Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0154

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni li jipprevedu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra.

/* COM/2015/0154 final - 2015/0079 (COD) */

52015PC0154

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni li jipprevedu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra. /* COM/2015/0154 final - 2015/0079 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna l-inkorporazzjoni fil-liġi tal-Unjoni Ewropea tal-klawżola ta' salvagwardja u tal-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova.

Kuntest Ġenerali

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Moldova, bħall-biċċa l-kbira tal-Ftehimiet kummerċjali tagħna, jinkludi klawżola ta’ salvagwardja bilaterali. Permezz ta' dan l-istrument, il-preferenzi jistgħu jiġu sospiżi temporanjament f'każ li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal żieda mhux mistennija u sinifikanti ta' importazzjonijiet li tikkawża dannu ekonomiku lill-industrija domestika tal-parti li timporta (jiġifieri huwa possibbli jew li tiġi sospiża aktar liberalizzazzjoni tat-tariffi jew li tiġi introdotta mill-ġdid ir-rata tad-dazju doganali MFN). Barra minn hekk, dan il-Ftehim jinkludi wkoll l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni, li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi introdotta mill-ġdid ir-rata tad-dazju doganali MFN meta l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli mill-Moldova jaqbżu ċertu limitu mingħajr ġustifikazzjoni xierqa tal-oriġini eżatta tagħhom.

Regolament ta' implimentazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa neċessarju sabiex fil-leġiżlazzjoni interna tal-UE jiġi stabbilit l-istrument meħtieġ biex tkun tista' tiġi applikata l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq regolamenti ta’ implimentazzjoni komparabbli li ġew diskussi u miftehma bejn it-tliet istituzzjonijiet għal kull FTA riċenti fis-seħħ bħalissa: Il-Korea (Regolament ippubblikat fl-2011), l-Amerika Ċentrali (Regolament ippubblikat fl-2013) u l-Kolombja u l-Perù (Regolament ippubblikat fl-2013).

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta għal Regolament ta' implimentazzjoni ġejja direttament mit-test tal-Ftehim innegozjat mar-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant, la hemm bżonn ta' konsultazzjoni separata mal-partijiet interessati u lanqas ta' valutazzjoni tal-impatt.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni tal-Ftehim diġà konkluż mar-Repubblika tal-Moldova.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2015/0079 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni li jipprevedu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva[1],

Billi:

(1)       Fil-15 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta’ ftehim ġdid bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova.

(2)       Dawn in-negozjati ġew finalizzati u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[2] ("il-Ftehim") ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 2014 u ġie applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Settembru 2014.

(3)       Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-klawżola ta' salvagwardja li ġiet miftiehma mar-Repubblika tal-Moldova.

(4)       Il-Ftehim jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkumvenzjoni għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji fuq prodotti speċifiċi. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmu. 

(5)       Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u f'kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) tal-Ftehim.

(6)       Ċerti termini bħal "dannu serju", "theddida ta' dannu serju" u "perjodu tranżitorju" kif imsemmija fl-Artikolu 169 tal-Ftehim għandhom jiġu definiti.

(7)       Il-kompiti ta' segwitu u ta' rieżami tal-Ftehim u tat-twettiq ta' investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(8)       Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif li jinkludi l-evidenza disponibbli mill-Istati Membri dwar kull xejra fl-importazzjonijiet li tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(9)       Għalhekk, l-affidabilità tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet kollha mir-Repubblika tal-Moldova lejn l-Unjoni hija kruċjali biex jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja.

(10)     Jekk ikun jidher li jkun hemm evidenza prima facie suffiċjenti li tiġġustifika li jinbdew proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)     Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar it-tnedija ta' investigazzjonijiet, aċċess għat-tagħrif miġbur u spezzjonijiet imwettqa mill-partijiet interessati, seduti ta' smigħ għall-partijiet interessati involuti u l-opportunità għal dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom.

(12)     Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lir-Repubblika tal-Moldova bil-miktub dwar il-bidu ta' investigazzjoni u tikkonsulta lir-Repubblika tal-Moldova kif stipulat fl-Artikolu 166(1), tal-Ftehim.

(13)     Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti taż-żmien sabiex titnieda investigazzjoni u sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri ta' salvagwardja humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(14)     Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ kull miżura ta’ salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 167 tal-Ftehim.

