This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015IE1349
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The importance of agricultural trade for the future development of farming and the agricultural economy in the EU in the context of global food security’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà alimentari globali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà alimentari globali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 13, 15.1.2016, pp. 97–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
15.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 13/97 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà alimentari globali”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2016/C 013/15)
|
Relatur: |
is-Sur Volker PETERSEN |
Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
“L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà globali tal-ikel”.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Lulju 2015.
Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
F’termini tal-politika dwar il-prezzijiet u s-swieq, il-PAK ġiet fil-biċċa l-kbira liberalizzata. Is-suq agrikolu tal-UE huwa miftuħ u huwa parti mill-iżvilupp tas-suq globali, li huwa mmexxi mid-domanda u l-provvista. Għal din ir-raġuni, bil-ftuħ għas-swieq ta’ pajjiżi terzi, il-kummerċ agrikolu tal-UE żviluppa b’mod dinamiku ħafna fl-aħħar għaxar snin. |
|
1.2. |
Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, il-KESE jinnota li l-kummerċ agrikolu huwa ta’ importanza ekonomika essenzjali fis-settur agrikolu u tal-ikel u għaż-żoni rurali. Il-KESE jinnota bi tħassib kemm is-soċjetà kultant tipperċepixxi l-kummerċ agrikolu b’mod kritiku, b’kuntrast ma’ fergħat oħrajn tal-ekonomija, bħall-industrija tal-karozzi jew tal-kimika. |
|
1.3. |
Ma hemm l-ebda dubju li l-kummerċ agrikolu jassumi responsabbiltà speċjali f’dinja li fiha jeżisti l-ġuħ jew nutrizzjoni li mill-aspett kwantitattiv u kwalitattiv hija insuffiċjenti. Il-KESE huwa konxju ħafna ta’ din ir-responsabbiltà. F’dinja b’popolazzjoni li qiegħda tikber, bi dħul li qed jiżdied f’ħafna pajjiżi u l-faqar f’oħrajn, hemm il-bżonn li tiġi ssodisfata d-domanda ta’ dawk li għandhom il-flus x’jonfqu kif ukoll li tingħata għajnuna u assistenza fejn in-nies ma jistgħux jeliminaw il-ġuħ u n-nuqqas waħedhom. |
|
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp qegħdin jimmiraw b’mod koerenti fl-istess direzzjoni. Dan, fil-fehma tiegħu, huwa l-prerekwiżit sabiex ikun żgurat li d-direzzjoni u r-rwol tal-kummerċ agrikolu u l-iżvilupp jiġu pperċepiti b’mod sostenibbli. |
|
1.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li s-settur agroalimentari tal-UE jkun appoġġat b’mod sostenibbli, bħal setturi oħrajn tal-ekonomija, sabiex ikun jista’ jipparteċipa b’suċċess fil-kummerċ agrikolu globali li qed jiżdied. Il-kummerċ agrikolu jaqdi rwol importanti fil-protezzjoni tal-infrastruttura ekonomika fl-iżvilupp rurali tal-UE. Dan jipprovdi wkoll erbgħin miljun post tax-xogħol kwalifikat fid-diversi ħoloq tal-katina tal-ikel fl-UE, li huma inqas suxxettibbli għal kriżijiet minn dawk f’setturi oħrajn. |
|
1.6. |
