovi l-kooperazzjoni xjentifika bejn l-Istati;
FILWAQT LI JIRREALIZZAW li s-suċċess tal-ISTC jirrikjedi appoġġ b’saħħtu minn gvernijiet, l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn’ il quddiem “EURATOM”), organizzazzjonijiet mhux governattivi, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn u tas-settur privat;
XEWQANA li l-ISTC jkompli l-ħidma tiegħu fid-dawl ta’ bidliet reċenti fis-sħubija tal-ISTC;
XEWQANA li l-ISTC jkun adattat iktar għal kundizzjonijiet li nbidlu miż-żmien meta twaqqaf l-ISTC sabiex l-attivitajiet tal-ISTC jipprovdu impetus u appoġġ lil xjentisti u inġiniera parteċipanti, inklużi dawk li għandhom l-għarfien u l-ħiliet applikabbli għall-AQM jew is-sistemi ta’ twassil tagħhom (inkluż l-għarfien u l-ħiliet b’użu doppju), fl-iżvilupp ta’ sħubija xjentifika internazzjonali, it-tisħiħ tas-sigurtà globali, u biex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku permezz tal-innovazzjoni; kif ukoll
FILWAQT LI JIDDEĊIEDU, sabiex jilħqu l-għanijiet tal-ISTC b’mod aktar effettiv permezz ta’ kooperazzjoni xjentifika, li jkomplu l-ISTC billi jidħlu f’dan il-Ftehim, ibbażat fuq il-Ftehim tal-1992 b'reviżjonijiet, u li jissostitwixxi l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
(A)L-ISTC, oriġinarjament stabbilit mill-Ftehim tal-1992 bħala organizzazzjoni intergovernattiva, għandu jibqa' skont it-termini ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tiffaċilita, fit-territorju tagħha, l-attivitajiet taċ-Ċentru. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tiegħu, iċ-Ċentru għandu, bi qbil mal-liġijiet u r-regolamenti tal-partijiet, il-kapaċità legali biex jorbot, jakkwista u jiddisponi minn propjetà immobbli jew mobbli, u biex jiftaħ u jwieġeb għal kawżi legali.
(B)Kif użat f’dan il-Ftehim, it-termini li ġejjin ikollhom it-tifsiriet mogħtija f’dan l-Artikolu:
(i)“Partijiet” tfisser, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-firmatarji għal dan il-Ftehim li taw notifika skont l-Artikolu 17(C) ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe Stat u l-Istati kollha li jkunu aċċedew għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 13(B) ta’ dan il-Ftehim;
(ii)“persunal taċ-Ċentru” tfisser persuni fiżiċi li huma impjegati jew li jaħdmu taħt kuntratt maċ-Ċentru, jew li huma assenjati jew fuq xogħol temporanju maċ-Ċentru kif miftiehma bejn iċ-Ċentru u Parti waħda jew aktar;
(iii)“membri tal-familja” tfisser il-konjuġi; tfal dipendenti mhux miżżewġa taħt l-età ta’ 21 sena; tfal dipendenti mhux miżżewġa ta’ taħt it-23 sena li jinsabu f’attendenza full-time bħala studenti f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni post sekondarja; u t-tfal mhux miżżewġin li huma persuni b’diżabilità fiżika jew mentali;
(iv)“attivitajiet” taċ-Ċentru tfisser proġetti u ħidma oħra mwettqa taħt il-patroċinju taċ-Ċentru, konsistenti mal-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim;
(v)“proġett” taċ-Ċentru tfisser attività kollaborattiva b’tul ta’ żmien stipulat imwettqa fi kwalunkwe post fid-dinja li jista' jinkludi għotjiet u/jew tagħmir, u huwa suġġett għall-approvazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim;
(vi)“kunsens” tal-Bord ta' Tmexxija tfisser il-ftehim tal-partijiet kollha fuq il-Bord ta’ Tmexxija li qed jipparteċipaw u jivvotaw waqt laqgħa li fiha tittieħed id-deċiżjoni, sakemm ikun hemm kworum, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim. L-Istatut tal-ISTC, kif previst fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, jiddefinixxi kworum u forom possibbli ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Partijiet;
