IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 28.4.2015
COM(2015) 185 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0185
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS The European Agenda on Security
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
/* COM/2015/0185 final */
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 28.4.2015
COM(2015) 185 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
L-Unjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li n-nies jgħixu f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mingħajr fruntieri interni. Hemm bżonn li l-Ewropej iħossuhom kunfidenti li, kull fejn imorru fl-Ewropa, il-libertà u s-sigurtà tagħhom ikunu protetti sew, f’konformità sħiħa mal-valuri, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.
F’dawn l-aħħar snin tfaċċaw theddidiet ġodda u kumplessi li jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar sinerġiji u koperazzjoni aktar mill-qrib fil-livelli kollha. Ħafna mill-problemi marbuta mas-sigurtà tal-lum joriġinaw mill-instabilità fil-viċinat immedjat tal-UE u l-forom li jinbidlu tar-radikalizzazzjoni, il-vjolenza u t-terroriżmu. It-theddidiet qed isiru aktar varjati u aktar internazzjonali, kif ukoll dejjem aktar transfruntiera u transsettorjali fin-natura tagħhom.
Dan it-theddid jitlob reazzjoni effettiva u kkoordinata fil-livell Ewropew. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE qablu li neħtieġu Strateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda għall-ħames snin li ġejjin 1 .
Biex jintlaħaq dan l-għan, din l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tistabbilixxi kif l-Unjoni tista’ ġġib valur miżjud biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżgurar tas-sigurtà. Kif qal il-President Jean-Claude Juncker fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, "Il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntiera hija responsabbiltà komuni Ewropea". 2 L-Istati Membri għandhom l-ewwel responsabbiltà għas-sigurtà, iżda ma jistgħux jirnexxu aktar waħedhom. Filwaqt li jirrispettaw ir-responsabbiltajiet nazzjonali għas-salvagwardja tal-liġi u l-ħarsien tas-sigurtà interna, l-atturi rilevanti kollha tal-UE u dawk nazzjonali jeħtieġ li jaħdmu aħjar flimkien biex jindirizzaw it-theddidiet transfruntiera. L-Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà għandha għalhekk tkun aġenda kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Ir-riżultat għandu jkun żona tal-UE ta' sigurtà interna fejn l-individwi huma protetti f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.
Din l-Aġenda se tixpruna skambju aħjar ta’ informazzjoni, aktar kooperazzjoni operattiva u fiduċja reċiproka, fuq il-bażi tal-firxa sħiħa ta’ politiki u għodod tal-UE. Se tiżgura li d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà jaħdmu id f’id. Filwaqt li l-UE għandha tibqa’ viġilanti għal theddid emerġenti ieħor li jista' jirrikjedi wkoll rispons koordinat tal-UE, l-aġenda tagħti prijorità lit-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità bħala oqsma interkonnessi b’dimensjoni transfruntiera b’saħħitha, fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tagħmel differenza reali.
1. NAĦDMU AĦJAR FLIMKIEN FUQ IS-SIGURTÀ
L-UE diġà daħħlet fis-seħħ għadd ta’ għodod legali, prattiċi, u ta’ appoġġ biex tirfed żona Ewropea ta’ sigurtà interna. L-għanijiet strateġiċi stabbiliti fl-Istrateġija Interna tas-Sigurtà 2010-2014 jibqgħu validi u għandhom ikomplu jiġu segwiti 3 . It-Trattat ta’ Lisbona poġġa lill-UE f’pożizzjoni tajba biex tirnexxi, billi saħħaħ il-qafas legali tal-UE biex jingħaqdu l-isforzi u tiġi żgurata l-libertà u s-sigurtà, il-moviment liberu intern u reazzjoni effettiva tal-Ewropa għal theddid transfruntiera. It-Trattat saħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-kontroll demokratiku fuq il-politiki tal-Unjoni dwar is-sigurtà interna, u l-Parlament Ewropew sar koleġiżlatur ugwali dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali taqa’ fl-ordni legali normali tal-UE. Issa l-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Kummissjoni bħala Gwardjan tat-Trattati japplika bis-sħiħ 4 , u dan se jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadini u tiżdied iċ-ċertezza legali u l-fiduċja reċiproka.
Issa wasal iż-żmien li naħdmu aħjar u aktar mill-qrib flimkien. Is-suċċess tal-għodod li l-Unjoni daħħlet fis-seħħ f’dawn l-aħħar snin jiddependi, l-ewwel nett, fuq il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-atturi kollha involuti: L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali.
Għal dan l-għan, l-Aġenda tistabbilixxi approċċ kondiviż għall-UE u l-Istati Membri tagħha li huwa komprensiv, orjentat lejn ir-riżultati u realistiku. Biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ miżuri eżistenti tal-UE u, fejn meħtieġ, jinħolqu impjiegi ġodda u azzjonijiet komplementari, l-atturi kollha involuti jridu jaħdmu flimkien fuq il-bażi ta' ħames prinċipji ewlenin.
L-ewwel nett, jeħtieġ li niżguraw konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. Is-sigurtà u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali mhumiex miri kunfliġġenti, iżda għanijiet politiċi konsistenti u kumplimentari 5 . L-approċċ tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-valuri demokratiċi komuni tagħna ta’ soċjetajiet miftuħa, inkluż l-istat tad-dritt, u jrid jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet fundamentali, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-miżuri kollha ta' sigurtà jridu jkunu konformi mal-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, b’salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata responsabbiltà u rimedju ġudizzjarju 6 . Il-Kummissjoni se tittestja strettament kwalunkwe miżura ta’ sigurtà biex tara li tikkonforma b’mod sħiħ mad-drittijiet fundamentali filwaqt li b’mod effettiv tikseb l-għanijiet tagħha. L-impatt ta’ kwalunkwe inizjattiva pendenti ġdida dwar il-moviment liberu u l-protezzjoni ta’ dejta personali għandu jkun kompletament konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u d-drittijiet fundamentali. Din hija responsabbiltà kondiviża tal-atturi kollha tal-UE u tal-Istati Membri. Korpi tal-UE bħall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom rwol importanti biex jassistu lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji oħra tal-UE fid-difiża u l-promozzjoni tal-valuri tagħna.
It-tieni nett, neħtieġu iktar trasparenza, responsabbiltà u kontroll demokratiku biex jagħtu fiduċja liċ-ċittadini. Il-Parlament Ewropew ħa f’idejh ir-rwol sħiħ tiegħu ta’ koleġiżlatur, li jiżgura sorveljanza demokratika sħiħa. Ir-rwol speċifiku tal-parlamenti nazzjonali fil-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja 7 huwa rifless f’impenn usa’ tal-Kummissjoni għal tiġdid tad-djalogu politiku mal-Parlamenti nazzjonali. Darbtejn fis-sena l-Kummissjoni se taġġorna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll indikaturi ta’ prestazzjoni għall-istrumenti ewlenin tal-UE. Biex tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u l-parteċipazzjoni, il-Kummissjoni fl-2015 se twaqqaf Forum Konsultattiv tal-UE dwar is-Sigurtà li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-aġenziji tal-UE, u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-akkademja u tas-settur privat.
It-tielet, jeħtieġ niżguraw applikazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-istrumenti legali eżistenti tal-UE Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni se tkun li tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar fiduċja reċiproka, jisfruttaw bis-sħiħ l-għodod eżistenti ewlenin għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jrawmu kooperazzjoni transfruntiera operattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti. Kemm l-evalwazzjoni bejn il-pari kif ukoll il-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni ta’ miżuri Ewropej għandhom rwol x’jaqdu.
Ir-raba’, neħtieġu aktar rabta bejn l-aġenziji u approċċ transsettorjali. Minħabba ż-żieda fir-rabta bejn tipi differenti ta’ theddid għas-sigurtà, il-politika u l-azzjoni fuq il-post għandhom ikunu kompletament ikkoordinati fost l-aġenziji rilevanti kollha tal-UE, fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni 8 u lil hinn. Dawn l-aġenziji jipprovdu saff speċjalizzati ta’ appoġġ u għarfien espert għall-Istati Membri u l-UE. Huma jiffunzjonaw bħala ċentri ta’ informazzjoni, jgħinu fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-kooperazzjoni operattiva bħal azzjonijiet transfruntieri. Wasal iż-żmien li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn dawn l-aġenziji. Il-Kummissjoni se tniedi riflessjoni dwar kif jista’ jiġi massimizzat il-kontribut tagħhom permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom, koordinazzjoni mal-Istati Membri, ipprogrammar komprensiv, ippjanar bir-reqqa u mmirar tar-riżorsi.
Azzjonijiet speċifiċi f'firxa wiesgħa ta' politiki tal-UE jikkontribwixxu għall-objettivi ta' sigurtà, inkluż fil-qasam tat-trasport, tal-finanzi, tad-dwana, tal-edukazzjoni, tal-politika ta' sigurtà marittima, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-enerġija u dak tas-saħħa pubblika. Azzjonijiet bħas-Suq Uniku Diġitali u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jikkumplimentaw u jsaħħu l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. L-Aġenda tibni wkoll fuq l-istrateġiji settorjali eżistenti li jistgħu jikkontribwixxu – direttament jew indirettament – għal livell għoli ta’ sigurtà 9 .
Din l-Aġenda għandha titqies flimkien mal-Aġenda Ewropea li jmiss dwar il-Migrazzjoni, 10 li ser tindirizza kwistjonijiet li huma direttament rilevanti għas-sigurtà, bħall-kuntrabandu ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin, tal-koeżjoni soċjali u l-ġestjoni tal-fruntieri.
