Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0673

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa

COM/2015/0673 final

Strasburgu, 15.12.2015

COM(2015) 673 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa


I.    Introduzzjoni

Il-ħolqien taż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni hija kisba storika u waħda li tibqa’ simbolu tal-valuri Ewropej li kissret ħitan u għaqqdet kontinent. Il-ħeffa li biha l-persuni, l-oġġetti u s-servizzi jistgħu jivvjaġġaw bejn il-fruntieri tal-Istati Membri tagħna tgħin ukoll biex tixpruna l-kompetittività tagħna bħala l-akbar żona ekonomika tad-dinja, għall-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir. Madankollu, bid-deċiżjoni li tkun kondiviża l-istess żona interna ta’ moviment liberu tiġi r-responsabbiltà kondiviża li jkunu pprovduti standards għoljin u konsisenti tal-ġestjoni tal-fruntieri u tas-sigurtà fil-fruntieri esterni. Fil-fatt, nistgħu biss ikollna żona Schengen mingħajr fruntieri interni jekk il-fruntieri esterni tagħha huma effettivament siguri u protetti.

Il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ħila kollettiva tagħna biex nimmaniġġjaw il-fruntieri esterni komuni tagħna ġiet ittestjata mill-avvenimenti ta’ din is-sena u b’mod partikolari żieda mingħajr preċedenti fil-flussi ta’ migranti u refuġjati. Il-kriżi kixfet dgħufijiet u nuqqasijiet ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ ġestjoni tal-fruntieri, li rriżultaw insuffiċjenti biex tiġi ggarantita l-ġestjoni effettiva u integrata tal-fruntieri. Ċerti Stati Membri ma kinux kapaċi jiżguraw kontroll effettiv fuq il-fruntieri u l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ migranti irregolari. U l-kriżi wriet li l-limitazzjonijiet ta’ Frontex - riżorsi mhux adegwati f’termini ta’ persunal u tagħmir, nuqqas ta’ kapaċità biex tibda u twettaq operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn jew in-nuqqas ta’ rwol espliċitu li twettaq operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ - fixklu l-kapaċità tagħha li tindirizza b’mod effettiv u tirrimedja s-sitwazzjoni.

Bejn Jannar u Novembru 2015, aktar minn 1.5 miljun qsim illegali tal-fruntieri 1 kienu identifikati, li jirrappreżentaw l-ogħla ammont ta’ wasliet 2 qatt irreġistrati fl-UE. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE illegalment u mbagħad ikomplu l-vjaġġ tagħhom madwar l-UE, mingħajr ma jkunu ġew l-ewwel identifikati, irreġistrati u suġġetti għal kontrolli xierqa ta’ sigurtà. L-iskala ta’ dawn il-movimenti sekondarji enormi ta’ migranti fl-UE fundamentalment tefgħet dubji dwar il-koerenza taż-żona Schengen, u, bħala riżultat, xi Stati Membri għażlu li jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni tagħhom - sitwazzjoni li ma tistax u li m’għandhiex tibqa' fuq medda twila ta’ żmien. Tħassib dwar is-sigurtà wara l-attakki terroristiċi ta’ din is-sena, u l-fenomenu ta’ ġellieda terroristiċi barranin, żiedu mat-tħassib taċ-ċittadini.

Sar dejjem aktar ċar li l-isfidi li dawn il-movimenti jirrappreżentaw ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod xieraq minn Stati Membri individwali li jaġixxu b’mod mhux koordinat. Għandna bżonn standards tal-Unjoni u sistema unifikata ta’ responsabbiltà kondiviża għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

L-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni ta’ Mejju 2015 3 identifikat il-ħtieġa li jsir progress lejn ġestjoni kondiviża tal-fruntieri esterni, f’konformità mal-objettiv tal-“introduzzjoni gradwali ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni” stabbilit fl-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħabbar li l-Kummissjoni se tippreżenta passi ambizzjużi f’dan ir-rigward qabel tmiem is-sena f’forma ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kif sussegwentement ġie kkonfermat fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 4 .

Dan l-objettiv kien ukoll innutat mill-Parlament Ewropew 5 u endorsjat fl-orjentazzjonijiet ċari stipulati mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Settembru u l-15 ta’ Ottubru 6 .

Din il-Komunikazzjoni, u l-miżuri li jakkumpanjawha, jipprovdu għal politika b’saħħitha u unifikata dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE bbażati fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà kondiviża. Sistema integrata permanenti għall-ġestjoni tal-fruntieri se tiżgura li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma ppreparati fil-konfront ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali fil-fruntieri esterni u kapaċi jirreaġixxu b’mod effettiv u fil-ħin jekk ikun hemm bżonn. Hija se tkun mirfuda permezz ta’ mekkaniżmu ta’ prevenzjoni ta’ kriżi li jserraħ fuq monitoraġġ kostanti tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, inkluż permezz ta’ analiżi tar-riskju regolari u robusta.