(vii)“Stat ospitanti” tfisser Parti li tkun ġiet maħtura bħala l-Istat ospitanti skont l-Artikolu 9(A) ta’ dan il-Ftehim;
(viii)“teknoloġija b’użu doppju, materjali, u għarfien espert” tfisser teknoloġija, materjali, u għarfien espert li jkollhom kemm l-applikazzjonijiet kummerċjali kif ukoll il-proliferazzjoni ta’ applikazzjonijiet, bħal pereżempju l-applikazzjonijiet relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni, l-użu, jew it-titjib ta’ AQM u s-sistemi ta’ twassil tagħhom;
(ix)“għarfien u kapaċitajiet b’użu doppju” tfisser l-għarfien u l-ħiliet applikabbli għall-użu ta’ teknoloġija b’użu doppju, materjali, u l-għarfien espert fl-iżvilupp, il-produzzjoni, l-użu, jew it-titjib ta’ AQM u s-sistemi ta’ twassil tagħhom; kif ukoll
(x)“materjal relatat” tfisser materjali, tagħmir u teknoloġija koperti minn trattati u arranġamenti multilaterali rilevanti, jew inklużi f’listi nazzjonali ta’ kontroll, li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi tal-qerda tal-massa (AQM) u s-sistemi ta’ twassil tagħhom.
ARTIKOLU 2
(A)Iċ-Ċentru jiżviluppa, japprova, jiffinanzja u jimmonitorja proġetti għal għanijiet ta' paċi, li jridu jitwettqu primarjament f'istituzzjonijiet u faċilitajiet li jinsabu fit-territorji tal-Partijiet. Il-proġetti jistgħu jitwettqu fi Stati li mhumiex Partijiet għal dan il-Ftehim li jkollhom teknoloġiji, l-għarfien espert, u materjali relatati mal-AQM applikabbli f’każijiet fejn dawk l-Istati jkunu talbu dawn il-proġetti b’komunikazzjoni bil-miktub lill-Bord ta' Tmexxija u l-Bord ta' Tmexxija japprova unanimament it-twettiq ta’ dawn il-proġetti. Minkejja dan li għadu kif issemma, individwi li huma ċittadini ta’ Stati mhux kontraenti jistgħu jitħallew jipparteċipaw f’attivitajiet imwettqa mill-ISTC fi Stati li huma Partijiet għal dan il-Ftehim.
(B)L-għanijiet taċ-Ċentru jkunu:
(i)il-promozzjoni tat-titjib ta’ mekkaniżmi internazzjonali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ twassil tagħhom, kif ukoll ta’ teknoloġiji, materjali, u l-għarfien espert li huma elementi ewlenin direttament relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni, l-użu, jew it-titjib tal-AQM u s-sistemi ta’ twassil tagħhom (inkluż teknoloġija, materjali, u għarfien espert b’użu doppju);
(ii)li jagħti lil xjentisti u inġiniera b’għarfien u ħiliet applikabbli għall-AQM u tas-sistemi ta' twassil tagħhom, inkluż għarfien u ħiliet b'użu doppju, opportunitajiet għal taħriġ u impjieg alternattiv fejn l-għarfien u l-ħiliet tagħhom jistgħu jintużaw għal attivitajiet ta’ paċi;
(iii)biex jippromwovu kultura ta’ sigurtà fir-rigward tat-trattament u l-użu ta’ materjal, tagħmir u teknoloġija li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi ta’ qerda massiva u s-sistemi ta’ twassil tagħhom; kif ukoll
(iv)li jikkontribwixxi permezz tal-attivitajiet tiegħu: għall-iżvilupp ta’ sħubija xjentifika internazzjonali, it-tisħiħ tas-sigurtà globali, u t-trawwim tat-tkabbir ekonomiku permezz tal-innovazzjoni; għal riċerka bażika u applikata u l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-kummerċjalizzazzjoni, inter alia, fl-oqsma tal-ambjent, l-enerġija, is-saħħa, u sikurezza u sigurtà nukleari, kimika, u bijoloġika; u għall-promozzjoni ta’ aktar integrazzjoni ta’ xjentisti b’teknoloġiji, materjali, u għarfien applikabbli għall-AQM fil-komunità xjentifika internazzjonali.