Il-ħames, jeħtiġilna li nġibu flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà. It-theddid għas-sigurtà mhuwiex limitat biss fi ħdan il-fruntieri tal-UE. Is-sigurtà interna tal-UE u s-sigurtà globali huma interdipendenti u interkonnessi. Ir-reazzjoni tal-UE għalhekk għandha tkunu komprensiva u msejsa fuq sett koerenti ta’ azzjonijiet li jiġbru flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni, biex insaħħu aktar ir-rabtiet bejn il-Ġustizzja u l-Affarjiet Interni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Is-suċċess tagħha jiddependi ħafna fuq kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali. L-impenn preventiv ma’ pajjiżi terzi hu meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Għandna nimmassimizzaw il-valur miżjud ta’ djalogi ta’ politika eżistenti dwar is-sigurtà immexxija mill-UE – u ta’ strumenti u attivitajiet finanzjarji tal-UE – ma’ pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat, sħab strateġiċi prinċipali, u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti. Id-djalogi għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu prijoritajiet bħal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin. Dan għandu jwassal għal pjanijiet ta’ azzjoni konġunti speċifiċi ma’ pajjiżi terzi ewlenin u jiġi rifless f’użu mmirat ta’ strumenti finanzjarji tal-UE.
Id-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi huma importanti għad-djalogi dwar is-sigurtà, u għalhekk jirrikjedu għarfien espert u aktar koordinazzjoni lokali. L-użu kontinwu ta’ esperti dwar is-sigurtà fid-Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u f’pajjiżi mhux tal-UE fil-mira għandu jkun prijorità. Għandna wkoll nesploraw kif nistgħu nagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert ta’ Stat Membru uffiċjali tal-infurzar tal-liġi sekondati lil pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll nikkunsidraw il-fattibbiltà ta’ stazzjonar ta’ uffiċjali ta’ kollegament u ta’ maġistrati tal-aġenziji tal-UE f’pajjiżi terzi ewlenin.
Ftehimiet dwar assistenza legali reċiproka (MLA) ma’ pajjiżi terzi (l-Istati Uniti, il-Ġappun 11 ) huma strumenti ewlienin għal koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, u l-Kummissjoni se tevalwa jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu żviluppati ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħrajn ma’ pajjiżi terzi ewlenin.
Fl-aħħar, l-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Interpol, u tuża forums multilaterali bħall-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu b’mod aktar attiv biex jiġu promossi l-aħjar prattiċi u jintlaħqu objettivi komuni.
L-aspetti esterni tas-sigurtà se jkunu żviluppati b’mod aktar komprensiv fil-qafas tar-Rieżami Strateġiku li r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni tat bidu għalih, kif ukoll fir-rieżami li qed isir bħalissa tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.
2. IT-TISĦIĦ TAL-PILASTRI TAL-AZZJONI TAL-UE
F’termini operattivi, naħdmu aħjar u aktar mill-qrib flimkien tfisser, qabel kollox, li l-atturi kollha involuti – l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi – jimplimentaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti. Dan isejjaħ ukoll, fejn meħtieġ, għal għododġodda jew żviluppati aktar biex jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-miżuri tal-UE għall-iskambju tal-informazzjoni, kooperazzjoni operattiva u appoġġ ieħor.
2.1 Skambju aħjar ta’ informazzjoni
L-Unjoni tipprovdi għadd ta’ għodod biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Għandhom jintużaw bis-sħiħ mill-Istati Membri. Fejn ikun għad hemm lakuni kritiċi, aħna għandna nevalwaw jekk hemmx il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali tal-UE.
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija l-aktar strument użat illum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jużawha biex jikkonsultaw allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin, kemm fl-Unjoni u fil-fruntiera esterna. Is-SIS ġiet aġġornata kmieni fl-2015 biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar suspettati terroristi u biex issaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri biex jinvalidaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ persuni suspettati li jixtiequ jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi barra mill-UE. Il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn possibbiltajiet biex tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjonijiet ta’ vvjaġġar stabbiliti fil-livell nazzjonali. Fl-2015-2016, il-Kummissjoni se tevalwa s-SIS biex tqis jekk ħtiġijiet operattivi ġodda jirrikjedux tibdiliet leġiżlattivi, bħall-introduzzjoni ta’ kategoriji addizzjonali biex jiġu skattati l-allerti.
Biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri esterni, għandu jkun hemm użu aktar sħiħ tas-SIS flimkien mal-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD). Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri biex jużaw kontrolli awtomatizzati fil-fruntieri b’kontrolli tas-SIS u tas-SLTD, u se tkompli timmonitorja jekk l-Istati Membri jimplimentawx l-obbligu tagħhom li jipprovdu dejta lis-SLTD 12 . Il-Kummissjoni qed taġġorna wkoll il-manwal tagħha għall-gwardji tal-fruntiera biex ikun hemm immirar aħjar tal-kontrolli fil-fruntieri u biex jiġi promoss l-użu sħiħ tas-SIS u tas-SLTD.
L-Istati Membri jerfgħu ir-responsabbiltà tal-Unjoni kollha meta jikkontrollaw il-parti tagħhom tal-fruntieri esterni. Din hija r-raġuni għaliex fit-twettiq ta' kontrolli fuq persuni, il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntiera għandha tkun appoġġjata minn indikaturi komuni tar-riskju. Abbażi ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, fl-ewwel nofs tal-2015 il-Kummissjoni se tiffinalizza l-ewwel sett ta’ indikaturi komuni tar-riskju fir-rigward ta' ġellieda terroristi barranin. Il-Europol u l-Frontex se jkollhom rwol ewlieni fil-manutenzjoni futura ta’ dawn l-indikaturi tar-riskju. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-effikaċja tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u teżamina kwalunkwe ħtieġa emerġenti għal titjib.
Standards għoljin komuni ta’ ġestjoni tal-fruntieri, b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt u lejn id-drittijiet fundamentali, huma essenzjali wkoll biex wieħed jipprevjeni l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntiera. L-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni ser tindirizza wkoll il-ġestjoni tal-fruntieri. Il-proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta sal-bidu tal-2016 se tgħin biex tiżdied l-effiċjenza u l-effettività.
Miżuri komplementari biex tittejjeb is-sigurtà b’rabta mal-moviment tal-oġġetti jikkontribwixxu wkoll fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fuq il-fruntiera, bħalma huma t-traffikar ta’ armi, drogi illegali u l-kuntrabandu tas-sigaretti jew it-trasferimenti illegali ta’ muniti. Sistema ta’ Tagħrif bil-Quddiem dwar il-Merkanzija Doganali tipprovdi lill-awtoritajiet doganali b’tgħarif bil-quddiem għall-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà ta’ merkanzija li jaslu fl-UE u li jitilqu minnha. Din is-sistema għandha tkun sfruttata kompletament billi jiġi żgurat l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni bejn id-dwana u ma’ awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi. Is-sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) tipprovdi pjattaforma kruċjali għall-iskambju ta’ informazzjoni kontra l-frodi li tappoġġja l-infurzar tal-liġi doganali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalitŕ transfruntiera 13 .
Il-qafas Prüm 14 huwa eżempju ieħor ta’ għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE li għad irid jintuża fil-potenzjal kollu tiegħu. Jista’ joffri tqabbil awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, dejta dwar il-marki tas-swaba’ u dejta dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi – kollha informazzjoni ewlenija għall-kxif tal-kriminalità u għall-bini ta’ każ effettiv. Is-sistema mhix qed tissodisfa l-potenzjal tagħha stess għax f’dan l-istadju għadd limitat biss ta’ Stati Membri implimentaw l-obbligi legali tagħhom u integraw in-netwerk fis-sistemi tagħhom. Din tfixkel l-effettività kumplessiva tal-qafas Prüm fil-qbid u l-prosekuzzjoni tal-kriminali. L-Istati Membri rċevew appoġġ finanzjarju u tekniku sinifikanti għall-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se tittratta dan il-qasam bħala prijorità u tuża s-setgħat tagħha sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE.
Tabilħaqq, l-implimentazzjoni legali ta’ strumenti tal-UE fil-livell nazzjonali mhijiex biżżejjed. L-għodod tal-qafas tas-sigurtà tal-UE jiffunzjonaw biss fil-kapaċità sħiħa tagħhom meta l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi huma fiduċjużi fl-istrumenti eżistenti u jaqsmu l-informazzjoni volontarjament. Il-proposta għal bażi legali ġdida għall-Europol 15 , li attwalment qiegħda quddiem il-koleġiżlaturi, tfittex li ttejjeb il-kapaċitajiet analitiċi tal-Europol, tistimula azzjoni operattiva min-naħa tal-Istati Membri, u ssaħħaħ ir-reġim tal-aġenzija dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-Istati Membri għandhom jużaw lill-Europol bħala l-mezz tal-ewwel għażla tagħhom għall-qsim ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi madwar l-UE. L-Applikazzjoni ta’ Netwerk Sikur għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (SIENA) tal-Europol tippermetti lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin b’mod mgħaġġel, sigur u faċli għall-utent, mal-Europol, jew ma’ partijiet terzi li jkollhom ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Europol. L-użu attiv ta’ strumenti għall-iskambju ta’ informazzjoni jeħtieġ ukoll l-interfaċċja t-tajba bejn l-għodod tal-UE u s-sistemi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, bħall-Punti Uniċi ta’ Kuntatt. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strutturi fuq livell nazzjonali biex jintegraw u jikkoordinaw ix-xogħol tal-awtoritajiet rilevanti.