Il-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles tal-UE jistgħu jagħtu kontribut importanti għat-tneħħija ta’ ostakli kummerċjali mhux tariffarji. F’dan il-kuntest, dejjem ser ikun hemm regolamenti fuq iż-żewġ naħat li mhumiex negozjabbli. Għaldaqstant għandu jsir sforz sabiex jiġu adottati r-regolamenti li jiffaċilitaw il-kummerċ barra l-qafas tal-armonizzazzjoni. |
|
1.7. |
L-SMEs jikkontribwixxu sostanzjalment għall-kummerċ agrikolu tal-UE. Fl-isfera internazzjonali, dawn huma partikolarment dipendenti fuq l-assistenza amministrattiva sostenibbli waqt li jkunu qed jiġu żviluppati s-swieq f’pajjiżi terzi, liema assistenza għandha tkun ipprovduta mis-servizzi korrispondenti tal-UE. |
|
1.8. |
Il-KESE jilqa’ l-estensjoni ulterjuri ta’ ftehimiet ta’ sħubija mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, li abbażi tagħhom l-effetti pożittivi ta’ kummerċ miftuħ u ġust jistgħu jirriżultaw bħala vantaġġ għal dawn il-pajjiżi. L-għan ta’ ftehimiet bħal dawn għandu jkun li jappoġġjaw l-awtonomija ta’ dawn il-pajjiżi fejn jidħlu prodotti agrikoli; ir-rwol tal-kummerċ agrikolu għandu jkun li jakkumpanja l-produzzjoni lokali. |
2. Sfond
|
2.1. |
Storikament, il-kummerċ agrikolu – kummerċ bi prodotti agrikoli u ikel ipproċessat – minn dejjem kien partikolarment importanti. Fis-seklu 20, li fih ġraw żewġ gwerer dinjin, il-kummerċ agrikolu internazzjonali għal żmien twil kien iddominat minn approċċ diriġista ħafna. Anki fil-GATT, konkluż wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan xorta okkupa pożizzjoni speċjali li eskludietu mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Kien biss fir-Round tal-Uruguay tal-GATT, konkluż fl-1993, li dan il-qasam tal-kummerċ agrikolu kien inkorporat iktar fis-sod fis-sett ta’ regoli tal-GATT. It-tnaqqis tas-sostenn domestiku u l-eliminazzjoni tad-dazji doganali u tas-sussidji għall-esportazzjoni kienu l-impenji li għalihom daħlet l-UE dak iż-żmien. B’xi ftit eċċezzjonijiet, bħala konsegwenza l-kummerċ tal-UE fl-agrikoltura ġie liberalizzat b’mod estensiv wara t-tnaqqis tat-tariffi ta’ importazzjoni u tas-sussidji għall-esportazzjoni. Madankollu, il-kummerċ agrikolu internazzjonali xorta għadu rregolat relattivament b’mod qawwi – speċjalment permezz ta’ miżuri mhux tariffarji. |
|
2.2. |
Il-KESE adotta numru ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali relatati mal-kummerċ (1). Hawnhekk huwa enfasizza l-importanza tal-kummerċ għal tkabbir kostanti u għalhekk għal żvilupp b’suċċess ta’ ekonomija soċjali tas-suq. Il-KESE dejjem ħeġġeġ il-kummerċ ġust u ħieles. Huwa jikkonkludi li dan biss jista’ jiżgura li l-proċess li qed javvanza tal-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq joħloq benefiċċji u opportunitajiet għall-pajjiżi kollha skont il-potenzjal ekonomiku tagħhom |
|
2.3. |
Fl-Opinjonijiet preċedenti kollha tiegħu dwar il-kummerċ il-KESE qies ukoll l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u ddedikalhom attenzjoni partikolari. Il-Kumitat argumenta b’mod konsistenti li l-kummerċ u l-politika tal-kummerċ f’dinja globalizzata jridu jagħtu kontribut għat-tkabbir u l-iżvilupp f’pajjiżi li jinsabu f’livelli differenti ta’ żvilupp. |
|
2.4. |