Il-benefiċċji ta’ żona ta’ moviment liberu mingħajr fruntieri interni ġew kondiviżi għal ħafna snin issa. Wasal iż-żmien biex il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tassew issir responsabbiltà komuni. Issa huwa l-waqt għal pass deċiżiv lejn sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni.

II.    Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Prinċipju ta’ Responsabbiltà Kondiviża

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li tiġi stabbilita ġestjoni integrata ġenwina tal-fruntieri Ewropea mfassla b’mod li tilħaq l-isfidi l-ġodda u r-realtajiet politiċi li qed tiffaċċja l-UE, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni u wkoll mas-sigurtà interna.

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tkun stabbilita biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva ta’ standards ta’ ġestjoni tal-fruntieri komuni b’saħħitha u biex tipprovdi għal appoġġ operazzjonali u tintervjeni fejn meħtieġ biex tirrispondi minnufih għal kriżijiet emerġenti fil-fruntiera esterna. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tgħaqqad Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta mibnija minn Frontex u l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, li se jkomplu jeżerċitaw il-ġestjoni ta’ kuljum tal-fruntiera esterna. L-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardji tal-kosta huma wkoll parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sa fejn huma jwettqu sorveljanza tal-fruntieri marittimi. Ir-rwol tal-Aġenzija biex tikkontribwixxi għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ issa se jissaħħaħ b’mod sinifikanti.

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) il-ġdida se tkun fil-qalba ta’ kif titħaddem sistema aktar integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri. Jeħtieġ li tkun iċ-ċentru ta’ kapaċità operazzjonali u għarfien espert, appoġġ prattiku lill-awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri nazzjonali, u garanti li s-sistema se topera b’mod effettiv. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi għal sett ta’ miżuri biex jagħtu s-setgħa lill-Aġenzija biex taġixxi b’tali mod li jwieġeb b’mod effettiv għall-isfidi attwali, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Bord ta’ Ġestjoni tal-Frontex f’Novembru 2015 7 .

Biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun effettiva, jeħtieġ li ssir ħidma fil-fażijiet kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri. L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards komuni li jissodisfaw it-test ta’ ġestjoni tal-fruntieri robusta li kapaċi tirreaġixxi fi żminijiet ta’ kriżi. L-integrazzjoni ta’ livelli nazzjonali u tal-Unjoni fil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tagħmel il-ħidma ta’ titjib kontinwu tal-istandards parti mill-ħidma prinċipali tal-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri, inkluż il-gwardji tal-kosta sal-punt li jwettqu xogħlijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, fil-livelli kollha. L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom iwettqu l-kompiti regolari tagħhom f’konformità ma’ dawn l-istandards, u livell b'saħħtu tal-UE se jgħin biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi fost l-Istati Membri. It-tieni nett, hemm bżonn li jkun hemm sistema fejn in-nuqqasijiet huma identifikati sew minn qabel sabiex tittieħed azzjoni ta’ rimedju. Fl-aħħar nett, huwa essenzjali li jkun hemm sistema b’saħħitha u reattiva biex tiżgura li l-kriżijiet ikunu indirizzati b’mod adegwat kull meta jkun hemm bżonn. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-għajnuna mogħtija lil Stati Membri li qegħdin fuq il-front għandha tiġi kkunsidrata bħala responsabbiltà li l-UE u l-Istati Membri jridu jikkondividu u jerfgħu flimkien. F’dan ir-rigward, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jeħtieġ li tkun kapaċi tintervjeni meta gwardji nazzjonali tal-fruntiera ta’ Stati Membri li qegħdin fuq il-front mhumiex, għal xi raġuni, ilaħħqu waħedhom b’mod effettiv mal-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

III. Sistema unika integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni

1. Implimentazzjoni effettiva ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

Ġestjoni integrata tal-fruntieri tmur lil hinn minn kontroll tal-fruntiera mwettaq biss fuq il-fruntiera esterna. Din tinkludi miżuri f’pajjiżi terzi, miżuri ma’ pajjiżi terzi ġirien, u miżuri fiż-żona ta’ moviment liberu, inkluż ir-ritorn ta’ migranti irregolari mill-UE lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Ġestjoni korretta tal-fruntieri hija appoġġjata wkoll minn għadd ta’ elementi bħal analiżi b’saħħitha u regolari tar-riskju, kooperazzjoni mtejba bejn l-aġenziji u l-użu ta’ teknoloġija avvanzata.