Biex jiġu mfixkla n-netwerks terroristiċi u kriminali huwa essenzjali li jiġu ntraċċati l-movimenti tat-trasgressuri. Issa huwa urġenti li l-koleġiżlaturi jiffinalizzaw il-ħidma tagħhom għat-twaqqif ta’ sistema għall-passiġieri bl-ajru ta’ Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li tirrispetta r-rekwiżiti legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tipprovdi għodda ġdida effiċjenti fil-livell tal-UE. L-analiżi tal-informazzjoni tal-PNR provduta fiż-żmien tal-ibbukkjar u ċ-check-in tgħin fl-identifikazzjoni ta’ vjaġġaturi b’riskju għoli preċedentement mhux magħrufa mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Id-dejta tal-PNR uriet li hija neċessarja biex jiġu identifikati vjaġġaturi b’riskju għoli fil-kuntest tal-ġlieda kontra terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u reati serji oħrajn. Ladarba tiġi adottata, id-Direttiva dwar il-PNR se tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali u li jitnaqqsu d-distakki ta’ sigurtà bejn l-Istati Membri. Indikaturi komuni tar-riskju għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR se jgħinu biex ma jħallux li l-kriminali jevitaw li jiġu individwati billi jivvjaġġaw minn Stat Membru ieħor. Il-Europol u l-Frontex jista' jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ dawn l-indikaturi tar-riskju abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri.
L-UE kkonkludiet ftehimiet dwar il-PNR mal-Istati Uniti, mal-Kanada u mal-Awstralja. Kooperazzjoni bħal din għandha valur miżjud reali fl-identifikazzjoni u l-arrest ta’ ġellieda terroristi barranin, it-traffikanti tad-drogi jew il-vjaġġaturi awturi ta’ reati sesswali. L-approċċ futur tal-Unjoni għall-iskambju ta’ dejta tal-PNR ma’ pajjiżi mhux tal-UE se jqis il-ħtieġa li jiġu applikati standards konsistenti u protezzjonijiet speċifiċi tad-drittijiet fundamentali. Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-Ftehim dwar il-PNR mal-Kanada, u abbażi tal-konklużjonijiet tal-Qorti, il-Kummissjoni se tiffinalizza l-ħidma tagħha fuq soluzzjonijiet legalment sodi u sostenibbli għall-iskambju ta’ dejta tal-PNR ma’ pajjiżi terzi oħra , fosthom billi tikkunsidra mudell ta’ ftehim fuq il-PNR li jistabbilixxi r-rekwiżiti li l-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw biex jirċievu dejta tal-PNR mill-UE.
Regoli komuni dwar il-protezzjoni tad-dejta se jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji biex jikkooperaw ma’ xulxin b’mod aktar effettiv, kif ukoll li tinbena l-fiduċja u l-iżgurar taċ-ċertezza legali. Huwa kruċjali li sat-tmiem tal-2015 ikun hemm ftehim dwar ir-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta kollha kemm hi, u b’mod partikolari l-proposta ta' Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja mal-gvern tal-Istati Uniti ftehim ta’ qafas internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta (“Ftehim Kwadru tal-Protezzjoni tad-Dejta”) sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dejta personali li tiġi ttrasferita bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu.
Id-dejta tal-komunikazzjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta 16 , il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali.
Il-ġlieda kontra organizzazzjonijiet kriminali attivi f’bosta pajjiżi tal-UE tirrikjedi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. 26 Stat Membru qed jużaw is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti għal ċittadini tal-UE. Madankollu, din ma taħdimx b’mod effettiv għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE kkundannati fl-UE. Il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma li diġà qed titwettaq sabiex titjieb l-ECRIS għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u hija lesta biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tagħha.
Id-disponibbiltà f’ħin reali ta’ dejta eżistenti madwar l-Istati Membri hija qasam għal ħidma futura dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. Bi tweġiba għal talba li saret mill-Kunsill 17 , il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa u l-valur potenzjali miżjud ta’ Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) biex jiġi faċilitat l-aċċess transfruntiera għall-informazzjoni miżmuma fir-rekords nazzjonali tal-pulizija. Fil-frattemp, il-Kummissjoni qed tappoġġja t-tnedija ta’ proġett pilota ppjanat minn grupp ta’ Stati Membri biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi għal tfittxijiet transfruntiera awtomatizzati f’indiċijiet nazzjonali fuq bażi ta’ 'hit'/'no hit' 18 .
Fl-aħħar nett, l-Ambjent Komuni Marittimu għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) se jippermetti l-interoperabbiltà tas-sigurtà tad-dejta rilevanti bħal riskji dwar il-piraterija, it-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ armi u drogi, it-traffikar tal-bnedmin, it-tniġġis ambjentali, il-protezzjoni ċivili u diżastri naturali bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-mandati eżistenti tagħhom.
L-azzjoni tal-UE għandha l-ewwel nett tiffoka fuq l-implimentazzjoni sħiħa ta’ regoli li diġà jeżistu — bħall-qafas Prüm — u l-adozzjoni tal-proposti diġà fuq il-mejda — bħalma huma d-Direttiva dwar ir-reġistru tal-PNR, ir-Regolament tal-Europol u r-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta. Dan diġà se jikkostitwixxi pass kbir 'il quddiem billi jiġi stabbilit b’mod ċar, sigur, u rregolat kif suppost sett ta’ għodod li jagħtu lill-awtoritajiet l-informazzjoni li għandhom bżonn — sakemm dawn l-għodod jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom. Strumenti ewlenin bħas-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-ECRIS għandhom ukoll jiġu rieżaminati kontinwament u jimtlew il-lakuni li jfiġġu fil-kopertura.
2.2 Kooperazzjoni operattiva akbar
It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi arranġamenti legali u prattiċi biex jagħmlu l-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti effettiva.
Permezz taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità organizzata u serja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkoordinaw prijoritajiet komuni u azzjonijiet operattivi. Il-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna (COSI) għandu rwol ċentrali. Iċ-Ċiklu tal-Politika jipprovdi metodoloġija għal approċċ iggwidat mill-intelliġenza għas-sigurtà interna, abbażi ta’ valutazzjonijiet konġunti ta’ theddid b'koordinazzjoni mal-Europol. Jiffoka fuq ir-riżorsi disponibbli fid-dawl ta’ theddid u riskji immedjati, fuq terminu medju u fit-tul għas-sigurtà. Iċ-Ċiklu tal-Politika għandu jintuża aktar mill-Istati Membri biex iniedu operazzjonijiet konkreti tal-infurzar tal-liġi biex jindirizzaw il-kriminalità organizzata, inkluż ma’ pajjiżi terzi. L-Operazzjoni Archimedes, ikkoordinata mill-Europol f’Settembru 2014 biex tindirizza varjetà ta’ reati serji madwar l-Istati Membri u f’pajjiżi terzi, tat eżempju prattiku ta’ kif din tista’ tkun ta’ għajnuna 19 . Operazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu evalwati regolarment sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki għal azzjoni futura.
L-aġenziji tal-UE għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-kooperazzjoni operattiva. Jikkontribwixxu għall-valutazzjoni ta’ theddid komuni għas-sigurtà, jgħinu biex jiġu definiti prijoritajiet komuni għal azzjoni operattiva, u jiffaċilitaw kooperazzjoni u prosekuzzjoni transfruntiera. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ tal-aġenziji biex jindirizzaw il-kriminalità permezz ta’ azzjoni konġunta. Għandha wkoll tiġi promossa kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji, fil-mandati rispettivi tagħhom. Ladarba jiġi implimentat, il-ftehim rivedut ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Frontex, se jippermetti dawn is-sinerġiji billi ż-żewġ aġenziji jiġu permessi jaqsmu dejta personali b’salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta. Il-Eurojust u l-Europol għandhom isaħħu aktar il-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom.
Abbażi ta’ kontribuzzjonijiet minn aġenziji tal-UE u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni kisbet għarfien espert speċifiku fl-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju. Il-Kummissjoni żviluppat Linji Gwida dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju u l-Immappjar għall-Ġestjoni tad-Diżastri 20 , kif ukoll Linji Gwida dwar il-Valutazzjoni tal-kapaċità tal-Istati Membri għall-ġestjoni tar-Riskji, u wettqet valutazzjonijiet tar-riskju dwar splussivi f’merkanzija bl-ajru minn pajjiżi terzi u dwar kontrolli tal-passiġġieri fl-ajruporti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tapplika din il-metodoloġija f’oqsma oħrajn, bħalma huma infrastrutturi kritiċi, jew il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroristi, u biex tevalwa b’mod partikolari effetti kaskata ta’ riskji sistemiċi.
Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jistgħu jiffaċilitaw reazzjoni koerenti Ewropea waqt kriżijiet u emerġenzi, u b’hekk tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn u għalja tal-isforzi. Fil-qafas tal-Klawżola ta’ Solidarjetà 21 , Stat Membru jista’ jitlob l-assistenza tal-UE f’każ ta’ kriżi, inkluż attakki terroristiċi. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-UE jaġixxi bħala l-pjattaforma ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ fuq bażi ta’ 24/7 għall-kriżijiet kollha taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili 22 u taħt il-Klawżola ta’ Solidarjetà, u l-arranġamenti Politiċi ta' Rispons Integrat għall-Kriżijiet (IPCR). Hija tibbaża ruħha fuq kontributi mill-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri. B’żieda fir-riskji ta’ diżastri u riskji ġodda ta’ diżastri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu jaħdmu flimkien biex il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ċivili tal-2013 tiġi implimentata bis-sħiħ u tkun kompletament operattiva, 23 inkluż is-segwitu tal-Qafas Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskji tad-Diżastri 2015-2030 24 L-UE għandha tkompli ssaħħaħ it-tħejjija għall-ġestjoni ta’ kriżijiet għal rispons aktar effiċjenti u koerenti tal-UE għal kriżijiet li jinħolqu minn atti kriminali, li għandhom impatt fuq il-fruntieri, fuq is-sigurtà pubblika u fuq is-sistemi kritiċi. Dan jinkludi t-twettiq ta' aktar eżerċizzji konġunti fuq il-post.
