Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0215

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE

COM/2015/0215 final

Strasburgu, 19.5.2015

COM(2015) 215 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE

{SWD(2015) 110 final}
{SWD(2015) 111 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE

1.Inrendu Riżultati Aħjar: Nibdlu Kif Naħdmu fil-Livell Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea hija ddeterminata li tbiddel kemm dak li tagħmel l-Unjoni Ewropea (UE), kif ukoll kif tagħmlu. L-UE, l-istituzzjonijiet tagħha, u l-korpus tal-liġijiet tagħha, qegħdin hemm biex jaqdu liċ-ċittadini u n-negozji li jridu jaraw dan fil-ħajja u l-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum. Irridu nerġgħu niksbu l-fiduċja tagħhom fil-kapaċità tagħna li nwettqu dak li nwiegħdu.

Il-Kummissjoni Juncker tirrappreżenta bidu ġdid. Il-prijorità tagħna hija li noffru soluzzjonijiet għal kwistjonijiet kbar li ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri waħedhom: pjan ta’ investiment li jimmobilizza EUR 315-il biljun biex tingħata spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir; unjoni tal-enerġija li tipproduċi enerġija sikura, affordabbli u sostenibbli; aġenda tas-sigurtà interna sabiex jiġu affrontati t-theddidiet komuni bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; suq diġitali uniku biex nisfruttaw l-opportunitajiet onlajn; u aġenda għall-migrazzjoni. L-inizjattivi l-ġodda tagħna jfeġġu minn prijoritajiet politiċi ġenwini. Il-Kummissjoni ma tistax u ma għandhiex tkun involuta f’kull kwistjoni fl-UE. L-ewwel programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni jirrifletti din il-bidla fl-approċċ. Huwa jinkludi biss 23 inizjattiva ġdida kbar li huma allinjati mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi miftiehma. L-azzjonijiet addizzjonali u ta’ rutina li jsegwu matul is-sena wkoll se jirriflettu l-istess sens ta’ konċentrazzjoni u skop. L-inizjattiva 'Il-Baġit tal-UE ffoka fuq ir-riżultati' se timmira wkoll fuq li turi l-valur miżjud tal-baġit tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE.

Il-prijoritajiet politiċi huma l-mutur tal-azzjoni tal-Kummissjoni għall-isfidi li qed tiffaċċja llum l-UE. Ir-regolamentazzjoni aħjar hija għodda li tipprovdi bażi għal deċiżjonijiet politiċi f’waqthom u sodi — iżda din qatt ma tista’ tissostitwixxi d-deċiżjonijiet politiċi.

Illum qed nippreżentaw miżuri oħra li jwasslu għal regoli aħjar għal riżultati aħjar. Se nkomplu niftħu t-tfassil tal-politika u nisimgħu u ninteraġixxu aħjar ma’ dawk li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u jibbenefikaw minnha. Se nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn l-oqsma kollha ta’ politika biex naraw fejn jeħtieġ li ntejbu l-miżuri eżistenti.

Se nkomplu kif bdejna: se niffokaw fuq l-affarijiet li verament hemm bżonn isiru mill-UE u naċċertaw ruħna li qed isiru sew. L-applikazzjoni tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar se tiżgura li l-miżuri jkunu bbażati fuq l-evidenza, imfassla tajjeb u jrendu benefiċċji tanġibbli u sostennibbli għaċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà kollha.

Dan japplika kemm għall-korpus kbir eżistenti ta’ leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll għal dawk ġodda. Din il-leġiżlazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, għas-suq uniku li huwa l-mutur tal-ekonomija tagħna u biex tħeġġeġ l-investimenti meħtieġa biex isostnu l-impjiegi u t-tkabbir. Tirfed il-mudell soċjali Ewropew u tagħti tifsira lid-drittijiet u lil-libertajiet li jgħożżu l-Ewropej, inklużi s-sigurtà u d-dritt għall-ġustizzja tagħhom. Barra minn hekk, tgħinna wkoll inwieġbu għall-isfidi komuni bħas-sigurtà tal-enerġija u l-protezzjoni tal-ambjent u l-klima. F’ħafna każijiet sett wieħed ta' regoli tal-UE jieħu post it-taħlita ta’ 28 regola nazzjonali differenti, u dan iħaffef il-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji, jissimplifika l-qafas legali, inaqqas il-piżijiet regolatorji fis-suq uniku kollu u jżid il-prevedibbiltà regolatorja.

Il-korpus tal-liġi tal-UE mhuwiex biss meħtieġ, huwa l-punt tal-forza tagħna - jagħmel lill-UE kwalitattivament differenti minn kull mudell ieħor ta’ governanza kollettiva fid-dinja. Din hija r-raġuni għaliex huwa daqstant importanti li kull miżura fil-ktieb tar-regoli tal-UE tkun adattata għall-għan tagħha, moderna, effettiva, proporzjonata, operattiva u kemm jista’ jkun sempliċi. Il-leġiżlazzjoni għandha tagħmel dak li hija maħsuba li tagħmel, għandha tkun faċli biex tiġi implimentata u prevedibbli u għandha tevita kwalunkwe piż bla bżonn. Regoli sensibbli, realistiċi, implimentati u infurzati sew fl-UE kollha. Regoli li jagħmlu xogħlhom biex nilħqu l-objettivi komuni tagħna - xejn aktar, xejn anqas.

Ir-regolamentazzjoni aħjar mhijiex dwar “aktar” jew “inqas” legiżlazzjoni tal-UE; u lanqas mhi dwar id-deregolamentazzjoni jew deprijoritazzjoni ta' ċerti oqsma politiċi jew dwar li jiġu kompromessi valuri li ngħożżu: il-protezzjoni soċjali u ambjentali, u d-drittijiet fundamentali, inkluża s-saħħa — biex insemmu biss xi ftit eżempji. Regolamentazzjoni aħjar hi dwar li niżguraw li nwettqu l-għanijiet politiċi ambizzjużi li stabbilejna għalina nfusna.