ARTIKOLU 3
Sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu, iċ-Ċentru huwa awtorizzat:
(i)li jippromwovi u jappoġġja, permezz tal-użu ta' fondi jew b'mod ieħor, proġetti ta' xjenza u teknoloġija bi qbil mal-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim;
(ii)li jimmonitorja u jirrevedi proġetti taċ-Ċentru bi qbil mal-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim;
(iii)li jistabbilixxi forom xierqa ta’ koperazzjoni ma’, u li jerċievi fondi jew donazzjonijiet minn gvernijiet, l-Unjoni Ewropea u l-EURATOM, organizzazzjonijiet intergovernattivi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-settur privat, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, u programmi relatati;
(iv)li Jistabbilixxi fergħat jew uffiċċji ta’ informazzjoni kif ikun xieraq fi stati interessati li huma Partijiet, jew fit-territorju ta’ pajjiż li mhux Parti jekk il-Bord ta' Tmexxija unanimament japprova l-istabbiliment ta’ tali uffiċċju fit-territorju ta' pajjiż li mhuwiex parti; kif ukoll
(v)jidħol f’attivitajiet oħra fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif jistgħu jiġu maqbula b’kunsens tal-Bord ta’ Tmexxija.
ARTIKOLU 4
(A)Iċ-Ċentru jkollu Bord ta' Tmexxija u Segretarjat, li jikkonsisti minn Direttur Eżekutiv (li jservi bħala kap uffiċjal eżekuttiv), Viċi Direttur(i) eżekuttiv(i), u persunal ieħor taċ-Ċentru, f’konformità mal-Istatut taċ-Ċentru.
(B)Il-Bord ta' Tmexxija huwa responsabbli għal:
(i)
determinazzjoni tal-politika taċ-Ċentru u r-regoli ta' proċedura tiegħu;
(ii)
provvediment ta' gwida u direzzjoni ġenerali lis-Segretarjat;
(iii)
approvazzjoni tal-baġit operattiv taċ-Ċentru;
(iv)
li jirregola l-affarijiet finanzjarji u oħrajn taċ-Ċentru, inklużi proċeduri ta' approvazzjoni għat-tħejjija tal-baġit taċ-Ċentru, tfassil tal-kontijiet, u l-awditjar tagħhom;
(v)
il-formulazzjoni ta' kriterji u prijoritajiet ġenerali għall-approvazzjoni ta' attivitajiet;
(vi)
l-approvazzjoni ta' proġetti bi qbil mal-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim;
(vii)
l-adozzjoni tal-Istatut u arranġamenti ta' implimentazzjoni oħra kif meħtieġ; kif ukoll
(viii)
funzjonijiet oħra assenjati lilu permezz ta' dan il-Ftehim jew meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.
(C)Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija jittieħdu b’kunsens.
(D)Kull parti tiġi rappreżentata minn vot waħdieni fil-Bord ta' Tmexxija u m’għandhiex taħtar aktar minn żewġ rappreżentanti għall-Bord ta' Tmexxija.
(E)Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu Kumitat Xjentifiku Konsultattiv, magħmul minn rappreżentanti li għandhom jiġu nominati mill-Partijiet, biex jagħti lill-Bord pariri xjentifiċi esperti u pariri professjonali meħtieġa oħra; biex jagħti parir lill-Bord dwar l-oqsma ta' riċerka li għandhom jiġu nkoraġġiti għal skopijiet ta' paċi; u biex jipprovdi xi pariri oħra li jistgħu jinħtieġu mill-Bord.