Fil-livell tal-UE hemm għodod transfruntiera disponibbli biex jappoġġjaw il-kooperazzjoni operattiva. Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta (JITs) jipprovdu qafas lest għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, stabbiliti għal perjodu fiss biex jinvestigaw każijiet speċifiċi. Is-SIKs hija għodda effikaċi li għandha tintuża b’mod aktar regolari u tuża l-aġenziji b’mod aktar sistematiku. Fejn każijiet kriminali jkollhom dimensjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-possibilità li jinvolvu pajjiżi terzi fis-SIKs. Bl-istess mod, Operazzjonijiet Doganali Konġunti (JCOs) jippermettu lill-awtoritajiet doganali biex tiġi indirizzata l-kriminalità transfruntiera fil-qasam doganali, bl-użu ta’ approċċ multidixxiplinari. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw b’mod konġunt kriterji ta’ riskju komuni għall-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà mid-dwana ta’ movimenti internazzjonali tal-merkanzija. Skont l-Istrateġija tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġestjoni tar-riskju doganali, l-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fl-individwazzjoni ta’ kummerċ illeċitu f’oġġetti jew flus kontanti.
Il-kooperazzjoni f’netwerks ta’ unitajiet speċjalizzati nazzjonali hija mod effettiv ieħor kif tiġi żgurata kooperazzjoni operattiva bejn il-fruntieri. Il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja (UIFs) u l-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi (AROs) tgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u biex jiġi aċċessat il-qligħ illeċitu tal-kriminalità. Bl-istess mod, l-awtoritajiet doganali jikkooperaw fil-ġestjoni tar-riskji fil-katina tal-provvista internazzjonali filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu 25 . Koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-Funzjonijiet tal-Gwardji tal-Kosta mwettqa fil-livell nazzjonali jsaħħu is-sigurtà marittima. Esperti minn partijiet differenti tal-katina tal-infurzar fl-Istati Membri jikkooperaw ukoll permezz ta’ netwerks varji biex jinstab tarf tar-reati kontra l-ambjent. Il-Kummissjoni se tappoġġa dan l-approċċ f’oqsma oħra.
Iċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (PCCCs) f’reġjuni fil-fruntiera jlaqqgħu flimkien f’sit wieħed l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri differenti. L-UE tappoġġa l-għadd dejjem jikber ta’ PCCCs permezz ta’ kofinanzjament u konferenzi annwali biex jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aqwa prattiċi. Għalkemm ħafna mill-informazzjoni skambjata fil-PCCCs ma tittrattax kriminalità serja u organizzata, huwa importanti li l-informazzjoni dwar każijiet bħal dawn tgħaddi lil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, lill-Europol.
Fir-rigward ta’ koperazzjoni reġjonali, il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-miżuri skont l-Artikolu 89 tat-TFUE relatati mal-operat tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ ieħor jista’ jiġi kkunsidrat wara valutazzjoni tal-għodod eżistenti, inkluż l-insegwiment u s-sorveljanza transfruntiera.
Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tiddependi wkoll fuq strumenti transfruntiera effettivi. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa element ewlieni fil-qafas tas-sigurtà. Għodod bħall-Mandat ta’ Arrest Ewropew urew li huma effettivi iżda strumenti oħra, bħal dwar l-iffrizar u l-konfiska ta' assi kriminali, għadhom mhumiex qed jintużaw sistematikament fil-każijiet xierqa kollha. L-imħallfin nazzjonali għandhom jagħmlu użu min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (EJN) għall-eżekuzzjoni ta’ Mandati ta’ Arrest Ewropew u f’oqsma oħrajn bħal ordnijiet ta’ ffriżar u konfiski. L-implimentazzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew se żżid għodda essenzjali oħra. L-Istati Membri għandhom jużaw lill-Eurojust aktar ta’ spiss biex jikkoordinaw investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet transfruntiera. Il-Eurojust jista' jkun ukoll ta’ għajnuna kbira għal talbiet kumplessi għal assistenza legali reċiproka ma’ pajjiżi barra mill-UE, speċjalment man-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-Eurojust.
Fl-aħħar, it-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jipprovdi dimensjoni ġdida għall-kwistjoni speċifika li l-baġit tal-UE jiġi protett milli jagħmel telf minħabba attività kriminali.
L-istituzzjonijiet tal-UE, aġenziji u għodod ta’ kooperazzjoni eżistenti diġà jipprovdu sett effettiv ta’ strumenti biex jagħmlu l-politika ta’ sigurtà tal-UE realtà operattiva. Aktar sinerġiji bejn l-aġenziji tal-UE u aktar koordinazzjoni sistematika u l-użu sħiħ ta’ għodod bħal timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, jistgħu jagħmlu differenza reali fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-reazzjoni għal theddid għas-sigurtà.
2.3 Azzjoni ta’ appoġġ: taħriġ, finanzjament, riċerka u innovazzjoni
Minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operattiva, l-UE tipprovdi appoġġ għal azzjonijiet relatati mas-sigurtà permezz ta’ taħriġ, finanzjament u l-promozzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni relatata mas-sigurtà. Il-Kummissjoni tfittex li timmira dan l-appoġġ b’mod strateġiku u kost-effettiv.
L-effettività tal-għodod ta' kooperazzjoni jistrieħ fuq kemm l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jkunu jafu kif jużawhom tajjeb. It-taħriġ huwa essenzjali biex jippermetti lill-awtoritajiet fuq il-post jisfruttaw l-għodod f’sitwazzjoni operattiva. Il-kulleġġ Ewropew tal-pulizija, is-CEPOL jorganizza korsijiet, jiddefinixxi kurrikuli komuni dwar kooperazzjoni transfruntiera u jikkoordina programmi ta’ skambju. Il-proposta leġiżlattiva attwali dwar is-CEPOL se tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jħejji lill-uffiċjali tal-pulizija biex jikkooperaw b’mod effettiv u biex tiġi żviluppata kultura komuni tal-infurzar tal-liġi 26 . Is-CEPOL għandu jadatta l-programmi ta’ taħriġ annwali tiegħu skont il-prijoritajiet stabbiliti f’din l-Aġenda. L-akkademji nazzjonali tal-pulizija għandhom ukoll jużaw fondi tal-UE biex jagħmlu l-kooperazzjoni transfruntiera parti integrali tat-taħriġ u eżerċizzji prattiċi tagħhom stess. Taħriġ għall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju għandu jkun allinjat aħjar mal-prijoritajiet tal-UE, filwaqt li jibni fuq strutturi u netwerks eżistenti u bl-appoġġ tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika u t-tagħlim elettroniku. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll Ċentru Ewropew ta’ taħriġ dwar is-sigurtà li jippermetti lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jindividwaw u jidentifikaw materjali nukleari jew radjuattiv illeċitu għal prevenzjoni ta’ theddid.
Il-Fond għas-Sigurtà Interna li twaqqaf dan l-aħħar jipprovdi għodda reattiva u flessibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi l-iktar kruċjali sal-2020. Din l-aġenda għandha tipprovdi direzzjoni strateġika għall-Fond, b’enfasi fuq dawk l-oqsma fejn l-appoġġ finanzjarju se jġib l-aktar valur miżjud. L-użi prijoritarji tal-fond għandhom jinkludu l-aġġornament tas-sezzjonijiet nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-implimentazzjoni tal-qafas Prüm u t-twaqqif ta’ Punti Uniċi ta’ Kuntatt. Il-Fond għandu jintuża wkoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva transfruntiera taħt iċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE għal kriminalità serja u organizzata, u biex jiġu żviluppati strateġiji ta’ 'ħruġ' għal persuni radikalizzati bl-għajnuna tal-aħjar prattiki skambjati fin-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Programmi finanzjarji oħrajn, bħal Orizzont 2020 għar-rierka u l-innovazzjoni 27 , il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Programmi tal-Ġustizzja tal-UE, il-Programm Doganali tal-2020 u l-istrumenti finanzjarji għal azzjoni esterna għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jiġu appoġġjati l-prijoritajiet tal-Aġenda għas-Sigurtà.
Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Fond għas-Sigurtà Interna fl-2018 se jipprovdi opportunità biex jittieħed kont ta’ kif il-finanzjament għen biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-Aġenda u jsiru l-prijoritajiet mill-ġdid kif meħtieġ.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni hija essenzjali jekk l-UE trid iżżomm ruħha aġġornata mal-ħtiġijiet tas-sigurtà li qed jinbidlu. Ir-riċerka tista' tidentifika theddidiet tas-sigurtà ġodda u l-impatti tagħhom fuq is-soċjetajiet Ewropej. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta' fiduċja soċjali f’politiki u għodod ġodda ta’ sigurtà bbażati fuq ir-riċerka. Soluzzjonijiet innovattivi se jgħinu biex itaffu r-riskji tas-sigurtà b’mod aktar effettiv billi jagħmlu użu mill-għarfien, mir-riċerka u mit-teknoloġija. Orizzont 2020 jista' jkollu rwol ċentrali biex jiġi żgurat li l-isforz ta’ riċerka tal-UE jkun immirat tajjeb, inkluż billi jitqiesu l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi billi l-utenti finali jiġu involuti aktar fl-istadji kollha tal-proċess, mill-konċepiment sas-suq. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ aktar attenzjoni fuq l-innovazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fejn il-ħolqien ta’ ċentru ta’ għarfien fil-qafas taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-UE, kif ukoll il-bini ta' komunità ta' utenti, għandhom jikkontribwixxu għall-bini ta’ interfaċċja bejn ir-riċerka u l-utenti finali fl-Istati Membri.