Id-diskussjoni dwar ir-rwol tal-kummerċ agrikolu qed isseħħ f’ambjent partikolarment kontroversjali. Fl-aħħar snin kien hemm titjib fid-domanda globali għal prodotti agrikoli u ikel minn dawk li jistgħu jaffordjawhom, bħalma huma pajjiżi b’ekonomiji emerġenti li qed jesperjenzaw tkabbir fil-popolazzjoni u d-dħul. Madankollu, il-kummerċ agrikolu ma jistax jiżgura li jintemm kwalunkwe nuqqas tal-ikel. Partikolarment minħabba kapaċità tal-akkwist insuffiċjenti madwar 800 miljun persuna fid-dinja qegħdin ibatu l-ġuħ. |
|
2.5. |
B’din l-opinjoni l-KESE jixtieq jesplora l-opportunitajiet li joffri kummerċ agrikolu globali li qed jikber għall-agrikoltura u l-ekonomija agrikola fl-UE. M’għandhiex tintesa r-responsabbiltà li l-UE teħtieġ tassumi fir-rigward tal-ġuħ fid-dinja wkoll f’dan il-proċess. |
3. Il-kummerċ agrikolu tal-UE fil-kuntest makroekonomiku
L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-kummerċ barrani tal-UE
|
3.1. |
Fl-2014 l-esportazzjoni agrikola tal-UE ammontat għal madwar EUR 125 biljun, u għalhekk laħqet sehem ta’ 7 % tal-esportazzjonijiet kollha tagħha. Kemm iż-żieda ta’ 2,2 % meta mqabbla mas-sena preċedenti kif ukoll iż-żieda annwali ta’ 8 % mill-2005 sal-2014 fissret li t-tkabbir fl-esportazzjonijiet agrikoli kien ħafna iktar b’saħħtu mit-tkabbir fl-esportazzjonijiet totali, li saħansitra fl-2014 naqsu bi 2 % meta mqabbla mal-2013 (żieda annwali ta’ 5,5 % bejn l-2005 u l-2014). Is-sitwazzjoni hija simili għall-importazzjonijiet agrikoli, li fl-2014 kienu jammontaw għal EUR 104 biljun u kienu jfissru 6,2 % tal-importazzjonijiet tal-UE (ara t-Tabelli A1 sa A3 fl-Appendiċi). |
|
3.2. |
L-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE huma pilastru tal-kummerċ barrani tal-UE. Dan jiġi fir-raba’ post meta mqabbel ma’ setturi oħrajn, wara l-makkinarju, il-prodotti kimiċi u l-farmaċewtiċi. Matul il-liberalizzazzjoni kummerċjali tal-passat, l-UE evolviet minn importatur nett għal esportatur nett, filwaqt li laħqet bilanċ pożittiv fil-kummerċ agrikolu mill-2010, li fl-2014 laħaq madwar EUR 21 biljun. |
L-istruttura tal-kummerċ agrikolu u l-importanza għall-valur miżjud, l-impjiegi u l-iżvilupp rurali
|
3.3. |
Ta’ importanza partikolari għal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja hija ċ-ċirkustanza li s-sehem tal-kummerċ agrikolu fil-kummerċ barrani tal-UE totali kien ogħla b’mod sinifikanti fl-2014, b’7 %, mis-sehem tas-settur agroalimentari sħiħ fil-PDG. Dan tal-aħħar jammonta għal 3,5 % fl-UE. |
|
3.4. |
Din id-differenza ċara bejn l-importanza ekonomika tas-settur u l-importanza tal-kummerċ agrikolu fil-kummerċ barrani tenfasizza l-importanza li qiegħda tikber ta’ dan tal-aħħar f’dawn l-aħħar snin. It-tkabbir fis-settur agroalimentari qiegħed jiġi ġġenerat dejjem iktar mill-esportazzjonijiet. |
|
3.5. |
L-importanza tal-katina tal-ikel għall-ekonomija kollha kemm hi:
|
Il-kummerċ agrikolu fis-suq intern tal-UE
|
3.6. |
Din l-opinjoni tiffoka fuq il-kummerċ agrikolu tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, ser tingħata ħarsa ħafifa lejn dan il-kummerċ intern tal-UE. Il-kummerċ fi ħdan l-UE jibqa’ jkun iktar importanti b’mod sinifikanti mill-kummerċ barrani. Fl-2014, 73 % tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-Istati Membri kollha marru lejn pajjiżi oħrajn tal-UE. B’hekk is-suq komuni kkontribwixxa għal spinta fil-kummerċ, li wassal għal żieda fil-prosperità fl-UE. Dak li japplika mingħajr restrizzjoni għall-kummerċ intern tal-UE f’ambjent internazzjonali liberalizzat jista’ jiġi ttrasferit għall-kummerċ ma’ pajjiżi terzi. |
