Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0411

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Adattamenti Settorjali tal-Liechtenstein - Rieżami

COM/2015/0411 final

Brussell, 28.8.2015

COM(2015) 411 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Adattamenti Settorjali tal-Liechtenstein - Rieżami


1.Introduzzjoni

Il-Protokoll 15 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) fuq perjodi ta’ tranżizzjoni dwar il-moviment liberu ta’ persuni jiddikkjara li l-Liechtenstein jista’ jżomm fis-seħħ limiti kwantitattivi għal residenti ġodda sal-1 ta’ Jannar 1998 fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-KE u Stati oħra tal-EFTA. Id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-10 ta’ Marzu 1995 1 tal-Kunsill taż-ŻEE dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għall-Prinċipat tal-Liechtenstein tinkludi Dikjarazzjoni speċjali mill-Kunsill taż-ŻEE dwar il-moviment liberu tal-persuni. Din id-Dikjarazzjoni Konġunta tiddikjara li għandu jitwettaq rieżami fl-aħħar ta’ perjodu tranżitorju stipulat fil-Protokoll 15 tal-Ftehim ŻEE, filwaqt li titqies "is-sitwazzjoni ġeografika speċifika" tal-Liechtenstein". L-istess Dikjarazzjoni tistipula gwida dwar dak li timplika din is-sitwazzjoni speċifika: "Il-Kunsill taż-ŻEE jirrikonoxxi li l-Liechtenstein għandu żona żgħira ħafna ta' karattru rurali li hi abitabbli b'persentaġġ aktar għoli min-norma ta' reżidenti u ħaddiema mhux nazzjonali Barra minn hekk, jirrikonoxxi l-interess vitali tal-Liechtenstein li jżomm l-identità nazzjonali tiegħu."

Wara l-iskadenza tal-Protokoll 15 tal-Ftehim tŻEE dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-Liechtenstein u l-Unjoni Ewropea waslu għal arranġament speċifiku fl-1999. Dan l-arranġament, magħruf bħala “Adattamenti Settorjali”, kien inizjalment stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 191/1999 2 u mbagħad inkorporat fl-Annessi V (Moviment liberu tal-ħaddiema) u VIII (Dritt għall-Istabbilment) tal-Ftehim ŻEE. Skont l-Adattamenti Settorjali, il-moviment liberu tal-persuni japplika għal-Liechtenstein. Madankollu, iċ-ċittadini taż-ŻEE li jixtiequ jistabbilixxu residenza fil-Liechtenstein għandhom jiksbu permess ta’ residenza. L-Adattamenti jistabbilixxu għadd minimu ta’ permessi maħruġa għal ċittadini taż-ŻEE kull sena, li jikkostitwixxi żieda netta ta’ 1,75 % fil-popolazzjoni residenti taż-ŻEE (għal persuni li huma ekonomikament attivi) u 0,5 % (għal nies ekonomikament inattivi) rispettivament 3 tal-għadd tagħhom fl-1998. Il-kisba ta’ permessi ta’ residenza, madankollu, mhijiex prerekwiżit biex dak li jkun jaħdem fil-Liechtenstein.

Matul it-tkabbir tal-2004, dawn l-arranġamenti, li l-ewwel ġew miftiehma għal terminu ta’ ħames snin, tkomplew, fuq il-kundizzjoni li dawn għandhom jiġu rieżaminati kull ħames snin. Wara l-ewwel rieżami fl-2009, it-tieni rieżami ġie mnedi fl-2014.

Din il-Komunikazzjoni hija parti minn dak ir-rieżami. L-enfasi tagħha huwa dwar jekk il-Liechtenstein għandux jitħalla jkompli japplika dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ permessi ta’ residenza li jagħti.

2. Adattamenti settorjali fil-prattika

Il-Liechtenstein joħroġ rapporti annwali dwar kif japplika l-Adattamenti. Huwa mbagħad jaqsam ir-rapporti mal-kontropartijiet tiegħu tal-UE u mal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA). L-informazzjoni pprovduta hawn taħt hija bbażata fuq ir-rapport ippreżentat mil-Liechtenstein fl-2014.

