IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2015
COM(2015) 510 final
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta’ Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
I. Introduzzjoni
Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, aktar minn 710 000 persuna – refuġjati, persuni spustati u migranti oħrajn – għamlu triqithom lejn l-Ewropa, u din it-tendenza mistennija tkompli. Din hija prova għall-Unjoni Ewropea. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni f’Mejju 2015 uriet il-ħtieġa ta' approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Minn dak iż-żmien, ġew introdotti għadd ta’ miżuri importanti – inkluża l-adozzjoni ta’ żewġ skemi ta’ emerġenza biex jiġu rilokati 160 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Istati Membri l-aktar milquta għal Stati Membri oħrajn tal-UE. Madankollu, il-kriżi tar-refuġjati attwali teħtieġ azzjoni ulterjuri u immedjata.
Għal din ir-raġuni, fit-23 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ddettaljat sett ta’ azzjonijiet ta’ prijorità biex timplimenta l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni li għandhom jittieħdu fi żmien is-sitt xhur li ġejjin. Dan inkluda kemm azzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni attwali kif ukoll miżuri fuq perjodu ta' żmien itwal biex tiġi stabbilita sistema robusta li tkun reżistenti tul iż-żmien.
Il-lista ta' azzjonijiet ta' prijorità tistabilixxi l-miżuri ewlenin li huma meħtieġa immedjatament f'termini ta': (i) miżuri operazzjonali; (ii) appoġġ baġitarju u (iii) implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.
Il-lista ġiet approvata mil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tat-23 ta’ Settembru 2015.
Tliet ġimgħat wara, din il-Komunikazzjoni stabbiliet il-progress li għadu għaddej għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prijorità (ara l-Anness 1). Din il-ġimgħa, il-Kunsill Ewropew ta l-opportunità lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern li jimpenjaw ruħhom b'mod ċar u mhux ambigwu biex jibdew fażi ġdida fir-reazzjoni tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: waħda ta' implimentazzjoni rapida u determinata.
II. Miżuri Operazzjonali
Il-ġestjoni effettiva tal-pressjoni tal-flussi migratorji fuq xi partijiet tal-fruntiera komuni esterna ta’ Schengen teħtieġ kemm ir-responsabbiltà kif ukoll is-solidarjetà min-naħa tal-Istati Membri kollha. L-implimentazzjoni rapida ta’ approċċ “hotspot” qed tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri l-aktar milquta biex jiżguraw akkoljenza xierqa, l-identifikazzjoni u l-ipproċessar ta' dawk li jaslu. B’mod parallel, hemm il-miżuri proposti mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill biex jirrilokaw 160 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan se jippermetti tnaqqis sinifikanti, anki jekk parzjali, ta’ pressjoni fuq l-Istati Membri l-aktar affettwati. Huwa ta’ importanza kruċjali li dawn il-miżuri paralleli issa jiġu implimentati kollha, bit-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti kollha, l-għażla u r-rilokazzjoni f'waqthom tal-applikanti għall-asil u l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza adegwati, akkumpanjati minn passi biex jiġu evitati movimenti sekondarji u r-ritorn immedjat lejn il-pajjiż ta’ rilokazzjoni ta’ persuni rilokati li jinstabu fi Stat Membru ieħor. Il-komponent essenzjali l-ieħor huwa azzjoni biex jiġi żgurat ir-ritorn malajr, volontarju jew furzat, ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk ma jikkwalifikawx għal rilokazzjoni. L-azzjonijiet ta’ prijorità stabbiliti mill-Kummissjoni jiffukaw ħafna fuq il-funzjonament operazzjonali ta’ dawn il-miżuri.
II.1
Implimentazzjoni tal-Approċċ "Hotspot"
Il-ġestjoni tajba u effettiva tal-migrazzjoni mal-fruntieri esterni li jkunu l-aktar taħt pressjoni hija kruċjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-sistema globali, u b’mod partikolari fiż-żona Schengen tal-moviment liberu mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Fil-qalba tal-istrateġija u l-kredibbiltà tal-UE hemm li jintwera li s-sistema tal-migrazzjoni tista' terġa' tibda tiffunzjona tajjeb, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni użati f’“hotspots” biex jgħinu lill-Istati Membri taħt l-aktar pressjoni intensa biex jissodisfaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom. Sabiex it-Timijiet ta’ Appoġġ jaħdmu, jeħtieġu nukleu b'saħħtu ta’ Aġenziji tal-UE, kooperazzjoni mill-eqreb mal-awtoritajiet fl-Italja u fil-Greċja, u l-appoġġ ta’ Stati Membri oħrajn.
Il-Kummissjoni bagħtet rappreżentanti speċjali kemm l-Italja kif ukoll il-Greċja biex jipprovdu koordinazzjoni u appoġġ prattiku. Fil-Greċja, tim dedikat qed jaħdem taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni tas-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali, li jirrapporta direttament lill-President. Dan it-tim qabel fuq approċċ gradwali biex jidentifika l-"hotspots", jiġu skjerati t-Timijiet ta’ Appoġġ, jibdew ir-rilokazzjonijiet, jissoktaw ir-ritorni, u tissaħħaħ il-fruntiera. L-istess mudell ta’ appoġġ u koordinazzjoni diretti f’ħin reali huma fis-seħħ fl-Italja. Dan l-appoġġ intensiv u kontinwu mill-Kummissjoni għamel differenza reali biex jgħin liż-żewġ Stati Membri biex jgħaddu għall-fażi ta' implimentazzjoni tar-rilokazzjoni (ara l-Anness 2 u l-Anness 3).
Kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja, it-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni qed jiġu stabbiliti u kkoordinati mit-Task Forces Reġjonali Ewropej, wara ż-żieda fl-iskjerament tal-Aġenziji stabbiliti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Il-Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Europol, u l-Eurojust kollha jipparteċipaw. B'riżultat ta’ dan, huma jistgħu jirreaġixxu immedjatament għall-ħtiġijiet identifikati fil-pjanijiet direzzjonali ppreżentati mill-Italja u mill-Greċja.
Madankollu, il-ħidma tagħhom tiddependi ħafna fuq l-appoġġ tal-Istati Membri. Kemm il-Frontex kif ukoll l-EASO għamlu sejħiet għal kontribuzzjonijiet li jitolbu għal riżorsi umani u tagħmir tekniku mill-Istati Membri. Fiż-żewġ każijiet, dawn is-sejħiet jikkostitwixxu għadd bla preċedent meta mqabbla mat-talbiet li saru mill-Aġenziji fil-passat, li jirriflettu n-natura eċċezzjonali tal-isfidi li bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri l-aktar milquta: huwa essenzjali li l-Istati Membri l-oħra jwieġbu b’mod pożittiv, konkret u malajr għal dawn is-sejħiet.
