Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0040

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))

    ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 310/35


    P8_TA(2015)0040

    Il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))

    (2016/C 310/09)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu “Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da'esh threat” (“Elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh”),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat “Rule of Terror: Living under ISIS in Syria” (“Ir-reġim tat-terrur: Il-ħajja taħt l-ISIS fis-Sirja”), tal-14 ta' Novembru 2014,

    wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-4 ta' Frar 2015 dwar ir-rapporti perjodiċi kombinati (mit-tieni sar-raba' rapport) tal-Iraq,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani u Iraqin,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar tali ftehim (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-kriżi vjolenti li għadha għaddejja fis-Sirja bħala konsegwenza u tal-vjolenza min-naħa tar-reġim ta' Assad u tal-vjolenza terroristika irriżultat f'diżastru umanitarju ta' kobor bla preċedent fl-istorja, b'aktar minn 200 000 ruħ maqtula, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili, aktar minn 7,6 miljun ruħ spostati internament, u 'l fuq minn 12,2 miljun Sirjan fi bżonn iddisprat ta' assistenza fis-Sirja; billi 211 500 ruħ għadhom assedjati – 185 000 ruħ mill-forzi tal-Gvern u 26 500 ruħ mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 3,8 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom, prinċipalment lejn il-Libanu (1 160 468 rifuġjat), it-Turkija (1 623 839), il-Ġordan (621 773) u l-Eġittu/l-Afrika ta' Fuq (160 772);

    B.

    billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq ikkawżata mill-kunflitt li għaddej bħalissa u mill-vjolenza u r-repressjoni min-naħa tal-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh qed tkompli sejra għall-agħar, u billi aktar minn 5,2 miljun ruħ għandhom bżonn ta' assistenza umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spostati internament; billi hemm 3,6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-ISIL/Daesh – 2,2 miljun minnhom fi bżonn urġenti ta' għajnuna – u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi l-Iraq qed jilqa' wkoll aktar minn 233 000 rifuġjat Sirjan;

    C.

    billi bosta rifuġjati u persuni spostati internament mhumiex irreġistrati, u b'hekk il-popolazzjonijiet mhux reġistrati huma mċaħħdin mill-għajnuna umanitarja u mill-miżuri ta' protezzjoni bażiċi li tant għandhom bżonn;

    D.

    billi, bl-użu ta' vjolenza brutali u indiskriminata, l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh ħakmet partijiet mill-Majjistral tal-Iraq, inkluża Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż, u billi mbagħad wettqet eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini Iraqin, imponiet interpretazzjoni riġida tax-Xarija, qerdet postijiet ta' qima u santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti, Jeżidi, Kurdi u Nsara u kkommettiet atroċitajiet barbari kontra l-popolazzjoni ċivili, b'impatt partikolari fuq in-nisa u t-tfal;

    E.

    billi ex membri Ba'athisti tal-persunal militari tal-armata tal-Iraq ingħaqdu mal-ISIL/Daesh, u billi l-armata stess hija infestata minn korruzzjoni u interferenza politika rampanti, fatt li jostakola r-risposta effikaċi min-naħa tal-armata għall-ISIL/Daesh;

    F.

    billi l-ISIL/Daesh stabbilixxa hekk imsejħa “qrati tax-Xarija” fit-territorju taħt il-kontroll tiegħu, li imponew pieni barbari, krudili u inumani fil-konfront tal-irġiel, in-nisa u t-tfal; billi l-ISIL/Daesh ippubblika kodiċi penali li jelenka d-delitti punibbli b'amputazzjoni, tħaġġir jew kruċifissjoni; billi dawk li jiġu kkastigati huma akkużati li kisru l-interpretazzjonijiet estremisti tal-grupp dwar il-liġi Iżlamika tax-Xarija, jew li huma suspettati bi żlealtà;

    G.

