This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015PC0129
Proposal for a COUNCIL DIRECTIVE repealing Council Directive 2003/48/EC
Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE
Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE
/* COM/2015/0129 final - 2015/0065 (CNS) */
Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE /* COM/2015/0129 final - 2015/0065 (CNS) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Fl-2003, il-Kunsill adotta Direttiva dwar
it-tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’
mgħax (id-Direttiva dwar it-Tfaddil). Din id-Direttiva kellha
żewġ għanijiet ewlenin, li kienu li jiġi evitat it-tfixkil
fil-moviment tal-kapital u li titħalla ssir tassazzjoni effettiva
tal-pagamenti ta’ mgħax li l-aġenti tal-pagament stabbiliti fi Stat
Membru partikulari jagħmlu lil individwi li joqogħdu fi Stat Membru
ieħor. Id-Direttiva dwar it-Tfaddil tiffaċilita t-tassazzjoni ta’ dan
it-tip ta’ pagament ta’ mgħax f’konformità mal-liġijiet tal-Istat
Membru ta’ residenza tal-individwu li jkun qed jirċievi d-dħul
mit-tfaddil, billi titlob li jsir skambju awtomatiku tat-tagħrif dwar
il-pagamenti ta’ mgħax li jsiru lil dawk l-individwi.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva daħlu fis-seħħ
fl-1 ta’ Lulju 2005 u ġew estiżi għall-Bulgarija
u r-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom fl-UE
fl-1 ta’ Jannar 2007 u għall-Kroazja wara l-adeżjoni
ta’ dan il-pajjiż fl-1 ta’ Lulju 2013. Id-Direttiva ħarġet
mill-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19 u
l-20 ta’ Ġunju 2000, li matulu l-Istati Membri qablu li,
sabiex jiġi implimentat il-prinċipju li ċ-ċittadini kollha
għandhom iħallsu t-taxxa dovuta fuq id-dħul mit-tfaddil
tagħhom kollu, l-iskambju tat-tagħrif “fuq bażi wiesgħa
kemm jista’ jkun”, għandu jkun l-għan aħħari tal-UE
f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali. Id-Direttiva, kif adottata fl-2003, kienet
tkopri d-dħul mit-tfaddil tal-individwi li kien ġej
mill-pretensjonijiet tad-dejn (jew mid-dħul klassiku mill-imgħax jew
mill-qligħ kapitali fuq it-titoli tad-dejn), li jkun waslilhom jew b’ mod
dirett jew permezz ta’ fondi tal-investiment, jew permezz ta’ xi korp
intermedjarju ieħor mhux intaxxat. Din id-Direttiva daħħlet
dispożizzjonijiet dwar l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif dwar dan
id-dħul mit-tfaddil li l-individwi li joqogħdu fi Stat Membru
partikulari jirċievu mingħand aġenti tal-pagament stabbiliti fi
Stat Membru ieħor. L-Istati Membri kollha daħħlu sistemi
għar-rappurtar awtomatiku tat-tagħrif mill-ewwel, minbarra
l-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija. Dawn it-tliet pajjiżi ġew
awtorizzati jimponu taxxa minn ras il-għajn għal perjodu
tranżitorju minflok ma jibagħtu dan it-tagħrif - taxxa li kellu
jkollha rata ta’ 15 % għall-ewwel tliet snin wara d-dħul
fis-seħħ tad-Direttiva (sat-30 ta’ Ġunju 2008),
rata ta’ 20 % għat-tliet snin ta’ wara
(sat-30 ta’ Ġunju 2011) u rata ta’ 35 % minn dik
id-data ’l quddiem. Ir-regoli kienu jistipulaw li 75 % mid-dħul minn
din it-taxxa minn ras il-għajn kellu jiġi ttrasferit lejn l-Istat
Membru ta’ residenza tal-investitur. Il-Belġju ddeċieda li ma jibqax
japplika t-taxxa tranżitorja minn ras il-għajn mill-1 ta’ Jannar 2010
’l quddiem u li jibda jiskambja t-tagħrif bl-istess mod bħall-Istati
Membri l-oħra. Il-Lussemburgu għamel l-istess
mill-1 ta’ Jannar 2015. Mill-1 ta’ Lulju 2005,
f’ħames pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE, inkluż fl-Isvizzera,
bdew jiġu applikati miżuri ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva
dwar it-Tfaddil f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul mit-tfaddil
imħallas f’dawn il-pajjiżi lil individwi li joqogħdu fl-UE.