L-awtoritajiet tal-Liechtenstein jistgħu joħorġu minimu ta’ 56 permess ta' residenza ġdid u madwar 300 permess ta' terminu qasir ġdid (mhux aktar minn 12-il xahar) fis-sena lil ċittadini taż-ŻEE li jeżerċitaw attività ekonomika fil-Liechtenstein. Kull sena l-Liechtenstein jissodisfa l-obbligi tal-kwota tiegħu għal permessi ġodda. L-għadd ta’ permessi fit-terminu qasir huwa normalment inqas minn 300. Għal persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika u li jixtiequ jistabbilixxu residenza fil-Liechtenstein tkun disponibbli kwota supplimentari. Din il-kwota hija madwar 20 permess fis-sena. Ma hemm l-ebda restrizzjoni li tipprevjeni lill-membri tal-familja ta’ detentur ta’ permess ta’ residenza milli jingħaqdu mal-konjuġi/familja tagħhom u jagħmlu residenza fil-Liechtenstein. Dawn għandhom ukoll id-dritt li jibdew attività ekonomika.

Sena

Għadd ta’ applikazzjonijiet minn nies li huma ekonomikament attivi

Għadd ta’ applikazzjonijiet minn nies li huma ekonomikament inattivi

2001

502

53

2002

516

45

2003

467

31

2004

500

24

2005

436

16

2006

555

26

2007

615

33

2008

801

44

2009

657

33

2010

587

25

2011

598

41

2012

483

27

2013

464

16

Wara r-rieżami tal-2009, l-arranġamenti speċifiċi baqgħu ma nbidlux.

3. Ir-Rieżami tal-2014

Il-proċess ta’ rieżami kurrenti beda fl-2014.

L-aktar ċifri riċenti pprovduti mil-Liechtenstein (ara t-tabella ta' hawn fuq) juru tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza minn persuni ekonomikament attivi u inattivi, wara quċċata fl-2008. L-għadd ta’ applikazzjonijiet madankollu jibqa’ 16-23 darba ogħla mill-kwota minima allokata, b’mod partikolari għal persuni li huma ekonomikament attivi.

Fil-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Liechtenstein dwar bidla possibbli għar-regoli attwali, il-Liechtenstein argumenta li l-kapaċità ta’ assorbiment tiegħu baqgħet pjuttost limitata u ma nbidlitx matul il-perjodu ta’ rieżami. Huwa argumenta wkoll li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Adattamenti Settorjali tal-Liechtenstein, mehmuża mal-Ftehim tal-2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kroazja fiż-ŻEE, bażikament ikkonfermat mill-ġdid li l-kapaċità ta’ assorbiment tal-Liechtenstein ma nbidlitx 4 . Il-Liechtenstein għalhekk issuġġerixxa li l-arranġamenti speċifiċi għal-Liechtenstein ma għandhomx jinbidlu u li r-rieżami li jmiss għandu jsir qabel Mejju 2019.

Waqt ir-rieżami, il-Kummissjoni vvalutat jekk kienx hemm bidla fis-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-Liechtenstein u fiċ-ċirkostanzi deskritti fid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill taż-ŻEE, jiġifieri li (a) il-Liechtenstein għandu żona abitabbli żgħira ħafna ta' karattru rurali; u (b) il-Liechtenstein għandu persentaġġ ogħla mis-soltu ta’ residenti u impjegati mhux nazzjonali u interess vitali li jżomm l-identità nazzjonali tiegħu.