Matul l-aħħar 10 snin, l-UE introduċiet sett komprensiv ta’ għodod u proċeduri ta' regolamentazzjoni aħjar biex tiżgura dan. Dawn il-bidliet importanti diġà qed jagħtu riżultati iżda din il-Kummissjoni ddeċidiet li tmur lil hinn minn dan.

L-impenn tagħna lejn ir-regolamentazzjoni aħjar irid japplika kullimkien, jibni fuq il-progress li diġà sar fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-Programm tal-Idoneità Regolatorja (REFIT). Ma għandniex nimponu l-politiki iżda għandna nħejjuhom b'mod inklużiv, abbażi tat-trasparenza u impenn sħaħ, nagħtu widen lill-fehmiet ta’ dawk milquta mil-leġiżlazzjoni sabiex ikun faċli li nimplimentawha. Aħna miftuħin għar-reazzjonijiet u l-iskrutinju esterni biex jiżguraw li ninsabu fit-triq it-tajba. Anki l-politiki tal-UE għandhom jiġu rieżaminati regolarment: għandna nkunu trasparenti u responsabbli dwar jekk aħniex qed jilħqu l-objettivi politiċi tagħna, dwar x’mar tajjeb u x’hemm bżonn jinbidel.

Regolamentazzjoni aħjar mhijiex eżerċizzju burokratiku. Iċ-ċittadini, in-negozji u partijiet konċernati oħra jiġġudikaw lill-UE fuq l-impatti tal-azzjonijiet tagħha: mhux biss l-inizjattivi l-ġodda iżda aktar importanti r-regoli li diġà jinsabu fis-seħħ. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li terfa' r-responsabbiltà politika għall-applikazzjoni tal-prinċipji u l-proċessi tar-regolamentazzjoni aħjar fil-ħidma tagħha u tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess.

2.Ftuħ u Trasparenza

2.1.Aktar konsultazzjoni, nisimgħu aħjar

Il-ftuħ tat-tfassil tal-politika jista' jagħmel lill-UE aktar trasparenti u responsabbli, iżda jiżgura wkoll li l-politiki jkunu bbażati fuq l-aħjar evidenza disponibbli u jagħmilhom aktar effettivi. Fil-livelli kollha - lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni - dawk affettwati mil-leġiżlazzjoni jifhmu aħjar l-impatt li se jkollha l-leġiżlazzjoni u jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa biex intejbuha.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tisma’ aktar mill-qrib liċ-ċittadini u lill-partijiet konċernati, u tkun miftuħa għar-reazzjonijiet tagħhom, f’kull stadju tal-proċess - mill-ewwel l-idea, meta l-Kummissjoni tagħmel proposta, sal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni biħsiebha toħloq portal fuq l-internet fejn tkun tista' tiġi ttraċċata kull inizjattiva.

Billi jkomplu jibnu fuq l-istandards minimi eżistenti għall-konsultazzjonijiet 1 , il-Linji Gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar il-ġodda tal-Kummissjoni jsaħħu l-impenn tagħna lejn konsultazzjonijiet li huma ta’ kwalità għolja, trasparenti u li jilħqu lill-partijiet konċernati rilevanti kollha u jimmiraw lejn l-evidenza meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet tajbin. Dan se jsir f’żewġ modi ewlenin.

L-ewwel nett, il-partijiet konċernati se jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta’ politika. “Pjanijiet ta' Direzzjoni” u “valutazzjonijiet tal-impatt fil-bidu” se jagħtu opportunità lill-partijiet konċernati biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom u jistidnuhom jagħtu l-informazzjoni relevanti, mill-bidu nett tal-ħidma fuq inizjattiva ġdida 2 . Se jkun hemm ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi ta' 12-il ġimgħa meta jkunu qed jitħejjew proposti ġodda u meta nkunu qed nevalwaw u nagħmlu l-“kontrolli tal-idoneità” tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Wara li l-Kummissjoni tkun adottat proposta, il-parlamenti nazzjonali jkollhom l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet motivati tagħhom dwar is-sussidjarjetà. Barra minn hekk il-Kummissjoni se tistieden liċ-ċittadini jew lill-partijiet konċernati biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fi żmien tmien ġimgħat 3 : il-Kummissjoni se tiġbor dawn ir-reazzjonijiet u tippreżentahom lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, biex b'hekk jitqiesu fid-dibattitu leġiżlattiv.

It-tieni, il-partijiet konċernati kollha se jkunu jistgħu jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar l-atti li jistabbilixxu elementi tekniċi jew speċifiċi li huma meħtieġa biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għall-ewwel darba l-abbozz tat-testi tal-atti delegati se jkun miftuħ għall-pubbliku inġenerali għal erba' ġimgħat fil-websajt tal-Kummissjoni fl-istess ħin tal-konsultazzjoni tal-esperti fl-Istati Membri. Atti ta’ implimentazzjoni importanti li huma soġġetti għall-opinjoni tal-Kumitat ukoll se jiġu ppubblikati għal erba’ ġimgħat biex il-partijiet konċernati jkunu jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom qabel kull vot mill-Istati Membri fil-Kumitat rilevanti 4 . Il-Kummissjoni se tippubblika onlajn lista indikattiva ta’ kull att bħal dan li jkun qed jitħejja, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jippjanaw minn qabel. Se jkunu wkoll meħtieġa valutazzjonijiet tal-impatt proporzjonati kull meta l-impatti x’aktarx ikunu sinifikanti.

Minħabba r-rwol u l-awtonomija tal-isħab soċjali, se japplikaw arranġamenti speċifiċi għall-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni skont Artikolu 154 TFUE għall-proposti tagħha skont l-Artikolu 155 TFUE.