Bħala l-ewwel pass, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-regoli fis-seħħ ikunu implimentati kompletament u b'mod xieraq. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli hija essenzjali wkoll, f’ċirkostanzi normali, meta ma jkun hemm l-ebda żieda fil-pressjoni iżda ż-żona ta' moviment liberu jeħtieġ li tkun ugwalment sikura.

Biex ikun żgurat il-monitoraġġ kostanti tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ l-obbligi ta’ koperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, iċ-Ċentru ta’ analiżi tar-riskju u ta’ monitoraġġ se jitwaqqaf fl-Aġenzija biex isegwi l-flussi migratorji lejn u fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din l-għodda se timxi id f’id ma’ analiżi tar-riskju affidabbli u aġġornata. L-użu ta’ mudell ta’ analiżi tar-riskju komuni u integrat (CIRAM- Common Integrated Risk Analysis Model) li ġie żviluppat mill-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se jsir obbligatorju.

Biex ikun appoġġat l-iżvilupp ta’ approċċ integrat u biex jissaħħaħ aktar il-monitoraġġ regolari fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni mill-Istati Membri, l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jiġu ssekondati mill-Aġenzija lill-Istati Membri speċifiċi determinati fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u b’konsultazzjoni mal-Bord ta’ Ġestjoni. Billi jikkoperaw mal-awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri nazzjonali (kif ukoll mal-gwardjani tal-kosta sal-punt li huma jwettqu xogħlijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera) u jaġixxu bħala interfaċċa bejnhom u l-Aġenzija, dawn l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jiġu integrati b’mod sħiħ fil-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali u fis-sistemi ta’ informazzjoni u jkunu kapaċi jiżguraw li l-Aġenzija tkun kompletament informata f’ħin reali. Dawn se jidentifikaw id-dgħufijiet possibbli fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri nazzjonali u se jħejju rakkomandazzjonijiet biex jindirizzawhom. Dan se jgħin biex jiġu identifikati l-passi neċessarji preventivi b’mod komuni u proattiv u jgħin biex jiġi evitat li nuqqasijiet potenzjali jsiru problema.

Biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni effikaċi tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri Ewropej, l-Aġenzija se tiżviluppa stampa ġenerali wiesgħa tal-kapaċità tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ persunal u tagħmir fuq il-fruntiera esterna. Biex jiġu identifikati u indirizzati dgħufijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ b’mod sinifikanti “it-test ta' vulnerabbiltà” tal-Aġenzija (kif imqabbel mas-sitwazzjoni attwali tal-Frontex) billi dan jkun ittrasformat f’mekkaniżmu obbligatorju ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà. Dan se jkun imfassal b'mod li jikkumplimenta l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen 8 u se jiżgura li l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawk it-taqsimiet tal-fruntiera esterna esposta għat-theddida bħall-pressjonijiet migratorji, ikunu jistgħu jiġu sodisfatti. L-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta' din il-valutazzjoni ta' vulnerabbiltà se tkun ikkumplimentata bl-uffiċjal ta' kollegament sekondat li se jkun qed idaħħal id-dejta miġbura matul il-ħidma tagħhom fuq il-post.

Billi tivvaluta r-riżorsi u t-tagħmir tal-Istati Membri kif ukoll l-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom, l-Aġenzija se tiddetermina jekk humiex preparati tajjeb biex jissodisfaw l-isfidi potenzjali u biex jidentifikaw dgħufijiet eżistenti. Wara l-eżitu ta’ din il-valutazzjoni, jekk meħtieġ, l-Aġenzija se tiddetermina kwalunkwe azzjoni korrettiva meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti jew emerġenti. Id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija se jkunu vinkolanti fuq l-Istat Membru. Jekk ma titteħidx azzjoni korrettiva fil-limitu ta’ żmien iffissat mill-Aġenzija, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tawtorizza lill-Aġenzija biex tieħu azzjoni ulterjuri, inkluż l-iskjerament ta’ Timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ara hawn taħt).

2.Prevenzjoni ta’ Kriżijiet u Interventi fuq il-Fruntiera Esterna

Is-sitwazzjoni fuq il-fruntieri esterni m’għandhiex titħalla tiddeterjora sal-punt li tipperikola l-funzjonament taż-żona Schengen.

F’każijiet ta’ pressjoni migratorja urġenti jew eċċezzjonali, l-Istati Membri diġà jistgħu jagħmlu użu mill-possibbilità li jitolbu l-użu ta’ riżorsi tal-Aġenzija 9 . L-Istati Membri jistgħu jitolbu operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fuq il-fruntieri, u l-iskjerament ta’ Timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sabiex jappoġġjawhom.

