Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0352

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT)

    COM/2015/0352 final - 2015/0154 (NLE)

    Brussell, 14.7.2015

    COM(2015) 352 final

    2015/0154(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT) għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-paċi, għas-sigurtà u għall-istabbiltà reġjonali u internazzjonali billi jirregola l-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali u jeqred il-kummerċ illeċitu tal-armi. Dak it-Trattat jistabbilixxi standards għat-trasferimenti tal-armi konvenzjonali u jeżiġi li l-Istati Parti jeżaminaw l-esportazzjonijiet kollha tal-armi sabiex jiżguraw li l-armi konvenzjonali u l-munizzjonijiet ma jintużawx, fost l-oħrajn, fl-abbuż tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-terroriżmu u l-ksur tal-liġi umanitarja.

    Mibdi bir-Riżoluzzjoni tan-NU Nru 61/89 adottata fl-2006, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi ġie adottat fit-2 ta’ April 2013 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU. L-Att daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2014 wara ratifika minn 50 Stat Parti. It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi rratifikawh 69 Stat fosthom 26 Stat Membru tal-UE.

    Fost l-oħrajn, l-ATT jipprovdi għal miżuri (bħall-kontrolli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni), li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni tal-Unjoni. F’dan id-dominju, l-ATT jindirizza oqsma tal-liġi tal-Unjoni fejn il-grad tar-regolamentazzjoni diġà laħaq stadju avvanzat. Barra minn hekk, anki din il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE relatata mas-suq intern hija rilevanti: a) id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, b) id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi, u c) ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta' u t-traffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni.

    Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tal-ATT, fi żmien 18-il xahar minn meta jidħol fis-seħħ l-ATT, is-Segretarjat provviżorju jrid ilaqqa' Konferenza tal-Istati Parti u fl-ewwel laqgħa għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha b’konsensus. Din l-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Parti se ssir il-Messiku bejn l-24 u s-27 ta’ Awwissu. Filwaqt li bejn is-6 u t-8 ta’ Lulju f'Ġinevra se ssir l-aħħar laqgħa preparatorja biex tiġi ppreżentata l-ħidma tal-Kumitat tat-tfassil fuq ir-regoli ta' proċedura (RTP) u jingħalqu n-negozjati f’dan ir-rigward.

    Il-Konferenza tal-Istati Parti għandha r-rwol li teżamina l-implimentazzjoni tal-ATT, tikkunsidra emendi fl-ATT, u tara x'inhuma l-kwistjonijiet li joħorġu mill-interpretazzjoni tal-ATT. Għalhekk il-Konferenza tal-Istati Parti se tindirizza kwistjonijiet li huma parzjalment fil-kompetenza esklussiva tal-UE. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ proċedura li jridu jiġu adottati se jirregolaw kif il-Konferenza tal-Istati Parti se taħdem u tieħu d-deċiżjonijiet. Għalhekk, ir-regoli ta' proċedura jeħtieġ li titqies bħala deċiżjoni li se jkollha impatt dirett fuq il-kompetenza esklużiva tal-UE u li l-UE tipparteċipa bħala osservatur f’din il-Konferenza. Peress li l-Istati Membri beħsiebhom jivvutaw għar-regoli ta' proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti, il-Kummissoni qed tipproponi l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fis-sens tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE li tistabbilixxi l-pożizzjoni dwar ir-regoli ta' proċedura li jridu jiġu adottati f'isem l-Unjoni Ewropea matul l-ewwel sessjoni tal-Konferenza.

    Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Mhux applikabbli

    Il-konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

    Skont ir-regoli dwar il-kompetenza esterna, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), l-ATT jinkludi kwistjonijiet li huma fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Deċiżjoni li tittieħed skont l-ATT, bħall-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT, jaf tħalli impatt fuq il-kompetenzi esklużivi tal-UE. Għalhekk ir-regoli ta' proċedura ma għandux ikun fihom dispożizzjonijiet li jkunu jistgħu:

    (1)jipprevjenu lill-Istati Membri milli japplikaw:

    (a)id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi, kif emendata;

    (b)id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' splussivi għall-użu ċivili, kif emendata;

    (c)id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, kif emendata.

    (2)jillimitaw il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital fis-suq intern tal-Unjoni, sakemm din ir-restrizzjoni ma tkunx iġġustifikata b'mod speċifiku bl-Artikoli 36, 45(3), 52(1), 65 jew 346 tat-TFUE.

    (3)jillimitaw l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet minn/lejn l-Unjoni, jew it-tranżitu fit-territorju tal-Unjoni għandu jkun kompatibbli ma’ kull dispożizzjoni applikabbli tal-liġi tal-Unjoni, inklużi b’mod partikolari:

    (a)ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet;

    (b)ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 tad-19 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjoni;

    (c)ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu u t-traffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar), u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, kif ukoll

    (d)id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, kif emendata.

    Dawn il-bosta atti legali tal-Unjoni Ewropea huma parti mill-acquis u għalhekk huwa importanti li l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT ma twassalx b'mod dirett jew indirett għal nuqqas ta' fiduċja fihom. Dan jgħodd ukoll għal kull emenda tal-leġiżlazzjoni tal-UE inkwistjoni kif ukoll għal-leġiżlazzjoni tal-UE futura prevedibbli fl-oqsma ta’ politika li jaffettwa dan l-ATT.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE li jipprevedi li, "il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni […] għandu jadotta deċiżjoni […] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali […]".