2.2.Nispjegaw aħjar x’qed nagħmlu u għaliex

F’kull każ, jeħtieġ li nispjegaw aħjar għaliex inkunu qed naġixxu, x'riżultati qed nittamaw li niksbu, u x’jistgħu jkunu l-impatti. Memorandum ta’ spjegazzjoni aħjar se jakkumpanja kull proposta tal-Kummissjoni 5 . Minbarra li jispjega l-għan tal-miżura proposta, se jispjega kif ġew applikati l-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar: x'inhi l-ħtieġa tal-inizjattiva, għaliex din hija l-aħjar għodda li l-UE tista’ tuża, x'jaħsbu l-partijiet konċernati u x’aktarx ikunu l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, partikolarment fuq il-kompetittività u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Se jinkludi wkoll spjegazzjoni bir-reqqa ta’ kif l-inizjattiva tissodisfa ż-żewġ testijiet tas-sussidjarjetà (għaliex l-għan ma jistax tintlaħaq mill-Istati Membri weħidhom) u l-proporzjonalità (għalfejn il-miżura proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan). Dan huwa essenzjali biex tiġi promossa r-responsabbiltà.

2.3.Kif il-liġi tal-UE taffettwa lin-nies, lin-negozji u lis-soċjetà sħiħa — kulħadd ikollu ċ-ċans jgħid tiegħu

Il-Kummissjoni trid li l-partijiet konċernati jkunu jistgħu jipprovdu reazzjonijiet - mhux biss fil-“punti ta’ kontroll” fissi waqt li tkun qed tiġi żviluppata politika partikolari - iżda dwar kwalunkwe aspett tal-politika u leġiżlazzjoni tal-UE, f'kull ħin. Irridu nkunu nafu kif il-liġi tal-UE taffettwa lin-nies u lin-negozji, u kif nistgħu nagħmluha taħdem aħjar.

Possibbiltà ġdida “Ħaffef il-Piż - Semma' Leħnek” fil-websajt tal-Kummissjoni tar-Regolamentazzjoni Aħjar se tagħti lil kulħadd l-opportunità li jagħti l-opinjonijiet u kummenti tiegħu dwar il-liġijiet u l-inizjattivi eżistenti tal-UE, barra mill-konsultazzjonijiet formali li twettaq il-Kummissjoni. Irridu nisimgħu n-nies xi jsibu irritanti, ta’ piż, jew fi bżonn li jitjieb. Aħna se nirrispondu billi nsegwu direttament jew billi nibagħtu l-kumment biex jitqies aktar fil-pjattaforma tal-partijiet konċernati deskritta hawn taħt). Dan se jagħti mod dirett liċ-ċittadini, lill-isħab soċjali u lill-kumpaniji individwali Ewropej biex jifhmu u jinfluwenzaw il-politika tal-UE, billi jużaw għodda interattiva adattata għal din l-era diġitali.

3.Nagħmlu dan aħjar: Għodod aħjar għal Politiki Aħjar

3.1.Niksbu l-objettivi tagħna: Ir-regolamentazzjoni aħjar bħala l-aġenda bilanċjata

Regolamentazzjoni aħjar ma tfissirx li jkunu ffavoriti ċerti politiki jew objettivi aktar minn oħrajn. Tfisser li nkunu ċari dwar l-objettivi, ikunu xi jkunu. Hija dwar li niżguraw li s-soluzzjoni politika tkun l-aħjar u tal-inqas piż biex jintlaħqu dawk l-objettivi u hija dwar li nkunu onesti dwar kemm qed jaħdmu sew is-soluzzjonijiet. Għandhom jiġu analizzati u kkunsidrati l-impatti sinifikanti kollha, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, kwantifikabbli jew mhux.

Mil-lum se japplikaw għall-ħidma tal-Kummissjoni linji gwida integrati ġodda dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 6 . Huma se jiżguraw li impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali jkomplu jiġu kkunsidrati flimkien f’kull ħidma analitika tal-Kummissjoni flimkien mad-drittijiet fundamentali. Dawn jimpenjaw mill-ġdid lill-Kummissjoni biex tuża l-aħjar evidenza u xjenza disponibbli u jissaħħu l-impenn li ssegwi pjanijiet ċari ta’ monitoraġġ u ta’ implimentazzjoni qabel ma jiġu adottati miżuri. Huma se jiżguraw ukoll li l-għan li l-UE tibqa' kompetittiva u li l-iżvilupp tal-UE jibqa’ sostenibbli jibqgħu prijorità f’kull ma nagħmlu.

Meta nikkunsidraw soluzzjonijiet politiċi, aħna se jikkunsidraw kemm il-mezzi regolatorji u dawk mhux regolatorji mfasslin tajjeb 7 kif ukoll it-titjib fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Se niżguraw soluzzjonijiet li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha li jistgħu joffru t-teknoloġiji diġitali u oħrajn tal-lum u li jistgħu joffru fil-ġejjini, mingħajr ma nirrestrinġu l-innovazzjoni u noperaw b’mod effettiv kemm fid-dinja diġitali kif ukoll fid-dinja fiżika.

Qed nagħtu attenzjoni partikolari għar-regoli li jaffettwaw lill-SMEs, li ħafna drabi jħossuhom mxekkla mill-burokrazija. Madankollu, dawn ir-regoli mhux kollha jiġu minn Brussell. U ħafna regoli tal-UE huma pertinenti għan-negozji iżgħar daqs kemm huma għall-kumpaniji ikbar: ħaddiem f’negozju żgħir li jagħmel prodotti artiġjanali għandu l-istess dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza daqs xi ħadd fuq il-produzzjoni ġo fabbrika kbira. Iżda jekk il-qafas leġiżlattiv ikun kumplikat wisq, ta’ piż żejjed jew burokratiku wisq, ir-riskju huwa li n-negozji iżgħar sempliċement ma jkunx jistgħu jimxu miegħu — għalhekk il-ħaddiema ma jkunux protetti jew ir-riżorsi skarsi ta' kumpanija jintefqu biss biex jiġu applikati r-regoli minflok milli biex ikabbru n-negozju u joħolqu l-impjiegi.