Madankollu, il-kriżi tar-refuġjati esponiet żewġ problemi fundamentali fl-istrutturi eżistenti. Dan huwa minħabba li l-użu tar-riżorsi tal-Aġenzija, l-ewwelnett, jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri li jibagħtu riżorsi lill-fruntiera esterna f’mument partikolari fiż-żmien u, it-tieni, fuq talba formali minn Stat Membru l-aktar espost. L-istruttura u l-mandat tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huma mfassla b’tali mod li jtaffu dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Minn naħa waħda, dawn id-dgħufijiet ġew esposti b’mod partikolari fil-każ tal-Greċja fejn l-Frontex talbet lill-Istati Membri sabiex ifornu 743 uffiċjal mistiedna biex jaħdmu fuq il-fruntiera esterna fil-Greċja u sal-lum, 447 biss ġew provduti. Min-naħa l-oħra, u minkejja diversi sejħiet politiċi biex jagħmlu dan, xi Stati Membri għadhom ma attivawx il-mekkaniżmi ta’ intervent disponibbli fuq il-fruntieri, filwaqt li l-Frontex ma tistax tintervjeni.

Riżerva ta’ Gwardji Ewropej tal-Fruntiera

L-Aġenzija għalhekk teħtieġ li jkollha għad-dispożizzjoni immedjata u diretta tagħha numru suffiċjenti ta’ esperti mħarrġa sew bi profili adegwati kif ukoll tagħmir tekniku rilevanti. Attwalment, kontribuzzjonijiet ta’ assi u esperti lil Frontex huma, fil-prinċipju, mogħtija fuq bażi volontarja. Dan il-metodu ta’ ħidma, flimkien mal-kriżi migratorja kurrenti, reċentement wasslu għal nuqqasijiet li waqqfu lil Frontex milli twettaq il-kompiti operazzjonali tagħha b’kapaċità massima. Dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu rrimedjati.

Li tiġi żgurata l-kapaċità tal-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, se tinħoloq pula ta' riżerva rapida ta’ esperti bħala korp permanenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija. Bħala l-korp assenjat għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri Ewropej, l-Aġenzija se tkun tista’ tuża lil dan il-grupp f'perjodu ta' żmien limitat ħafna f’ċirkostanzi li jeħtieġu reazzjoni immedjata. L-Istati Membri se jkollhom jagħmlu disponibbli mill-inqas 1 500 gwardja tal-fruntiera li għandhom jiġu użati mill-aġenzija ta’ intervent rapidu fil-fruntiera fi ftit jiem. Bl-istess mod, l-Aġenzija se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha pula ta’ tagħmir tekniku fejn l-Istati Membri se jkunu obbligati li jagħmlu disponibbli b'avviż immedjat tagħmir operazzjonali miksub b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 90 % skont l-allokazzjonijiet addizzjonali ta’ azzjonijiet speċifiċi 10 tal-Fond għas-Sigurtà Interna. Dan se jiżgura li tintemm is-sitwazzjoni attwali fejn l-Istati Membri l-aktar esposti qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ tagħmir imma Frontex ma tistax tipprovdih peress li tiddependi fuq l-Istati Membri biex jagħmlu dawn ir-riżorsi disponibbli.

Id-dritt li jintervjenu

F’sitwazzjonijiet urġenti, l-Aġenzija trid tkun kapaċi tintervjeni biex tiżgura li tittieħed azzjoni fuq l-art anki jekk ma jkunx hemm talba għal assistenza mingħand l-Istat Membru kkonċernat jew fejn dak l-Istat Membru jikkunsidra li m’hemm l-ebda ħtieġa għal intervent addizzjonali.

Minn naħa, tali azzjoni tista’ tkun neċessarja minħabba żieda sproporzjonata f’dik is-sezzjoni tal-fruntiera esterna fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Gwardja tal-Fruntiera (u l-gwardjani tal-kosta sakemm dawn ikollhom kompiti ta’ kontroll fuq il-fruntiera) ma jistgħux ilaħħqu mal-kriżi li żviluppat. Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti b’mod partikolari f'sezzjoni tal-fruntiera esterna tista’ tkun minħabba nuqqas fis-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ Stat Membru li l-Aġenzija kienet identifikat bħala riżultat ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u rrakkomandat miżuri korrettivi li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jimplimenta fl-iskadenzi stabbiliti.

Meta jiġu identifikati nuqqasijiet u sabiex tittieħed azzjoni korrettiva f'waqtha u sabiex ikun evitat li tintlaħaq sitwazzjoni ta’ kriżi, l-Aġenzija għandha fl-ewwel istanza tingħata s-setgħa li tirrakkomanda li l-Istati Membri jniedu operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi fuq il-fruntieri.