Mill-istess data bdew jiġu applikati miżuri identiċi għal
dawk tad-Direttiva f’għaxar territorji dipendenti jew assoċjati tal-Istati
Membri tal-UE (li saru tnax-il territorju wara li ġew xolti l-Antilli
Olandiżi) permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali li kull
waħda minn dawn il-ġuriżdizzjonijiet iffirmat ma’ kull
wieħed mill-Istati Membri. Wara l-bidla fl-istatus ta’ Saint Barthélemy,
Franza ntrabtet li f’Saint Barthélemy jibdew japplikaw
id-dispożizzjonijiet attwali u futuri kemm tad-Direttiva dwar it-Tfaddil u
kemm tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Wara l-ewwel reviżjoni tad-Direttiva dwar
it-Tfaddil, f’Novembru tal-2008 l-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ emendi
bil-ħsieb li jiġu eliminati l-lakuni eżistenti u li tiġi
evitata b’mod aktar effettiv l-evażjoni tat-taxxa. L-emendi proposti
kellhom l-għan li jtejbu d-Direttiva billi jsaħħu l-miżuri
biex ikun żgurat li l-pagamenti tal-imgħax jiġu ntaxxati.
Għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar
l-istrutturi intermedji ġie estiż. Il-proposta wessgħet ukoll
il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għad-dħul minn strumenti
ekwivalenti għall-istrumenti tad-dejn, jiġifieri d-dħul minn
prodotti finanzjarji innovattivi u minn ċerti prodotti ta’ assigurazzjoni
tal-ħajja. Il-Kunsill adotta dawn l-emendi fid-Direttiva 2014/48/UE
tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2014[1]
(id-Direttiva emendatorja dwar it-tfaddil). L-Artikolu 2 ta’ din
id-Direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom jadottaw u
jippubblikaw, sal-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet,
ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex
jikkonformaw mad-Direttiva. L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu japplikaw
dawn id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il
quddiem. Filwaqt li talab lill-Kunsill jipproċedi
għall-adozzjoni formali tad-Direttiva emendatorja dwar it-tfaddil,
il-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2014 ikkonkluda li
l-istandard dinji li qed tiżviluppa l-Organizzazzjoni
għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) għandu
jkun il-metodu għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif li l-UE
għandha tapplika fil-fruntieri tagħha. Il-Kunsill Ewropew għamel
dan billi stieden lill-Kunsill jiżgura li, bl-adozzjoni wkoll ta’ test
emendat għad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva
sal-aħħar tal-2014, il-liġi tal-UE tkun allinjata
bis-sħiħ mal-istandard dinji l-ġdid. Fit-12 ta’ Ġunju 2013,
il-Kummissjoni kienet fil-fatt ipproponiet emendi għad-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam
tat-tassazzjoni. L-għan ewlieni tal-proposta kien li l-Istati Membri
jingħataw bażi legali xierqa fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni
tal-istandard dinji dwar l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif (l-istandard
dinji) li qed jiġi żviluppat mill-OECD. Il-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Direttiva emendatorja proposta hu wiesa’ ħafna, minħabba li din
tkopri t-tipi kollha ta’ prodotti finanzjarji li l-individwi jew l-entitajiet
“li mhumiex entitajiet pubbliċi” jista’ jkollhom direttament jew
indirettament (ħlief għal xi eżenzjonijiet għal prodotti
speċifiċi). Din id-Direttiva emendatorja ġiet adottata
fid-9 ta’ Diċembru 2014 bħala d-Direttiva
tal-Kunsill 2014/107/UE[2]
(id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva).
L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jistipula li l-Istati Membri
għandhom jadottaw u jippubblikaw,
sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti
u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw
mad-Direttiva. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn
id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem
u sa Settembru tal-2017 għandhom ikunu bdew jiskambjaw it-tagħrif
bejniethom. L-Awstrija ngħatat deroga skont l-Artikolu 2(2)
abbażi ta’ differenzi strutturali, u se titħalla tibda tapplika
d-Direttiva sa sena wara l-Istati Membri l-oħra. Fiż-żmien
tal-adozzjoni tad-Direttiva, l-Awstrija ħabbret li hija mhix se tuża
d-deroga għalkollox. Fil-fatt, sa minn Settembru tal-2017, hija se tibda
tiskambja t-tagħrif dwar sett limitat ta’ kontijiet (il-kontijiet
il-ġodda li jinfetħu bejn l-1 ta’ Ottubru 2016 u
l-31 ta’ Diċembru 2016 biss), filwaqt li se tuża
d-deroga għall-kontijiet l-oħra. L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(3)(a)
il-ġdid li daħħlet id-Direttiva emendatorja dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva jiddikjara b’mod ċar li
d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan il-paragrafu (il-paragrafu 3(a))
se jkollhom preċedenza fuq dawk tad-Direttiva riveduta dwar it-Tfaddil.