L-aħħar sejħa mill-Frontex talbet għal 775 persuna biex jaħdmu bħala gwardji tal-fruntieri, gwardji ta' skrinjar, uffiċjali li jwettqu stħarriġ, u interpreti – kollha huma kompiti indispensabbli għall-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Is-sejħa nqasmet f'670 uffiċjal – prinċipalment għal appoġġ dirett għall-approċċ “hotspot” fl-Italja u fil-Greċja, li jkopri l-bżonnijiet stmati sal-aħħar ta’ Jannar 2016 – u 105 uffiċjali ssekondati li jkunu skjerati f’diversi fruntieri esterni fuq l-art tal-Unjoni Ewropea.
L-aħħar sejħa tal-EASO għal aktar minn 370 espert hija maħsuba biex tkopri l-ħtiġijiet fl-Italja u fil-Greċja sat-tielet kwart tal-2017. Dawn l-esperti se jappoġġjaw lill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-asil taż-żewġ Stati Membri fil-proċess ta’ reġistrazzjoni u fil-kompiti ta' informazzjoni relatati mar-rilokazzjoni u mal-iskoperta ta’ dokumenti possibbilment foloz.
Il-ħtieġa għal persunal u tagħmir ġiet rikonoxxuta b’mod espliċitu fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta' Gvern f’Settembru – bi skadenza f’Novembru biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet.
Madankollu, s’issa, l-impenji tal-Istati Membri bl-ebda mod ma jissodifaw il-ħtiġijiet reali. Mit-8 ta’ Ottubru, sitt Stati Membri biss wieġbu għas-sejħa għall-kontribuzzjonijiet għall-EASO b’81 espert minn 374 meħtieġa. S’issa sitt Stati Membri rrispondew għas-sejħa mill-Frontex bi 48 uffiċjal tal-fruntiera. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu minnufih biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni tal-Aġenziji.
L-Italja identifikat lil Augusta, Lampedusa, Porte Empedocle, Pozzallo, Taranto u Trapani bħala żoni "hotspot" (ara l-Anness 5). L-ewwel Tim ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni qed jiffunzjona f’Lampedusa. Dan jibni fuq Task Force Reġjonali Ewropea stabbilita f’Ġunju 2015, f’Katanja, Sqallija. It-Tim ta’ Appoġġ bħalissa jikkonsisti f'żewġ gruppi ta’ debriefing mill-Frontex, flimkien ma’ esperti tal-EASO kemm fil-“hotspot” kif ukoll f’ċentru fil-qrib użati għar-rilokazzjoni. Il-Frontex diġà skjerat 42 uffiċjal sekondat, filwaqt l-EASO skjera 6 esperti.
Sabiex l-approċċ “hotspot” ikun effettiv, jeħtieġ żieda fil-kapaċitajiet tal-akkoljenza sabiex ikun hemm fejn il-persuni li jfittxu asil jiġu ospitati qabel ma jiġu rilokati. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll kapaċità xierqa biex jinżammu l-migranti rregolari qabel ma tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ ritorn. L-Italja espandiet il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħha u issa għandha ċentri tal-ewwel akkoljenza fl-erba’ żoni “hotspot” identifikati, li huma kapaċi jilqgħu madwar 1 500 persuna. Il-kapaċità se tiżdied biex tipprevedi żieda ta’ 1 000 post ulterjuri sal-aħħar tas-sena, li b'kollox ittella' l-kapaċità tal-ewwel akkoljenza għal 2 500.
Il-Greċja identifikat ħames żoni “hotspot”, f’Lesvos, Chios, Leros, Samos u Kos (ara l-Anness 4). It-Task Force Reġjonali Ewropea hija kompletament operazzjonali u bbażata f’Piraeus. L-ewwel Tim ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni se jkun ibbażat madwar il-“hotspot” f’Lesvos. Il-Frontex diġà skjera 53 espert: bħalissa membru tal-persunal tal-EASO huwa stazzjonat b’mod permanenti fil-Greċja biex jgħin fl-organizzazzjoni tal-iskjerament tal-esperti tal-EASO.
Il-Greċja espandiet il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħha u issa għandha seba’ ċentri tal-ewwel akkoljenza, ċentri ta’ skrinjar u faċilitajiet temporanji f’erba’ żoni hotspot identifikati (Lesvos, Chios, Samos u Leros) li jistgħu jospitaw madwar 2 000 persuna. Il-kapaċità qed tiġi estiża aktar.
Parti mill-ħtiġijiet ta' akkoljenza f’żoni “hotspot” hija marbuta mal-identifikazzjoni u mar-reġistrazzjoni ta’ migranti irregolari li ma għandhomx bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, u għaldaqstant ma jikkwalifikawx għal rilokazzjoni. Dan jeħtieġ li jkun hemm kapaċità suffiċjenti b'faċilitajiet li jżommu lill-migranti irregolari milli jaħarbu.
II.2
Implimentazzjoni tal-Iskema ta' Rilokazzjoni
Fl-14 ta’ Settembru, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni li jiġu rilokati 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja. Dan kien segwit ġimgħa wara bid-Deċiżjoni, għal darb’oħra bbażata fuq proposta tal-Kummissjoni, li jiġu rilokati 120 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Italja, mill-Greċja u minn Stati Membri oħrajn direttament milquta mill-kriżi tar-rifuġjati. It-Timijiet ta’ Appoġġ tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni huma l-għodod li jiżguraw li din ir-rilokazzjoni tista’ sseħħ fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.
Iż-żewġ deċiżjonijiet jeħtieġu segwitu immedjat mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri taħt pressjoni u mill-Istati Membri li huma impenjati li jospitaw lill-persuni rilokati.
Fl-1 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea ġabret flimkien aktar minn 80 delegat mill-Istati Membri, mill-aġenziji tal-UE, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) f’Forum ta’ Rilokazzjoni u ta’ Risistemazzjoni biex tmexxi ‘l quddiem l-implimentazzjoni prattika. L-Italja u l-Greċja ppreżentaw pjanijiet direzzjonali għar-rilokazzjoni waqt il-Forum – li jiddeskrivu l-miżuri fil-qasam tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, kif ukoll il-passi li għandhom jieħdu fil-ġimgħat li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-iskema ta’ rilokazzjoni.
Diġà seħħew l-ewwel rilokazzjonijiet ta’ persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni, iżda għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li l-fluss sostanzjali ta’ diversi mijiet ta’ rilokazzjonijiet fix-xahar isegwi malajr. L-Istati Membri kollha ntalbu jidentifikaw punti ta’ kuntatt nazzjonali f’pajjiżhom: s’issa, 21 Stat Membru identifikaw punti ta’ kuntatt nazzjonali. Intalbu jibagħtu wkoll uffiċjali ta’ kollegament, jekk rilevanti, fl-Italja u l-Greċja. S’issa, 22 Stat Membru bagħtu lil dawn l-uffiċjali.