Dan l-aħħar il-Kummissjoni qabbdet lill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej sabiex tipproduċi standard ta' 'privatezza imfassla' (privacy by design) li għandu l-għan li jippromwovi l-integrazzjoni ta’ standards għoljin ta’ sigurtà u d-drittijiet fundamentali fi stadju bikri f’disinn teknoloġiku. Il-konformità ma’ dan l-istandard se tiżgura li l-prodotti u s-servizzi tal-UE dwar is-sigurtà jirrispettaw id-drittijiet tal-individwi u b’hekk titkabbar il-kunfidenza tal-konsumatur.
Industrija kompetittiva tas-sigurtà tal-UE tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-awtonomija tal-UE sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ sigurtà. L-UE ħeġġet l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ sigurtà, per eżempju permezz ta’ standards u ċertifikati komuni 28 . Il-Kummissjoni qed tikkunsidra aktar azzjoni, bħas-sistemi ta’ twissija u tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti biex jitneħħew il-barrieri għas-Suq Uniku u biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE fis-swieq tal-esportazzjoni.
Ix-xjenza forensika hija kritika għall-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji jridu jkunu kunfidenti li d-dejta forensika li fuqha jiddependu tkun ta’ kwalità għolja, inkluż jekk id-dejta tkun ġejja minn Stat Membru ieħor. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li d-dejta forensika li tiġi skambjata permezz ta’ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, bħall-qafas Prüm għal marki tas-swaba’ u għal profili tad-DNA, tista' tintuża b’mod effettiv fil-qorti. Żona Forensika Ewropea, biex tallinja l-proċess ta’ fornituri ta’ servizzi forensiċi fl-Istati Membri, se trawwem il-kooperazzjoni u tiżgura l-fiduċja. Il-Kummissjoni l-ewwel se timpenja ruħha mal-partijiet interessati rilevanti f’eżerċizzju ta’ stocktaking u mbagħad tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-miżuri possibbli biex jinkiseb dan l-għan. Dan jista’ jinkludi skambju tal-aħjar prattiki u definizzjoni ta’ standards minimi komuni.
Is-sigurtà għandha tkun prijorità ewlenija f’firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kif ukoll inizjattivi ta’ taħriġ. Il-prijoritajiet eżistenti għandhom jiġu aġġustati kif meħtieġ.
3. TLIET PRIJORITAJIET
Fil-ħames snin li ġejjin, dan il-qafas għal xogħol aħjar u aktar mill-qrib flimkien għandu jintuża biex jindirizzaw tliet prijoritajiet prinċipali għas-sigurtà Ewropea, filwaqt li jkun adattabbli għal theddidiet oħrajn li jistgħu jevolvu fil-futur.
L-attakki terroristiċi fl-Ewropa – l-aktar reċenti f'Pariġi, Kopenħagen, Brussell – enfasizzaw il-ħtieġa għal rispons konġunt qawwi tal-UE kontra t-terroriżmu u kontra ġellieda terroristiċi barranin. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi f’żoni ta’ kunflitt, jakkwistaw it-taħriġ u jippreżentaw theddida potenzjali għas-sigurtà interna Ewropea mar-ritorn tagħhom. Filwaqt li din il-kwistjoni mhijiex waħda ġdida, l-iskala u l-fluss ta’ ġellieda f'kunflitti kontinwi partikolarment fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Libja, kif ukoll in-natura ta’ dawn il-kunflitti fi ħdan netwerk, huma mingħajr preċedent.
Fl-istess ħin, il-kriminalità serja u transfruntiera organizzata qed issib toroq ġodda biex topera, u modi ġodda biex ma tinqabadx. Jeżistu kostijiet umani, soċjali u ekonomiċi enormi – minn reati bħat-traffikar tal-bnedmin, il-kummerċ f’armi tan-nar, it-traffikar tad-drogi, u l-kriminalità finanzjarja, ekonomika u ambjentali. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar tal-migranti jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet ta’ persuni li jfittxu protezzjoni jew opportunitajiet ekonomiċi aħjar u huma responsabbli għat-telf ta’ ħajjiet f’isem il-profitt. Il-kriminalità organizzata tagħlef ukoll lit-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità permezz ta’ kanali bħall-forniment tal-armi, finanzjament permezz ta’ kuntrabandu tad-droga, u l-infiltrazzjoni tas-swieq finanzjarji.
Fl-aħħar nett, iċ-ċiberkriminalità hija theddida dejjem tikber għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u l-ekonomija, kif ukoll għall-iżvilupp b’suċċess tas-Suq Uniku Diġitali 29 . Hekk kif il-kummerċ u l-ibbankjar jaqilbu onlajn, iċ-ċiberkriminalità tista' tirrappreżenta gwadann potenzjali enormi għall-kriminali u telf potenzjali enormi għaċ-ċittadini. Iċ-ċiberkriminali jistgħu jaġixxu minn barra l-Unjoni biex jagħmlu ħsara fl-infrastruttura kritika u fl-istess ħin timmira lejn għadd kbir ta’ vittmi madwar l-Istati Membri bi sforz u riskju minimu. Bl-istess mod, theddid bħal dak li sar mit-terroriżmu ċibernetiku u dak maħluq minn theddid ibridu jista' jiżdied fis-snin li ġejjin. Il-kriminali jabbużaw minn tekniki ta’ anonimizzazzjoni u mekkaniżmi ta’ ħlas anonimu għal kummerċ onlajn illeċitu fid-drogi jew fl-armi, għal tranżazzjonijiet kriminali u ħasil tal-flus. Iċ-ċiberkriminalità hija wkoll marbuta mill-qrib mal-isfruttament sesswali tat-tfal, b’tendenza allarmanti li qed tiżdied ta’ abbuż tat-tfal permezz ta’ streaming live.
It-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità huma tliet prijoritajiet ewlenin li huma enfasizzati f’din l-aġenda għal azzjoni immedjata. Biċ-ċar dawn huma theddidiet marbutin u transfruntieri, u d-dimensjoni multidimensjonali u internazzjonali tagħhom turi l-ħtieġa għal reazzjoni effettiva u kkoordinata fil-livell tal-UE.
3.1 L-ittrattar tat-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni
Iċ-ċittadini u l-Istati Membri jistennew l-appoġġ tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u li tiffaċilità l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti. Il-Europol żviluppa bażi ta’ għarfien dejjem aktar speċjalizzat dwar kwistjonijiet ta’ terroriżmu u dan għandu jittieħed pass’ il quddiem billi jlaqqa' flimkien il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi tiegħu kontra t-terroriżmu, jinġabru r-riżorsi u jimmassimizza l-użu ta’ strutturi li diġà jeżistu, servizzi u għodod disponibbli lill-Aġenzija bl-għan li jinkisbu ekonomiji ta’ skala. Dan jista’ jinġieb flimkien bħala Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol biex jiżdied l-appoġġ ipprovdut fil-livell tal-UE għall-Istati Membri, fi ħdan ambjent sigur bl-ogħla kunfidenzjalità fil-komunikazzjoni tiegħu.
Iċ-Ċentru jkun jinkludi (1) Focal Point Travellers tal-Europol dwar ġellieda terroristiċi barranin u netwerks terroristiċi relatati, (2) il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) bejn l-UE u l-Istati Uniti, (3) FIU.NET, in-netwerk deċentralizzat tal-kompjuter li jappoġġja lill-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja, li fl-2016 se jkun integrat fil-Europol, u (4) il-kapaċitajiet eżistenti tal-Europol dwar armi tan-nar u apparat splussiv. Il-Eurojust għandha tkun involuta b’mod sħiħ fl-attivitajiet taċ-Ċentru li jtejjeb il-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Tali ċentru jkun jopera strettament fi ħdan il-mandat legali tal-Europol, u ma jaffettwax ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, u lanqas ir-rwol taċ-Ċentru tal-Analiżi tal-Intelligence tal-UE (INTCEN) fil-qasam tal-valutazzjoni bbażata fuq l-intelligence tat-theddida terroristika.
L-Unità tar-Riferiment tal-Internet (Internet Referral Unit, EU IRU) se tkun ukoll parti miċ-Ċentru. L-Unità se tibni fuq l-esperjenza tal-Europol u tal-Istati Membri biex taġixxi bħala ċentru ta’ għarfien espert tal-UE, filwaqt li tgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jneħħu kontenut estremista vjolenti fuq l-internet, b’kooperazzjoni ma’ sħab tal-industrija.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl- 2015, se tniedi forum fil-livell tal-UE ma’ kumpaniji tal-IT biex jinġiebu flimkien ma’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili. Filwaqt li tibni fuq laqgħat preparatorji organizzati fl-2014, il-Forum se jiffoka fuq il-mobilizzazzjoni tal-aħjar għodda fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika fuq l-Internet u fil-midja soċjali. F’kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-IT, il-Forum se jesplora wkoll it-tħassib tal-awtoritajiet infurzar tal-liġi dwar teknoloġiji ġodda ta’ kriptaġġ.
