Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0023

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    /* COM/2015/023 final - 2015/0015 (NLE) */

    52015PC0023

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2015/023 final - 2015/0015 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-4 ta' Novembru 2011 rispettivament.

    L-UE u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-4 ta' Diċembru 2013, rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-UE u kif ukoll fit-Turkija u fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Frar 2014 rispettivament.

    L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak l-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija għandu jadotta Deċiżjoni li tisosstitwixxi l-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli[2], rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘prodotti ta’ oriġini’ u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta’ oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-Istati Membri tal-UE ġew infurmati dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati l-aħħar waqt il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tat-22 u t-23 ta' Ottubru 2014.

    Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern. Barra minn hekk, ma kienx hemm bżonn li ssir valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsab fis-seħħ bħalissa.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

    2015/0015 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli[3], jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 3”).

    (2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4] ("il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

    (3)       L-Unjoni u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-4 ta' Novembru 2011 rispettivament.

    (4)       L-Unjoni u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u l-4 ta' Diċembru 2013 rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni u kif ukoll fit-Turkija fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Ottubru 2014 rispettivament.

    (5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija għandu jadotta deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

    (6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jaqblu dwar tibdil minuri fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija tiġi ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [2]               ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

    [3]               ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

    [4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    Abbozz DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

    ta'

    li tissostitwixxi l-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti oriġinarji" u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    Il-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-Turkija,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti oriġinarji" u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli (“id-Deċiżjoni”) jirreferi għall-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni (“il-Protokoll 3”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal akkumulazzjoni ta’ oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u partijiet kontraenti oħrajn għall-Konvenzjoni.

    (2) L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprovdi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

    (3) Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2] (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li b'att legali wieħed, tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja.

    (4) L-Unjoni Ewropea u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-4 ta' Novembru 2011 rispettivament.

    (5) L-Unjoni Ewropea u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-4 ta' Diċembru 2013 rispettivament. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fit-Turkija fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Frar 2014 ripettivament, b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni.

    (6) Il-Konvenzjoni inkludiet il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja tal-akkumulazzjoni tal-oriġini.

    (7) Il-Protokoll 3 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti oriġinarji" u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Tibda tapplika minn …

    Magħmul fi

                                                                           Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija

                                                                           Il-President

    Anness

    Protokoll 3

    dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta’ oriġini applikabbli

    1.         Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji,[3] (il-Konvenzjoni), japplikaw.

    2.         Ir-referenzi kollha għal “ftehim rilevanti” f’Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranji jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Soluzzjoni tat-tilwim

    1.         Meta b'rabta mal-proċeduri ta' verifikai tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala' xi tilwim li ma jkunx jista' jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta' din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija.

    2.         Fil-każijiet kollha s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur isseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

    Artikolu 3

    Emendi għall-Protokoll

    Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

    Artikolu 4

    L-irtirar mill-Konvenzjoni

    1.         Jekk jingħata avviż bil-miktub jew mill-Unjoni Ewropea jew mit-Turkija lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u t-Turkija immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    2.         Dawn ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta’ rtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim sakemm ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati. Ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, madankollu, mill-mument tal-irtirar, għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija biss.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet tranżitorji – akkumulazzjoni

    Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.

    [1]               ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

    [2]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [3]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    Top