Parti essenzjali mill-katina ta’ rilokazzjoni hija li tkun teżisti kapaċità ta’ akkoljenza xierqa fl-Istati Membri riċeventi biex jakkomodaw lill-persuni rilokati. S'issa, sitt Stati Membri biss innotifikaw din il-kapaċità ta’ akkoljenza li għamlu disponibbli biex jospitaw lill-persuni rilokati. L-Istati Membri kollha għandhom jikkompletaw din in-notifika sal-aħħar ta’ Ottubru.
|
L-ewwel rilokazzjoni effettiva ta’ persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali
Fid-9 ta’ Ottubru 2015, telqet l-ewwel t-titjira minn Ruma li ħadet 19-il Eritrean biex jibdew ħajja ġdida fl-Iżvezja. Ħames nisa u 14-il raġel telqu mill-ajruport ta' Ciampino fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni Dimitris Avramopoulos, il-Ministru Lussemburgiż għall-Affarijiet Barranin Jean Asselborn u l-Ministru tal-Intern Taljan Angelino Alfano. Kien mument simboliku importanti li mmarka l-bidu ta’ approċċ ġdid u Ewropew fil-mod kif nittrattaw l-applikazzjonijiet għall-asil. Madankollu, apparti s-simboliżmu, issa jeħtieġ li r-rilokazzjonijiet isiru sistematiċi u normali fl-Italja u fil-Greċja.
L-ewwel titjira kienet ir-riżultat ta’ ħidma preparatorja intensiva fuq il-post mill-awtoritajiet Taljani u Żvediżi, mill-Frontex u aġenziji oħrajn tal-UE, mill-NGOs lokali, u mill-mibgħuta speċjali li skjerat il-Kummissjoni Ewropea. L-isforzi bla waqfien żguraw li s-sistema tkun operazzjonali, u li r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar meħtieġa jkunu jistgħu jsiru f’kull stadju tal-proċess.
Il-komunikazzjoni mal-komunità Eritreana kienet kruċjali biex tiżgura s-suċċess tal-ewwel eżerċizzju. Inizjalment, il-persuni li jfittxu asil sabuha bi tqila li jiġu rreġistrati minħabba li ma kellhomx fiduċja fis-sistema. F'dawn l-aħħar ġimgħat sar sforz kbir mill-mibgħuta tal-Kummissjoni fuq il-post, li ħadmu mal-UNHCR u mal-NGOs lokali, biex jikkonvinċu lill-ewwel grupp ta’ nies li huma verament se jiġu rilokati.
Madankollu, il-fiduċja fis-sistema qed tikber, b’mod partikolari minn meta twettaq l-ewwel eżerċizzju. Issa hemm kjus ta’ nies li jixtiequ jirreġistraw f’Lampedusa u f'Villa Sikania. Hemm aktar minn 100 Eritrean li diġà ġew identifikati bħala kandidati għal rilokazzjoni.
Issa huwa kruċjali li l-eżerċizzji ta' rilokazzjoni ulterjuri jagħmlu l-istess, b’mod partikolari biex tiġi evitata “konġestjoni” ta’ kandidati għar-rilokazzjoni li jakkumulaw.
|
It-trasferiment b’suċċess tal-ewwel gruppi ta’ nies taħt l-eżerċizzji ta' rilokazzjoni huwa l-ewwel pass importanti. Issa jeħtieġ li dawn l-eżerċizzji jsiru fuq bażi kontinwa u soda, fuq skala suffiċjenti. Issa l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-impenji ċari tagħhom fir-rigward tal-għadd ta’ nies li se jirrilokaw minn issa sal-aħħar tas-sena, b’kunsiderazzjoni għall-urġenza ta’ din l-isfida.
II.3
Risistemazzjoni
Ir-risistemazzjoni ta’ nies fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali direttament minn pajjiżi terzi tissodisfa kemm l-obbligi umanitarji tal-UE kif ukoll tipprovdi alternattiva sikura lir-refuġjati meta mqabbla mal-vjaġġ perikoluż li ħadu huma stess lejn l-Ewropa. Waqt il-Forum ta' Rilokazzjoni u Risistemazzjoni fl-1 ta’ Ottubru, l-Istati Membri kkonfermaw l-impenji li għamlu f’Lulju biex jilqgħu aktar minn 20 000 rifuġjat fis-sentejn li ġejjin b’dan il-mod. Sessjoni ta' Ħidma dwar ir-Risistemazzjoni fit-2 ta’ Ottubru żviluppat soluzzjonijiet prattiċi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-risistemazzjoni. Issa seħħew l-ewwel risistemazzjonijiet
. Issa l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-għadd ta’ nies li se jiġu risistemati matul is-sitt xhur li ġejjin, u minn fejn.
II.4
Ritorn u Riammissjoni
Element ewlieni fil-mekkaniżimi relatati li jwaqqfu s-sistema tal-asil tal-UE huwa li jiġi żgurat li dawk li ma għandhomx dritt għal protezzjoni effettivament jintbagħtu lura. Attwalment, fil-prattika qegħdin jiġu implimentati ftit wisq deċiżjonijiet ta’ ritorn u n-netwerks ta’ dħul klandestin qed jisfruttaw dan il-fatt biex jattiraw lill-migranti li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Aktar kemm is-sistema ta’ ritorn issir effettiva, aktar jonqos iċ-ċans li t-traffikanti jkunu jistgħu jikkonvinċu lin-nies li huma jistgħu “jiżgiċċaw min-nassa” jekk jiġu identifikati bħala li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.
Waqt il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta' Ottubru 2015, l-Istati Membri approvaw il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn propost mill-Kummissjoni. L-enfasi issa hija fuq segwitu rapidu u effettiv.
Dan l-aħħar l-Italja wettqet żewġ operazzjonijiet ta’ ritorn – 28 Tuneżin intbagħtu lura mill-Italja lejn it-Tuneżija u 35 Eġizzjan intbagħtu lura lejn l-Eġittu. Operazzjoni konġunta ta’ ritorn, ikkoordinata mill-Frontex, hija prevista għal Ottubru mill-Italja u tnejn mill-Greċja. Jeħtieġ li tiżdied il-frekwenza ta’ dawn l-operazzjonijiet.
L-iżgurar ta' ritorni effettivi hija parti ewlenija tal-ħidma tat-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni f’postijiet “hotspot”.
Dan jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti sistemi effiċjenti fl-UE għall-ħruġ u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn. F'dan l-aħħar xahar ittieħdu passi konkreti biex tiġi żviluppata sistema ta’ ġestjoni integrata tar-ritorn, u biex isir użu minn sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-UE biex jiġu inklużi deċiżjonijiet ta’ ritorn u projbizzjonijiet ta’ dħul. L-aġenziji tar-ritorn tal-Istati Membri jridu jingħataw ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jaqdu r-rwol tagħhom.