    billi l-ISIL/Daesh nieda kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja, u kkommetta delitti tal-gwerra u ksur faħxi tad-dritt umanitarju internazzjonali, fosthom qtil sommarju fuq skala kbira u serq ta' persuni, fil-konfront ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata, is-serq ta' persuni, l-istupru, it-traffikar u s-sekwestru ta' nisa, l-iskjavitù ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal għal attentati suwiċida, abbużi sesswali u fiżiċi u tortura; billi l-minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Insara, Kurdi, Jeżidi, Turkmeni, Xabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, sfaw fil-mira tal-ISIL/Daesh;

    H.

    billi rapport maħruġ mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-4 ta' Frar 2015 isostni li l-militanti tal-ISIL/Daesh qegħdin ibigħu t-tfal misruqa bħala skjavi sesswali u joqtlu oħrajn, inkluż billi jsallbuhom u jidfnuhom ħajjin; billi l-biċċa l-kbira tat-tfal rifuġjati u spostati ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni;

    I.

    billi numri kbar ta' nisa nqatlu jew insterqu mill-ISIL/Daesh fis-Sirja u l-Iraq; billi ġie rrapportat li dawk in-nisa u bniet li nħatfu ġew sottoposti għal stupru jew abbuż sesswali, imġiegħla jiżżewġu ġellieda, jew mibjugħa biex isiru skjavi sesswali; billi xi nisa nbiegħu bħala skjavi għal mhux aktar minn USD 25; billi n-nisa Jeżidi fl-Iraq huma partikolarment fil-mira; billi huwa ċar li hemm nuqqas ta' servizzi integrati fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u fil-qasam tal-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru;

    J.

    billi nisa edukati u professjonisti, u b'mod partikolari nisa li kkontestaw bħala kandidati f'elezzjonijiet għal kariga pubblika, jidhru li huma f'riskju; billi rapporti jindikaw li tal-anqas tliet avukati nisa ngħataw il-mewt u erba' tobba nqatlu reċentement fiċ-ċentru ta' Mosul; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) huwa mistenni jippreżenta rapport li jiddokumenta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-ISIL/Daesh fl-Iraq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Marzu 2015; billi l-apostati sfaw fil-mira u ġew sottoposti għal vjolenza inumana;

    K.

    billi l-persuni LGBT qed isofru vjolenza u qtil imwettqa mill-ISIL/Daesh, atti li qed jibqgħu għaddejjin b'impunità totali; billi s-sitwazzjoni tal-persuni LGBT fir-reġjun hija partikolarment vulnerabbli, minħabba l-appoġġ limitat mill-familja u mill-komunità u l-protezzjoni limitata mill-gvern, u billi s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati jew f'ċerti soċjetajiet ospitanti;

    L.

    billi l-għajnuna psikoloġika speċifika tant meħtieġa għall-vittmi tal-kunflitt, fosthom il-vittmi ta' stupri, mhijiex disponibbli;

    M.

    billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati huma mġiegħla jsofru kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi, skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija ta' aktar minn 50 %; billi minkejja l-isforzi kbar tal-gvernijiet ikkonċernati, żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters inadegwati; billi fil-pajjiżi ospitanti żdiedu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati;

    N.

    billi l-Lvant Nofsani nħakem minn xitwa qalila u l-UNHCR intensifika l-livell tal-assistenza tiegħu għax-xitwa billi nieda pjan għax-xitwa ta' USD 206 miljun biex jgħin lil miljuni ta' nies vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iz-zero u għal borra u riħ qawwijin; billi madwar 740 000 Iraqi spustat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata, u l-UNHRC qed jieħu passi biex jagħti għajnuna għax-xitwa lil 600 000 mill-persuni spostati fl-Iraq;

    O.

    billi meta t-temperaturi jogħlew, jiżdied ir-riskju ta' epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji terribbli u aċċess limitat għal ilma tax-xorb sikur, partikolarment f'insedjamenti kollettivi u informali;