Se napplikaw il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” aktar bir-reqqa meta nħejju l-inizjattivi: meta nfasslu u nevalwaw il-politiki se nqisu l-interessi tan-negozji żgħar u medji, nipprevedulhom reġim eħfef u kull meta jkun possibbli u jagħmel sens, eżenzjoni sħiħa għall-mikronegozji 8 . Meta xejn minn dan ma jkun possibbli, pereżempju minħabba li dan ma jippermettix li jintlaħqu b'mod effikaċi l-objettivi soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-leġiżlazzjoni proposta, il-Kummissjoni se tispjega għaliex.

3.2.Kummissjoni li hija miftuħa għall-iskrutinju

L-impenji ta’ hawn fuq huma bidla ambizzjuża fil-mod kif noperaw. L-iskrutinju jista' jgħinna nżommu mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar tagħna, filwaqt li jiżgura li l-proposti jkunu bbażati fuq l-aħjar evidenza u analiżi disponibbli.

Il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ilu mill-2006 jaqdi dan ir-rwol ta’ skrutinju. Żgura l-kwalità tal-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt li l-Kummissjoni twettaq qabel id-deċiżjonijiet tagħha fuq inizjattivi ġodda. Kif imħabbar f’Diċembru 2014 9 , il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġdid se jieħu post il-Bord eżistenti u se jkolli rwol aktar b'saħħtu.

Il-Bord il-ġdid se jivvaluta l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt li jinfurmaw it-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tieħu azzjoni mingħajr valutazzjoni tal-impatt ta’ appoġġ adegwata se tispjega għalfejn pubblikament. Kuntrarju għal dak li kien isir qabel, il-Bord se jikkontrolla wkoll l-evalwazzjonijiet l-aktar importanti u “kontrolli tal-adegwatezza” ta' leġiżlazzjoni eżistenti.

Il-kompożizzjoni tal-Bord se tippermettilu jagħti opinjoni imparzjali dwar il-bażi ta’ għarfien espert komprensiv tal-metodi analitiċi relevanti. Għahekk il-Bord il-ġdid se jkollu President u sitt membri li għall-ewwel darba se jaħdmu fuq bażi full-time u se jkunu ħielsa minn kull responsabbiltà politika oħra fil-Kummissjoni. Barra minn hekk, tlieta minn dawn il-membri se jiġu rreklutati b'termini fissi u li ma jiġġeddux minn barra l-Istituzzjonijiet tal-UE. Il-Membri kollha se jintgħażlu permezz ta’ proċeduri tal-għażla rigorużi u oġġettivi fuq il-bażi tal-għarfien espert tagħhom.

3.3.Impenn komuni mill-Istituzzjonijiet tal-UE

Il-proposti tal-Kummissjoni huma dak - proposti. Dawn huma għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni mill-koleġiżlaturi. Il-proposti rarament jgħaddu mill-proċess leġislativ intatti: isiru emendi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. La darba jiġi miftiehem l-att jiġi traspost fil-livell nazzjonali jew reġjonali mill-Istati Membri. Dan jista’ jaffettwa l-benefiċċji u l-kostijiet tiegħu — għall-aħjar jew għall-agħar.

Għalkemm il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fir-regolamentazzjoni aħjar, hi ma tistax trendiha weħidna. Naturalment, bħala parti mill-proċess demokratiku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom id-dritt jemendaw il-leġiżlazzjoni — iżda għandhom ukoll ir-responsabbiltà jikkunsidraw l-impatti tal-emendi tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, għalhekk jirriflettu l-impenn tal-Kummissjoni lejn ir-regolamentazzjoni aħjar, kif għandhom jagħmlu l-Istati Membri meta jittrasponu jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet jistabbilixxi kif il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-aħjar tħejjija possibbli għal-liġi tal-UE. Madankollu dawn l-intenzjonijiet tajba ma ġewx implimentati b’mod konsistenti. Pereżempju, bejn l-2007 u l-2014, il-Kummissjoni pproduċiet aktar minn 700 valutazzjoni tal-impatt; fl-istess perjodu, il-Parlament Ewropew evalwa l-impatt ta’ madwar 20 emenda tiegħu, filwaqt li l-Kunsill ma vvaluta xejn. Huwa rari ħafna li l-koleġiżlaturi jibdew l-konsiderazzjoni tagħhom ta’ proposta b’analiżi xierqa tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummisjoni. U b’mod partikolari fl-istadji finali tan-negozjati, jitlaħqu ftehimiet mingħajr ma jitqiesu bis-sħiħ l-impatti diretti jew indiretti li jistgħu joħolqu l-emendi ta’ kompromess.

Fil-passat, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ġieli eżitaw biex jaqblu dwar miżuri li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Pereżempju, proposta għal dikjarazzjoni tal-VAT standard ġiet dilwita u mblukkat mill-Istati Membri fil-Kunsill — b'riskju li jintilfu EUR 15-il biljun fi frankar. L-Istati Membri wkoll ta’ sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jimplimentawha fil-livell nazzjonali (“gold-plating"). Dan jista’ jsaħħaħ il-benefiċċji iżda jista’ wkoll iżid l-ispejjeż bla bżonn għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi li huma b'mod żbaljat assoċjati mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-burdata politika ġdida kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill tipprovdi l-opportunità għal kulħadd, mhux biss biex jimpenja ruħu mal-prinċipji tar-rikonoxximent, iżda wkoll biex dawn il-prinċipji jinżammu.

Bidla ta' vera sseħħ biss permezz ta’ impenn kondiviż bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u ma’ kull Stat Membru. Il-Kummissjoni qed tipproponi ftehim ġdid mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill L-għan huwa li l-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom lejn leġizlazzjoni aħjar u biex jaħdmu flimkien aħjar biex b'hekk iċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà inġenerali jkunu jistgħu jaraw il-benefiċċji tal-UE u fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Aħna nħarsu lejn ir-regolamentazzjoni aħjar bħala prijorità politika ewlenija — għall-proposti l-ġodda u għal-leġiżlazzjoni eżistenti. Minħabba r-responsabbiltà kondiviża tagħna lejn il-pubbliku ġenerali tal-UE, nappellaw lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħmlu l-istess, u jaħdmu flimkien magħna niksbu dan.