Minħabba f’hekk, peress li ż-żewġ Direttivi jidħlu
ħafna fuq xulxin, se jkun hemm biss ftit każijiet fejn id-Direttiva
riveduta dwar it-Tfaddil tibqa’ tapplika. Essenzjalment, dan l-għadd
żgħir ta’ każijiet ġej minħabba tliet raġunijiet.
L-ewwel nett, id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva
tistabbilixxi obbligi tar-rappurtar għall-istituzzjonijiet finanzjarji li
fiha huma ddefiniti bħala entitajiet. Għalhekk, għall-kuntrarju
tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, din id-Direttiva ma tistabbilixxix obbligi
tar-rappurtar għall-individwi (pereżempju għas-sensara) li
jista’ jkun li jħallsu dħul finanzjarju. It-tieni nett, id-Direttiva
emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tinkludi xi
eżenzjonijiet marbutin ma’ ċerti fondi tal-pensjonijiet jew
tal-irtirar, mal-entitajiet li joħorġu l-karti tal-kreditu,
mal-kontijiet regolati li jgawdu minn benefiċċji tat-taxxa u ma’
istituzzjonijiet u prodotti finanzjarji simili li għandhom riskju baxx ta’
evażjoni tat-taxxa. It-tielet nett, l-approċċ tal-aġent
tal-pagament malli jirċievi l-pagament, meħud fl-Artikolu 4(2)
tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, ikopri wkoll l-imgħax imħallas minn
ġurisdizzjoni li mhix qed tieħu sehem fl-iskema permezz ta’
aġent tal-pagamenti ta’ Stat Membru malli dan l-aġent jirċievi
l-pagament; barra minn hekk, l-approċċ ta’ trasparenza meħud
fl-Artikolu 2(3) u l-approċċ imtejjeb ta’ aġent
tal-pagament malli jirċievi l-pagament meħud fl-Artikolu 4(2)
tad-Direttiva riveduta dwar it-Tfaddil ikopru wkoll id-dħul imħallas
permezz ta’ entitajiet mhux finanzjarji “attivi”, sakemm dawn l-entitajiet
ikunu eżenti mit-taxxa. Dawn il-każijiet residwi jeżistu
minħabba differenzi żgħar fl-approċċi meħudin
mid-Direttiva dwar it-Tfaddil u mid-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva, u minħabba eżenzjonijiet speċifiċi
inklużi fiż-żewġ Direttivi. L-effett ta’ jekk dawn
il-każijiet residwi humiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE li
qed tiġi diskussa hawnhekk jew le huwa wieħed marġinali
fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva emendatorja
dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. L-applikazzjoni internazzjonali
tal-istandard dinji u s-superviżjoni mill-qrib tal-implimentazzjoni
tiegħu mill-Forum Dinji dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tat-Tagħrif
se jnaqqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe riskju li jista’ jkun hemm b’rabta ma’
dawn il-każijiet residwi. Dan ifisser li l-vantaġġi li jista’
jkun hemm billi wieħed iżomm iż-żewġ strumenti legali
jaħdmu fl-istess ħin huma minimi. Filwaqt li l-konċessjoni
msemmija hawn fuq u prevista mill-Artikolu 8(3)(a) l-ġdid
imdaħħal mid-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva setgħet isservi biex jiġi evitat ir-rappurtar skont
id-Direttiva dwar it-Tfaddil f’ħafna mill-każijiet,
il-koeżistenza ta’ żewġ strumenti legali li għandhom kamp
ta’ applikazzjoni sostanzjalment simili mhix konformi mal-prinċipji ta’
regolamentazzjoni aħjar u mhix fl-interess taċ-ċarezza u
taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, jekk wieħed iżomm iż-żewġ
strumenti legali jaħdmu fl-istess ħin, dan ikun ifisser li jkun hemm
żewġ settijiet ta’ regoli, proċeduri u sistemi tar-rappurtar
marbutin mad-diliġenza dovuta tal-klijenti li jkunu simili, iżda li
ma jkunux allinjati għalkollox, kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji
li jibagħtu r-rapporti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll
għall-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed jiskambjaw it-tagħrif
bejniethom. L-ispejjeż marbutin ma’ dan ikunu ferm aktar
mill-vantaġġi li joħorġu mill-kopertura addizzjonali mogħtija
mid-Direttiva dwar it-Tfaddil. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm standard
wieħed biss li japplika għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif
fl-UE, u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm żewġ
standards applikati b’mod parallel, id-Direttiva dwar it-Tfaddil għandha
titħassar. Sabiex ma jkun hemm l-ebda lakuna