    Peress li mhix parti għall-ATT, l-Unjoni Ewropea ma tistax tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT. Madankollu, il-Konferenza tal-Istati Parti trid titqies bħala korp imwaqqaf bi ftehim internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE; u r-regoli ta’ proċedura ta’ din il-Konferenza għandhom jitqiesu bħala att b’effetti legali fis-sens ta’ dak l-Artikolu. Għaldaqstant l-Artikolu 218(9) tat-TFUE għandu jiġi applikat minkejja li l-UE mhix parti għall-ATT.

    Billi r-regoli ta' proċedura jkollhom effett legali fuq oqsma li huma fil-kompetenza esklużiva tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu kull miżura biex jikkoperaw fl-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-ATT u biex jiżguraw li jitwettqu l-impenji li jġib dak it-Trattat. B'mod partikolari, ir-regoli ta’ proċedura għandhom jagħtu biżżejjed żmien għal konsultazzjoni u diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jabbozzaw l-atti b'effetti legali li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Istati Parti.

    Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Ara hawn fuq

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta hija konsistenti u proporzjonata fis-sens tal-Artikolu 218(9).

    L-għażla tal-istrument

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi pożizzjoni f’isem l-UE

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-evalwazzjonijiet ex-post / il-verifiki tal-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli

    Il-kisba u l-użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni ħejjiet din il-proposta mingħajr l-ebda għarfien espert estern

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli

    L-adegwatezza regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli

    Id-drittijiet fundamentali

    Din il-Proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq id-drittijiet fundamentali

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-ebda implikazzjoni

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Il-pjanijiet u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-arranġamenti tar-rappurtar

    Mhux applikabbli

    Id-dokumenti spjegatorji (għad-Direttivi)

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1

    Minħabba li l-UE ma tistax issir parti għat-Trattat, l-Artikolu jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-regoli ta’ proċedura abbozzati tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT li jridu jiġu adottati fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza għax dawn jikkostitwixxu att b'effetti legali fis-sens tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    L-Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tawtorizza lill-Istati Membri biex, fejn jidħlu l-kwistjonijiet li huma fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jaġixxu f'isem l-Unjoni Ewropea fil-limiti legali li jistabbilixxi t-Trattat, u għalhekk id-Deċiżjoni hija indirizzata lilhom.

    2015/0154 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-ATT") daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2014. L-ATT irratifikawh 26 Stat Membru. L-Unjoni Ewopea mhix Stat Parti għall-ATT.

    (2)F'konformità mal-Artikolu 17 tal-ATT, fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ l-ATT, is-Segretarjat provviżorju se jlaqqa' Konferenza tal-Istati Parti, stabbilita bl-Artikolu 18 tiegħu. Waqt l-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet Stati, li se ssir bejn l-24 u s-27 ta’ Awwissu 2015, għandhom jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tagħha b’konsensus.

    (3)Uħud mid-dispożizzjonijiet tal-ATT għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet li huma fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għax jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjonital-Politika Kummerċjali Komuni jew jaffettwaw ir-regoli tas-Suq Intern għat-trasferiment ta' armi konvenzjonali u splussivi.

    (4)Il-Konferenza tal-Istati Parti għandha teżamina l-implimentazzjoni tal-ATT, tinterpretah, timplimentah u għandha mnejn tikkunsidra xi emendi fih. Ir-regoli ta’ proċedura tagħha għandhom jirregolaw kif il-Konferenza tal-Istati Parti se taħdem u tieħu d-deċiżjonijiet. Għaldaqstant ir-Regoli ta' Proċedura tagħha jridu jitqiesu bħala att b'effetti legali fis-sens tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    L-Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT li se ssir bejn l-24 u s-27 ta’ Awwissu 2015 għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandha tiġi adottata mill-Istati Membri li huma Stati Parti għall-ATT, li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni.

    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jaf jaqblu dakinhar stess fuq il-post dwar xi bidliet żgħar fil-pożizzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni mingħajr il-bżonn ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi .

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    Top

    Brussell, 14.7.2015

    COM(2015) 352 final

    ANNESS

    tad-

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT)


    ANNESS

    tad-

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura waqt il-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT)

    Fejn jidħlu r-Regoli ta’ Proċedura għall-Konferenza tal-Istati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (l-ATT) li jridu jiġu adottati waqt l-ewwel sessjoni tal-Konferenza bejn l-24 u s-27 ta’ Awwissu fil-Messiku, l-Istati Membri li huma Stati Parti għall-ATT li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni għandhom jiżguraw li dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jkun fihom l-ebda dispożizzjoni li tista’ timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura tal-UE fil-qasam ta' kompetenza esklużiva tal-UE.

    B’mod partikolari, l-Istati Membri li huma Stati Parti għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni xierqa tal-UE fil-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT u kull korp ieħor stabbilit fil-qafas tal-ATT. Ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiżguraw limiti ta' żmien biex tkun tista' ssir konsultazzjoni xierqa bejn l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-abbozz ta' atti b'effetti legali qabel ma dawn jiġu adottati mill-Konferenza tal-Istati Parti.

    Peress li l-ATT huwa ftehim u jiġi adottat taħt il-patroċinju tan-NU, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Konferenza tal-Istati Parti għall-ATT u kull korp ieħor stabbilit fil-qafas tal-ATT għandha tkun konsistenti mal-istatus ta’ osservatur estiż li ngħata lill-UE fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-korpi tan-NU stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni A/65/276 adottata fit-3 ta’ Mejju 2011.

    Top