Ir-ritorni jistgħu jiġu implimentati biss jekk ikun hemm ftehim mill-pajjiżi ta’ oriġini biex jerġgħu jittieħdu lura l-persuni kkonċernati. Ir-riammissjoni hija komponent indispensabbli ta' politika effettiva dwar il-migrazzjoni. Dawk li jintbagħtu lura jridu jiġu rimpatrijati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Dan jirrikjedi sħubija mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE, bl-użu tal-għodda kollha disponibbli għalina. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex isibu l-bilanċ delikat ta’ pressjoni u ta’ inċentivi fir-relazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi biex jiżdied l-għadd tar-ritorni. Biex jgħin f’dan il-proċess, intlaħaq qbil li l-Istati Membri jiskjeraw lill-Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropej fi ħdax-il pajjiż sal-aħħar tal-2015, iżda dan l-iskjerament għadu ma seħħx. Ir-Rappreżentanta Għolja/Viċi President varat l-ewwel djalogi ta’ livell għoli mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini tal-migrazzjoni irregolari, u dan se jkun segwit b’varjetà ta’ djalogi usa' mal-Etjopja, mas-Somalja, mal-Unjoni Afrikana u mal-pajjiżi tas-Saħel. Il-prijorità immedjata hija li jiġi żgurat li l-ftehimiet eżistenti ta’ riammissjoni jkunu applikati b’mod effettiv fil-prattika.
|
Sabiex taħdem ir-riammissjoni: kooperazzjoni prattika mal-Pakistan
L-UE għandha ftehim ta’ riammissjoni mal-Pakistan li ilu fis-seħħ mill-2012. Minħabba l-għadd kbir involut (ara l-Anness 9) – għal ħafna snin, il-Pakistan kien ir-raba’ l-akbar sors ta’ ċittadini mhux mill-UE li nstabu fl-UE b’mod irregolari – dan il-ftehim huwa ta’ importanza partikolari. Iżda huwa stmat li madwar 54 % taċ-ċittadini Pakistani li jirċievu deċiżjonijiet ta’ ritorn fl-UE biss jintbagħtu lura. L-effettività tal-implimentazzjoni tal-Ftehim tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Ġie identifikat imblukkar partikolari fil-Greċja, li rriżulta minn tilwim dwar id-dokumentazzjoni. Dan ix-xahar, diskussjonijiet iddedikati għar-riammissjoni bejn il-Kummissjoni, il-Greċja u l-awtoritajiet Pakistani għandhom l-għan li jerġgħu jibdew il-proċess tar-ritorni:
Saru diskussjonijiet f'Ateni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u l-Pakistan bejn il-Kummissjoni u l-uffiċjali Griegi u Pakistani;
Il-kuntatti bejn id-Delegazzjoni tal-UE f’Islamabad u l-Ministeru Pakistani għall-Affarijiet Barranin saru fl-istess jum;
Il-Kummissarju Avramopoulos se jmur Islamabad fid-29 ta’ Ottubru biex jiddiskuti pjan konġunt dwar il-migrazzjoni.
Ir-riżultat għandu jkun:
Fehim konġunt dwar l-applikazzjoni tal-ftehim tal-UE ta' riammissjoni bejn il-Greċja u l-Pakistan;
F'Novembru l-Frontex se twettaq operazzjoni konġunta ta’ ritorn għall-Pakistani mill-Greċja;
Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni operazzjonali għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni mal-Pakistan.
|
II.5
Mezzi Oħrajn biex jiġu Appoġġjati l-Istati Membri
Hemm diversi opportunitajiet oħrajn għall-Istati Membri biex jitolbu l-appoġġ tal-UE biex tipprovdi assistenza fil-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni iżda li għadhom ma ġewx sfruttati għal kollox.
L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-iskjerament ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABIT) biex jagħtu appoġġ immedjat lill-gwardji tal-fruntieri f’każijiet ta’ pressjoni migratorja urġenti jew eċċezzjonali. Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkostanzi li ħabbtet wiċċha magħhom il-Greċja matul l-aħħar ftit xhur kienu eżattament iċ-ċirkustanzi li għalihom tfasslu t-timijiet. S'issa la l-Greċja u lanqas l-Italja ma attivaw il-mekkaniżmu.
Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jista' jiġi attivat minn pajjiż jekk huwa jqis li ma jistax ilaħħaq ma' kriżi. Il-Mekkaniżmu jserraħ fuq kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri (inklużi l-kompetenzi, it-tagħmir, il-kenn u l-provvisti mediċi). Ix-xahar li għadda, l-Istati Membri ntalbu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-assi li jistgħu jinżammu lesti biex jintużaw biex jgħinu lir-refuġjati. Tmien Stati Membri biss innotifikaw li għandhom assi ta' protezzjoni ċivili – limitati – jew esperti li għadhom lesti li jużawhom din is-sena, jekk issir talba għalihom. Il-Kummissjoni ttenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jappoġġjaw il-mekkaniżmu b’kontribuzzjonijiet sostanzjali.
Fl-2015, il-Mekkaniżmu ġie attivat darbtejn biex jassisti lill-Ungerija, u darba biex jassisti lis-Serbja, biex iwieġbu għall-ħtiġijiet urġenti ikkawżati minn influss mingħajr preċedent ta’ rifuġjati u migranti.
Ta' min ifakkar ukoll li l-appoġġ tal-Istati Membri permezz tal-Operazzjonijiet Konġunti tal-Frontex TRITON u POSEIDON għadhom jipprovdu appoġġ ta' kuljum għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, filwaqt li jsalvaw eluf ta’ migranti u rifuġjati. Bħalissa, 17-il Stat Membru qed jipprovdu assi lil TRITON, 18-il Stat Membru lil POSEIDON. Madankollu, l-assi disponibbli għadhom ma jqarrbux lejn dak li hu meħtieġ.
|
Il-Progress li Sar
|
L-ewwel “hotspot” attiva f’Lampedusa (l-Italja).
L-ewwel “hotspot” f’Lesvos (il-Greċja) għandha tkun operazzjonali fil-jiem li ġejjin.
Bdew ir-rilokazzjonijiet lejn Stati Membri oħrajn.
It-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni huma operazzjonali.
Saru l-ewwel risistemazzjonijiet.
Frontex tappoġġja l-missjonijiet ta' ritorn
|
|
Il-Passi li Jmiss
|
B'kollox, sitt “hotspots” għandhom ikunu operazzjonali fl-Italja sal-aħħar tas-sena.
B'kollox, ħames “hotspots” għandhom ikunu operazzjonali fil-Greċja sal-aħħar tas-sena.