Il-pożizzjoni tal-UE fil-kummerċ agrikolu dinji
|
3.7. |
Sa mill-2013, l-UE ilha l-ikbar grupp tal-kummerċ agrikolu dinji u fl-aħħar deċennji kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp pożittiv tiegħu. Mill-2000 l-esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi terzi żdiedu b’madwar 8 % fis-sena. Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv fl-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE, madankollu, pajjiżi oħrajn irnexxielhom iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom b’dinamika ikbar. Is-sehem tal-UE fil-kummerċ agrikolu globali naqas minn kważi 13 % fl-2000 għal 10,3 % fl-2012 (ara t-Tabella A4 fl-Appendiċi). |
4. Kundizzjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp tal-kummerċ agrikolu tal-UE: id-dimensjoni esterna tal-PAK
|
4.1. |
Fil-passat – pereżempju fiċ-ċikli tan-negozjar tal-GATT/WTO – l-UE kienet partikolarment ikkritikata fil-livell internazzjonali għall-esportazzjonijiet agrikoli tagħha. Din is-sitwazzjoni nbidlet radikalment sa mis-sena 2000. |
|
4.2. |
Il-prezzijiet ta’ sostenn tal-UE tnaqqsu sostanzjalment wara diversi riformi tal-PAK. Il-prezzijiet tas-suq fl-UE huma stabbiliti mill-iżviluppi fil-provvista u d-domanda internazzjonali u għalhekk għandhom tendenza jsegwu l-prezzijiet tas-swieq globali. L-organizzazzjoni komuni tas-suq issa toffri biss xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa tal-UE li jkollha effett fil-każ ta’ kollass internazzjonali massiv tal-prezzijiet. Is-sussidji għall-esportazzjonijiet – li fl-1992 kienu għadhom jammontaw għal EUR 3 biljun – m’għadx għandhom rwol sinifikanti. |
|
4.3. |
Bħala l-ikbar esportatur agrikolu fid-dinja – qabel l-Istati Uniti, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Kanada – u l-ikbar importatur agrikolu – qabel l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja – l-UE ġġorr responsabbiltà doppja u li qiegħda tiżdied għas-sigurtà alimentari dinjija. B’kont meħud ta’ din ir-responsabbiltà, id-dimensjoni esterna tal-PAK trid tissaħħaħ sostanzjalment u tingħata prijorità ikbar. |
|
4.4. |
Il-KESE jinnota li l-koerenza bejn il-PAK u l-politika ta’ żvilupp diġà ttejbet b’mod sostanzjali. L-esportazzjonijiet agrikoli joperaw mingħajr sussidji u ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq, filwaqt li l-UE saret wieħed mill-iktar swieq miftuħa, speċjalment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, fejn jidħlu importazzjonijiet. Matul l-2011-2013 l-importazzjonijiet mit-48 pajjiż l-inqas żviluppati kienu jikkonsistu f’medja ta’ 3 % tal-importazzjonijiet agrikoli tal-UE: erba’ darbiet il-valur li l-Kanada, l-Istati Uniti, l-Awstralja u New Zealand importaw flimkien minn dawn il-pajjiżi. |
5. Il-kummerċ agrikolu u s-sigurtà alimentari
L-effetti tal-kummerċ fuq is-sigurtà alimentari u l-iżvilupp
|
5.1. |
F’dinja fejn iktar minn 800 miljun persuna mifruxa f’ħafna pajjiżi differenti – partikolarment fl-Afrika u l-Asja – għadhom ibatu l-ġuħ, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-politika agrikola u tal-kummerċ jeħtieġ li jkun li tittejjeb in-nutrizzjoni f’termini kwantitattivi u kwalitattivi. |