Fejn in-nuqqasijiet jippersistu u l-azzjoni nazzjonali ma tkunx disponibbli, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tiddetermina li s-sitwazzjoni f’taqsima partikolari teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni u tafda lill-Aġenzija bil-kompitu li twettaq il-miżuri operazzjonali xierqa. Dan se jippermetti lill-Aġenzija li tintervjeni immedjatament f’sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet billi tiskjera Timijiet ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-fruntieri esterni.

L-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot u ħidma ma’ pajjiżi terzi

L-iżvilupp tal-approċċ hotspot, inizjalment introdott permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, se jkun il-kompitu ewlieni tal-Aġenzija, li se tkun kapaċi tibgħat Timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-qafas tat-timijiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni f’hotspots.

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija fir-rigward tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn hija tista’ tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġirien tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, anki billi tibgħat uffiċjali ta’ kollegament lil pajjiżi terzi, jew bit-tnedija ta’ operazzjonijiet konġunti fit-territorju tal-Unjoni jew fit-territorju ta’ pajjiżi terzi. Dan se jirrimedja b'mod notevoli s-sitwazzjoni attwalment iffaċċata fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fejn, minkejja l-ftehim tal-pajjiżi terzi inkwistjoni, il-Frontex ma tistax tipprovdi assistenza operazzjonali minħabba li ma kellhiex il-mandat biex tibgħat timijiet ta’ gwardji tal-fruntiera f'pajjiżi bħas-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

3.Il-funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta

Il-gwardji tal-kosta għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-iżgurar tal-fruntieri marittimi u salvataġġ fuq il-baħar. Il-kriżi attwali uriet il-ħtieġa għal reazzjoni aktar ikkoordinata minn aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta. Koordinazzjoni aħjar tista' kemm twassal għal riżultati f’termini tal-indirizzar tal-kriżijiet fuq il-baħar u wkoll tgħin lil dawk l-awtoritajiet biex jaħdmu b’mod effiċjenti. Din għandha tinkludi koordinazzjoni aħjar u l-ippular flimkien tal-funzjonijiet rilevanti tal-gwardja tal-kosta fil-livell tal-UE.

Bħalissa hemm aktar minn 300 awtorità ċivili u militari fl-Istati Membri responsabbli għat-twettiq ta’ funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħalma huma s-sikurezza, is-sigurtà marittima, it-tiftix u s-salvataġġ, il-kontroll fuq il-fruntieri, il-kontroll tas-sajd, il-kontroll doganali, l-infurzar ġenerali tal-liġi u l-protezzjoni ambjentali. L-aġenziji rilevanti tal-UE jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċizzju ta’ ħafna minn dawn il-funzjonijiet. Approċċ funzjonali huwa meħtieġ sabiex il-gwardji tal-kosta nazzjonali jkunu parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sal-punt li jwettqu xogħlijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tiġbor flimkien il-korpi eżistenti u l-aġenziji li jwettqu l-kompiti tal-gwardja tal-kosta aktar mill-qrib. Fil-livell tal-UE, dan se jinkiseb billi jiġu allinjati l-mandati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Aġenzija u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ operazzjonijiet ta’ sorveljanza ppjanati b’mod konġunt u kondiviżjoni ssimplifikata tal-informazzjoni u l-bini tal-kapaċità kif ukoll il-provvediment ta’ servizzi ta’ sorveljanza u komunikazzjoni bbażati fuq teknoloġija avvanzata bħal Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (drones).

Dan se jkun ifisser li l-Aġenzija, pereżempju, se tkun tista' taċċessa informazzjoni ġdida fuq bastimenti li jintużaw għal immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera li ġew identifikati waqt l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima, u li l-missjoni primarja tagħhom mhiex il-kontroll tal-fruntieri, iżda l-kontroll tas-sajd jew id-detezzjoni ta’ tixrid ta’ żejt. Din il-kooperazzjoni transsettorjali prammatika biex jippulaw flimkien ir-riżorsi u l-informazzjoni se tippermetti ġestjoni tal-fruntieri li tieħu minn kapaċitajiet li mhumiex strettament relatati mal-kontroll fuq il-fruntiera.

4.Rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija fil-Qasam tar-Ritorn

It-titjib tal-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn ġie rikonoxxut bħala objettiv ewlieni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Rwol imsaħħaħ tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-qasam tar-ritorn se jtejjeb il-kapaċità tal-UE li jkunu rritornati b’suċċess ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment. Kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn 11 , l-Aġenzija għandha tkun tista’ tibda operazzjonijiet ta’ ritorn u tassisti lill-Istati Membri fl-akkwiżizzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġjar.

