Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0033

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż l-iskop tad-WTO u jippermetti l-espansjoni tal-Att għal Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-Istati Uniti (CBERA)

    /* COM/2015/033 final - 2015/0023 (NLE) */

    52015PC0033

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż l-iskop tad-WTO u jippermetti l-espansjoni tal-Att għal Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-Istati Uniti (CBERA) /* COM/2015/033 final - 2015/0023 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-talba tal-Istati Uniti biex jiġi estiż u jitwessa’ l-iskop tad-WTO biex jiġi estiż l-iskop u jippermetti l-espansjoni tal-Att għal Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-Istati Uniti (CBERA) mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2019 u b'hekk l-Unjoni Ewropea titħalla tappoġġja din it-talba għal eżenzjoni.

    2.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta jkun jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni li jkollha effett legali f’korp stabbilit permezz ta' ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni. L-għoti ta’ eżenzjoni li tippermetti lill-Istati Uniti biex testendi u twessa’ l-ambitu ta’ eżenzjoni eżistenti tagħti trattament ta’ tariffa preferenzjali għal prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi u territorji benefiċjarji eliġibbli tal-Amerika Ċentrali u tal-Karibew maħtura skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew kif emendat l-aħħar nett taqa’ taħt din id-dispożizzjoni billi d-deċiżjoni hija meħuda f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali (il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jew Konferenza Ministerjali) li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-UE.

    3.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

    Il-Kummissjoni se tkun awtorizzata biex tieħu pożizzjoni f’isem l-UE biex tappoġġja t-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga eżistenti sa fejn ikun meħtieġ biex tippermetti lill-Istati Uniti biex tipprovdi trattament mingħajr dazju għal prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u l-Karibew benefiċjarji u territorji mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

    L-Istati Uniti tiġġustifika t-talba tagħha maċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika għall-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew. L-għan tas-CBERA emendat huwa li jgħin il-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku u l-irkupru ta’ dawn il-pajjiżi billi jinkoraġġixxu l-espansjoni tal-kapaċità produttiva tagħhom b’reazzjoni għal aċċess aktar liberali u għal opportunitajiet kummerċjali ġodda.

    Skont l-Istati Uniti, il-ħelsien mid-dazju pprovduti taħt CBERA m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-interessi ta’ membri oħra li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament, u huwa mistenni li l-estensjoni ta’ tali trattament mingħajr dazju ma jikkawżax l-Istati Uniti devjazzjoni sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli skont CBERA li joriġinaw f’Membri li mhumiex pajjiżi benefiċjarji.

    It-talba għal eżenzjoni tkun ir-raba' estensjoni tat-trattament speċjali, li bħalissa huwa validu sal-31 ta’ Diċembru 2014. L-Istati Uniti kienu mogħtija eżenzjoni ta’ obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I fil-15 ta’ Frar 1985, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995. Fil-15 ta’ Novembru 1995 l-Istati Uniti ngħataw tiġdid tar-rinunzja fir-rigward tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT 1994 sat-30 ta’ Settembru 2005 u, għal darb’oħra, fid-29 ta’ Mejju 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2014, sa fejn neċessarja għall-Istati Uniti sabiex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji magħżula skont id-dispożizzjonijiet CBERA.

    Għall-UE, it-talba għal eżenzjoni ma tqajjimx tħassib ekonomiku billi trattament mingħajr dazju m’għandhux impatt fuq il-kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi benefiċjarji.

    2015/0023 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż l-iskop tad-WTO u jippermetti l-espansjoni tal-Att għal Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-Istati Uniti (CBERA)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti bagħtu talba għal proroga tal-eżenzjoni preżenti sal-31 ta’ Diċembru 2019 u jiġi estiż l-ambitu tar-rinunzja eżistenti mill-obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994), sa fejn hu neċessarju li jkun permissibbli li l-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għal prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji benefiċjarji tal-Amerika Ċentrali u l-Karibew (“pajjiżi benefiċjarji”) maħturin skont id-dispożizzjonijiet ta’ Att dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-1983, kif emendat permezz tal-Att ta' Espansjoni dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-1990 u  permezz tal-Att ta’ Sħubija Kummerċjali tal-Baċir tal-Istati Uniti-Karibew, l-opportunità emisferika tal-Haiti permezz tal-Att dwar is-Sħubija ta' Inkoraġġiment tal-2006, l-Opportunità Emisferika tal-Ħaiti permezz tal-Att dwar l-Isħubija ta' Inkoraġġiment tal-2008, u l-Att tal-Programm għal Titjib Ekonomiku ta' Ħaiti tal-2010 (kollettivament, “CBERA kif emendat”).

    (2)       L-Istati Uniti kienu mogħtija eżenzjoni ta’ obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I fil-15 ta’ Frar 1985, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995. Fil-15 ta’ Novembru 1995 l-Istati Uniti ngħataw tiġdid tar-rinunzja fir-rigward tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT 1994 sat-30 ta’ Settembru 2005 u, għal darb’oħra, fid-29 ta’ Mejju 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2014, sa fejn neċessarju għall-Istati Uniti sabiex jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji magħżula skont id-dispożizzjonijiet CBERA.

    (3)       L-Artikolu IX, il-paragrafi 3 u 4, tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO) jistipula l-proċeduri għall-għoti ta’ eżenzjonijiet li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A jew 1B jew 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.

    (4)       L-għoti ta’ din l-eżenzjoni ma taffettwax negattivament la l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-benefiċjarji ta’ din l-eżenzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa b’mod ġenerali l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-faqar u stabbiltà f’pajjiżi tal-benefiċjarji.

    (5)       Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tkun appoġġjata t-talba għal eżenzjoni mill-Istati Uniti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija li tappoġġja t-talba għal eżenzjoni tal-Istati Uniti biex jiġi estiż u jitwessa’ l-iskop tal-Att għal Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew tal-Istati Uniti (CBERA) kif emendat l-aħħar mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2019 skont it-termini tat-talba għal eżenzjoni.

    Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    Top