Ir-riżultat tal-valutazzjoni huwa kif ġej:

(a) il-Liechtenstein jokkupa territorju ta’ 160 kilometru kwadru li ma nbidilx;

(b) il-popolazzjoni tal-Liechtenstein hija ta' 36 925. Hija kibret b’aktar minn 4 000 ruħ mill-1998 (32 227), is-sena ta’ referenza għall-Adattamenti, u b’madwar 1 300 mill-2009 (35 851), is-sena tar-rieżami preċedenti. Dan jista’ ma jidhirx għoli f’termini reali, iżda jirriżulta f’żidiet ta’ 14 % u madwar 3 % rispettivament. Il-proporzjon ta’ barranin kien qed jiżdied ukoll, sa 33,5 % fl-2012 minn 33,3 % fis-sena preċedenti, li nofshom huma ċittadini taż-ŻEE. L-għadd ta’ impjegati huwa kważi ugwali għall-għadd ta’ residenti (iktar minn 35 800 persuna), li 52 % minnhom jivvjaġġaw minn pajjiżi ġirien.

Jidher li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw in-natura ġeografika speċjali u l-kapaċità ta’ assorbiment limitata tal-Liechtenstein.

Id-domanda għolja għal permessi ta’ residenza, minkejja d-diffikultajiet biex jinkisbu, aktarx li hija spjegata mill-fatt li japplikaw regoli tat-taxxa differenti għal residenti tal-Liechtenstein meta mqabbla ma’ dawk li mhumiex residenti. Sakemm dawn id-differenzi jibqgħu, huwa mistenni li n-nies se jkunu jridu residenza uffiċjali fil-Liechtenstein u se japplikaw f’għadd relattivament għoli għal permessi ta’ residenza, biex b'hekk isir neċessarju li jinżammu ċerti restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ permessi annwali maħruġa.

Il-grupp ta' ħidma tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tal-Kunsill, ġie informat dwar din il-kwistjoni fil-5 ta’ Settembru 2014 u sussegwentement fit-30 ta’ April 2015. L-ebda Stat Membru ma qajjem tħassib dwar il-kontinwazzjoni tar-reġim attwali.

4. Konklużjonijiet

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma tarax il-ħtieġa li jsir xi tibdil għar-regoli attwali u tqis li d-dispożizzjonijiet dwar l-Adattamenti Settorjali jistgħu jibqgħu l-istess. Għandu jseħħ rieżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet qabel Mejju 2019.

(1) ĠU L 86, 20.4.1995, p. 58.
(2) ŻEE DKK M Nru 191/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li temenda l-Annessi VIII (Dritt għall-Istabbiliment) u V (Moviment liberu tal-ħaddiema) tal-Ftehim ŻEE.
(3) Anness VIII (Dritt għall-Istabbilment):
"Titolu II[...][...]In-numru ta' permessi għal tul ta' żmien qasir għall-għanijiet ta' eżerċizzju ta' attività ekonomika ma għandux jiddevja b'aktar minn 10 % minn dak li kien fl-1997.Titolu IIIMembri tal-familja ta' ċittadini tal-Iżlanda, tan-Norveġja u tal-Istati Membri tal-UE li jirrisjedu legalment fil-Liechtenstein għandhom id-dritt illi jiksbu permess tal-istess validità bħal dak tal-persuna li fuha jiddependu. Għandu jkollhom id-dritt illi jkollhom attività ekonomika, f'liema każ huma jkunu inklużi fin-numru ta' permessi mogħtija lill persuni attivi ekonomikament.Titolu VKwota supplimentari annwali ta' 0,5 % fuq il-bażi li hemm referenza għaliha fil-punt II għandha tkun disponibbli għal persuni illi jixtiequ jagħmlu r-residenza tagħhom [...]"
(4) "Il-Partijiet Kontraenti Preżenti u l-Parti Kontraenti l-Ġdida,[...]Waqt li jaqblu li debitament iqisu din is-sitwazzjoni fattwali, kif ukoll il-kapaċità ta' assorbiment li ma nbidlitx tal-Liechtenstein meta jiġu biex jeżaminaw mill-ġdid l-adattamenti settorjali fl-Annessi V u VIII tal-Ftehim ŻEE."
Top