L-Aġenzija se tikkoordina l-kompiti kollha relatati mar-ritorn u se tipprovdi lill-Istati Membri kollha bit-tisħiħ operazzjonali u tekniku meħtieġ għar-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. Għal dan l-għan, se jinħoloq Uffiċċju għar-Ritorn fl-istruttura tal-Aġenzija, biex jikkopera mal-Istati Membri fit-twettiq tal-proċeduri ta' identifikazzjoni u ta’ ritorn, inkluż permezz ta’ finanzjament u kofinanzjament, il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn kif ukoll fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi fil-qasam tar-ritorn.

L-Aġenzija se jkollha wkoll rwol prinċipali fl-interventi ta’ ritorn. Timijiet ta’ Intervent Ewropew għar-Ritorn, magħmula minn skorti, moniters u speċjalisti tar-ritorn, se jkunu jistgħu jintbagħtu fi Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistema tar-ritorn tagħhom. F'sitwazzjonijiet urġenti Timijiet ta’ Intervent Rapidu ta' Intervent għar-Ritorn jistgħu jintużaw fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva proprja tal-Aġenzija.

5.Drittijiet fundamentali u Mekkaniżmu ta’ Lmenti għall-Aġenzija

Minħabba r-rwol aktar b’saħħtu u aktar kompiti operazzjonali tal-Aġenzija, huwa importanti li jkun hemm mekkaniżmu ta’ lmenti adegwat f’każ li persuna tqis ruħha li kienet suġġetta għal ksur tad-drittijiet fundamentali matul l-impenn operazzjonali mill-Aġenzija. Kemm il-Parlament Ewropew u wkoll l-Ombudsman Ewropew enfasizzaw l-importanza ta’ mekkaniżmu bħal dan.

Taħt il-mekkaniżmu, Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali fl-Aġenzija se jirċievi lmenti b’mod strutturat u jirreferihom lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar l-eżitu u s-segwitu għall-ilment. Dan il-proċess amministrattiv se jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju. Barra minn hekk, f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jew ta’ obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li huma ta’ natura serja jew li jista’ jkun li jerġgħu jseħħu, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jkun jista’ jiddeċiedi mhux biss dwar is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali mmexxija mill-Aġenzija, iżda wkoll dwar l-irtirar ta’ appoġġ finanzjarju għall-operazzjoni inkwistjoni.

IV.Implimentazzjoni Uniformi tar-regoli ta’ Schengen

L-implimentazzjoni uniformi tar-regoli kollha fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri teħtieġ li tkun immonitorjata b’mod regolari. Bl-istabbiliment tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-applikazzjoni koerenti tar-regoli ta’ Schengen kif ukoll il-prestazzjoni armonizzata ta’ kompiti ta’ ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri ssir saħansitra aktar importanti.

Il-liġijiet li jirregolaw iż-żona ta’ Schengen jikkostitwixxu sett ta’ regoli dinamiċi li żviluppaw maż-żmien u huma inkorporati f’atti legali kif ukoll f’għadd ta’ dokumenti ta’ “liġi mhux vinkolanti” bħal manwali, linji gwida, katalgi, l-aħjar prattiki. L-applikazzjoni sħiħa u korretta tagħhom mill-Istati Membri hija vverifikata regolarment permezz tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen li jservi ta’ għodda ta’ kontroll tal-kwalità. Evalwazzjonijiet ta’ Schengen jitwettqu abbażi ta’ programmi multiannwali u annwali adottati mill-Kummissjoni. Wara missjonijiet ta’ valutazzjoni, it-timijiet inkarigati minn dawn l-evalwazzjonijiet 12 (“it-Timijiet ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen”) ressqu rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-possibbiltà ta’ nuqqasijiet identifikati fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntiera nazzjonali tagħhom.

F’dan il-kuntest, ir-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ Schengen spiss indikaw il-fatt li parti konsiderevoli tar-regoli ta’ Schengen huma inklużi f’dokumenti mhux vinkolanti bħala dgħufija fil-proċess ta’ implimentazzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ “liġi mhux vinkolanti”, u regoli li jorbtu legalment mhux dejjem uriet li hija effiċjenti speċjalment minħabba l-fatt li “liġi mhux vinkolanti” ta’ spiss tista' tkun tista' tiġi interpretata u implimentata b’mod differenti.