Ir-rintraċċar ta’ operazzjonijiet finanzjarji jista’ jkun ċentrali għall-identifikazzjoni ta’ netwerks terroristiċi, peress li t-terroristi jiddependu fuq il-finanzi għall-ivvjaġġar, għat-taħriġ u għat-tagħmir. L-UIFs jistgħu jgħinu biex jiġi identifikati l-operazzjonijiet finanzjarji ta’ netwerks terroristiċi min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u jindividwaw il-finanzjaturi tagħhom. Il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) jippermetti lill-Istati Membri biex ifittxu dejta finanzjarja meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ attività terroristika. Sal-lum, it-TFTP ipprovda ħjiel marbuta ma' diversi suspettati terroristi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom. L-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jagħmlu użu aktar attiv mill-possibiltajiet taħt it-TFTP. L-integrazzjoni li ġejja tal-FIU.NET mal-Europol se tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-ħtieġa u l-benefiċċji possibbli ta’ miżuri addizzjonali fil-qasam tal-finanzjament tat-terroriżmu, fosthom miżuri relatati ma’ ffriżar ta’ assi terroristiċi skont l-Artikolu 75 tat-TFUE, ma’ kummerċ illeċitu ta’ oġġetti kulturali, mal-kontroll ta’ forom ta’ ħlas bħal trasferimenti bl-internet u kards imħallsa minn qabel, moviment illeċtu ta' flus kontanti, u mat-tisħiħ tar-Regolament dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti 30 .
L-UE teħtieġ rispons solidu tal-ġustizzja kriminali għat-terroriżmu, li jkopri l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk li jippjanaw atti terroristiċi jew huma suspettati ta’ reklutaġġ, taħriġ, u finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll l-inċitament għat-twettiq ta’ reat terroristiku. Ħafna Stati Membri diġà għandhom jew jippjanaw liġijiet li jikkriminalizzaw dawn l-atti. Liġijiet aktar koerenti kontra reati relatati ma’ ġellieda terroristiċi barranin madwar l-UE jindirizzaw sfidi prattiċi u legali transfruntieri u fil-ġbir u l-ammissibbiltà ta’ evidenza f’każijiet ta’ terroriżmu, u biex jiġi skoraġġit tluq lejn żoni ta’ kunflitt. Il-Kummissjoni biħsiebha tniedi valutazzjoni tal-impatt fl-2015 bil-għan li taġġorna d-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar it-Terroriżmu fl-2016 31 . Ir-Riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU titlob lill-Istati biex jikkriminalizzaw l-ivjaġġar lejn żona ta’ kunflitt għal finijiet terroristiċi, tgħin biex jinħoloq fehim komuni dwar reati minn ġellieda terroristiċi barranin. Il-qafas leġiżlattiv ġdid għandu jiftaħ il-bieb għal kooperazzjoni intensifikata ma’ pajjiżi terzi dwar ġellieda terroristi barranin – nibnu fuq esperjenzi pożittivi reċenti ta’ kooperazzjoni mat-Turkija.
Mod wieħed biex ifixkel l-attivitajiet ta’ netwerks terroristiċi huwa li tagħmilha iktar diffiċli biex jattakkaw miri u biex jaċċessaw u jużaw sustanzi u materjali perikolużi bħal dawk Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari u prekursuri tal-isplussivi. Il-ħarsien tal-infrastruttura kritika, bħalma huma l-infrastruttura tat-trasport, u miri faċli, pereżempju f’avvenimenti pubbliċi tal-massa, jippreżentaw sfidi reali għall-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili. L-UE u l-Istati Membri jikkooperaw biex jivvalutaw ir-riskji, jivvalutaw l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni, jiġbru l-aħjar prattiki u jipproduċu gwida. Il-Kummissjoni tgħin lill-prattikanti billi tiżviluppa manwali biex jgħinu fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni.
It-terroriżmu fl-Ewropa jgħix fuq l-ideoloġiji estremisti. Għalhekk azzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu trid tindirizza l-kawżi primarji tal-estremiżmu permezz ta' miżuri preventivi. Madwar l-UE, qed issir dejjem aktar ċara r-rabta bejn ir-radikalizzazzjoni u l-vjolenza estremista. Il-propaganda estremista uriet li hija kapaċi twassal lil ġellieda terroristiċi barranin mill-Ewropa biex jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom biex jitħarrġu, jiġġieldu u jwettqu atroċitajiet f’żoni ta’ kumbattament, u mar-ritorn tagħhom jheddu s-sigurtà interna tal-UE. It-tisħiħ tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE stess b'narrattivi komuni u rappreżentanza fattwali ta’ kunflitti huwa aspett importanti tar-rispons tal-UE.
Ir-rispons tal-UE għall-estremiżmu m’għandux iwassal għall-istigmatizzazzjoni ta’ xi grupp jew komunità waħda. Għandu jkun ibbażat fuq il-valuri komuni Ewropej ta’ tolleranza, diversità u rispett reċiproku, u jippromwovi komunitajiet ħielsa u pluralisti. L-UE għandha taqta’ l-bażi ta’ sostenn tat-terroriżmu permezz ta’ kontronarrattiva qawwija u determinata. Il-Kummissjoni se tiżgura l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE f'dan il-qasam 32 . Hija se tivvaluta kwalunkwe lakuni fil-leġiżlazzjoni u tappoġġja l-monitoraġġ ta' diskors ta' mibegħda onlajn u azzjonijiet oħra. Se tgħin ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw prattiċi proattivi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fuq il-post. Il-finanzjament tal-UE se jintuża dejjem aktar biex jappoġġja taħriġ speċifiku ta’ uffiċjali pubbliċi, u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ, ir-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti ta’ reati ta’ mibegħda u ta’ diskors ta’ mibegħda.
L-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-fidi u d-djalogu interkulturali, kif ukoll l-inklużjoni fix-xogħol u dik soċjali, għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni bil-promozzjoni tal-valuri komuni Ewropej, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali, it-tisħiħ tal-fehim reċiproku u t-tolleranza. L-edukazzjoni inklużiva tista' tagħti kontribut kbir biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni. Il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, il-volontarjat, u l-attivitajiet sportivi u kulturali huma partikolarment effettivi biex wieħed jilħaq liż-żgħażagħ. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni se tipprijoritizza l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-inklużjoni permezz ta’ serje ta’ azzjonijiet konkreti taħt il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ("ET 2020") u l-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura.
Biex issostni dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se timmobilizza finanzjament taħt il-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, fost l-oħrajn permezz ta’ appoġġ akbar għall-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħaddiema żgħażagħ, l-iskambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat, sħubiji strateġiċi fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-politika taż-żgħażagħ, netwerks transnazzjonali, pjattaformi ta’ kooperazzjoni għall-iskejjel, proġetti konġunti dwar edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, u sħubiji kollaborattivi fl-isport. Barra minn hekk, il-Fond Soċjali Ewropew jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, għall-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni se tibda wkoll aktar riċerka taħt l-Orizzont 2020 biex jinkiseb fehim aħjar tal-kawżi u l-manifestazzjonijiet tar-radikalizzazzjoni.
L-UE kienet minn tal-ewwel li offriet għajnuna lill-komunitajiet li kienu taħt pressjoni biex jitgħallmu minn partijiet oħra tal-Unjoni. Fl-2014, il-Kummissjoni stabbilixxiet għaxar oqsma biex jiġu strutturati l-isforzi biex jiġu ndirizzati l-kawżi primarji tal-estremiżmu 33 . Imniedi fl-2011 in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), netwerk umbrella madwar l-UE kollha, jgħaqqad organizzazzjonijiet u netwerks madwar l-Unjoni, u jgħaqqad aktar minn 1000 prattikant direttament involuti fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti. In-netwerk jippermetti l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiċi u jiffaċilita l-individwazzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni u t-tfassil ta’ strateġiji preventivi u ta’ diżingaġġ fil-livell lokali.
Attwalment il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li twaqqaf Ċentru ta’ Eċċellenza RAN Dan se jaġixxi bħala ċentru ta’ għarfien tal-UE biex jikkonsolida l-għarfien espert u jrawwem it-tixrid u l-iskambju ta’ esperjenzi u kooperazzjoni dwar l-anti-radikalizzazzjoni. Dan se jżid dimensjoni prattika ġdida għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati dwar l-anti-radikalizzazzjoni.
L-UE ħasset ukoll l-effetti tar-radikalizzazzjoni fil-viċinat tagħha. Biex jiġġieled dan, ir-RAN se jiżviluppa l-ħidma tiegħu mal-partijiet interessati f’pajjiżi terzi, bi prijorità fuq it-Turkija u l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fil-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni mal- azzjoni esterna tal-UE, pereżempju permezz ta’ Ċiklu ta’ Persuni Eminenti mill-Ewropa u d-dinja Musulmana, biex jinkoraġġixxu skambji intellettwali u aktar djalogu bejn is-soċjetajiet.
L-atturi lokali huma l-persuni f’kuntatt dirett ma’ dawk l-aktar f’riskju ta’ radikalizzazzjoni. Jeħtieġ ikunu mgħammra sew biex jagħrfu s-sinjali ta’ radikalizzazzjoni u jevalwaw x’intervent jista' jkun meħtieġ, u biex jiżguraw kooperazzjoni xierqa mal-mexxejja tal-komunità. Bosta Stati Membri nedew taħriġ iffokat fuq il-gruppi tradizzjonali fil-mira ta’ persunal tal-infurzar tal-liġi u l-persunal tal-ħabs – u l-evidenza tal-ħabs bħala punt fokali għar-radikalizzazzjoni tagħmel dan prijorità. Bl-appoġġ tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi (EUROPRIS), il-Kummissjoni se tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u taħriġ dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni fil-ħabsijiet. It-taħriġ u l-appoġġ jista' jiġi estiż b’mod utli għal atturi oħra, bħall-assistenti soċjali, l-għalliema u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Ir-RAN se jgħin ukoll biex jiġu żviluppati approċċi simili għad-deradikalizzazzjoni u d-diżingaġġ ('strateġiji ta’ ħruġ').
Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew dwar l-Azzjoni Esterna se jikkooperaw mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex iżżomm ħarsa ġenerali tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni u se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom.
Azzjonijiet:
- It-tisħiħ l-funzjonijiet ta’ appoġġ tal-Europol billi jinġabru flimkien il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi kontra t-terroriżmu f’ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fi ħdan l-Europol;
- It-tnedija ta' forum tal-UE ma’ kumpaniji tal-IT biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u jiġi indirizzat it-tħassib dwar teknoloġiji ġodda ta’ kriptaġġ;
- L-esplorazzjoni ta' possibilitajiet għal aktar miżuri biex titjieb il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;
- L-indirizzar ta' kwalunkwe nuqqasijiet fit-tweġiba għal inċitament għall-mibegħda onlajn;
- Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-Teroriżmu proposta fl- 2016;
- Il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-oqfsa politiċi tal-UE u l-programmi għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura;
- L-iffukar fuq il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, u l-iżvilupp ta’ programmi effettivi ta’ diżimpenn u ta’ deradikalizzazzjoni;
- It-tnedija taċ-Ċentru ta’ eċċellenza RAN u l-estensjoni tal-ħidma kontra r-radikalizzazzjoni mat-Turkija, il-pajjiżi Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
3.2 It-tħarbit tal-kriminalità organizzata
Iċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE għal kriminalità serja u organizzata rnexxielu jikseb direzzjoni strateġika aktar ikoordinata u operazzjonijiet konġunti fuq il-post. Il-pajjiżi tal-viċinat huma diġà assoċjati maċ-Ċiklu tal-Politika, u l-involviment tagħhom fl-attivitajiet operattivi taċ-Ċiklu ta’ Politika għandu jiġi intensifikat. Waħda mill-prijoritajiet taċ-Ċiklu tal-Politika huwa li jxekkel in-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti fil-kuntrabandu tal-migranti billi jsaħħaħ l-investigazzjonijiet transfruntieri bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE. L-operazzjoni konġunta MARE kkoordinata mill-Europol hija eżempju tajjeb ta’ kif l-Unjoni tista’ ssir aktar effettiva biex jiġu identifikati u ttrattati l-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar tal-migranti.
L-għan primarju tal-kriminalità organizzata huwa l-profitt. L-infurzar tal-liġi għandu għalhekk ikollu l-kapaċità li jitfa’ l-aċċent fuq il-finanzjament ta’ kriminalità organizzata, ta’ spiss intrinsikament marbut mal-korruzzjoni, il-frodi, l-iffalsifikar u l-kuntrabandu. In-netwerks kriminali internazzjonali jużaw strutturi legali tan-negozju biex jaħbu s-sors tal-profitti tagħhom, u għalhekk hija meħtieġa azzjoni biex jiġu indirizzati l-infiltrazzjoni tal-ekonomija leċita mill-kriminalità organizzata.
Il-pakkett riċentement maqbul dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus 34 se jgħin biex jiġu identifikati u segwiti trasferimenti suspettużi ta’ flus u jiġi faċilitat l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja (UIFs). Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni biex issir aktar diffiċli għall-kriminali biex jabbużaw mis-sistema finanzjarja, u se taħdem fuq valutazzjoni supranazzjonali tar-riskji li se tindirizza, fost l-oħrajn, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-muniti virtwali. Se twaqqaf ukoll politika koerenti favur pajjiżi terzi li għandhom reġimi dgħajfa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu. Ir-rabta tal-ħidma tal-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi ittejjeb l-iffriżar transfruntier u l-konfiska ta’ assi kriminali. Huwa neċessarju li jiġu allinjati u msaħħa s-setgħat tal-UIF, peress li differenzi fir-rwoli tagħhom ixxekkel il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Eurojust tista’ wkoll toffri aktar għarfien espert u għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali meta jkunu qed iwettqu investigazzjonijiet finanzjarji. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiski għandu jitjieb. Fl-2016, kif mitlub mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni se toħroġ studju ta’ fattibbiltà dwar regoli komuni dwar konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna ta’ propjetà derivata minn attivitajiet kriminali.
L-attakki terroristiċi riċenti ffokaw l-attenzjoni fuq kif kriminali organizzati jistgħu jaċċessaw u jinnegozjaw l-armi tan-nar fl-Ewropa, saħansitra armi tan-nar ta’ kwalità militari, f’ammonti kbar. Id-deċiżjoni dwar min jista’ jkollu arma tan-nar u meta jistgħu jużawha hija għażla soċjetali għall-Istati Membri. Madankollu, id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma ostaklu għall-kontrolli u għall-kooperazzjoni tal-pulizija. Bħala prijorità, hu meħtieġ approċċ komuni dwar in-newtralizzazzjoni u tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar biex tiġi evitata attivazzjoni mill-ġdid u l-użu mill-kriminali. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-armi tan-nar fl-2016 biex ittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni (eż. billi fuq is-sistema ta’ informazzjoni tal-Europol tittella’ informazzjoni dwar armi tan-nar maqbuda), biex tiġi msaħħa t-traċċabbiltà, jiġi standardizzat l-immarkar, u jiġu stabbiliti standards komuni biex jiġu newtralizzati l-armi tan-nar. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għaddejja, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk tinkludix armi maħsuba għal awtodifiża (armi ta' allarm) fid-dispożizzjonijiet il-ġodda, kif ukoll kwalunkwe aspett ieħor rilevanti.
It-traffikar tal-armi tan-nar għandu dimensjoni esterna kritika, peress li ħafna mill-armi tan-nar illegali fl-UE ġew importati minn pajjiżi tal-viċinat – fejn għad hemm ħażniet kbar ta’ armi militari. Il-pjan ta’ azzjoni operazzjonali riċenti mal-Balkani tal-Punent għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u, jekk ikun effettiv, jiġi replikat ma’ pajjiżi oħra tal-viċinat, b’mod partikolari ma’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq 35 .
Is-suq għad-drogi illeċiti jibqa' l-aktar suq kriminali dinamiku, u l-aktar tendenza reċenti hija l-proliferazzjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda (NPS). Il-produzzjoni tal-NPS qiegħda dejjem aktar isseħħ fl-UE u tindika l-urġenza li jiġi adottat il-qafas leġiżlattiv ġdid tal-UE. L-UE għandha tkompli tappoġġja l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra d-drogi illeċiti, inkluż il-prevenzjoni, bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u tal-Europol. Il-Kummissjoni se tevalwa l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Droga tal-2013-2016, li jinkwadra wkoll il-politika esterna tal-UE fil-qasam tad-droga, bil-fokus tiegħu jkun fuq id-domanda għad-droga u t-tnaqqis tal-provvista tad-droga. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk tipproponix Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE għall-perjodu 2017-2020.
Waħda mill-problemi l-kbar li l-UE qiegħda tiffaċċja bħalissa hija li n-netwerks kriminali jisfruttaw il-ħtieġa tal-individwi għal protezzjoni jew ix-xewqa tagħhom li jiġu fl-Ewropa. Aktar ma dan il-kuntrabandu kriminali jista’ jitwaqqaf kmieni, inqas ikun ir-riskju ta’ traġedji umani li dehru dan l-aħħar fil-Mediterran. Azzjoni preventiva kontra l-iffaċilitar ta’ migrazzjoni irregolari teħtieġ ġbir, qsim u analiżi aħjar tal-informazzjoni. Is-soluzzjoni tinsab f’kooperazzjoni kontra t-traffikar tal-immigranti, ġewwa l-UE u ma’ pajjiżi terzi. L-UE għandha tagħmel din prijorità fis-sħubija tagħha ma’ pajjiżi terzi, billi toffri għajnuna biex tgħin lill-pajjiżi ta’ tranżitu ewlenin jipprevjenu u jidentifikaw attivitajiet ta’ kuntrabandu kmieni kemm jista’ jkun. Azzjoni msaħħa kontra t-traffikar tal-immigranti bejn l-UE u pajjiżi terzi ewlenin se tkun parti mill-Aġenda Ewropea li ġejja dwar il-Migrazzjoni.
It-traffikar tal-bnedmin huwa forma ta’ kriminalità estremament distruttiva iżda waħda li tħalli ħafna qligħ. L-UE għandha qafas politiku u legali dedikat 36 biex tiġi massimizzata l-kooperazzjoni u din issir prijorità għall-korpi bħall-Europol u l-Eurojust. Permezz ta’ approċċ koordinat u koerenti, l-istrateġija attwali kkontribwixxiet għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fuq livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa strateġija wara l-2016 li tibni fuq il-qafas eżistenti.
Ir-reati ambjentali jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, inaqqsu d-dħul tal-Gvern u jimponu spejjeż ta’ tindif fuq il-kontribwenti, pereżempju bil-ġarr bil-baħar illegali u r-rimi ta’ skart perikoluż sussegwenti. Il-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi jhedded il-bijodiversità, kif ukoll, f’reġjuni li huma sors bħall-Afrika, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà reġjonali 37 . Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa għal tisħiħ tal-monitoraġġ tal-konformità u l-infurzar, pereżempju billi jiżdied it-taħriġ għall-persunal tal-infurzar, appoġġ għal netwerks ta’ professjonisti rilevanti, u billi tkompli l-approssimazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fl-UE kollha.