B’mod partikolari, qed nitolbu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex:

Jipprijoritizzaw l-inizjattivi li jissimplifikaw jew itejbu l-liġijiet eżistenti bħal dawk l-inizjattivi identifikati mill-programm REFIT tal-Kummissjoni biex il-benefiċċji fil-mira jintlaħqu aktar malajr;

Iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq kull emenda sostanzjali li jipproponu l-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv. Meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim li jkun differenti b’mod sinifikanti mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni, huma għandhom jivvalutaw l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali probabbli u l-piż regolatorju qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali;

Jaqblu li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprenżibbli u ċara, tippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, tinkludi r-rekwiżiti ta’ rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa, tevita spejjeż sproporzjonati u implimentatazzjoni għandha tkun prattika;

Jaqblu li kull istituzzjoni tista' titlob lil bord indipendenti jwettaq valutazzjoni ta’ dawn il-fatturi wara kull emenda sostanszjali fil-proposta tal-Kummissjoni. Tali valutazzjoni għandha tkun finalizzata u disponibbli għall-pubbliku fi żmien raġonevoli u tqis kull ħidma ta' valutazzjoni tal-impatt eżistenti. Kull istituzzjoni taħtar membru tal-bord li jkollu bil-provi l-għarfien espert speċifiku meħtieġ, ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess u li jaġixxi b’mod indipendenti mill-awtorità tal-ħatra;

Jaqblu li l-leġiżlazzjoni li tkun diġà fis-seħħ tkun ġiet evalwata sew biex wieħed jara jekk jistgħux jintużaw għodod eżistenti biex jintlaħaq l-għan — qabel ma jiġu kkunsidrati inizjattivi ġodda;

Jinkludu b’mod sistematiku f’kull att ġdid dispożizzjonijiet li jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fil-ġejjieni;

Iħeġġu lill-Istati Membri biex jevitaw “gold plating” tar-regoli tal-UE meta jittrasponuhom fil-liġi nazzjonali. Filwaqt li dan jista’ jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni fil-kuntest lokali jew jimmiraw li jżidu l-benefiċċji, dan jista' wkoll jimponi piżijiet addizzjonali sinifikanti. L-Istati Membri jiġu mistiedna jispjegaw ir-raġunijiet għal tali gold plating;

Jaqblu li jintlaħaq fehim komuni rivedut dwar l-atti delegati, inklużi l-kriterji li jiddelinjaw bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni 10 ;

Li jkunu aktar trasparenti u parteċipattiv;

Jimpenjaw ruħhom lejn abbozzar legali aħjar biex il-liġijiet tal-UE jkunu korretti, jinftiehmu, ċari, u konsistenti ħalli kulħadd jifhem id-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’ċertezza;

Jippromwonu r-“riformulazzjoni” tal-leġiżlazzjoni, ħalli l-liġijiet jibqgħu ċari u strutturati tajjeb, anki wara li jiġu emendati; kif ukoll

li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun aċċessibbli kemm jista’ jkun: ħalli kullħadd ikun jista’ jara l-leġiżlazzjoni li taffettwah, onlajn, aġġornati, kredibbli, sħaħ u konsolidati.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim interistituzzjonali tipprovdi bażi solida għal negozjati u l-Kummissjoni tittama li t-tliet Istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiffinalizzaw ftehim ġdid sal-aħħar tas-sena.

4.Inġeddu l-Istokk Eżistenti tal-Leġiżlazzjoni

Meta wieħed iħares lejn il-benefiċċji u l-kostijiet ma għandux sempliċiment iħares b'mod statiku lejn it-twelid ta’ politika: il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni għandhom ikomplu jsiru tul il-ħajja tal-politika biex jiżguraw li tibqa’ adattata għall-għan tagħha. Dan ifisser li wara li politika tkun ġiet implimentata wieħed iħares lura lejn l-impatt li l-politika realment kellha fuq setturi speċifiċi u jissuġġerixxi modi biex iħaffef il-piż mingħajr ma jnaqqas l-ambizzjoni tal-politika. Din l-evalwazzjoni tkun ġeneralment tinvolvi konsultazzjoni pubblika miftuħa.

Għandna nkunu ċari dwar meta jkun hemm riżultati diżappuntanti u konsegwenzi mhux intenzjonati, kemm jekk ekonomiċi, soċjali jew ambjentali. Għandna nkunu lesti nqisu mill-ġdid u ntejbu fejn meħtieġ. Għandna bżonn ukoll nsibu modi ġodda biex jiddiskutu u niftiehmu mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar x’ħadem u x’ma ħadimx. Mingħajr dan, ma jistax ikun hemm tentattiv sinifikanti biex titnaqqas il-burokrazija jew biex isiru t-tibdiliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni.

It-tendenza naturali tal-politiċi hija li jiffokaw fuq inizjattivi ġodda. Madankollu, l-UE tiġi ġġudikata mhux biss fuq l-inizjattivi politiċi ġodda, iżda fuq il-benefiċċjui u l-piż tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Bħala tali, l-immaniġġjar attiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE huwa daqstant politikament importanti daqs it-tħejjija ta' inizjattivi ġodda.

Matul iż-żmien anke leġiżlazzjoni mfassla tajjeb jista' jgħaddi żmienha, issir ta’ piż akbar milli meħtieġ jew ma tibqax tilħaq l-objettivi tagħha. Pereżempju bidliet fis-suq jistgħu jwasslu biex liġi ma tibqax utli, rilevanti jew iservi l-għan tagħha; Bidliet teknoloġiċi jistgħu joffru l-opportunità li politiku tilħaq l-għan tagħha b’mod aħjar — pereżempju jippermettu li formola tiġi sottomessa onlajn; It-tagħlimiet mill-implimentazzjoni ta' politika permezz ta' monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar tista' tipprovdi evidenza ġdida dwar liema hija l-aħjar soluzzjoni politika.