(15)     Miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien li jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul massimu taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja għandu jiġi stabbilit u għandhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni, u r-rieżami ta' dawn il-miżuri.

(16)     Għandu jkun hemm il-possibilità li jiġu sospiżi d-dazji doganali preferenzjali għal perjodu massimu ta’ sitt xhur meta l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati jilħqu volumi ta’ importazzjoni annwali definiti fl-Annessi (XV-C) għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(17)     Għal raġunijiet ta' trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(18)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza preventivi, għat-tmiem ta’ investigazzjoni mingħajr miżuri previsti fil-Ftehim, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3].

(19)     Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja u ta' sorveljanza provviżorji minħabba l-effetti li għandhom dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja definittivi. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża' għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni minħabba li dawk l-atti jridu jiġu implimentati malajr ladarba l-limitu relevanti ikun intlaħaq u għandhom perjodu qasir ħafna ta' applikazzjoni.

(20)     Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża' għall-adozzjoni ta' miżuri definittivi ta' salvagwardja u għar-rieżamijiet ta' dawn il-miżuri.

(21)     Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jew sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet. Meta jiġu applikati tali atti ta' implimentazzjoni li jkunu applikabbli minnufih, għandha tintuża l-proċedura konsultattiva.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I - DISPOŻIZZJONIJIET TA' SALVAGWARDJA

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-klawżola tas-salvagwardja u l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni li jipprevedu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji inklużi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

2.           Dan ir-Regolament japplika għal prodotti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "prodott" tfisser oġġetti li joriġinaw fl-Unjoni jew fir-Repubblika tal-Moldova. prodott soġġett għal investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew sottosegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija tal-Unjoni; 

(b) "partijiet interessati" tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(c) "Industrija tal-Unjoni" tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha flimkien ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta, li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon maġġur tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti, jew, fejn prodott simili jew prodott f'kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni tiġi definita fir-rigward tal-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f'kompetizzjoni diretta;

(d) "dannu serju" jfisser ħsara ġenerali sinifikanti għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(e) "theddida ta' dannu serju" għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar;

(f) “perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser perjodu ta’ għaxar (10) snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim;

Artikolu 3

Prinċipji

1.           Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta b'konformità ma' dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina fir-Repubblika tal-Moldova, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar minn qabel, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kundizzjonijiet tali li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

2.           Miżura ta' salvagwardja tista' tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a) is-sospensjoni ta' aktar tnaqqis fir-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fl-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova;

(b) żieda fir-rata ta' dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

– ir-rata applikata ta' dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit ("MFN") fuq il-prodott ikkonċernat li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

– ir-rata ta' bażi ta' dazju ta' dwana speċifikata fl-Iskemi inklużi fl-Anness XV skont l-Artikolu 147 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-ftuħ ta' proċedimenti

1.           Proċediment jitnieda fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament, li tiġġustifika tali tnedija.

2.           It-talba ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda u l-bidliet fil-livelli ta' bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni.

3.           Proċediment jista' jitnieda wkoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed jew f'diversi Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament, sabiex tkun iġġustifikata din it-tnedija.

4.           L-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova jidhru li jeħtieġu miżuri ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif ikun jinkludi l-evidenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

5.           Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri meta tirċievi talba biex tiftaħ proċedura jew meta tikkunsidra li jkun xieraq li tinfetaħ proċedura fuq inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.           Fejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika t-tnedija ta' proċediment, il-Kummissjoni tiftaħ il-proċediment u tippubblika avviż ta' dan f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ iseħħ fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba jew it-tagħrif skont il-paragrafu 1.

7.           L-avviż imsemmi fil-paragrafu 6 jkun:

(a) jinkludi sommarju tat-tagħrif li jasal, u jeżiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b) jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif lill-Kummissjoni, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul il-proċediment;

(c) jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu bil-fomm mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(9).