L-awtoritajiet lokali għandhom rwol kritiku fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, flimkien mal-ħidma tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. Il-kriminalità organizzata spiss taħseb globalment iżda taġixxi lokalment u għalhekk jeħtieġ approċċ multidixxiplinarju biex effettivament jipprevjeni u jiġġieled kontra tagħha. L-UE għalhekk żviluppat approċċ li jgħaqqad għodda fil-livell amministrattiv biex tipprevjeni l-infiltrazzjoni fis-settur pubbliku jew l-ekonomija. F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali huma fuq quddiem nett biex jidentifikaw u jipprevjenu l-infiltrazzjoni tal-ekonomija leċita minn netwerks kriminali, pereżempju fl-allokazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti jew l-għoti ta’ liċenzji għall-każinojiet, u dawn għandu jkollhom l-għodod biex jiskambjaw l-informazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika jew l-infurzar tal-liġi. Għandha tingħata wkoll aktar prominenza lill-ħidma tan-Netwerk għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità tal-Unjoni Ewropea. B’appoġġ finanzjarju tal-UE, in-network jaqsam l-aħjar prattiċi fil-prevenzjoni tal-kriminalità.
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ komprensiv. Fl-2014 il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-UE kollha, jidentifika x-xejriet u l-aħjar prattika, u janalizza l-iżviluppi f’kull Stat Membru tal-UE, bil-għan li jappoġġja lill-gvernijiet, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet interessati oħra fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-UE ħadet serje ta’ passi biex tiġġieled il-korruzzjoni: inizjattivi politiċi u ta’ monitoraġġ (inkluż rikonoxximent tal-ispiża ekonomika fis-semestru Ewropew), leġiżlazzjoni, u programmi ta’ finanzjament.
Azzjonijiet:
- Tiġi estia l-ħidma taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat;
- Jiġu rieżaminati l-miżuri possibbli għal konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna;
- Tiġi rieżaminata l-leġiżlazzjoni dwar l-armi tan-nar bi proposti fl-2016;
- Tiġi adottata strateġija għal wara l-2016 dwar it-traffikar tal-bnedmin;
- Jiġu mnedija azzjonijiet konġunti u strateġiji ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ewlenin dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-immigranti;
- Jiġu rieżaminati l-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kriminalità ambjentali, għal proposti fl-2016.
3.3 Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
Iċ-ċibersigurtà hija l-ewwel linja ta’ difiża kontra ċ-ċiberkriminalità. L-istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013 tiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju għoli, filwaqt li jkun hemm ħidma mas-settur privat sabiex jingħalqu l-lakuni, u l-għoti ta’ taħriġ speċjalizzat. Element importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija se jkun l-adozzjoni rapida tal-proposta għal Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni 38 . L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux biss tippromwovi kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà ċibernetika, iżda tipprovdi wkoll għal bini ta’ kapaċità ta’ ċibersigurtà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u n-notifika ta’ inċidenti transfruntiera. L-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni wkoll tikkontribwixxi għar-rispons tal-UE għal kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà billi taħdem lejn livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.
L-ewwel pass biex tiġi konfrontata ċ-ċiberkriminalità huwa li tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Id-Direttiva tal-2013 39 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni tikkriminalizza l-użu ta’ għodod bħal software malizzjuż u ssaħħaħ il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar attakki. Id-Direttiva tal-2011 40 dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal tapprossimizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jiġi evitat l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ dawn id-Direttivi. Ir-regoli wkoll għandhom jinżammu aġġornati. Iċ-ċittadini huma mħassba dwar kwistjonijiet bħal frodi tal-karti ta’ kreditu. Madankollu, id-deċiżjoni qafas tal-2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti 41 m’għadhiex tirrifletti r-realtajiet tal-lum u l-isfidi ġodda bħall-muniti virtwali u l-ħlas bil-mowbajl. Il-Kummissjoni se tevalwa l-livell ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, tikkonsulta l-partijiet interessati rilevanti u tevalwa l-ħtieġa ta' miżuri ulterjuri.
Iċ-ċiberkriminalità hija min-natura tagħha mingħajr fruntieri, flessibbli u innovattiva. Fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-prosekuzzjoni, l-infurzar tal-liġi għandu jkun kapaċi jlaħħaq u jantiċipa l-inġenwità tal-kriminali. Iċ-ċiberkriminalità tirrikjedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jaħsbu mill-ġdid dwar il-mod kif jikkooperaw fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom u l-liġi applikabbli biex jiżguraw aċċess transfruntiera eħfef għal evidenza u informazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi attwali u futuri, bħall-cloud computing u l-Internet tal-Oġġetti. Il-ġbir ta’ evidenza elettronika f’ħin reali minn ġurisdizzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet bħas-sidien ta’ indirizzi IP jew evidenza elettronika oħra, u li tiġi żgurata l-ammissibbiltà tagħha fil-qorti huma kwistjonijiet ewlenin. Teħtieġ ukoll persunal tal-infurzar tal-liġi b’ħila kbira li jkunu kapaċi jlaħħqu maż-żieda konsiderevoli fil-kamp ta’ applikazzjoni, fis-sofistikazzjoni u fit-tipi ta’ ċiberkriminalità.
Hemm il-ħtieġa ta’ regoli ċari biex jiġi żgurat li prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati bis-sħiħ, filwaqt li l-infurzar tal-liġi jikseb aċċess għad-dejta li jeħtieġ biex tiġi protetta l-privatezza taċ-ċittadini kontra ċ-ċiberkriminalità u s-serq tal-identità. Il-kooperazzjoni mas-settur privat hija wkoll ta’ importanza kritika, bi sħubija pubblika-privata biex jiġi strutturat sforz komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità fuq l-internet. Ir-rispons għaċ-ċiberkriminalità (eż. phishing) għandu jinvolvi l-katina kollha: miċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, l-Iskwadri ta’ Rispons f’Emerġenza Relatata mal-Kompjuters fl-Istati Membri kkonċernati mill-attakk, għal fornituri tas-servizz tal-internet li jistgħu jwissu lill-utenti finali u jipprovdu protezzjoni teknika. Fi ftit kliem, iċ-ċiberkriminalità titlob approċċ ġdid fir-rigward tal-infurzar tal-liġi fl-era diġitali.
Iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol jista’ jibni fuq il-ħidma eżistenti tiegħu biex isir ċentru ċentrali ta’ informazzjoni għall-infurzar tal-liġi f'dan il-qasam. Il-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, li ġiet ratifikata mill-maġġoranza tal-Istati Membri, tibqa' l-istandard internazzjonali għal kooperazzjoni u mudell għal leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE. L-Istati Membri kollha għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni. Inizjattivi bħall-Grupp ta’ Ħidma tal-UE-l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità u l-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn juru l-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali u għandhom jiġu promossi filwaqt li għandhom jissaħħu s-sinerġiji ma' azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità ċibernetika ffinanzjati permezz tal-istrumenti tal-assistenza esterna.
Il-Eurojust għandu jkompli jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika u jidentifika l-isfidi dwar il-ġbir u l-użu ta’ evidenza elettronika fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet ta’ reati ffaċilitati mill-Internet bis-salvagwardji meħtieġa. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-mezzi moderni kollha ta’ komunikazzjoni (bħall-voice-over internet protocol) jistgħu jiġu koperti minn investigazzjoni ġudizzjarja, prosekuzzjoni u assistenza legali reċiproka. Standards differenti dwar l-ammissibbiltà ta’ evidenza m'għandhomx jikkostitwixxu impediment għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.
Azzjonijiet:
- L-għoti ta' enfasi mġedda fl-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti dwar iċ-ċibersigurtà, l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal;
- Ir-rieżami u possibbilment l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti biex jieħdu kont ta’ forom ġodda ta’ kriminalità u l-iffalsifikar fi strumenti finanzjarji, bi proposti fl- 2016;
- Ir-rieżami ta' ostakli għall-investigazzjonijiet kriminali dwar iċ-ċiberkriminalità, partikularment dwar kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni kompetenti u r-regoli dwar l-aċċess għal evidenza u għal informazzjoni;
- It-tisħiħ tal-azzjoni tal-Bini tal-kapaċità ċibernetiċi taħt l-istrumenti ta’ għajnuna esterna.
4. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa biex tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà interna fl-UE. Għandha tkun aġenda kondiviża. L-implimentazzjoni b’suċċess tagħha tiddependi fuq l-impenn politiku tal-atturi kollha konċernati biex jagħmlu aktar u li jaħdmu aħjar flimkien. Dan jinkludi tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE. Dan jirrikjedi perspettiva globali u s-sigurtà bħala waħda mill-prijoritajiet esterni ewlenin tagħna. L-UE għandha tkun tista’ tirreaġixxi għal avvenimenti mhux mistennija, taħtaf opportunitajiet ġodda u tantiċipa u tadatta xejriet ġejjiena f’riskji għas-sigurtà.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-aġenda bħala l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda, bil-ħsieb tal-Kunsill Ewropew li jmiss ta’ Ġunju 2015. Il-Kummissjoni tistieden impenn attiv fl-implimentazzjoni tal-aġenda, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha. Tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu din l-aġenda bħala l-bażi għal kooperazzjoni u azzjoni konġunta mill-Unjoni dwar is-sigurtà fil-ħames snin li ġejjin, bil-għan li tiżviluppa żona ġenwina ta’ sigurtà interna tal-UE.