    P.

    billi l-UNICEF qiegħed jagħti assistenza għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mill-1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) f'Jannar 2015 nedew kampanja ta' għoti ta' assistenza fi flus għax-xitwa bil-għan li jagħtu JOD 14 lill-41 000 tifel u tifla rifuġjati vulnerabbli tal-kampijiet ta' Za'atari u Azraq sabiex il-familji tagħhom ikunu jistgħu jixtrulhom ħwejjeġ tax-xitwa;

    Q.

    billi fl-1 ta' Diċembru 2014 id-WFP kien imġiegħel jissospendi temporanjament skema ta' għajnuna alimentari ta' importanza kruċjali għal aktar minn 1,7 miljun rifuġjat Sirjan minħabba kriżi internazzjonali tal-finanzjament; billi d-WFP ġabar USD 88 miljun wara appell ta' urġenza u kien kapaċi jagħti assistenza alimentari lir-rifuġjati tal-Libanu, tal-Ġordan, tal-Eġittu u tat-Turkija; billi d-WFP jistma li 2,8 miljun ruħ fl-Iraq attwalment jeħtieġu assistenza alimentari; billi d-WFP waħdu kellu bżonn urġenti ta' USD 214,5 miljun għall-operazzjonijiet tiegħu fis-Sirja u fir-reġjun, li minnhom USD 112,6 miljun kienu meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta' assistenza alimentari għall-erba' xhur li jmiss;

    R.

    billi l-partijiet involuti fil-kunflitt użaw il-kastig kollettiv bħala arma tal-gwerra u serqu prodotti li ġejjin mill-għajnuna u bigħuhom illegalment, u b'hekk kisru l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

    S.

    billi, skont il-Kummissjoni, madwar 276 000 rifuġjat ippruvaw jidħlu fl-UE illegalment, u l-maġġoranza tagħhom qasmet il-Mediterran fi vjaġġi perikolużi; billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kważi 2 % tar-rifuġjati għerqu matul il-vjaġġ; billi l-organizzazzjonijiet kriminali qegħdin iġorru r-rifuġjati fuq “dgħajjes fantażma” li jbaħħru sparati bla kontroll lejn l-UE bil-pilota awtomatiku; billi fid-9 ta' Diċembru 2014 f'Ġinevra saret Konferenza dwar ir-Risistemazzjoni li matulha l-gvernijiet intrabtu li jieħdu 100 000 rifuġjat Sirjan; billi skont il-UNHCR il-kontributi għadhom mhumiex se jkunu suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni fir-reġjun;

    T.

    billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 3,3 biljun għall-assistenza għas-sokkors u l-irkupru favur is-Sirjani f'pajjiżhom u favur ir-rifuġjati u l-pajjiżi ospitanti; billi fl-2014 biss l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu t-tieni l-akbar donatur umanitarju lill-Iraq, b'għotja ta' EUR 163 miljun; billi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat fuq talba tal-Gvern tal-Iraq; billi l-UE nefqet aktar minn dak li pprevediet biex taffronta l-esiġenzi umanitarji, u billi l-fondi mwiegħda minn bosta pajjiżi li mhumiex membri tal-UE mhux dejjem ġew trasferiti fir-realtà;

    U.

    billi, minkejja d-diversi appelli, il-komunità internazzjonali mhux qed jirnexxilha tissodisfa l-bżonnijiet tas-Sirjani u tal-Iraqini u tal-pajjiżi li jagħtu kenn lir-rifuġjati; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU qegħdin ibatu minn nuqqas ta' finanzjament, inkwantu waslu biss 39 % taż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li l-għoti ta' għajnuna ta' sokkors għadu prijorità kruċjali iżda għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fir-reġjun biex iċ-ċivili u r-rifuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li jeħtieġu; billi l-aġenziji tan-NU li joperaw programmi umanitarji għandhom jiggarantixxu risposta aktar integrata u aktar kosteffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet kollha kkonċernati;