Artikolu 5

L-investigazzjonijiet

1.           Wara li tiftaħ il-proċediment, il-Kummissjoni tibda investigazzjoni. Il-perjodu kif stipulat fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jibda dakinhar li tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni dwar it-tnedija tal-investigazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.           Il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex din it-talba ssir effettiva. Jekk dan it-tagħrif ikun ta' interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, jiżdied mal-fajl mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

3.           L-investigazzjoni tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mit-tnedija tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta' għadd aktar għoli mis-soltu ta' partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta' dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għaliha.

4.           Il-Kummissjoni titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li hu meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, u, fejn ikun xieraq, tfittex li tivverifika dak it-tagħrif.

5.           Il-Kummissjoni tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom impatt fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda u t-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista' tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta' dannu serju jew theddida ta' dannu serju, bħalma huma l-istokkijiet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew li diġà jkunu kkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6.           Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw tagħrif skont l-Artikolu 4(7)(b) ta' dan ir-Regolament u r-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni. Meta jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet, il-Kummissjoni tqisha.

7.           Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi, disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli.

8.           Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, tiżgura l-aċċess bl-Internet b'password ta' protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali ("pjattaforma onlajn"), li hija tiġġestixxi u li permezz tiegħu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament. Il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jingħataw aċċess għal dik il-pjattaforma.

9.           Il-Kummissjoni tisma' lill-partijiet interessati, b'mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu ta' żmien stipulat fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li x'aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni tisma' lill-partijiet interessati f'okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10.         Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tislet riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma tagħtix kas ta' dan it-tagħrif u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

11.         Il-Kummissjoni tinnotifika bil-miktub lir-Repubblika tal-Moldova bit-tnedija ta' investigazzjoni.

Artikolu 6

Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

1.           Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' sorveljanza minn qabel fir-rigward ta' importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova fejn ix-xejra fl-importazzjonijiet ta' prodott tkun tali li tkun tista' twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.           Il-miżuri ta' sorveljanza preventiva jkollhom perjodu ta' validità limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta' sitt xhur li jsegwi l-ewwel sitt xhur wara l-introduzzjoni tagħhom.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

1.           Jiġu applikati miżuri ta' salvagwardja provviżorji f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jista' jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina mir-Repubblika tal-Moldova jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew tal-eliminazzjoni ta' dazju doganali skont l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim inkluża fl-Anness XV skont l-Artikolu 147 tal-Ftehim u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta' dan, lill-industrija tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.           F’każi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-Regolament.

3.           Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

4.           Il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji ma japplikawx għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

5.           Jekk il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji jiġu revokati minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji jintradd lura awtomatikament.

6.           Il-miżuri ta' salvagwardja provviżorji japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawk il-miżuri. Madakollu, dawn il-miżuri ma jipprevjenux ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li jkunu diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni fejn id-destinazzjoni ta' dawn il-prodotti ma tkunx tista' tinbidel.

Artikolu 8

Tmiem tal-investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri

1.           Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kondizzjonijiet indikati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni tadotta u tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni u l-proċediment. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(4) ta' dan ir-Regolament.

2.           Il-Kummissjoni tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, rapport li jippreżenta r-riżultati tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom fil-kwistjonijiet rilevanti kollha ta' fatti u ta' liġi.

Artikolu 9

Impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja definittivi

1.           Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' salvagwardja definittivi. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(4) ta' dan ir-Regolament.

2.           Il-Kummissjoni tippubblika, bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-deċiżjoni.

Artikolu 10

Tul ta’ żmien u rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja

1.           Miżura ta' salvagwardja tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dan il-perjodu ma jaqbiżx is-sentejn, għajr jekk jiġġedded skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.           Miżura ta' salvagwardja tibqa' fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rieżami skont il-paragrafu 3.

3.           Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja jista' jiġi estiż b'mhux iktar minn sentejn kemm-il darba l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

4.           Qabel kull estensjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tinfetaħ investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed provi prima facie li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament.

5.           Il-ftuħ ta' investigazzjoni ikun ippubblikata skont f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 4(6) u (7) ta' dan ir-Regolament. L-investigazzjoni u kull deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ssir skont l-Artikoli 5, 8 u 9 ta' dan ir-Regolament.

6.           It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jkunx jaqbeż l-erba' snin, inkluż il-perjodu ta' applikazzjoni ta' kull miżura ta' salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u l-proroga tiegħu.