(F)Il-Bord ta' Tmexxija jadotta Statut f'implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. L-Istatut jistabbilixxi:
(i)l-istruttura tas-Segretarjat inklużi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, Deputati Diretturi Eżekuttivi, u persunal ewlieni ieħor;
(ii)il-proċess għall-għażla, l-iżvilupp, l-approvazzjoni, il-finanzjament, it-twettiq u l-monitoraġġ ta' attivitajiet;
(iii)proċeduri għat-tħejjija tal-baġit taċ-Ċentru, it-tfassil ta' kontijiet, u l-awditjar tagħhom;
(iv)linji ta' gwida xierqa dwar drittijiet ta' propjetà intellettwali li jirriżultaw minn proġetti taċ-Ċentru u dwar it-tixrid ta' riżultati ta' proġetti;
(v)proċeduri li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta' gvernijiet, l-Unjoni Ewropea u l-EURATOM, organizzazzjonijiet intergovernmentali, u organizzazzjonijiet li mhumiex governattivi fi proġetti taċ-Ċentru;
(vi)politiki tal-persunal; kif ukoll
xi arranġamenti oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 5
Organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi, jew Stati li mhumiex Partijiet, jistgħu jiġu mistiedna mill-Bord ta’ Tmexxija biex jipparteċipaw f’deliberazzjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija bħala osservaturi, f’kapaċità mhux ta’ votazzjoni.
ARTIKOLU 6
Kull proposta ta' proġett sottomessa għal approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija tiġi akkompanjata mill-kunsens bil-miktub tal-istat jew stati li fih/fihom ikun se jitwettaq ix-xogħol. B’żieda mal-ftehim minn qabel ta’ dak l-Istat jew dawk l-Istati, l-approvazzjoni ta’ proġetti tirrikjedi l-kunsens tal-Bord ta’ Tmexxija.
ARTIKOLU 7
(A)Proġetti approvati mill-Bord ta' Tmexxija jistgħu jiġu finanzjati jew appoġġjati miċ-Ċentru, Partijiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet fis-settur privat. Finanzjament u appoġġ bħal dan ta' proġetti approvati jiġu provvduti fuq termini u kundizzjonijiet speċifikati minn dawk li qed jipprovduhom, sakemm it-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati jkunu konsistenti ma' dan il-Ftehim.
(B)Rappreżentanti tal-Partijiet fil-Bord ta' Tmexxija u l-persunal tas-Segretarjat taċ-Ċentru jkunu ineliġibbli għal finanzjament ta' proġetti u ma jistgħu jibbenefikaw direttament minn ebda finanzjament ta' proġett.
ARTIKOLU 8
(A)Iċ-Ċentru jkollu d-dritt, fi ħdan l-Istati li fihom l-attività titwettaq:
(i)li jeżamina fuq il-post, attivitajiet, materjali, provvisti, l-użu ta' fondi taċ-Ċentru u servizzi relatati mal-proġetti u l-użu ta' fondi, man-notifika miċ-Ċentru jew, b'żieda ma' dan, kif speċifikat fi ftehim tal-proġett; kif ukoll
(ii)jispezzjona jew iwettaq awditu fuq, mat-talba tiegħu, kwalunkwe rekords jew dokumenti, f'konnessjoni mal-proġetti, attivitajiet, u l-użu ta' fondi taċ-Ċentru, irrispettivament fejn jinsabu dawn ir-rekords jew din id-dokumentazzjoni, matul il-perjodu li fih iċ-Ċentru jipprovdi l-finanzjament, u għal perjodu wara dan kif stabbilit fi ftehim ta' proġett.
Il-Fftehim bil-miktub meħtieġ fl-Artikolu 6 għandu jinkludi l-ftehim, tal-Istat jew l-Istati li fih/fihom se jitwettaq ix-xogħol kif ukoll l-istituzzjoni riċevituri, biex jipprovdi liċ-Ċentru bl-aċċess meħtieġ għall-awditjar u l-monitoraġġ tal-proġett, kif jirrikjedi dan il-paragrafu.