|
5.2. |
Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, il-kummerċ agrikolu huwa ħafna drabi s-suġġett ta’ dibattiti kontroversjali fis-soċjetà ċivili minħabba r-rwol partikolari tiegħu fis-sigurtà alimentari. Wieħed irid iqis ukoll li l-kummerċ agrikolu jista’ jkollu effetti differenti ħafna. Dan jista’ jikkontribwixxi għal sitwazzjonijiet ta’ nuqqas, iżda jista’ jwassal ukoll għal dipendenzi mhux mixtieqa. |
|
5.3. |
Il-KESE għalhekk jixtieq jesplora iktar mill-qrib mhux biss dak li l-kummerċ agrikolu jikseb iżda wkoll dak li hu mistenni minnu. L-isfidi huma l-globalizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni tas-suq agrikolu tal-UE, it-tkabbir fil-kummerċ agrikolu globali, il-popolazzjoni dinjija li qiegħda tikber, il-bidla fit-tendenzi tal-konsum, u l-bidliet fid-domanda bħala konsegwenza tat-tkabbir ekonomiku. |
Is-sigurtà tal-ikel u l-awtosuffiċjenza
|
5.4. |
Il-kisba tas-sigurtà tal-ikel tfisser ċertu livell ta’ awtosuffiċjenza fejn jidħlu prodotti agrikoli b’mod partikolari għall-ifqar pajjiżi. Il-mira tal-awtosuffiċjenza sħiħa ta’ pajjiż jew reġjun partikolari madanakollu m’għandhiex tkun l-uniku fattur determinanti. Anki f’pajjiż li huwa iktar minn 100 % awtosuffiċjenti ma hemm l-ebda garanzija li l-popolazzjoni tiegħu tkun fornuta b’mod adegwat bl-ikel u għandha aċċess adegwat għalih. Għalhekk jista’ jiġi nnotat li anki f’pajjiżi bi prodotti agrikoli żejda hemm nies li huma neqsin mill-ikel jew huma malnutriti. |
|
5.5. |
In-nuqqas ta’ nutrizzjoni għandu jitqies bħala kwistjoni ta’ faqar iktar milli ta’ provvista, u huwa mifhum u indirizzat fuq din il-bażi. Is-sigurtà tal-ikel pjuttost għandha tiġi ggarantita billi jinħoloq id-dħul, u għandha inqas x’taqsam ma’ status partikolari ta’ awtosuffiċjenza u/jew kummerċjali. F’pajjiżi fqar ħafna, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tgħix mis-sussistenza u m’għandha kważi l-ebda dħul ieħor. Għalhekk, għat-titjib tas-sigurtà alimentari, il-kriterji ewlenin li jinsabu partikolarment fil-qofol, minbarra l-ġenerazzjoni tad-dħul u d-distribuzzjoni adegwata tad-dħul, huma d-disponibbiltà, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-istabbiltà tal-aċċess għall-ikel. |
|
5.6. |
Il-kummerċ agrikolu jista’ jikkontribwixxi għal żieda fid-dħul ibbażata kemm fuq l-esportazzjonijiet (ħolqien tad-dħul u l-impjieg) kif ukoll l-importazzjonijiet (xiri ta’ prodotti tal-ikel irħas mis-swieq internazzjonali filwaqt li jkunu esportati prodotti oħrajn). Madankollu, din l-istrateġija tippresupponi l-aċċess għas-swieq internazzjonali għal prodotti agrikoli u industrijali. |
6. Problemi u sfidi
Il-kummerċ agrikolu jnaqqas il-varjazzjonijiet fil-volum u l-prezzijiet
|
6.1. |
Karatteristika partiolari tal-produzzjoni agrikola, b’kuntrast mal-produzzjoni industrijali, hija s-suxxettibbiltà tagħha għall-forzi tan-natura. Il-produzzjoni u l-provvista jiddependu fuq kundizzjonijiet varjabbli li diffiċli jiġu previsti jew ikkontrollati. Dan japplika għat-temp jew il-preżenza ta’ mard tal-pjanti u tal-annimali. It-tibdil fil-klima madwar id-dinja se jżid l-imprevedibbiltà tal-fenomeni naturali. Dan ser jaffettwa partijiet oħrajn tad-dinja u pajjiżi oħrajn b’mod iktar drammatiku milli ser jaffettwa lill-UE nnifisha. |