    V.

    billi l-komunità internazzjonali għandha tagħti risposta proporzjonata għall-isforzi militari, bl-iskop li ttaffi t-tbatija taċ-ċivili maqbudin fil-kunflitt; billi l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ser ikunu meħtieġa bħala element ta' miżuri ta' wara l-kunflitt u bħala pass lejn il-bini ta' governanza inklużiva, rappreżentattiva u demokratika;

    W.

    billi xi Stati Membri qed joffru tagħmir u għajnuna ta' taħriġ lill-forzi leġittimi tal-Iraq u lill-Peshmergas Kurdi; billi xi Stati Membri qegħdin jipparteċipaw b'mod dirett fl-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh;

    1.

    Jikkundanna bis-saħħa l-ksur tal-waħx, sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kommessi mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-qtil ta' ostaġġi, kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża jew etnika, u l-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jiddeplora t-twaqqif tal-hekk imsejħa “qrati tax-Xarija” illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh; itenni l-kundanna assoluta tiegħu fil-konfront tat-tortura; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra, u jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha; jikkundanna bis-saħħa l-abbużi kommessi mill-ISIL/Daesh fuq it-tfal;

    2.

    Jesprimi tħassib dejjem jikber dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u fl-Iraq u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, mhux l-anqas fil-kuntest tal-ġlieda tal-ISIL/Daesh;

    3.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-gwerra li għaddejja bħalissa fis-Sirja u t-theddida reċenti maħluqa mill-ISIL/Daesh jikkostitwixxu periklu gravi għall-persuni fl-Iraq u fis-Sirja, u għal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; jistieden lill-UE tadotta u timplimenta strateġija reġjonali komprensiva biex tirbaħ lill-ISIL/Daesh u tikkontribwixxi fl-isforzi komuni intiżi biex itaffu l-kriżi umanitarja u jtemmu l-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq; ifakkar li tinħtieġ risposta koerenti bil-għan li jiġu kkoordinati l-aspetti kollha tal-intervent u appoġġati l-pajjiżi ospitanti, fosthom b'assistenza tas-sigurtà, umanitarja, tal-iżvilupp u makroekonomika; ifaħħar ir-rwol tal-pajjiżi ġirien billi aċċettaw lir-rifuġjati; jenfasizza li l-UE teħtieġ strateġija li tikkomplementa l-attivitajiet tan-NU u tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh u li għandha l-għan li tinvolvi lis-sħab reġjonali sabiex jindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, il-forniment tal-armi u l-fluss ta' ġellieda barranin transnazzjonali;

    4.

    Jenfasizza li diversi gruppi ta' minoranzi etniċi u reliġjużi ilhom jgħixu fil-paċi għal għexieren ta' snin fil-Lvant Nofsani;

    5.

    Jappoġġa l-kampanja globali kontra l-ISIL/Daesh, u jilqa' l-impenn tas-sħab fil-koalizzjoni biex jikkollaboraw bi strateġija komuni, multidimensjonali u fit-tul biex jegħlbu l-ISIL/Daesh; jappoġġa d-determinazzjoni qawwija tar-Re tal-Ġordan biex jiġġieled l-ISIL/Daesh; jilqa' t-telfa tal-ISIL/Daesh fil-belt Sirjana ta' Kobani; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza maħsuba biex tippermetti lill-pajjiżi tar-reġjun jikkumbattu l-estremiżmu vjolenti, flimkien mal-istrumenti intiżi għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, għandhom ikunu parti minn din l-istrateġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe kampanja militari intiża għal-liberazzjoni tat-territorji taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh għandha tosserva rigorożament id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġu evitati aktar imwiet u ma tissaħħaħx l-aġenda estremista, u sabiex jiġu evitati mewġiet ġodda ta' rifuġjati u persuni spostati internament;

    6.