L-Istati Membri jissodisfaw sejħiet għal esperti u tagħmir li jappoġġjaw it-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni sabiex it-Timijiet ta’ Appoġġ ikunu jistgħu jiġu implimentati kompletament.
L-Istati Membri jinnotifikaw kemm se jipprovdu postijiet ta' rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni, u jispeċifikaw il-kapaċità ta’ akkoljenza tagħhom.
Ir-ritorni lejn il-Pakistan mill-Greċja jerġgħu jibdew.
L-Istati Membri jipprovdu riżorsi xierqa għal Operazzjonijiet Konġunti tal-Frontex TRITON u POSEIDON.
|
III. Appoġġ Baġitarju
Tliet ġimgħat ilu, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju immedjatament. Minn dakinhar, il-Kummissjoni pproponiet li temenda l-baġits biex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji ddedikati għall-ġlieda kontra l-kriżi tar-rifuġjati b'ammont addizzjonali ta’ EUR 1,7 biljun għall-2015 u għall-2016.
Dan jinkludi:
Assistenza ta’ emerġenza addizzjonali diġà fl-2015 taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Immigrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna-Fruntieri (EUR 100 miljun) (ara l-Anness 8);
It-tisħiħ tat-tliet Aġenziji ewlenin b'120 kariga (60 kariga għall-FRONTEX, 30 għall-EASO u 30 għall-EUROPOL);
Finanzjament addizzjonali għall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (EUR 300 miljun), u riallokazzjoni ta’ fondi oħrajn tal-UE sabiex il-Fond Fiduċjarju tal-UE għas-Sirja jkun jista’ jilħaq mill-inqas EUR 500 miljun din is-sena;
Żieda fil-finanzjament għall-Għajnuna Umanitarja ta’ EUR 500 miljun (EUR 200 miljun fl-2015 u EUR 300 miljun fl-2016) biex jiġu megħjuna r-refuġjati direttament, b’mod partikolari permezz tal-UNHCR, tal-Programm Dinji tal-Ikel u ta' organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn biex jiġu megħjuna r-refuġjati bil-ħtiġijiet essenzjali, bħall-ikel u l-kenn;
EUR 600 miljun f’impenji addizzjonali għall-2016 biex jiżdied il-finanzjament ta’ emerġenza rigward kwistjonijiet ta’ migrazzjoni (EUR 94 miljun), jiġi appoġġjat il-pakket ta' rilokazzjoni (EUR 110 miljun), jiżdiedu r-riżorsi umani u finanzjarji għall-FRONTEX, EASO u EUROPOL (madwar EUR 86 miljun f'assistenza għal ritorni u fiż-żoni “hotspot”, kif ukoll it-tisħiħ tal-aġenziji), u finanzjament addizzjonali biex jgħin lill-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi tar-rifuġjati (EUR 310 miljun).
B’kollox dan ifisser li l-finanzjament disponibbli biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-rifuġjati se jammonta għal EUR 9,2 biljun fl-2015 u fl-2016.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill aġixxew malajr sabiex jadottaw il-bidliet għall-baġit tal-2015. Il-Kummissjoni issa adottat emendi għall-baġit tal-2016 u stiednet lill-awtorità baġitarja biex tagħmel impenn simili biex tipproċessa b'mod rapidu l-baġit tal-2016.
Huwa kruċjali li l-infiq nazzjonali issa jiġi skjerat biex jissaħħaħ l-isforz globali Ewropew barra mit-tisħiħ sostanzjali tal-infiq relatat mal-migrazzjoni taħt il-baġit tal-UE. Dan kien rikonoxxut mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE fit-23 ta’ Settembru, li enfasizzaw il-ħtieġa li l-gvernijiet nazzjonali jikkontribwixxu u jikkumplimentaw il-finanzjament tal-UE fl-isforzi li jsiru biex:
Jiġu appoġġjati l-ħtiġijiet urġenti tar-rifuġjati permezz tal-UNHCR, tal-Programm Dinji tal-Ikel u ta' aġenziji oħrajn, biex jintlaħqu tal-anqas EUR 1 biljun. B'EUR 200 miljun f’appoġġ addizzjonali mill-baġit tal-UE din is-sena u EUR 300 miljun is-sena d-dieħla, dan jeħtieġ impenn ta’ EUR 500 miljun mill-baġits nazzjonali.
Mit-23 ta’ Settembru, għaxar Stati Membri impenjaw ruħhom għal kontribuzzjoni addizzjonali, b’total li jilħaq madwar EUR 275 miljun. Iżda fir-realtà, iktar minn 80 % ta’ dan kienu impenjati minn żewġ Stati Membri biss, ir-Renju Unit u l-Ġermanja. Dan iħalli defiċit ta’ aktar minn EUR 225 miljun.
Tiġi appoġġjata żieda sostanzjali fil-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi tas-Sirja. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jallokaw l-istess ammont ta' EUR 500 miljun allokat mill-baġit tal-UE.
Madankollu, minkejja l-fatt li s-Sirja hija fil-qalba tal-kriżi attwali u li dan il-Fond Fiduċjarju huwa għodda ta' twassil flessibbli u rapidu, ir-reazzjoni mill-Istati Membri s'issa kienet minima, b'żewġ Stati Membri biss, l-Italja li wiegħdet EUR 3 miljun u l-Ġermanja li wiegħdet EUR 5 miljun. Dan iħalli defiċit totali ta' kważi EUR 492 miljun.
Appoġġ għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà b'kontribuzzjonijiet nazzjonali u t-trattar tal-kawżi tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spustati fl-Afrika. Il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għandhom jilħqu l-finanzjament tal-UE ta' EUR 1,8 biljun. Għal darb’oħra, l-appoġġ impenjat s’issa kien negliġibbli, billi attwalment tliet Stati Membri biss, il-Lussemburgu, il-Ġermanja u Spanja, wiegħdu EUR 3 miljun kull wieħed. Sitt Stati Membri kkonfermaw b’mod informali l-kontribuzzjonijiet tagħhom iżda mingħajr ċifri ċari. Erbgħa oħrajn qalu li huwa “probabbli ħafna” li jikkontribwixxu u erbgħa għadhom qed jikkunsidrawha. Żewġ pajjiżi mhux tal-UE ssuġġerew b'mod informali li jistgħu jimpenjaw total ta’ madwar EUR 9 miljun. Dan iħalli defiċit kbir ta’ EUR 1 791 miljun.