(B)Kull parti jkollha wkoll id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu (A) ta’ dan l-Artikolu, ikkoordinati permezz taċ-Ċentru, rigward proġetti li tiffinanzja totalment jew parzjalment jew proġetti li huma mwettqa fit-territorju tagħha.
(C)Jekk ikun stabbilit li t-termini u l-kundizzjonijiet ta' proġett ma jkunux ġew rispettati, iċ-Ċentru jew gvern jew organizzazzjoni ta' finanzjament jistgħu, wara li jkunu infurmaw il-Bord ta' Tmexxija bir-raġunijiet tagħhom, iwaqqfu l-proġett u jieħdu l-passi xierqa bi qbil mat-termini tal-ftehim tal-proġett.
ARTIKOLU 9
(A)Il-Kwartieri taċ-Ċentru jkunu fir-Repubblika tal-Każakistan u r-Repubblika tal-Każakistan taġixxi bħala l-Istat Ospitanti sakemm u sa tali żmien li: (i) ir-Repubblika tal-Każakistan tippreżenta notifika lill-Bord ta' Tmexxija li ma tixtieqx tibqa' sservi bħala Stat Ospitanti; (ii) Parti oħra msemmija fl-Artikolu 13(A) ta' dan il-Ftehim jew li taċċedi għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 13(B) ta' dan il-Ftehim għall-iskop ta' awtorizzazzjoni tat-twettiq mill-ISTC ta' attivitajiet fit-territorju ta' tali stat tippreżenta notifika bil-miktub lill-Bord ta' Tmexxija li fih titlob li tinħatar bħala l-Istat Ospitanti suċċessur. (iii) il-Bord ta' Tmexxija jiddeċiedi b'kunsens li jaċċetta t-talba ta' dik il-Parti li tkun maħtura bħala Stat Ospitanti suċċessur; u (iv) il-Parti li titlob il-ħatra bħala l-Istat Ospitanti suċċessur tressaq notifika bil-miktub lill-Bord ta’ Tmexxija li tikkonferma li hija taċċetta n-nominazzjoni bħala l-Istat Ospitanti suċċessur
(B)Bħala mod illi jiġi provvdut appoġġ materjali liċ-Ċentru, il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jipprovdi, bi spejjeż għalih, faċilità xierqa għall-użu miċ-Ċentru, flimkien ma' manutenzjoni, utilitajiet, u sigurta għall-faċilità. Il-Gvern tal-Istat Ospitanti u l-ISTC jistgħu jidħlu fi ftehim li jispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom l-Istat Ospitanti jipprovdi appoġġ materjali u l-faċilità għaċ-Ċentru.
(C)Fl-Istat Ospitanti, iċ-Ċentru jkollu l-istat ta' persuna ġuridika u, f'dik il-kapaċità, ikun intitolat li jorbot, jakkwista u jiddisponi minn propjetà immobbli jew mobbli, u jiftaħ u jwieġeb għal kawżi legali.