|
6.2. |
Wara l-ftuħ sostanzjali tas-swieq agrikoli tagħha, l-UE għaldaqstant ġeneralment ser tħoss l-impatt tal-varjazzjonijiet fil-volum u l-prezzijiet fis-swieq globali b’mod ħafna iktar qawwi. Fl-istess waqt qiegħda tiżdied ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà alimentari globali fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li huma komparattivament favorevoli u stabbli. |
|
6.3. |
Il-kummerċ agrikolu huwa parti mis-soluzzjoni għall-problema taż-żieda fil-volatilità, mhux il-kawża tagħha. Il-kummerċ agrikolu globali jippermetti l-bilanċ tal-varjazzjonijiet fil-volum u għalhekk jikkontribwixxi għal-limitazzjoni tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet. L-esperjenza wriet li interventi iżolati fis-suq minn pajjiżi individwali, u projbizzjonijiet tal-esportazzjonijiet u restrizzjonijiet fuq id-dazji jew l-importazzjonijiet iktar jaggravaw il-problema għall-partijiet kollha milli jtaffuha. |
Effetti ġeopolitiċi
|
6.4. |
Kultant l-iżviluppi politiċi ġenerali – bħall-projbizzjoni ta’ importazzjoni mir-Russja minn Awwissu 2014 ‘l hawn – ikollhom effetti problematiċi fuq il-kummerċ agrikolu, kif esperjenzat l-UE fl-2014 u 2015. Dawn l-influwenzi ġeopolitiċi jistgħu jirriżultaw f’interruzzjonijiet sinifikanti tas-swieq, f’telf u żvantaġġi ekonomiċi oħrajn li jaffettwaw is-settur agroalimentari. Is-settur għaldaqstant jiddependi mill-klima politika globali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-bdiewa u l-kumpaniji jeħtieġu l-assistenza politika sabiex ikunu jistgħu jikkumpensaw għall-iżvantaġġi fir-relazzjonijiet kummerċjali affettwati. |
Linji gwida u rakkomandazzjonijiet għad-direzzjoni tal-kummerċ agrikolu tal-UE
|
6.5. |
B’kont meħud tal-fatt li l-kummerċ agrikolu qed isir ħafna iktar importanti globalment u għall-UE, il-KESE jemmen li d-dimensjoni esterna tal-PAK teħtieġ tisħiħ sinifikanti. Dan it-tisħiħ jista’ jinkiseb b’diversi modi. |
|
6.5.1. |
Ir-regolamenti li għadhom jeżistu fil-kummerċ agrikolu globali għandhom l-oriġini tagħhom qabelxejn fl-importanza li tingħata lill-ħarsien tas-saħħa u l-konsumatur f’diversi pajjiżi. L-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni, huma mitluba jħeġġu lill-pajjiżi li għandhom tali ostakoli regolatorji tekniċi tal-kummerċ biex jiftħu s-swieq tagħhom b’mod rapidu; fejn meħtieġ l-UE għandha tidħol f’negozjati xierqa. |
|
6.5.2. |
Fil-fehma tal-KESE huwa neċessarju b’mod urġenti li l-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà b’mod ċar u espliċitu għall-EU kollha kemm hi f’din il-kwistjoni. Dan huwa l-uniku mod li l-pożizzjonijiet tal-UE jistgħu jkunu rrappreżentati b’mod effiċjenti u enfatiku u infurzati fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħha. Huwa wkoll ta’ detriment għall-kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri jekk ikollhom ftehimiet differenti ma’ pajjiżi terzi fil-livell nazzjonali. Huwa biss meta jkun hemm restrizzjonijiet speċifiċi għar-reġjun jew il-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri, li dawn għandhom ikunu jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet tad-dritt speċjali għal tali każijiet iġġustifikati. |