Sabiex jiġu evitati diskrepanzi possibbli u biex jiggarantixxu li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta twettaq il-kompiti tagħha b’mod konsistenti, huwa importanti li jiġi żgurat li r-regoli huma applikati bl-istess mod madwar l-UE. Biex tinkiseb implimentazzjoni aktar armonizzata u uniformi tar-regoli eżistenti u jkun ikkonsolidat aħjar l-acquis ta’ Schengen bħala “ġabra unika tar-regoli” ta’ miżuri għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-Kummissjoni se taħdem lejn is-sostituzzjoni ta’dispożizzjonijiet ta' “liġi mux vinkolanti” b’miżuri legalment vinkolanti.

V.    Modifika mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Il-kontroll fuq il-fruntieri esterni jibqa’ wieħed mill-akbar salvagwardji taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Wieħed mill-għanijiet ta’ dawn il-kontrolli huwa li jimpedixxi kwalunkwe theddida għas-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri. Kif urew l-attakki terroristiċi reċenti, it-theddida tista' tiġi wkoll minn persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni. Il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jeħtieġ li jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati tali persuni u minimizzati r-riskji għas-sigurtà interna taż-żona Schengen. Dan huwa kkonfermat ukoll fil-konklużjonijiet tat-tmien rapport biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen.

Sabiex tiġi indirizzata din il-ħtieġa, il-Kummissjoni qed tipproponi modifika mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 13 fir-rigward ta' verifiki taċ-ċittadini tal-UE ma' bażijiet tad-dejta bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-Bażi tad-Dejta tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa u kif ukoll sistemi nazzjonali rilevanti. Kif mitlub mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tad-9 u l-20 ta’ Novembru 2015, din l-inizjattiva se tipprovdi għal “kontrolli sistematiċi ta’ ċittadini tal-UE, inkluża l-verifika ta’ informazzjoni bijometrika, abbażi ta’ bażijiet tad-dejta rilevanti fuq il-fruntieri esterni taż-żona Schengen, bl-użu sħiħ ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex ma tkunx imfixkla l-fluwidità tal-moviment” 14 .

L-emendi proposti se jagħmlu verifiki sistematiċi ta’ ċittadini tal-UE ma’ bażijiet tad-dejta fuq il-fruntieri esterni kollha (bl-ajru, bil-baħar u bl-art) — li llum huma possibbli abbażi ta’ valutazzjoni ta’ riskju — obbligatorji. Il-verifiki sistematiċi se jivverifikaw l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna u l-validità u l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, huma se jivverifikaw li l-persuni li jidħlu fiż-żona Schengen ma jirrappreżentawx theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna. Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll element ta’ flessibbiltà - meta fil-fruntieri tal-art u tal-baħar il-verifiki sistematiċi ta’ ċittadini tal-UE jista’ jkollhom effett sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku, l-Istati Membri jistgħu jwettquhom fuq bażi mmirata bbażata fuq valutazzjoni tar-riskju.

VI.    Dokument tal-Ivjaġġar Ewropew għar-Ritorn

Li jiġi żgurat ir-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment fl-Ewropa huwa element essenzjali ta’ politika sostenibbli u kredibbli tal-UE dwar il-migrazzjoni.

Is-sistema kurrenti tal-UE biex ikunu rritornati migranti irregolari mhix effettiva biżżejjed u n-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar validi maħruġa mill-pajjiżi ta’ destinazzjoni tal-persuni rimpatrijati huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għar-ritorn b'suċċess u għar-riammissjoni. Fil-preżent, l-Istati Membri jistgħu joħorġu dokument Ewropew ta’ sostituzzjoni 15 għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar validu. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi ta’ sigurtà u standards inadegwati, fost raġunijiet oħra, ir-rikonoxximent tiegħu minn pajjiżi terzi mhux sodisfaċenti. Hemm ħtieġa ċara li jitjieb ir-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-UE minn pajjiżi terzi bil-għan li jkun żgurat ritorn b’suċċess filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq awtoritajiet konsulari kompetenti ta’ pajjiżi terzi.

Wara t-tħabbir li sar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Fond Ewropew ġdid ta’ dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ibbażat fuq format uniformi u bl-użu ta’ karatteristiċi tekniċi u ta’ sigurtà mtejba li jista’ jiżgura aċċettazzjoni usa’ minn pajjiżi terzi. Ir-rikonoxximent ta’ dan id-dokument tal-ivvjaġġar għandu jiġi promoss fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni jew arranġamenti oħra ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni relatata mar-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti bi ftehimiet formali.

Ir-Regolament propost dwar dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn jiddefinixxi l-format u l-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dan id-dokument, filwaqt li l-istandards u l-proċeduri komuni biex isir ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment huma rregolati mid-Direttiva ta' Ritorn 16 u għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement.