ARTIKOLU 10
fl-Istat Ospitanti:
(i)
(a)fondi rċevuti mill-ISTC u kwalunkwe mgħax li huwa jaqla’ minn fuq dawn il-fondi ma għandhomx jiġu soġġetti għal tassazzjoni fl-Istat Ospitanti;
(b)iċ-Ċentru, jew xi fergħa tiegħu, ma għandux ikun soġġett għal xi tassazzjoni fuq proprjetà li hija soġġetta għal tassazzjoni taħt il-liġijiet tat-taxxa tal-Istat Ospitanti;
(c)prodotti, provvisti, u xi proprjetà provvduta jew utilizzata f'konnessjoni mal-attivitajiet taċ-Ċentru jistgħu jiġu importati fi, esportati minn, jew użati fl-Istat Ospitanti ħielsa minn tariffi, dejn, dazji tad-dwana, taxxi ta' importazzjoni, taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), u taxxi jew ħlasijiet simili. Prodotti, provvisti, u proprjetà immobbli jew mobbli oħrajn jistgħu jiġu ttrasferiti jew ipprovduti mod ieħor mill-ISTC għal entitajiet ġuridiċi (inklużi iżda mhux limitati għall-organizzazzjonijiet xjentifiċi ta' Stat Ospitanti) u pposseduti jew użati mill-ISTC u/jew l-entitajiet li lilhom dawn l-oġġetti ġew pprovduti jew ittrasferiti ħielsa minn tariffi, dejn, dazji tad-dwana, taxxi ta’ importazzjoni, (VAT), taxxi fuq il-proprjetà, u taxxi jew ħlasijiet simili;
(d)persunal taċ-Ċentru li mhumiex persuni ta' nazzjonalità tal-Istat Ospitanti għandhom jiġu eżenti mill-ħlas ta' taxxa tad-dħul fl-Istat Ospitanti għal persuni fiżiċi;
(e)fondi rċevuti f’konnessjoni mal-proġetti taċ-Ċentru minn entitajiet legali, inklużi organizzazzjonijiet xjentifiċi tal-Istat Ospitanti, ma jiġux soġġetti għal tassazzjoni fl-Istat Ospitanti;
(f)fondi riċevuti minn persuni legali, partikolarment xjentisti jew speċjalisti, f'konnessjoni mal-qafas tal-proġetti taċ-Ċentru, ma jiġux nklużi fid-dħul taxxabbli ta' dawk il-persuni;
(ii)
(a)iċ-Ċentru, il-Partijiet, gvernijiet, organizzazzjonijiet intergovernattivi, u organizzazzjonijiet mhux governattivi jkollhom id-dritt li jmexxu fondi meħtieġa miċ-Ċentru biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu, għajr il-munita tal-Istat Ospitanti, fl-Istat Ospitanti jew barra minnu mingħajr restrizzjoni. Kull wieħed ikollu d-dritt li jmexxi b'dan il-mod biss ammonti li ma jaqbżux l-ammont totali li jkun mexxa fl-Istat Ospitanti; kif ukoll
(b)biex jiffinanzja liċ-Ċentru u l-attivitajiet tiegħu, iċ-Ċentru jiġi ntitolat, għalih innifsu u f'isem l-entitajiet riferiti fis-subparagrafu (ii)(a) ta' dan l-Artikolu, li jbigħ muniti barranin fis-suq intern korrenti fl-Istat Ospitanti.
(iii)
Persunal ta' organizzazzjonijiet li mhumiex tal-Istat Ospitanti li jieħdu sehem f'xi attività taċ-Ċentru u li mhumiex persuni ta' nazzjonalità tal-Istat Ospitanti jew residenti permanenti għandhom jiġu eżentati mill-ħlas ta' dazji tad-dwana u ħlasijiet fuq oġġetti personali jew tad-dar importati ġo, esportati minn, jew użati fl-Istat Ospitanti għall-użu personali ta' tali persunal jew membri tal-familji tagħhom.
ARTIKOLU 11
(A)Fl-Istat Ospitanti, l-ISTC u l-assi u l-proprjetà tiegħu għandu jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni għajr sa fejn l-ISTC jkun irrinunzja l-immunità espressament f’każ partikolari.
(B)Il-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw liċ-Ċentru biss għall-iskopijiet speċifikati f’dan il-Ftehim.
(C)Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jipprevjenu kumpens jew indemnita disponibbli skont ftehim internazzjonali applikabbli jew liġi nazzjonali ta' xi stat.
(D)Xejn fil-paragrafu (A) ta' dan l-Artikolu ma għandu jinftiehem bħala li jipprevjeni proċedimenti legali jew pretensjonijiet kontra persuni ta' nazzjonalità tal-Istat Ospitanti jew residenti permanenti tal-Istat Ospitanti.