|
6.5.3. |
Il-KESE huwa favur li l-UE tieħu kull miżura possibbli sabiex issaħħaħ il-kompetittività u l-pożizzjoni tas-settur agroalimentari tal-UE fi swieq agrikoli li iktar ma jmur qegħdin jinfetħu fejn hemm iktar kompetizzjoni intensiva mir-reġjuni globali prinċipali kollha. L-objettiv imħabbar mill-Kummissjoni l-ġdida biex tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż assoċjati magħha huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess waqt irid jiġi żgurat li l-istrutturi amministrattivi jitfasslu b’mod iktar effettiv. |
|
6.5.4. |
L-istandards tal-UE għandhom ikunu l-bażi għal-liċenzji li jingħataw għall-importazzjonijiet fl-UE. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u regoli oħrajn, dawn għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti minimi għal importazzjonijiet li jieħdu kont suffiċjenti tas-sitwazzjoni fl-UE u ma jikkawżawx żvantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji li jinsabu hemmhekk. |
|
6.5.5. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istorja ta’ suċċess tal-kummerċ agrikolu tal-UE fi swieq li fil-biċċa l-kbira huma liberalizzati hija dovuta fil-biċċa l-kbira għall-SMEs. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tal-UE biex tintensifika l-attivitajiet tagħha li jappoġġjaw l-aċċess għas-swieq agrikoli internazzjonali, kif diġà qegħdin jagħmlu pajjiżi terzi oħrajn. Hawnhekk jeħtieġ li l-SMEs jkunu jistgħu jistrieħu fuq informazzjoni affidabbli dwar is-swieq waqt l-ippjanar tagħhom. |
|
6.6. |
Is-swieq globali jeħtieġu swieq globali trasparenti. Din tirrikjedi previżjoni affidabbli u informazzjoni dwar l-iżviluppi fil-volum, il-prezzijiet, ir-rati ta’ skambju, it-temp, il-mard, u oħrajn. Il-KESE jilqa’ l-involviment attiv tal-UE fil-ħolqien tal-AMIS (Agricultural Market Information System) tal-FAO. Madankollu, dawn l-isforzi għandhom ikunu mmirati b’mod li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mill-AMIS tkun disponibbli speċjalment għal dawk li joperaw fis-suq sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw direttament minnha. |
|
6.7. |
Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE huma ta’ importanza partikolari. Jekk in-negozjati multilaterali fil-kuntest tad-WTO ma jagħtux il-frott, jeħtieġ li s-suċċess jiġi mfittex fil-livell bilaterali, sabiex jinfetħu swieq ġodda. Madankollu, il-ftehimiet jeħtieġu jkunu bbilanċjati fid-dawl tad-diversi setturi li jintlaqtu minnhom. Ma jkunx aċċettabbli li l-kummerċ agrikolu tal-UE jkun mgħobbi bi spejjeż sproporzjonati meta mqabbel ma’ oqsma ekonomiċi oħrajn. |
|
6.8. |
Il-KESE jirreferi għall-importanza partikolari tal-ftehimiet ta’ sħubija ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Permezz tal-estensjoni tal-ftehimiet preferenzjali, fuq il-bażi ta’ aċċess imtejjeb għas-swieq tal-UE, f’dawn il-pajjiżi jistgħu jiżvolġu l-effetti pożittivi ta’ relazzjonijiet kummerċjali abbażi ta’ kummerċ miftuħ u ġust. |
Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 43, 15.2.2012, p. 73; ĠU C 351, 15.11.2012, p. 77; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1; ĠU C 100, 30.4.2009, p. 44.
ANNESS
http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/agricultural-trade-statistics_en.docx