4.1.Il-Programm REFIT — inżommu l-Liġi tal-UE adattata għall-iskop tagħha

Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) huwa l-programm tal-Kummissjoni li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tibqa' adattata għall-għan tagħha u li tagħti r-riżultati maħsuba minn min fassal il-liġi tal-UE. Ir-REFIT mhuwiex dwar id-deregolamentazzjoni iżda pjuttost dwar regolamentazzjoni aħjar. Għandha l-għan li tisfrutta l-benefiċċji tal-liġi tal-UE għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-soċjetà sħiħa bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, filwaqt li tneħħi l-burokrazija żejda u tnaqqas l-ispejjeż mingħajr ma' tikkomprometti l-objettivi politiċi. Ir-REFIT mhuwiex rieżami ta’ darba: huwa impenn fit-tul biex il-korpus tal-liġi tal-UE jinżamm sempliċi u b’saħħitu.

Ir-REFIT u t-tfassil ta’ politika ambizzjuża jimxu id f’id. Valutazzjonijiet onesti tal-leġiżlazzjoni eżistenti ħafna drabi jservu biex jiġu enfasizzati modi kif jitnaqqas il-piż regolatorju biex titjieb l-implimentazzjoni u jgħollew l-istandards. Huma jistgħu wkoll jidentifikaw sfidi politiċi ġodda li qed jitfaċċaw f’dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel li leġiżlazzjoni aktar antika ma tkunx attrezzata sew biex tindirizzihom.

Sa mit-tnedija tiegħu fl-2012, ir-REFIT diġà ġibet l-attenzjoni b'mod aktar iffukat fuq sfidi ta' kuljum li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-liġi eżistenti tal-UE. Il-progress jiġi mmonitorjat billi tintuża t-tabella ta’ valutazzjoni tar-REFIT: l-aħħar verżjoni ġiet ippubblikata llum. 11 Abbażi ta' dan il-momentum, il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ ir-REFIT sabiex tikseb riżultati aħjar u aktar tanġibbli. Ir-REFIT se jkun aktar:

Immirat - billi jiffoka fuq l-aktar sorsi serji ta’ ineffiċjenza u piż mhux meħtieġ;

Kwantitattiv — stimi tal-benefiċċji potenzjali u l-iffrankar tal-ispejjeż se jakkumpanjaw kull proposta REFIT; aġġornament ta’ dawn l-istimi se jiġi ppubblikat wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni; u l-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet konċernati biex tivverifika jekk dan il-potenzjal hux qed jissarraf f’impatti reali fir-realtà; 

Inklużiv — il-Pjattaforma l-ġdida tar-REFIT se tkun sors imprezzabbli ta’ suġġerimenti biex jitjiebu l-liġijiet tal-UE;

Integrat fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi — ir-REFIT se jidher b’mod prominenti fil-programm ta’ ħidma ta’ kull sena u fid-djalogu politiku tal-Kummissjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE l-oħra qabel u wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma.

Ir-REFIT huwa responsabbiltà kondiviża. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħtu appoġġ qawwi lil inizjattivi mfassla biex itejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

4.2.Ir-REFIT fl-azzjoni

Kull inizjattiva futura tar-REFIT se tirrifletti dan l-approċċ imsaħħaħ ġdid, tibbaża fuq ix-xogħol tal-Pjattaforma l-ġdida tar-REFIT u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet kontinwi, b’mod partikolari dawk l-evalwazzjonijiet u l-Kontrolli tal-Idoneità identifikati bħala prijoritajiet skont ir-REFIT.

Tagħlimiet minn dawn ir-rieżamijiet se jgħinu jiffurmaw it-tfassil tal-proposti leġiżlattivi futuri. Meta jinstab li l-kostijiet regolatorji jkunu sproporzjonati mal-għanijiet segwiti, se jiġu esplorati approċċi alternattivi biex jinkisbu l-istess għanijiet. Pereżempju, rieżamijiet futuri tar-regoli tal-iskema speċjali tal-VAT għan-negozji ż-żgħar, il-punt uniku ta' kuntatt tad-dwana tal-UE u ż-Żoni b’Fowkus Ekoloġiku jistgħu jwasslu għal iffrankar sinifikanti.

Inizjattivi ġodda u fis-seħħ biex jitnaqqsu l-piżijiet...

Aktar tard din is-sena se jitħabbru għadd ta’ inizjattivi ġodda bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni diġà qed taħdem b’mod attiv biex tnaqqas il-piżijiet f’oqsma bħal:

L-akkwisti pubbliċi: Il-Kummissjoni se tipproponi forma standard għad-dejta biex tindirizza d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-SMEs li jkollhom jimlew dokumentazzjoni twila u kumplessa fl-akkwist pubbliku.

Statistika tan-negozju: Il-Kummissjoni se tkejjel u toħloq iffrankar tal-ispejjeż għan-negozji permezz tar-Regolament Qafas li Jintegra l-Istatistiki tan-Negozji (Framework Regulation Integrating Business Statistics - FRIBS) u l-Istatistika tas-Suq Uniku (Single Market Statistics - SIMSTAT).

Leġiżlazzjoni dwar il-Kimiċi: Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi ħolqot iffrankar konsiderevoli għan-negozji li joperaw fis-Suq Uniku. Madankollu, il-kumpaniji żgħar isibuha diffiċli u għali biex jikkonformaw mar-rekwiżiti amministrattivi assoċjati. Il-Kummissjoni se tindirizza dan it-tħassib billi tissimplifika r-regoli għas-sustanzi użati fi kwantitajiet żgħar u billi toħloq pjan ta’ azzjoni biex tgħin lill-SMEs jilħqu l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-1 ta’ Ġunju 2018 għal dawn il-kwantitajiet. Fl-2015 se jsiru proposti għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, tnaqqis tal-ammont ta’ informazzjoni meħtieġa u ż-żieda tal-previdibbiltà tal-proċess.