fir-rappurtar, jeħtieġ li t-tħassir tad-Direttiva dwar
it-Tfaddil ikun ikkoordinat sewwa ma’ meta tiġi applikata d-Direttiva
emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, filwaqt li titqies b’mod partikulari
l-estensjoni tal-iskadenza għall-applikazzjoni mogħtija
lill-Awstrija. Ladarba l-Istati Membri ma jistgħux
jilħqu sewwa l-għan ta’ din il-proposta għal Direttiva - li huwa
li titħassar id-Direttiva dwar it-Tfaddil u li jingħataw
l-eżenzjonijiet temporanji meħtieġa biex jitħarsu
d-drittijiet miksubin u biex titqies id-deroga mogħtija lill-Awstrija
skont id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, u
għalhekk dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell
tal-Unjoni minħabba l-livell ta’ uniformità u effettività
meħtieġ, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa
skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità
stabbilit f’dak l-Artikolu, din il-proposta għal Direttiva ma tmurx lil
hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tal-21 ta’ Marzu 2014 u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill
għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
tad-9 ta’ Diċembru 2014 juru li l-Istati Membri jippreferu
biċ-ċar li jkollhom standard wieħed biss għall-iskambju
awtomatiku tat-tagħrif dwar id-dħul finanzjarju. Dan l-istandard issa
ġie implimentat għalkollox permezz tad-Direttiva emendatorja dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva. F’laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti
tal-Kummissjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil, l-esperti
enfasizzaw l-importanza tal-fatt li jkun hemm sistema waħda li biha
t-tagħrif jiġi rrappurtat b’mod awtomatiku għall-finijiet
tat-tassazzjoni diretta. Huma spjegaw li l-partijiet li huma
jirrappreżentaw, jiġifieri l-istituzzjonijiet u l-intermedjarji
finanzjarji tal-UE, xtaqu li tiġi evitata d-duplikazzjoni tas-sistemi tar-rappurtar.
Il-Grupp ta’ Esperti stqarr ukoll li s-settur diġà qed idaħħal
sistemi ġodda tal-IT jew jadatta dawk li diġà jeżistu bi
tħejjija għar-rappurtar mitlub mill-Att dwar il-Konformità Fiskali
tal-Kontijiet Barranin tal-Istati Uniti tal-Amerika (il-FATCA) u enfasizza l-ħtieġa
li l-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar l-iskambju awtomatiku
tat-tagħrif dwar il-kontijiet finanzjarji tkun allinjata mal-istandard
dinji tal-OECD għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif (li, hu stess,
huwa bbażat fuq il-prinċipji tad-diliġenza dovuta tal-klijenti
żviluppati fil-kuntest tal-FATCA), sabiex jitnaqqsu l-piżijiet
amministrattivi u dawk marbutin mal-konformità. Kif ġie deskritt hawn fuq,
it-tħassir tad-Direttiva dwar it-Tfaddil se jkollu biss effett
marġinali ħafna fuq l-effettività tal-iskambju awtomatiku
tat-tagħrif li joħroġ mid-Direttiva emendatorja dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva, jekk tabilħaqq ikollu effett, u dan
it-tħassir essenzjalment jikkostitwixxi miżura ta’ regolamentazzjoni
aħjar. Għalhekk, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt dwar dan. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA L-Artikolu 1 iħassar id-Direttiva
rilevanti. Dan jikkoordina t-tħassir mal-applikazzjoni tad-Direttiva
emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva min-naħa tal-Istati
Membri. L-Artikoli 1(1)(a) u 1(1)(b) jinkludu
l-obbligi ewlenin tar-rappurtar u tal-iskambju tat-tagħrif previsti
fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil
rispettivament. L-Artikolu 1(1)(a) jistipula li
l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri fejn dawn ikunu stabbiliti
għandhom jirrappurtaw u jaqsmu ma’ xulxin it-tagħrif li jkun
inġabar għall-2015. Dak it-tagħrif għandu x’jaqsam
mal-aġenti tal-pagamenti malli dawn jirċievu l-pagamenti, skont
l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, li jkunu stabbiliti fi Stati
Membri oħrajn, u dan it-tagħrif għandu jiġi rrappurtat
sal-istess data prevista fl-Artikolu 9, jiġifieri “fi żmien sitt
xhur minn meta tintemm is-sena fiskali”. Għall-biċċa l-kbira
mill-Istati Membri, din id-data hija t-30 ta’ Ġunju 2016,
iżda għar-Renju Unit din hija l-5 ta’ Ottubru 2016.