Ir-riżorsi finanzjarji huma parti indispensabbli ta’ kif nistgħu kemm nindirizzaw s-sitwazzjoni immedjata tar-refuġjati kif ukoll nibdew nittrattaw il-kawżi bażi. Jeħtieġ li d-diskrepanza bejn il-ħtiġijiet identifikati mill-Kunsill Ewropew u r-realtà ta’ dak li s'issa impenjaw xi ftit Stati Membri jiġi indirizzat malajr (ara l-Anness 7).
|
Il-Progress li Sar
|
Adozzjoni tat-tisħiħ ta' EUR 800 miljun mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-appoġġ tar-refuġjati u tal-linji politiċi dwar il-migrazzjoni fl-2015, kif propost mill-Kummissjoni.
|
|
Il-Passi li Jmiss
|
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-bidliet fil-baġit tal-2016, kif propost mill-Kummissjoni.
Jeħtieġ li l-Istati Membri jiffinalizzaw l-impenn ta’ EUR 500 miljun b’appoġġ għal għajnuna umanitarja għar-refuġjati biex jintlaħaq il-EUR 1 biljun.
L-Istati Membri jallokaw l-istess ammont ta' finanzjament ta' EUR 500 miljun allokat mill-baġit tal-UE għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għas-Sirja u EUR 1,8 biljun f’finanzjament mill-UE għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.
|
F’dan il-kuntest, tqajmu mistoqsijiet dwar it-trattament taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tan-nefqa mġarrba biex tiġi mmaniġġjata l-kriżi tar-refuġjati. Il-Kummissjoni kkonfermat li, jekk hija tirċievi talba speċifika minn Stat Membru, hija teżamina jekk din it-talba tista tiġi akkomodata u kif skont ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jinkludi l-flessibbiltà li ġiet inkorporata fil-Patt bħala reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti u avvenimenti mhux tas-soltu.
Din il-valutazzjoni jeħtieġ li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ bħala parti mill-analiżi tad-dokumenti fiskali nazzjonali. Jeħtieġ li tkun ibbażata fuq evidenza tal-ispejjeż netti mġarrba, b’konformità mal-metodoloġija maqbula għall-applikazzjoni tal-Patt.
IV. Implimentazzjoni tal-Liġi tal-UE
Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil hija bbażata fuq l-għajnuna ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u r-ritorn tal-migranti li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorju tal-UE. Biex dan isir realtà, l-UE issa għandha sett b’saħħtu ta’ regoli komuni dwar l-asil u l-migrazzjoni irregolari. Iżda dawn ir-regoli jridu jiġu applikati b’mod xieraq.
Eżempju wieħed tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva huwa fil-qasam tar-ritorn, fejn il-Kummissjoni qed tgħin lill-Istati Membri jifhmu l-konsegwenzi tar-regoli. Il-Kummissjoni organizzat djalogi speċifiċi mal-Istati Membri biex tenfasizza l-passi li jeħtieġ li jittieħdu sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu li r-ritorn jiġi infurzat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà fiżika għar-ritorn ta’ migranti irregolari u jużaw id-detenzjoni bħala miżura leġittima iżda l-aħħar għażla, meta dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat li l-migranti irregolari jaħarbu. Sakemm ikun hemm probabbiltà raġonevoli ta’ tneħħija, il-prospetti għal tali tneħħija ma għandhomx jiddgħajfu minħabba t-tmiem prematur ta’ detenzjoni. Fl-aħħar nett, kemm il-ħeffa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll id-disponibbiltà ta’ biżżejjed persunal u kapaċità ta’ detenzjoni, jista’ jkollhom impatt kruċjali fuq l-implimentazzjoni prattika ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn.
Minn Awwissu, il-Kummissjoni bagħtet ittri amministrattivi lil ħames Stati Membri rigward ir-Regolament Eurodac dwar it-teħid tal-marki tas-swaba’, u għaxra rigward l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. L-Istati Membri kollha kkonċernati wieġbu għar-Regolament Eurodac, u issa l-Kummissjoni qiegħda tevalwa t-tweġibiet biex tara jekk dawn humiex biżżejjed jew jekk għandhomx jiġu varati proċedimenti ta’ ksur. Rigward id-Direttiva dwar ir-Ritorn, s'issa waslet tweġiba waħda biss: il-Kummissjoni qed tistenna t-tweġibiet li fadal u se tivvaluta s-sitwazzjoni malajr. Ittra amministrattiva oħra ġiet indirizzata lil Stat Membru wieħed rigward il-konformità mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Fir-rigward tad-deċiżjoni dwar 40 deċiżjoni potenzjali jew attwali ta' ksur li ġew adottati f’Settembru, rigward id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki, minbarra 34 każ li kienu nfetħu qabel dik id-data, il-Kummissjoni ma rċevietx tweġiba s’issa. Meta wieħed iqis l-importanza partikolari ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa biex iwieġbu malajr kemm jista’ jkun fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn.
Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-proċeduri ta’ ksur malajr u b’mod effettiv, fejn meħtieġ, biex tiżgura konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam (ara l-Anness 6).
L-azzjonijiet ta’ prijorità identifikati f’Settembru enfasizzaw il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-Greċja. L-Istati Membri ilhom ma jistgħux jirritornaw lil dawk li jfittxu asil lejn il-Greċja mill-2010-11. Fl-2010, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kien hemm għadd ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja imbagħad ikkonfermat li ma jistax jiġi preżunt li l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu asil jekk huma jirritornaw nies lejn il-Greċja skont is-sistema ta’ Dublin.
Kif innotat hawn fuq, il-Kummissjoni ddedikat riżorsi sostanzjali biex tgħin lill-Greċja. L-Istati Membri issa qed jibdew iżidu ma’ dawn l-isforzi. Sar progress sinifikanti f’qasir żmien. Bit-tnedija ta' Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, qed jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ewlenin wara s-sospensjoni effettiva tat-trasferimenti ta’ Dublin – b’faċilitajiet ta’ akkoljenza li jiġu estiżi u ritorn għal sistema robusta ta' pproċessar tal-asil.
Il-progress s'issa kien inkoraġġanti u jrid ikompli. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni sat-30 ta' Novembru 2015 u, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, hija se tirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew jikkonferma r-rikostituzzjoni tat-trasfrimenti ta' Dublin lejn il-Greċja f'Diċembru 2015 jew f'Marzu 2016.
Dan l-aħħar kien hemm diversi Stati Membri li invokaw l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan jista’ jiġi ġġustifikat f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi eċċezzjonali u speċjalment għal theddid serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru partikolari. Iżda dan qatt ma jista’ jkun iktar minn miżura għal perjodu qasir qabel ma s-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata.
Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni billi tadotta opinjoni dwar l-estensjoni tal-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri mill-Ġermanja, mill-Awstrija u mis-Slovenja fuq il-bażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
|
Il-progress li sar
|
Il-Kummissjoni qed tindirizza n-nuqqasijiet mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tal-liġi tal-UE.