It-tħassir tal-leġiżlazzjoni skaduta...

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tgħarbel il-leġiżlazzjoni settorjali biex tidentifika u tipproponi t-tħassir ta’ leġiżlazzjoni skaduta li ma għadhiex taqdi l-iskop tagħha jew li hija ta’ piż eċċessiv. Ġew identifikati 23 kandidat biex jitħassru f’diversi oqsma ta’ politika 12 . Fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd jitwettqu eżerċizzji annwali biex jiġu identifikati atti li għadda żmienhom. Dawn l-aħjar prassi se jiġu estiżi fil-Kummissjoni kollha.

Evalwazzjonijiet u Verifiki tal-Idoneità...

Barra minn hekk, qed jitħejjew rieżamijiet u evalwazzjonijiet komprensivi li jwittu t-triq għal azzjoni futura possibbli f'firxa wiesgħa ta’ politiki u leġiżlazzjoni — pereżempju dwar il-pagamenti tard, il-pestiċidi; l-ikel, in-nutrizzjoni u l-pretensjonijiet tas-saħħa; l-assigurazzjoni tal-vetturi; ir-Regolament tad-Derivattivi tal-UE u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali.

Ħidma oħra ta’ evalwazzjoni li qed issir fir-REFIT qiegħda toqrob lejn it-tmiem. B’mod partikolari:

Il-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi tal-ikel ġenerali (ir-Regolament 178/2002) se jevalwa jekk il-prinċipji fundamentali u definizzjonijiet tagħha ġewx implimentati b’mod effettiv u jekk humiex adattati għal dan l-iskop responsabbiltajiet ġodda għall-operaturi, filwaqt li jitqiesu r-regoli u l-istandards stabbiliti mil-leġiżlazzjoni sussegwenti, l-implimentazzjoni tagħhom u l-effetti kumulattivi li jirriżultaw u d-duplikazzjonijiet potenzjali.

Bħala segwitu għall-evalwazzjoni komprensiva tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol li mistennija titlesta fl-aħħar tal-2015, il-Kummissjoni se tidentifika nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati u tiżviluppa miżuri speċifiċi biex itaffi l-piżijiet għall-SMEs u biex tgħinhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE. Se titqies azzjoni possibbli biex titjieb il-koerenza u l-konsistenza bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti kimiċi (REACH).

Bl-istess mod, ir-riżultati tal-Kontroll tal-Idoneità tal-leġislazzjoni tas-sustanzi kimiċi barra mir-REACH (li se jitlesta fl-2016) se jidentifika azzjonijiet possibbli jkomplu jnaqqsu l-piżijiet.

Titjib fl-implimentazzjoni...

It-tnaqqis tal-piż amministrattiv ma jikkonċernax biss tibdil fil-leġislazzjoni. Hemm ħafna modi oħra biex jitjieb il-mod li tiġi implimentata bih il-liġi tal-UE. Pereżempju, il-Kummissjoni se:

Tniedi rieżami wiesa' tar-rekwiżiti ta’ rappurtar biex tara kif jistgħu jitnaqqsu l-piżijiet. Dan ir-rieżami se jikkonċentra b'mod partikolari fuq oqsma fejn il-partijiet konċernati riċentament għadhom kif indikaw it-tħassib tagħhom, bħall-agrikoltura, l-enerġija, l-ambjent u s-servizzi finanzjarji.

Nikkooperaw mal-Istati Membri biex neżaminaw l-aħjar modi biex jiżguraw il-konformità mal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali, inklużi dawk li taw bidu għal rieżami ta’ kif ir-regolamentazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri jingħaqdu biex jgħinu jipproteġu l-ambjent (bħal fl-inizjattiva “Make it work”). L-objettivi huwa li jiġu identifikati soluzzjonijiet li jtejbu l-applikazzjoni effiċjenti tal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali u lokali billi titnaqqas il-komplessività tagħha filwaqt li jinżamm il-livell ta' protezzjoni tagħha.

Niffinalizzaw il-ħidma fuq bażi tad-dejta biex nipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u affidabbli tar-rekwiżiti tal-UE u tal-Istati Membri għat-tikkettar tal-ikel biex ngħinu lill-SMEs b’mod partikolari.

Inkomplu nimmonitorjaw bir-reqqa li d-Direttivi tal-UE jkunu trasposti b'mod ċar, tajjeb u fil-ħin u li r-regoli tal-UE jiġi implimentati u infurzati sew fl-Istati Membri kollha, iġibu ċertezza legali u jħallu liċ-ċittadini u lin-negozji jibbenefikaw mill-opportunitajiet tas-suq uniku.

Is-simplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE...

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ilha favur is-simplifikazzjoni tal-immaniġġjar tal-fondi tal-UE biex tgħin jiġu mmassimizzati l-benefiċċji ta’ dan il-finanzjament filwaqt li żżomm standards għoljin ta’ immaniġġar finanzjarju. Il-progress fis-simplifikazzjoni jiġi mmonitorjat mit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Simplifikazzjoni Amministrattiva li tiġi ppubblikata regolarment mill-Kummissjoni. 13 Il-kumplessità tar-regoli amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri żżid il-burokrazija, id-dewmien, l-ispejjeż tal-kontrolli u l-iżbalji. Is-simplifikazzjoni hija element importanti tal-isforz tal-“baġit tal-UE il-ġdid iffukat fuq ir-riżultati” u l-Kummissjoni se tkompli din il-ħidma, pereżempju fil-qasam ta’:

Il-Politika Agrikola Komuni, fejn il-Kummissjoni se tissimplifika l-immaniġġjar tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq b’mod partikolari billi tgħaqqad 200 regolament eżistenti tal-Kummissjoni f’40 att ta’ implimentazzjoni u delegat.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli biex jimmonitorja t-twettiq tas-simplifikazzjoni mill-Istati Membri; tniedi sensiela ta’ studji biex teżamina aktar alternattivi għat-tnaqqis u simplifikazzjoni tal-kostijiet; u toħloq bażi tad-dejta interattiva tat-testi legali u dokumenti ta’ gwida għall-Istati Membri, il-benefiċjarji u l-partijiet konċernati.