Għalhekk, l-estensjoni tal-applikazzjoni qed tiġi stabbilita b’tali
mod li din tkun tinkludi wkoll l-iskadenza tar-Renju Unit. L-iskeda
taż-żmien se tibqa’ miftuħa sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe
azzjoni ta’ segwitu jew korrezzjoni meħtieġa wara dik id-data. L-Artikolu 1(1)(b) jistipula li
l-operaturi ekonomiċi u l-aġenti tal-pagamenti u l-Istati Membri fejn
dawn ikunu stabbiliti għandhom jirrappurtaw u jaqsmu ma’ xulxin
it-tagħrif li jkun inġabar għall-2015 “fi żmien sitt xhur
minn meta tintemm is-sena fiskali”, kif stipulat fl-Artikolu 9, li,
għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, ifisser
sat-30 ta’ Ġunju 2016, iżda għar-Renju Unit
ifisser sal-5 ta’ Ottubru 2016. Għalhekk, l-applikazzjoni
qed tiġi estiża sal-5 ta’ Ottubru 2016 sabiex din tkun
tinkludi wkoll l-iskadenza tar-Renju Unit. L-iskeda taż-żmien se
tibqa’ miftuħa sabiex ikun jista’ jintbagħat kwalunkwe tagħrif
addizzjonali meħtieġ u sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe korrezzjoni
meħtieġa wara dik id-data. L-Artikolu 1(2) jinkludi
dispożizzjonijiet speċifiċi li għandha timplimenta
l-Awstrija. L-Awstrija se tapplika d-Direttiva emendatorja
dwar il-kooperazzjoni amministrattiva b’dewmien li f’ħafna każijiet
se jkun ta’ sena. Madankollu, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva
fid-9 ta’ Diċembru 2014, l-Awstrija ntrabtet li tibda
tiskambja t-tagħrif sa mill-2017, għalkemm se tibda tagħmel dan
għal sett limitat ta’ kontijiet biss (jiġifieri għall-kontijiet
il-ġodda miftuħin bejn l-1 ta’ Ottubru 2016 u
l-31 ta’ Diċembru 2016 biss), filwaqt li żżomm
id-deroga għall-każijiet l-oħra. Għalhekk, b’mod
ġenerali l-Awstrija se jkollha tapplika d-Direttiva dwar it-Tfaddil
għal sena oħra, ħlief għal sett limitat ta’ kontijiet li se
jsir rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva. Għall-kuntrarju tal-Lussemburgu, l-Awstrija ma qalitx li
se tibda tiskambja t-tagħrif b’mod awtomatiku skont id-Direttiva dwar
it-Tfaddil qabel ma jintemm il-perjodu tranżitorju msemmi
fl-Artikolu 10 tagħha. U lanqas ma huwa mistenni li l-Awstrija
tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tmiem ta’ dak il-perjodu tranżitorju
sad-data meta hija tibda tapplika d-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni
amministrattiva. Għalhekk, għall-finijiet tal-Artikolu 1(2), qed
jiġi preżunt li l-Awstrija se tkompli tapplika t-taxxa
tranżitorja minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil
fl-2016, ħlief għal sett limitat ta’ kontijiet li l-Awstrija se
tagħmel rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva emendatorja dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2)(a)
jirreferi għall-obbligi tal-Awstrija u għall-obbligi sottostanti
tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti f’dan il-pajjiż li jittrasferixxu
t-taxxa minn ras il-għajn fuq il-pagamenti ta’ mgħax miżmuma
fl-2016, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil. L-Awstrija trid tissodisfa wkoll l-obbligi tagħha
f’dak li għandu x’jaqsam mar-rappurtar mill-operaturi ekonomiċi
tagħha skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2)
tad-Direttiva dwar it-Tfaddil f’każijiet fejn l-entità li tkun qed
tirċievi l-pagament ta’ mgħax mingħand dawk l-operaturi
ekonomiċi u msemmija fl-Artikolu 11(5) tal-istess Direttiva tkun
qablet b’mod formali li isimha, l-indirizz tagħha u l-ammont totali
tal-imgħax imħallas lilha jew assigurat għaliha jiġu
nnotifikati skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dik
id-Direttiva. Id-dispożizzjoni rilevanti li tiżgura li dan isir hija
mogħtija fl-Artikolu 1(2)(b) ta’ din il-proposta. Barra minn hekk, jekk l-Awstrija tistipula li
ssir il-proċedura skont l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva dwar
it-Tfaddil, ikunu jridu jitħarsu wkoll l-obbligi imposti fuq dan
il-pajjiż u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti
fih li jibagħtu rapporti skont il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar
it-Tfaddil. Id-dispożizzjoni rilevanti li tiżgura li dan isir hija mogħtija
fl-Artikolu 1(2)(c) ta’ din il-proposta. L-obbligi kollha previsti
fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu ssodisfati fi żmien sitt
xhur minn meta tintemm is-sena fiskali fl-Awstrija, jiġifieri
sat-30 ta’ Ġunju 2017. Fl-Artikolu 1(3) qed tiżdied
eċċezzjoni għall-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar
it-Tfaddil għas-sett limitat ta’ kontijiet li se ssirilhom
id-diliġenza dovuta tal-klijenti mill-1 ta’ Ottubru 2016
’il quddiem u li se jsir rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva kif emendata mid-Direttiva emendatorja
relatata. Is-27 Stat Membru li se jibdew japplikaw
id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva
mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem xorta waħda se jkollhom