    Jikkundanna l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata min-naħa tal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati, fatturi li jippermettu lill-ISIL/Daesh jiġġeneraw introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha josservaw ir-Riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw kull kummerċ, dirett jew indirett, mal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati;

    7.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni taċ-ċivili fi ħdan strateġija reġjonali komprensiva, u l-bżonn li jinżammu separati l-isforzi umanitarji, militari u antiterroristiċi; jenfasizza l-interkonnessjoni bejn il-kunflitt u t-tbatija umanitarja u r-radikalizzazzjoni;

    8.

    Huwa tal-fehma li biex jiġi miġġieled it-terroriżmu ġewwa l-UE huwa kruċjali li tingħeleb it-theddida terroristika estremista li qed taqbad sew fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u lil hinn minnu, peress li l-avvanz tagħha fil-fatt jistimula r-radikalizzazzjoni mrawma internament;

    9.

    Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu mal-ISIL/Daesh fil-ġlieda tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-kumbattenti jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għal kooperazzjoni fl-UE u fuq livell internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

    10.

    Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE “Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Daesh threat”, b'mod partikolari l-pakkett tagħha ta' EUR 1 biljun bħala “għajnuna biex jerġa' jkun hemm il-paċi u s-sigurtà li tkissru mit-terroriżmu u l-vjolenza għal wisq żmien”, skont il-VP/RGħ;

    11.

    Jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi aktar għajnuna umanitarja u assistenza lill-persuni milquta mill-kriżi fl-Iraq u s-Sirja; jistieden lill-UE tikkunsidra li tlaqqa' konferenza ta' donaturi; jilqa' l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna finanzjarja, u l-wegħdiet tagħhom għall-futur; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet u l-impenji tagħhom malajr; jappella għal żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-programmi umanitarji tan-NU u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

    12.

    Jenfasizza li, fid-dawl tal-iskala bla preċedent tal-kriżi, jeħtieġ tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi li tittaffa t-tbatija li qed iġarrbu miljuni ta' Sirjani u Iraqini fil-bżonn ta' prodotti u servizzi bażiċi; jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, inkluż bil-qsim tal-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha, f'konformità mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din it-tema;

    13.

    Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw li ċ-ċivili jiġu protetti, ikollhom aċċess bla xkiel għal faċilitajiet mediċi u għajnuna umanitarja, u jkunu jistgħu jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur u dinjituż;

    14.

    Huwa konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarji immedjati jeħtieġ ikunu parti integrali ta' strateġiji fit-tul bl-għan li tittaffa t-tbatija umana li qed joħloq il-kunflitt u jsostnu d-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati, il-persuni spustati internament u r-rifuġjati, inklużi n-nisa, bil-għan li jkunu żgurati tmexxija u parteċipazzjoni msaħħa, bl-għan li jingħataw is-setgħa ta' azzjoni li jagħżlu soluzzjonijiet dejjiema li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa u tfal li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw minnufih azzjonijiet speċifiċi biex jaffrontaw is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Iraq u fis-Sirja u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ furzat tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, li qegħdin jintbagħtu l-ħabs, jiġu stuprati, jiġu abbużati sesswalment u jinbiegħu mill-membri tal-ISIL/Daesh;

    16.

    Iħeġġeġ attenzjoni mġedda fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, imfassla fuq il-bżonnijiet speċifiċi ġġenerati mill-kunflitt li għaddej;

    17.

    Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fir-rigward tal-Iraq u s-Sirja;

    18.

    Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li joperaw fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-aġenziji tan-NU, iżidu l-forniment ta' servizzi mediċi u ta' counselling, inklużi t-trattament u l-appoġġ psikoloġiċi, għal persuni spustati li ħarbu l-avvanzi tal-ISIL/Daesh, b'attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, jiġifieri s-superstiti tal-vjolenza sesswali u t-tfal; jitlob li tkun magħmula disponibbli assistenza finanzjarja u li jinħolqu programmi li jindirizzaw b'mod komprensiv il-ħtiġijiet mediċi/psikoloġiċi u soċjali tas-superstiti ta' vjolenza sesswali u sessista fl-ambitu tal-kunflitt li għaddej;

    19.

    Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE tindirizza l-kwistjoni tal-vjaġġi – bosta drabi fatali – minn naħa għal oħra tal-Mediterran u timplimenta strateġija kkoordinata maħsuba biex issalva l-ħajjiet u biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri l-aktar milquta mill-wasla ta' migranti irregolari u persuni li jfittxu asil fi xtuthom;

    20.

    Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod sever, tad-delitti mwettqa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu, fosthom l-użu ta' armi kimiċi u inċendjarji kontra l-popolazzjoni ċivili, id-detenzjoni arbitrarja tal-massa u l-istrateġija ta' assedju tiegħu li jħalli lill-popolazzjoni bil-ġuħ sakemm din iċċedi;

    21.

    Jundika li r-rispons inadegwat għall-instabbiltà fis-Sirja ppermetta lill-ISIL/Daesh jżidu fis-setgħa; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-involviment li dejjem qed jikber ta' gruppi Iżlamisti estremisti u ġellieda barranin transnazzjonali fil-kunflitt fis-Sirja; jisħaq fuq il fatt li soluzzjoni dejjiema teħtieġ transizzjoni politika permezz ta' proċess politiku inklużiv, immexxi mis-Sirjani u msejjes fuq l-istqarrija ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jistieden lill-UE tieħu l-inizjattiva għal sforzi diplomatiċi għal dan il-għan; jilqa' u jappoġġa l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, u l-isforzi tiegħu biex jieqaf il-ġlied qalil fiċ-ċentri urbani, inkluża Aleppo;

    22.

    Jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu fl-isforzi biex titrażżan it-tensjoni fl-Iraq u fis-Sirja;

    23.

    Jistieden lill-mexxejja Iraqin il-ġodda jsarrfu f'realtà l-impenn tagħhom għal gvern inklużiv – gvern li jirrappreżenta l-interessi leġittimi u jvinċi l-esiġenzi umanitarji traġiċi tal-Iraqin kollha; jistieden lill-awtoritajiet Iraqini u lill-komunità internazzjonali jipprevjenu l-vendikazzjonijiet kontra l-popolazzjoni ċivili Sunnita meta jkunu ġew liberati ż-żoni li bħalissa jinsabu fil-kontroll tal-ISIL/Daesh; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u jsir żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

    24.

    Jilqa' l-isforzi tal-uffiċċju tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni f'Erbil, il-belt kapitali tar-Reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq, biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun; jenfasizza li hemm bżonn tiżdied u titjieb il-koordinazzjoni bejn l-ECHO u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), sabiex il-popolazzjonijiet fil-bżonn jinqdew bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effikaċi;

    25.

    Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, rigward il-ftuħ ta' uffiċċju tal-UE f'Erbil u jitlob li dan il-ftuħ isir sabiex jitjiebu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fuq il-post, fosthom permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp; jappella għat-tisħiħ tal-uffiċċju tal-UE f'Gaziantep, it-Turkija;

    26.

    Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIL/Daesh u gruppi terroristiċi assoċjati, u biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa;

    27.

    Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabbiltà tad-delitti li twettqu minn kull naħa matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward, bħala pereżempju permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

    28.

    Jitlob miżuri ta' responsabbiltà ndaqs għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u aċċess għas-sostenn legali lill-vittmi kollha tal-ksur onnipreżenti; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza fundamentali li tiġi garantita l-protezzjoni taċ-ċivili li jinsabu maqbuda mill-vjolenza u ma jistgħux jaslu f'postijiet sikuri jew ma jistgħux jaċċedu għall-assistenza umanitarja li ssalva l-ħajjiet;

    29.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0023.


    Top