ARTIKOLU 12
(A)Il-persunal taċ-Ċentru u l-membri tal-familja tagħhom preżenti fl-Istat Ospitanti jiġu mogħtija l-privileġġi u l-immunitajiet segwenti mill-Gvern tal-Istat Ospitanti:
(i)immunità minn arrest, żamma, u proċedimenti legali, inkluż ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva rigward kliem li jkun intqal jew ġie miktub minnhom infushom jew xi azzjonijiet mwettqa fil-kapaċità uffiċċjali tagħhom;
(ii)eżenzjoni minn kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, sigurta soċjali, jew tassazzjoni oħra, dazji, jew ħlasijiet oħra, minbarra dawk li normalment huma inkorporati fil-prezz ta' oġġetti jew imħallsa għal servizzi mogħtija;
(iii)immunità minn disposizzjonijiet ta' sigurtà soċjali;
(iv)immunità minn restrizzjonijiet ta' immigrazzjoni u minn reġistrazzjoni aljena; kif ukoll
(v)drittijiet għal importazzjoni tal-għamara u l-oġġetti personali tagħhom, meta jieħdu l-post tagħhom għall-ewwel darba, ħieles minn kull tariffi, miżati, dazji tad-dwana, taxxi ta’ importazzjoni, u taxxi jew ħlasijiet oħra simili tal-Istat Ospitanti, u li jesportaw l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom, fil-waqt tat-terminazzjoni tal-impjieg tagħhom, ħielsa minn kull tariffi, miżati, dazji tad-dwana, taxxi fuq l-esportazzjoni, jew ħlasijiet oħra simili tal-Istat Ospitanti.
Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (i) ta' dan l-Artikolu ma japplikawx fir-rigward ta' azzjoni ċivili jew: (a) li tirriżulta minn kuntratt konkluż minn persunal taċ-Ċentru li fih il-persunal ma jkunx daħal f'kuntratt espressament jew b'mod impliċitu bħala aġent taċ-Ċentru; jew (b) minn parti terza għal ħsara li rriżultat minn inċident fl-Istat Ospitanti kkawżati minn vettura.
(B)Rappreżentanti tal-Partijiet fil-Bord ta' Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, u d-Diretturi Deputati Eżekuttivi għandhom jingħataw mill-Gvern tal-Istat Ospitanti, b'żieda mal-privileġġi u l-immunitjiet imniżżla f'lista fil-paragrafu (A) ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe privileġġi, immunitajiet, eżenzjonijiet u faċilitajiet addizzjonali ġeneralment mogħtija lil rappreżentanti ta' membri u kapijiet eżekuttivi ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fit-territorju tiegħu.
(C)Xejn f'dan l-Artikolu ma jirrikjedi lill-Gvern tal-Istat Ospitanti li jipprovdi l-privileġġi u l-immunitajiet ipprovvduti f'paragrafi (A) u (B) ta' dan l-Artikolu lill-persuni ta' nazzjonalità jew residenti permanenti tiegħu.
(D)Xejn f'dan il-Ftehim ma jinftiehem li jidderoga minn privileġġi, immunitajiet, u benefiċċji oħra mogħtija taħt ftehimiet oħra lil persunal deskritt f'paragrafi (A) u (B) ta' dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 13
(A)Ir-Repubblika tal-Armenja, il-Ġeorġja, il-Kazakistan, ir-Repubblika Kirgiża, u r-Repubblika tat-Taġikistan, huma marbuta li jikkonformaw mal-obbligi meħuda mill-Istat ospitanti fl-Artikoli 9(C), 10, 11, u 12 ta’ dan il-Ftehim.
(B)Kull Stat li jixtieq jaderixxi ma’ dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu jgħarraf lill-Bord ta' Tmexxija permezz tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jipprovdi stat bħal dan b' kopji attestati ta' dan il-Ftehim permezz tad-Direttur Eżekuttiv. Mal-approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija, dak l-istat jiġi permess li jifforma parti minn dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ għal dak l-istat fit-tletin (30) jum wara d-data li fiha l-istrument ta' sħubija huwa depożitat mad-Depożitarju. Kwalunkwe stat b’teknoloġija, għarfien espert, jew materjali relatati applikabbli għall-AQM li jaderixxi għal dan il-Ftehim, li għandu jkun indikat fl-istrument tal-adeżjoni tiegħu, li jippermetti t-twettiq ta’ attivitajiet tal-ISTC fit-territorju ta’ tali Stat għandu, meta jaderixxi ma’ dan il-Ftehim, ikun marbut li jikkonforma mal-obbligi meħuda mill-Istat Ospitanti fl-Artikoli 9(C), 10, u 11, u 12 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 14
(A)Dan il-Ftehim huwa soġġett għal reviżjoni mill-Partijiet sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Din ir-reviżjoni tqis l-impenji u l-pagamenti finanzjarji tal-Partijiet.