jagħtu lis-sidien benefiċjarji li joqogħdu fihom iċ-ċertifikat
skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil. Peress li
l-aħħar data meta dak iċ-ċertifikat se jkun japplika
taħbat l-aħħar data meta l-Awstrija se tapplika t-taxxa minn ras
il-għajn skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil, l-Artikolu 1(1)(c) ta’
din il-proposta jiffissa din id-data bħala
l-31 ta’ Diċembru 2016. Minħabba li l-Lussemburgu se
jibda japplika d-Direttiva dwar it-Tfaddil mingħajr ma jimponi taxxa minn
ras il-għajn mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, l-Awstrija
hija l-uniku Stat Membru li se japplika t-taxxa minn ras il-għajn skont
id-Direttiva dwar it-Tfaddil fl-2015 u l-2016. Ir-regoli dwar it-tneħħija ta’
kwalunkwe tassazzjoni doppja li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni
tat-taxxa tranżitorja minn ras il-għajn imposta skont id-Direttiva
dwar it-Tfaddil ukoll se jkollhom jiġu estiżi biex jibqgħu
validi wara d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva emendatorja dwar
il-kooperazzjoni amministrattiva. Abbażi tar-regoli domestiċi
fl-Istat Membru speċifiku li jkun se jagħti l-kreditu jew ir-rifużjoni
skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, jista’ jkun li din
id-dispożizzjoni jkollha tibqa’ tiġi applikata ħafna wara
l-aħħar data meta tiġi applikata t-taxxa minn ras il-għajn,
li, għat-taxxa minn ras il-għajn imposta fl-Awstrija, hija
l-31 ta’ Diċembru 2016 (ara l-Artikolu 1(1)(d) ta’ din
il-proposta). Din hija miżura tranżitorja li tipproteġi
d-drittijiet miksubin tas-sidien benefiċjarji skont l-Artikolu 14
tad-Direttiva dwar it-Tfaddil f’dak li għandu x’jaqsam mal-Istat Membru
ta’ residenza tagħhom. L-Artikolu 2 jistipula li d-Direttiva
għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak
tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. L-Artikolu 3 jistipula li d-Direttiva
hija indirizzata lill-Istati Membri. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni baġitarja. 2015/0065 (CNS) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 115
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Filwaqt li jaġixxi skont proċedura
leġiżlattiva speċjali, Billi: (1) Filwaqt li tibni fuq
il-kunsens li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew
tal-20 ta’ Ġunju 2000 li għandu jkun hemm skambju
tat-tagħrif rilevanti għall-finijiet tat-taxxa fuq bażi
wiesgħa kemm jista’ jkun, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE[3] ilha tiġi
applikata fl-Istati Membri sa mill-1 ta’ Lulju 2005
bil-għan li d-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax
magħmulin fi Stat Membru wieħed lil sidien benefiċjarji li huma
individwi li joqogħdu fi Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi
ntaxxat b’mod effettiv skont il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dawn ikunu
joqogħdu, biex b’hekk jiġi eliminat it-tfixkil fil-moviment
tal-kapital bejn Stat Membru u ieħor li mhuwiex kompatibbli mas-suq
intern. (2) L-aspett dinji tal-isfidi li
joħolqu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali huwa punt ta’
tħassib ewlieni fil-livell dinji u fl-Unjoni. Id-dħul li ma
jiġix irrappurtat u ntaxxat inaqqas b’mod konsiderevoli d-dħul
nazzjonali mit-taxxi. Fit-22 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew
laqa’ bil-ferħ l-isforzi kontinwi li qed isiru fil-G8, fil-G20 u
fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD)
biex jiġi żviluppat standard dinji. (3) Id-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE[4]
tistipula li għandu jkun hemm skambju awtomatiku obbligatorju ta’
ċertu tagħrif bejn l-Istati Membri, u li l-kamp ta’ applikazzjoni
tagħha għandu jiġi estiż pass pass għal kategoriji
ġodda ta’ dħul u kapital sabiex jiġu miġġielda l-frodi
u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali. (4) Fid-9 ta’ Diċembru 2014,
il-Kunsill adotta d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE[5] li temenda d-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE, li wessgħet l-iskambju awtomatiku
tat-tagħrif għal firxa wiesgħa ta’ dħul f’konformità
mal-istandard dinji maħruġ mill-Kunsill tal-OECD f’Lulju tal-2014 u
li żgurat li jkun hemm approċċ koerenti, komprensiv u
konsistenti fl-Unjoni Ewropea kollha għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif
dwar il-kontijiet finanzjarji fis-suq intern. (5) B’mod ġenerali,
id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE għandha kamp ta’ applikazzjoni
usa’ minn dak tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, u hija tistipula li,
f’każijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom jidħol
f’xulxin, hija għandha tieħu prevalenza. Għad hemm każijiet
residwi li fihom kieku tapplika biss id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE.