Il-faċilitajiet ta’ akkoljenza qed jiġu estiżi u l-kundizzjonijiet għal sistema ta' asil u l-ipproċessar korretti qed jiġu attwati fil-Greċja.
|
|
Il-passi li jmiss
|
Il-Kummissjoni se tiżgura segwitu attiv u rapidu tal-proċedimenti kollha ta’ ksur fl-asil u fir-ritorn.
Il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni li tikkonċerna t-trasferimenti ta’ Dublin lejn il-Greċja sat-30 ta' Novembru 2015.
|
V. Id-Dimensjoni Esterna
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tenfasizza li politika dwar il-migrazzjoni li tirnexxi trid bilfors taħdem barra kif ukoll ġewwa l-Unjoni. L-Ewropa trid dejjem tilqa' lil dawk li huma fil-bżonn ta’ protezzjoni. Iżda huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-kriżijiet li jġiegħlu lir-refuġjati jħallu djarhom u jivvjaġġaw f’periklu kbir jiġu indirizzati fl-għeruq tagħhom.
Fil-qalba tal-azzjonijiet ta' prijorità u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanta Għolja/Viċi President ix-xahar li għadda kien hemm li l-migrazzjoni titqieged fuq nett tal-preokkupazzjoni esterna tal-UE. Dan intwera permezz tal-impenji għal finanzjament addizzjonali stabbilit hawn fuq. Iżda l-offensiva diplomatika li għaddejja bħalissa wkoll poġġiet il-migrazzjoni fiċ-ċentru tad-djalogu bilaterali, reġjonali u multilaterali.
It-Turkija hija sieħeb kruċjali. Flimkien mal-Libanu u l-Ġordan, hija ġarret il-piż tal-isforz umanitarju biex tagħti kenn lir-refuġjati Sirjani. Il-pożizzjoni ġeografika tagħha tagħmilha l-mezz maġġuri li permezz tiegħu l-migranti jaslu fil-Balkani tal-Punent. It-Turkija wriet li hija kapaċi tieħu azzjoni deċiżiva biex tiġġieled kontra d-dħul klandestin. Il-Pjan ta’ Azzjoni ddettaljat dwar il-Migrazzjoni ppreżentat mill-President Juncker lill-President Erdoğan fil-5 ta’ Ottubru stabbilixxa sensiela ta’ miżuri konkreti li jkopru kemm l-appoġġ għar-refuġjati, għall-migranti u għall-komunitajiet ospitanti tagħhom, kif ukoll isaħħu l-kooperazzjoni biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari. Huwa jistabbilixxi azzjonijiet qosra, medji, u ta’ terminu itwal. Il-Kummissjoni issa qiegħda f’diskussjonijiet attivi mal-awtoritajiet Torok sabiex jiġi ffinalizzat il-Pjan ta’ Azzjoni.
Il-kooperazzjoni mat-Turkija kienet ukoll aspett ewlieni tal-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-Lvant tal-Mediterran – ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent li ssejħet fit-8 ta’ Ottubru mir-Rappreżentanta Għolja/Viċi President u l-Presidenza Lussemburgiża. Waqt din il-laqgħa ntlaħaq ftehim dwar sensiela ta’ passi prattiċi biex titrawwem kooperazzjoni aktar effettiva mal-pajjiżi sħab matul ir-rotta, inkluż billi jiġu appoġġjati l-pajjiżi tal-ewwel asil u ta’ tranżitu, kif ukoll enfasizzat il-kwistjonijiet usa’ tat-trattar tal-kawżi bażi u l-ġlieda kontra d-dħul klandestin.
Ir-Rappreżentanta Għolja/Viċi President kienet involuta f’kuntatti diplomatiċi estensivi bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim għall-kriżi fil-Libja. Dawn l-isforzi, politiċi u finanzjarji, ġew skjerati b’appoġġ tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Bernardino León, li, fit-8 ta’ Ottubru, ippreżenta test finali tal-Ftehim Politiku Libjan lill-parteċipanti kollha fid-djalogu politiku. L-enfasi issa hija fuq dan il-ftehim approvat mill-partijiet, f’liema każ l-UE tinsab lesta b’pakkett sostanzjali u immedjat ta’ appoġġ għal gvern ġdid ta’ Kunsens Nazzjonali li jkun ta’ benefiċċju għall-poplu Libjan. Il-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta’ Ottubru adotta konklużjonijiet f’dan ir-rigward.
Fis-7 ta’ Ottubru, l-operazzjoni militari tal-UE fin-Nofsinhar tal-Mediterran – EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia – imxiet għat-tieni fażi tagħha f’ibħra internazzjonali, wara li laħqet l-objettivi tal-fażi 1 (is-sorveljanza u l-valutazzjoni tan-netwerks tad-dħul klandestin u tat-traffikar) b'suċċess, u kkontribwiet għas-salvataġġ ta' aktar minn 3 000 persuna. Issa se tkun tista' twettaq azzjonijiet ta' imbarkazzjoni, tfittxija, sekwestru u devjazzjoni, fl-ibħra internazzjonali, ta’ bastimenti li jkunu suspettati li qed jintużaw għal faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni jew għal traffikar, u se tikkontribwixxi biex iġġib lit-traffikanti suspettati quddiem il-ġustizzja. Dan jirrappreżenta żvilupp ewlieni fit-tfixkil tal-mudell kummerċjali tat-traffikanti/kuntrabandisti u rċieva approvazzjoni politika importanti mir-Riżoluzzjoni 2240 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġiet adottata fid-9 ta’ Ottubru.
Taħt il-presidenza tar-Rappreżentanta Għolja/Viċi President, il-Kunsill Affarijiet Barranin adotta konklużjonijiet dwar il-kriżi fis-Sirja fit-12 ta’ Ottubru, fuq liema bażi l-UE se ttejjeb il-livell tal-impenn tagħha fl-appoġġ tal-isforzi internazzjonali mmexxija min-NU biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt. Ir-Rappreżentanta Għolja/Viċi President hija impenjata b’mod attiv mal-atturi reġjonali u internazzjonali ewlenin kollha, inklużi r-Russja, l-Istati Uniti, l-Arabja Sawdija, l-Iran, it-Turkija u l-Iraq. Is-SEAE ħa miżuri biex isaħħaħ l-appoġġ għall-oppożizzjoni politika fis-Sirja u barra minnha bħala parti minn proċess ta’ tranżizzjoni u li jkompli jiffaċilita t-tqarrib u l-unifikazzjoni tal-għadd ta' setturi politiċi u militari tiegħu wara strateġija komuni. Fis-7 u fid-9 ta’ Settembru, is-SEAE flimkien mal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura, wettqu konsultazzjonijiet dettaljati ma' dawk li jagħmlu medjazzjoni, b’mod partikolari mir-Russja, mill-Iran, mill-Eġittu u mill-Arabja Sawdija u mal-mibgħuta tas-Sirja mill-Istati Membri. L-UE hija attiva wkoll f’ċerti gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Grupp Żgħir tal-Koalizzjoni Globali kontra l-Istat Iżlamiku, jiġifieri dwar l-istabbilizzazzjoni, il-ġellieda terroristiċi barranin, il-kontrofinanzjar. L-implimentazzjoni tal-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u għall-Iraq kif ukoll it-theddida tal-Istat Iżlamiku għadha għaddejja.
