Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0372

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja

    COM/2015/0372 final - 2015/0162 (NLE)

    Brussell, 22.7.2015

    COM(2015) 372 final

    2015/0162(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-livell għoli ta’ integrazzjoni monetarja u ekonomika tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-eżistenza ta’ miżuri speċifiċi msaħħa ta’ koordinazzjoni ekonomika bejniethom ibbażata fuq l-Artikolu 136 tat-Trattat jiġġustifikaw trattament ad hoc meta tingħata l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

    Filwaqt li tippreserva bis-sħiħ il-prinċipju li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jappoġġaw l-impenji tal-baġit tal-UE, għandu jkun hemm arranġamenti adegwati biex jiġi żgurat li l-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro jiġu kkumpensati bis-sħiħ fil-każ li jkun hemm nuqqas ta’ pagament bil-faċilità tal-EFSM li jirriżulta fl-użu ta’ riżorsi fil-Baġit tal-UE u / jew il-Kummissjoni li tagħmel talba għal riżorsi addizzjonali minn Stati Membri mhux parteċipanti.

    2015/0162 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea 1 ,

    Billi:

    (1)Il-livell ta’ integrazzjoni ekonomika u monetarja fiż-Żona tal-Euro żdied tul dawn l-aħħar snin u kull għajnuna finanzjarja li tingħata lil Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro se tkun ta’ benefiċċju għall-istabbiltà finanzjarja taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi.

    (2)Barra minn hekk, mindu ġie stabbilit il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (European Financial Stabilisation Mechanism, EFSM), ġie miżjud paragrafu 3 ġdid mal-Artikolu 136 tat-Trattat (id-Deċiżjoni 2011/199/UE), li jiċċara taħt liema kundizzjonijiet l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà għaż-Żona tal-Euro. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) ġie stabbilit mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bħala l-uniku mekkaniżmu ta’ stabbiltà għaż-Żona tal-Euro.

    (3)Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja jista' jipprovdi għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri kollha, jekk ikunu sodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 122(2) TFUE u fir-Regolament (UE) Nru 407/2010. Ir-riskji marbuta ma' sitwazzjoni fejn Stat Membru jitlef l-aċċess għas-suq ivarjaw b'mod fundamentali, skont jekk dak l-Istat Membru hux membru taż-Żona tal-Euro. L-effetti sekondarji negattivi potenzjali huma konsiderevolment ogħla għaż-Żona tal-Euro, fejn Stat Membru f'diffikultajiet finanzjarji x’aktarx li joħloq riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi.

    (4)Il-MES għandu jkun fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-istrument finanzjarju li għandu jiġi użat biex jipprovdi assistenza finanzjarja lil Stat Membru taż-Żona tal-Euro. Jista’ jkun hemm, madankollu, sitwazzjonijiet fejn raġunijiet prattiċi, proċedurali jew finanzjarji jitolbu l-użu tal-EFSM, ġeneralment qabel jew flimkien ma’ assistenza finanzjarja mill-MES. Dawk is-sitwazzjonijiet jeħtieġu t-traspożizzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà msaħħa bejn l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro li hemm bżonn għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni monetarja għall-mekkaniżmu ta’ assistenza finanzjarja skont il-liġi tal-Unjoni.

    (5)F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja ġdida tal-Unjoni għall-benefiċċju ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jkun kundizzjonali fuq it-twaqqif ta’ arranġamenti li jiżguraw li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-munita unika jiġu kkumpensati bis-sħiħ fil-każ li jkun hemm nuqqas ta’ pagament taħt il-faċilità tal-EFSM li jirriżulta fl-użu ta’ riżorsi fil-baġit tal-UE u / jew il-Kummissjoni tagħmel talba għal riżorsi addizzjonali minn Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro.

    (6)Dan il-prinċipju ġie approvat fis-17 ta’ Lulju 2015 b’dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.

    (7)Ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 jiżdied il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a.    Fejn l-Istat Membru benefiċjarju huwa Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni jiddependi fuq dispożizzjonijiet legali vinkolanti li jiggarantixxu li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-munita unika jiġu kkumpensati bi sħiħ għal kull responsabbiltà li jistgħu jġarrbu bħala riżultat ta’ kull nuqqas mill-Istat Membru benefiċjarju biex iħallas lura l-assistenza finanzjarja skont it-termini tagħha.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU C, , p. ;
    Top