Dawn il-każijiet residwi ġejjin minn differenzi żgħar
fl-approċċ li jieħdu ż-żewġ Direttivi u minn
eżenzjonijiet speċifiċi differenti. F’dawk il-każijiet
limitati li fihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, id-dispożizzjonijiet rilevanti
tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw, u
dan iwassal għal żewġ standards tar-rappurtar fl-Unjoni.
Il-benefiċċji ż-żgħar li jkun hemm jekk wieħed
iżomm it-tali rappurtar doppju jingħelbu mill-ispejjeż li dan
iġib miegħu. (6) Fil-21 ta’ Marzu 2014,
il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill jiżgura li l-liġi rilevanti
tal-Unjoni tkun allinjata għalkollox mal-istandard dinji waħdieni
l-ġdid għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif li żviluppat
l-OECD. Barra minn hekk, meta adotta d-Direttiva 2014/107/UE, il-Kunsill
stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tħassar
id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE u biex tikkoordina t-tħassir ta’
dik id-Direttiva mad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2
tad-Direttiva 2014/107/UE filwaqt li tqis kif xieraq id-deroga stipulata
fiha għall-Awstrija. Għalhekk, id-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE għandha tkompli tapplika għall-Awstrija
għal perjodu addizzjonali ta’ sena. Fid-dawl tal-pożizzjoni li
ħa l-Kunsill, se jkun hemm bżonn li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE
titħassar sabiex jiġu evitati l-obbligi doppji tar-rappurtar u sabiex
jiġu ffrankati l-ispejjeż kemm għall-amministrazzjonijiet
tat-taxxa u kemm għall-operaturi ekonomiċi. (7) Skont l-Artikolu 2
tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE[6]
li temenda d-Direttiva 2003/48/KE, l-Istati Membri se jkollhom jadottaw u
jippubblikaw, sal-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet,
ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex
jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma se jkollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet
sa mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il quddiem. It-tħassir
tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE se jkun ifisser li d-Direttiva
tal-Kunsill 2014/48/UE mhux se jkollha għalfejn tiġi trasposta
aktar. (8) Sabiex ikun żgurat li
r-rappurtar awtomatiku tat-tagħrif dwar il-kontijiet finanzjarji jkompli
jseħħ mingħajr xkiel, it-tħassir tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE għandu jidħol fis-seħħ
fl-istess jum bħad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2
tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE. (9) Minkejja t-tħassir
tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, it-tagħrif miġbur
mill-aġenti tal-pagamenti, mill-operaturi ekonomiċi u mill-Istati
Membri sad-data ta’ tħassir għandu jiġi pproċessat u
ttrasferit kif kien maħsub oriġinarjament, filwaqt li l-obbligi li
kien hemm qabel dik id-data għandhom jitħarsu. (10) F’dak li għandu x’jaqsam
mat-taxxa minn ras il-għajn imposta matul il-perjodu tranżitorju
msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, sabiex
jipproteġu d-drittijiet miksubin tas-sidien benefiċjarji, l-Istati
Membri għandhom ikomplu jagħtu l-kreditu jew ir-rifużjonijiet
kif kien maħsub oriġinarjament u għandhom joħorġu, fuq
talba, ċertifikati li jippermettu lis-sidien benefiċjarji
jiżguraw li ma tiġi imposta fuqhom l-ebda taxxa minn ras
il-għajn. (11) Għandu jitqies il-fatt
li, fid-dawl tad-differenzi strutturali, l-Awstrija ngħatat deroga skont
l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE b’dewmien
massimu ta’ sena. Meta ġiet adottata dik id-Direttiva, l-Awstrija
ħabbret li hija ma kinitx se tuża d-deroga għalkollox. Minflok,
sa Settembru tal-2017, hija se tibda tiskambja t-tagħrif dwar sett limitat
ta’ kontijiet biss, filwaqt li se żżomm id-deroga
għall-każijiet l-oħra. Għalhekk, għandha ssir
dispożizzjoni speċifika biex ikun żgurat li l-Awstrija u
l-aġenti tal-pagamenti u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan
il-pajjiż ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE matul il-perjodu tad-deroga, ħlief għal
dawk il-kontijiet li jkunu saru jaqgħu taħt id-Direttiva
tal-Kunsill 2014/107/UE li temenda d-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE. (12) Din id-Direttiva tħares
id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari
mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom id-dritt
għall-protezzjoni tad-dejta personali, u xejn fiha ma għandu jnaqqas
jew jelimina dawk id-drittijiet. (13) Ladarba l-Istati Membri ma
jistgħux jilħqu sewwa l-għan ta’ din id-Direttiva - li huwa li
titħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE u li jingħataw
l-eżenzjonijiet temporanji meħtieġa biex jitħarsu
d-drittijiet miksubin u biex titqies id-deroga mogħtija lill-Awstrija
skont id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, u għalhekk dan
l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni
minħabba l-livell ta’ uniformità u effettività meħtieġ, l-Unjoni
tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa skont il-prinċipju
tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak
l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ
biex jinkiseb dan il-għan. (14) Għalhekk id-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE għandha titħassar, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. Id-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE qed titħassar b’effett
mill-1 ta’ Jannar 2016. Madankollu,
għandhom jibqgħu japplikaw l-obbligi li ġejjin skont
id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva
tal-Kunsill 2006/98/KE[7]: (a) l-obbligi
tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fihom li
ġejjin mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva
tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw
sal-5 ta’ Ottubru 2016 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew
issodisfati; (b) l-obbligi
tal-aġenti tal-pagamenti li ġejjin mill-Artikolu 8 u dawk
tal-Istati Membri tal-aġenti tal-pagamenti li ġejjin mill-Artikolu 9
għandhom ikomplu japplikaw sal-5 ta’ Ottubru 2016 jew sa ma
dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati; (c) l-obbligi
tal-Istati Membri ta’ residenza tas-sidien benefiċjarji
għall-finijiet tat-taxxa li ġejjin mill-Artikolu 13(2)
għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2016; u (d) l-obbligi
tal-Istati Membri ta’ residenza tas-sidien benefiċjarji
għall-finijiet tat-taxxa li ġejjin mill-Artikolu 14
għandhom ikomplu japplikaw, f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa minn
ras il-għajn imposta fl-2016 u fis-snin ta’ qabel, sa ma dawn l-obbligi
jkunu ġew issodisfati. 2. Minkejja l-paragrafu 1
ta’ dan l-Artikolu, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata
bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, għandha tkompli tapplika
fl-intier tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2016
għall-Awstrija, ħlief għal dan li ġej: (a) l-obbligi
tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti u
tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan il-pajjiż li ġejjin
mill-Artikolu 12, li għandhom ikomplu japplikaw
sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu
ġew issodisfati; (b) l-obbligi
tal-Awstrija u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan il-pajjiż li
ġejjin mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), li għandhom
ikomplu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn
l-obbligi jkunu ġew issodisfati; u (c) l-obbligi
tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti
f’dan il-pajjiż li ġejjin direttament jew indirettament
mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 13, li għandhom ikomplu
japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn l-obbligi
jkunu ġew issodisfati. 3. Minkejja l-paragrafu 2
ta’ dan l-Artikolu, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata
bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, m’għandhiex tapplika wara
l-1 ta’ Ottubru 2016 għall-pagamenti ta’ mgħax
għall-kontijiet li għalihom l-obbligi ta’ rappurtar u diliġenza
dovuta inklużi fl-Annessi I u II tad-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE ġew issodisfati u li għalihom l-Awstrija
bagħtet it-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva
tal-Kunsill 2011/16/UE fiż-żmien stipulat
fl-Artikolu 8(6)(b) tal-istess Direttiva permezz ta’ skambju awtomatiku. Artikolu 2 Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din
id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE
tal-24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE
dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’
mgħax (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 50). [2] Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE
tad-9 ta’ Diċembru 2014 li temenda
d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju
ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1). [3] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE
tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq
id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157,
26.6.2003, p. 38). [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE
tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva
fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE
(ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1). [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE
tad-9 ta’ Diċembru 2014 li temenda
d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju
ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014,
p. 1). [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE
tal-24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE
dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’
imgħax (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 50). [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE
tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi
fil-qasam tat-tassazzjoni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u
r-Rumanija (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).