L-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, fejn qed titħejja t-tieni mewġa ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni għall-Programm Qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni.

4.3.Approċċ inklużiv

Il-Kummissjoni se tfittex b’mod attiv l-kontribut tal-partijiet konċernati dwar kif tista' ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE.

Flimkien mal-websajt il-ġdida “Ħaffef il-Piż - Semma' Leħnek” deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni waqqfet "pjattaforma ġdida tar-REFIT" u dalwaqt se tagħti lin-nies l-opportunità jsemmgħu leħinhom u jipprovdu bażi għal ħidma inklużiva dwar aġenda komuni. Il-pjattaforma se tinvolvi esperti ta’ livell għoli mid-dinja tan-negozju, l-isħab soċjali u s-soċjetà ċivili maħtura permezz ta’ proċess miftuħ u trasparenti kif ukoll esperti mit-28 Stat Membru kollha, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni. Kull parti konċernata li jkollha tħassib jew suġġerimenti se tkun tista' tippreżenta l-fehmiet tagħha dwar l-impatt tal-liġijiet tal-UE fil-Pjattaforma u tissuġġerixxi kif il-leġiżlazzjoni tista’ tittejjeb. Il-Pjattaforma se tqis dawk is-suġġerimenti, titlob opinjonijiet dwar temi speċifiċi, bħal “l-ostakli għad-diġitalizzazzjoni” jew "għall-innovazzjoni" u tagħmel suġġerimenti konkreti lill-Kummissjoni.

Il-President tal-pjattaforma se jkun l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tirreaġixxi għas-suġġerimenti kollha tal-Pjattaforma u se tispjega sistematikament kif biħsiebha tagħti segwitu. Il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess f’każijiet fejn is-suġġerimenti jirrigwardaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali.

5.Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi serje ta’ azzjonijiet li juru l-impenn imġedded tal-Kummissjoni biex tapplika r-Regolamentazzjoni Aħjar fil-ħidma tagħha ta’ kuljum. L-għan huwa li taħdem b’mod aktar trasparenti u b’mod inklussiv biex tipproduċi proposti ta’ kwalità ogħla, u tiżgura li r-regoli eżistenti jagħtu riżultati soċjetali importanti b’mod aktar effettiv.

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tikseb Regolamentazzjoni Aħjar weħidha. Dan jeħtieġ impenn kondiviż mill-istituzzjonijiet tal-UE kollha, l-Istati Membri u atturi oħrajn bħalma huma l-isħab soċjali. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom responsabbiltà partikolari li jipproduċu regolamentazzjoni aħjar. Il-Kummissjoni tistedinhom jibdew negozjati malajr fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim interistituzzjonali ġdid — bil-għan li jaslu jiffinalizzawh qabel tmiem l-2015.

(1)  COM(2002) 704 ikkumplimentata minn COM(2012) 746, SWD(2012) 422 u COM(2014) 368
(2)  Tali pjanijiet ta' direzzjoni u valutazzjonijiet tal-impatt fil-bidu se jiġu ċċirkolati permezz ta’ sistema ta’ twissija awtomatika https://webgate.ec.europa.eu/notifications/homePage.do ; http://ec.europa.eu/transparencyregister/public/homePage.do  
(3)  Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti speċifiċi li japplikaw għall-proposti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2) TFUE.
(4)  Se japplikaw ċerti eċċezzjonijiet għall-abbozzi ta' atti kemm delegati kif ukoll ta’ implimentazzjoni inkluż: meta l-abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jkun dwar l-immaniġġar finanzjarju u fil-każ taż-żewġ tipi ta’ atti, meta ma jkunx hemm diskrezzjoni fuq il-kontenut (jew tkun limitata); meta tkun diġà saret konsultazzjoni estensiva matul il-preparazzjoni tal-att (bħal minn xi Aġenzija tal-UE); meta l-urġenza tipprevjeni tali konsultazzjonijiet; jew għal raġunijiet oħra ġustifikati kif dovut.
(5)  Huwa meħtieġ memorandum ta’ spjegazzjoni għal kull proposta leġiżlattiva u att delegat iżda mhux għal atti ta’ implimentazzjoni.
(6)  Se japplika perjodu ta’ tranżizzjoni sal-aħħar tal-2015 għal dawk l-inizjattivi li diġà huma fi stadju avvanzat ħafna. B’referenza għar-rekwiżiti l-ġodda tal-Linji gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju l-ġdid se jagħmel valutazzjoni pragmatika tar-rieżamijiet tal-kwalità tiegħu fejn se jqis it-tajming tal-proċess preparatorju għal kull valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjoni ewlenija li taqa' taħt l-iskrutinju tiegħu. Il-konsultazzjoni pubblika dwar abbozzi ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ippjanar rispettivi se jiddaħħlu b’mod gradwali flimkien mar-rekwiżiti tal-proċessar intern meħtieġ.
(7)  Ara l-prinċipji għall-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni aħjar u l-prassi tagħhom tal-Komunità: http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/communities/better-self-and-co-regulation  
(8)  Id-definizzjonijiet ta’ negozji żgħar, medji u mikro jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/sme-definition/index_mt.htm  
(9)  Ara IP/14/2761.
(10)  Dawn il-kriterji jistgħu jiġu formulata billi jitqies ir-rapport Szájer mill-Parlament Ewropew (dwar is-segwitu tad-delega tas-setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni). Allinjament tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mat-Trattat ta’ Liżbona tista’ ssegwi l-ftehim dwar il-fehim komuni ġdid.
(11)  SWD(2015)110
(12)  Għad-dettalji ara t-Tabella tal-Valutazzjoni tar-REFIT
(13)  It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Simplifikazzjoni għall-QFT 2014-2020, COM(2014) 114 finali, 3.03.2014.
Top