(B)Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub tal-Partijiet, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe Parti li tkun irtirat jew sakemm tkun ipprovdiet in-notifika skont il-paragrafu (C) ta’ dan l-Artikolu tal-intenzjoni tagħha li tirtira minn dan il-Ftehim. Jekk Parti li tkun ipprovdiet in-notifika ta’ rtirar tħassar l-irtirar tagħha qabel ma dan isir effettiv, dik il-Parti għandha tkun marbuta b’xi emendi għal dan il-Ftehim li jkunu saru effettivi wara d-data li fiha dik il-Parti tkun ipprovdiet in-notifika tagħha għall-irtirar.
(C)Kwalunkwe Parti tista' tirtira minn dan il-Ftehim mhux inqas minn sitt xhur wara notifika bil-miktub lid-Depożitarju.
ARTIKOLU 15
(A)Kull domanda jew kwistjoni disputibbli għall-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tkun is-suġġett ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.
(B)Jekk kwistjoni ma tiġix solvuta permezz ta’ konsultazzjonijiet, il-Partijiet kollha kkonċernati jistgħu jiftiehmu b’mod konġunt li jissottomettu din il-kwistjoni għal forma oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim bħall-konċiljazzjoni, il-medjazzjoni, jew l-arbitraġġ.
ARTIKOLU 16
Xejn f’dan il-Ftehim ma huwa maħsub li jfixkel il-kontinwazzjoni tal-ISTC bħala l-organizzazzjoni intergovernattiva oriġinarjament stabbilita permezz tal-Ftehim tal-1992, inkluż l-attivitajiet ta’ uffiċji tal-fergħat tal-ISTC eżistenti, u lanqas ma jaffettwa l-validità ta’ kwalunkwe kuntratti eżistenti, għotjiet jew strumenti legali oħra jew arranġamenti tal-ISTC, ħlief kif speċifikament rivedut b’dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 17
(A)Dan il-Ftehim huwa miftuħ għall-firma mill-Unjoni Ewropea u l-EURATOM li jaġixxu bħala Parti waħda, u l-Ġeorġja, il-Ġappun, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika Kirgiża, ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Każakistan, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika tat-Taġikistan, u l-Istati Uniti tal-Amerka.
(B)Dan il-Ftehim huwa suġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jkunu depożitati mad-Depożitarju.
(C)Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fid-data ta’ meta d-Depożitarju jirċievi l-aħħar strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati msemmija fil-paragrafu (A) ta’ dan l-Artikolu u l-Unjoni Ewropea u l-EURATOM, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda.
D)Malli jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim jieħu post il-Protokoll tal-Applikazzjoni Proviżorja. F’dak iż-żmien, il-Partijiet jieqfu milli japplikaw proviżorjament il-Ftehim tal-1992.
ARTIKOLU 18
Is-Segretarjat taċ-Ċentru jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim. In-notifiki kollha lid-depożitarju jkunu indirizzati lid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru. Id-Depożitarju jwettaq id-dmirijiet skont l-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta' Mejju 1969.
B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji hawn taħt, awtorizzati għal dan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fi [POST] fil-[DATA], bl-Armenjan, bil-Ġeorġjan, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Ġappuniż, bil-Kazakistan, bil-Kirgiżistan, bil-Korean, bin-Norveġiż, bir-Russu, u bit-Taġiki, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diskrepanza bejn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi jew aktar, it-test bl-Ingliż jipprevali.