Il-migrazzjoni kienet tema ewlenija diskussa mir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fis-70 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-aħħar ta' Settembru. F’dan il-kuntest, ġiet enfasizzata l-ħtieġa għal tweġiba aktar proattiva u impenn akbar mill-komunità internazzjonali biex jittrattaw l-isfidi tal-migrazzjoni u l-mobilità tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-kriżi tar-refuġjati Sirjani.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, ippreżentat f’Mejju, issa qed jiġi implimentat – kif ukoll operazzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha – pereżempju, qegħdin jitħejjew kampanji fl-Etjopja u fin-Niġer biex jiġi evitat it-traffikar mis-sors.
Punt fokali prinċipali fil-prijorità l-ġdida dwar il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni x-xahar id-dieħel se jkun is-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni (11-12 ta’ Novembru). Dan is-summit huwa s-suġġett ta’ tħejjija intensiva mas-sħab Afrikani. Huwa se jirrappreżenta opportunità biex juri li kemm is-sħab tal-UE kif ukoll dawk Afrikani jistgħu jwasslu azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw il-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari u biex jiġu żgurati l-migrazzjoni u l-mobbiltà ordnati, sikuri, regolari u responsabbli tan-nies. Huwa fundamentali għal sħubijiet bħal dawn li l-UE tappoġġja lis-sħab tagħha – b’assistenza finanzjarja, b’għarfien espert, bil-fiduċja li jaħdmu flimkien u juru sforz komuni. Bħala tali, is-suċċess tiegħu huwa marbut intrinsikament ma' sforz konġunt li jkun hemm impenn finanzjarju ewlieni mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika (ara hawn fuq taħt il-punt III).
|
Il-Progress li Sar
|
Sensiela ta’ laqgħat ta’ livell għoli mir-Rappreżentanta Għolja/Viċi President u l-Kummissarji taw tifsira partikolari lill-attakki diplomatiċi ġdid dwar il-migrazzjoni.
L-EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia ssodisfat l-objettivi tal-fażi 1.
|
|
Il-Passi li Jmiss
|
Il-finalizzazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni mat-Turkija.
Id-djalogi ta’ livell għoli previsti mir-Rappreżentanta Għolja/mill-Viċi President mal-Etjopja, mal-Unjoni Afrikana u mas-Somalja fl-20-21 ta’ Ottubru.
L-EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia timplimenta l-fażi 2 tagħha.
L-UE tappoġġja gvern ġdid ta’ Kunsens Nazzjonali fil-Libja.
L-UE ttejjeb il-livell ta’ impenn b’appoġġ għall-isforzi internazzjonali mmexxija min-NU sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja.
Is-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni.
|
VI.Konklużjoni
Il-passi operazzjonali u baġitarji stabbiliti hawn fuq huma mfassla biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ biex is-sistema tal-UE dwar il-migrazzjoni terġa' tmur lura għal approċċ fejn ir-regoli jiġu applikati sewwa u s-sistema tkun b'saħħitha biżżejjed biex tirreaġixxi għall-livelli inevitabbilment għolja fil-migrazzjoni. Parti indispensabbli għar-restawr tal-istabbiltà hija l-fruntiera esterna. Din tinsab fil-qalba tal-impenn tal-Kummissjoni biex tippreżenta, qabel tmiem is-sena, proposti biex jiġi żviluppat Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta kompletament operazzjonali bħala rikonoxximent li l-Istati Membri jridu jkunu appoġġjati b’mod aktar b’saħħtu fl-isfida tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Ewropa.
|
Sommarju ta’ konklużjonijiet speċifiċi
L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu minnufih biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni tal-Aġenziji tal-UE għall-implimentazzjoni tal-approċċ "hotspot".
L-Italja u l-Greċja għandhom iżidu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom;
l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-kapaċità ta’ akkoljenza tagħhom biex jospitaw persuni rilokati;
l-Istati Membri għandhom jipprovdu impenji ċari fir-rigward tal-għadd ta’ persuni li se jiġu rilokati minn issa sal-aħħar tas-sena;
issa l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li se jiġu risistemati matul is-sitt xhur li ġejjin, u minn fejn;
l-Istati Membri għandhom jimplimentaw malajr pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn propost mill-Kummissjoni, għal sistema effettiva ta’ ritorn fil-livell tal-UE;
l-Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew għandhom jiġu skjerati mill-UE fi ħdax-il pajjiż mhux tal-UE sal-aħħar tal-2015,
l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili b’kontribuzzjonijiet sostanzjali;
l-Istati Membri għandhom jagħmlu biżżejjed assi disponibbli għall-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex TRITON u POSEIDON;
l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-UE u jikkumplimentawh fl-isforzi li saru biex jappoġġjaw lill-UNHCR, lill-Programm Dinji tal-Ikel u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għas-Sirja u l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika:
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw l-abbozz ta' baġit emendatorju tal-2016, kif propost mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi proċeduri ta’ ksur b’mod mgħaġġel u effettiv, fejn meħtieġ, biex tiżgura konformità sħiħa mal-acquis fil-qasam tal-Asil u r-Ritorn;
Sat-30 ta' Novembru 2015 il-Kummissjoni se tivvaluta jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet kollha biex tirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew jikkonferma r-rikostituzzjoni tat-trasferimenti ta' Dublin lejn il-Greċja f'Diċembru 2015 jew f'Marzu 2016;
Il-Kummissjoni se tiffinalizza l-opinjoni tagħha dwar l-estensjoni tal-kontrolli temporanji mill-Ġermanja, mill-Awstrija u mis-Slovenja fuq il-bażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;
Il-Kummissjoni se tiffinalizza l-Pjan ta’ Azzjoni mat-Turkija.
|
Lista ta' Annessi
Anness 1: Tabella ta’ implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet ta’ Prijorità
Anness 2: Il-Greċja — Ir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni Attwali mill-11 ta’ Ottubru 2015
Anness 3: L-Italja — Ir-rapport dwar is-Sitwazzjoni Attwali mill-11 ta’ Ottubru 2015
Anness 4: Mappa tal-“Hotspots” deżinjati fil-Greċja
Anness 5: Mappa tal-“Hotspots” deżinjati fl-Italja
Anness 6: Implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil
Anness 7: Impenji finanzjarji tal-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet tal-migrazzjoni
Anness 8: Appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna
Anness 9: Il-funzjonament tal-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u l-Pakistan 2012-2014