7.           Miżura ta' salvagwardja ma tiġix applikata lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni, għajr bil-kunsens tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità

1.           Tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament tintuża biss għall-għan li għalih tkun saret it-talba.

2.           L-ebda tagħrif ta' natura kunfidenzjali jew xi tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress ta' min jipprovdi dan it-tagħrif.

3.           Kull talba għall-kunfidenzjalità tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif jitlob li t-tagħrif ma jsirx pubbliku jew ma jiġix żvelat, fil-forma sħiħa tiegħu jew fil-qosor, u jekk dik it-talba ma tkunx iġġustifikata, it-tagħrif jista' jitwarrab.

4.           It-tagħrif, f’kull każ, jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx li jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5.           Il-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu ma jipprekludux referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b'mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 12

Rapport

1.           Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi stabbiliti fil-Parti IV tal-Ftehim u ta’ dan ir-Regolament.

2.           Ir-rapport ikun jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji u definittivi, miżuri ta’ sorveljanza preventivi, miżuri ta’ sorveljanza u ta’ salvagwardja reġjonali u t-tmiem ta’ investigazzjonijiet u proċeduri mingħajr miżuri.

3.           Ir-rapport jippreżenta wkoll ġabra qasira tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ mar-Repubblika tal-Moldova.

4.           Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu, sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

5.           Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni tippubblikah.

KAPITOLU II — IL-MEKKANIŻMU KONTRA L-EVAŻJONI GĦAL ĊERTI PRODOTTI AGRIKOLI U PRODOTTI AGRIKOLI PPROĊESSATI

Artikolu 13

1.           Volum medju ta' importazzjonijiet annwali ta' prodotti elenkati fl-Anness XV-C tal-Ftehim li huma soġġetti għal mekkaniżmu kontra l-evażjoni stipulat fl-Artikolu 148 tal-Ftehim. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, ladarba l-volum ta’ importazzjonijiet ta’ kategorija waħda prodott jew aktar kategoriji jilħqu l-volum indikat fl-Anness XV-C ta' dan il-Ftehim fi kwalunkwe sena mill-1 ta’ Jannar, sakemm ma tkunx irċeviet ġustifikazzjoni valida mir-Repubblika tal-Moldova, il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni immedjatament applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li jew tissospendi temporanjament id-dazju preferenzjali applikat għall-prodott(i) kkonċernat(i) jew li tali sospensjoni mhijiex xierqa.

2.           Is-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali jkun applikabbli għal perjodu massimu ta' sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li jiġi sospiż id-dazju preferenzjali. Qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt xhur u għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati mas-sospensjoni tad-dazji preferenzjali, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni immedjatament applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-Regolament sabiex titneħħa s-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali jekk tkun sodisfatta li l-volum tal-kategorija relevanti ta’ prodotti importati li jaqbżu l-volum imsemmi fl-Anness XV-C għal dan il-Ftehim jirriżulta minn bidla fil-livell ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ esportazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-prodott(i) kkonċernat(i).

3.           L-applikazzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti f'dan il-Kapitolu ssir mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura definita fil-Kapitolu I. Miżuri li jittieħdu skont id-dispożizzjonijiet taż-żewġ kapitoli ma jiġux, madankollu, applikati b'mod simultanju għall-istess prodott(i).

 KAPITOLU III – PROĊEDURA TAL-KUMITAT

Artikolu 14

1.           Il-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 260/2009[4] (il-“Kumitat”). Il-Kumitat ikun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Għall-finijiet tal-Artikolu 13, il-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, stabbilit mill-Artikolu 229(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u fir-rigward tal-prodotti agrikoli pproċessati, il-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat ta' Ġestjoni dwar mistoqsijiet orizzontali li jirrigwardaw il-kummerċ fi prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I, stabbiliti mill-Artikolu 44(1) tal-Regolament (UE) Nru 510/2014[5]. Dawn il-Kumitati jkunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

6.           Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 fejn isir rikors għall-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' miżuri skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu din il-proċedura tintemm mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-president, jiġi deċiż mill-president jew hekk jintalab minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU V - DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika għal importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova mid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]              

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

[3]               Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (OJ L 55, 28.2.2011, p. 13).

[4]               Ir-Regolament (KE) Nru 260/2009 tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

[5]               Ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009. (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1).

Top