VII.    Eurosur

EUROSUR huwa qafas komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar. Peress li ilu operazzjonali sa mill-aħħar tal-2013, huwa tejjeb b’mod konsiderevoli l-għarfien tas-sitwazzjoni fuq il-fruntieri esterni u fiż-żona prefruntiera u kkontribwixxa biex ikunu salvati migranti f’bosta okkażjonijiet. Dan huwa primarjament dovut għall-isforzi ta’ Frontex, kif deskritti fir-rapport ippreżentat dan ix-xahar mill-Frontex lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ komponenti EUROSUR li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Il-Kummissjoni llum adottat Manwal tal-EUROSUR, li jipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-EUROSUR 17 .

B’eluf ta’ persuni li jaslu kuljum f’ċerti taqsimiet tal-fruntieri esterni, huwa ċar li l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu kapaċi jirreaġixxu malajr u b’mod koerenti. Filwaqt li l-proposta leġislattiva għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta toħloq Aġenzija aktar b’saħħitha, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għas-sorveljanza fuq il-fruntieri, stabbiliti skont ir-Regolament EUROSUR, għandhom rwol kruċjali u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar minnhom fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tagħhom.

Il-Manwal ta’ EUROSUR jiddeskrivi fid-dettall il-kompiti ta’ dawn iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, inkluż il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra u kif jiġu ġestiti r-riżorsi u l-persunal u sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza fuq il-fruntieri. Il-Manwal jiddefinixxi kif iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-Frontex jiskambjaw informazzjoni dwar inċidenti, pattulji u intelligence u jikkoordinaw ir-reazzjoni tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-fruntiera. Fl-aħħar nett, il-manwal jipprovdi linji gwida tekniċi għall-ġestjoni tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR u ta’ informazzjoni klassifikata.

VIII.    Konklużjoni

Il-miżuri adottati llum jikkostitwixxu pass importanti 'l quddiem lejn ġestjoni integrata tal-fruntieri Ewropej effettiva.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħtu l-ogħla prijorità lil dawn il-proposti, u b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozz ta’ Regolament dwar Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, sabiex il-fiduċja taċ-ċittadini fuq il-fruntieri esterni tal-Ewropa tista’ tiġi rrestawrata malajr u l-integrità taż-żona ta’ Schengen għall-moviment liberu mingħajr fruntieri interni tista’ tkun garantita.

(1)  Iċ-ċifra eżatta ta’ qsim illegali tal-fruntieri għall-perjodu bejn Jannar u Ottubru hija ta' 1 284 549. Id-dejta hija disponibbli min-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskju tal-FRONTEX (FRAN) u tkopri ż-żona Schengen kif ukoll il-pajjiżi kandidati ta ‘Schengen. Hija tinkludi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu nstabu fil-fruntieri esterni (ħlief il-fruntieri esterni temporanji) huma u deħlin jew ippruvaw jidħlu b'mod illegali bejn il-punti ta' qsim tal-fruntiera (BCPs - Border Crossing Points). Għal Novembru, id-dejta toriġina mill-Applikazzjoni ta’ Rappurtar dwar l-Operazzjonijiet Konġunti (JORA - Joint operations Reporting Application) u mill-Ministeru tal-Intern Kroat ( http://www.mup.hr/219696.aspx ); l-estimi ġew użati għal rotot fejn ma kien hemm l-ebda dejta disponibbli.
(2)  Għall-perjodu 2009-2014, in-numru totali ta’ detezzjonijiet ta’ qsim illegali tal-fruntieri kien ta’ 813 044.
(3)  COM(2015) 240 finali.
(4)  COM(2015) 610 finali.
(5)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Settembru, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni.
(6)  Fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tat-23 ta’ Settembru, il-mexxejja saħqu dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ottubru sejħu b’mod espliċitu għall-istabbiliment ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni.
(7)  Dawn segwew evalwazzjoni esterna ta’ Frontex mwettqa skont il-bażi ġuridika attwali tagħha u ffinalizzata f’Ġunju 2015.
(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen, ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27.
(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u li jirregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna.
(10)  Skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143), azzjonijiet speċifiċi huma maħsuba bħala “iffinanzjar aġġuntiv”, jiġifieri ammonti addizzjonali miżjuda mal-allokazzjonijiet bażiċi nazzjonali tal-Istati Membri ta’ 7 snin fuq bażi kompetittiva skont ir-rieda tagħhom li, fil-programmi nazzjonali tagħhom, jimplimentaw azzjonijiet li jikkorrispondu ma' prijoritajiet speċifiċi tal-UE.
(11)  COM(2015) 453 finali.
(12)  Dawn it-timijiet kienu stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li twaqqaf Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen, u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu.
(13)  L-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.
(14)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, l-20 ta’ Novembru 2015.
(15)  ĠU C 274, 19.9.1996, p. 18.
(16)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11.
Top