Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0158

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi siġillati ta' attività għolja

    /* COM/2015/0158 final */

    52015DC0158

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi siġillati ta' attività għolja /* COM/2015/0158 final */


    Werrej

    1..................... Introduzzjoni. 2

    2..................... Sorsi ssiġillati ta' attività għolja fl-Ewropa.. 3

    3..................... Implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/122/Euratom fl-UE-27  3

    3.1.................. Introduzzjoni 3

    3.2.................. Ħarsa ġenerali dwar l-implimentazzjoni 4

    3.3.................. Oqsma ta' implimentazzjoni inkonsistenti tad-Direttiva. 4

    3.4.................. Oqsma ta' implimentazzjoni diffiċli tad-Direttiva. 5

    3.5.................. Implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Kummissjoni 5

    3.6.................. Rakkomandazzjonijiet għat-titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. 6

    3.7.................. L-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. 6

    4..................... Rekwiżiti tad-Direttiva 2003/122/Euratom bħala parti mill-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza l-ġodda tal-UE.. 8

    4.1.................. Introduzzjoni 8

    4.2.................. Armonizzazzjoni regolatorja mal-IAEA.. 8

    4.3.................. Bidliet oħra. 9

    5..................... Konklużjonijiet. 9

    1. Introduzzjoni

    Wara l-attakki terroristiċi tal-2001 fl-Istati Uniti, ħafna organizzazzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali esprimew it-tħassib tagħhom li gruppi terroristiċi jistgħu jużaw is-sorsi radjuattivi bħala arma biex joħolqu biża' u diżordni pubblika. Kemm l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika kif ukoll l-Unjoni Ewropea ħadu azzjoni biex jistabbilixxu qafas legali internazzjonali biex jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà ta' dawn is-sorsi, speċjalment ta' dawk li għandhom l-ogħla attività.

    Id-Direttiva 2003/122/Euratom (id-"Direttiva HASS") [1] daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2003 u l-perjodu ta' promulgazzjoni legali tagħha spiċċa sentejn wara. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali biex jiżgura l-kontroll u s-sigurtà tas-sorsi radjuattivi ssiġillati ta' attività għolja (HASS) fl-Ewropa u biex jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi li jindividwaw sorsi orfni ta' radjazzjoni u jirkupraw sorsi radjuattivi li tħallew minn attivitajiet passati. Kull Stat Membru tal-UE ħatar awtorità kompetenti biex twettaq xogħlijiet skont id-Direttiva [2,3].

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva HASS jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Twettqet analiżi tal-implimentazzjoni sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni fl-UE dwar (1) il-kontroll tas-sorsi ta' attività għolja li qed jintużaw, (2) il-ġestjoni tas-sorsi li ma għadhomx jintużaw u (3) l-istrateġiji għall-immaniġġjar tas-sorsi orfni[1]. L-analiżi hija bbażata fuq ir-rapporti nazzjonali ta' implimentazzjoni tad-Direttiva HASS magħmula mill-Istati Membri, fuq il-kwestjonari, l-intervisti u l-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati Ewropej[2]. Ir-riżultati tal-analiżi jindikaw prattiki varjabbli fl-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti tad-Direttiva. Xi Stati Membri għandhom arranġamenti u amministrazzjoni ta' kontroll avvanzati ħafna tal-HASS, filwaqt li Stati oħra jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE b'mezzi amministrattivi pjuttost modesti. Dawn ir-riżultati kienu mistennija, peress li l-għadd ta' sorsi ssiġillati ta' attività għolja fl-Istati Membri tal-UE jvarja minn ammont żgħir f'xi Stati Membri għal diversi eluf fi Stati oħra.

    B'mod ġenerali, id-Direttiva HASS ġiet implimentata sew fl-Istati Membri kollha; l-għanijiet tad-Direttiva ġew issodisfati u ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li s-sorsi ssiġillati ta' attività għolja ma jkunux soġġetti għal kontroll suffiċjenti fl-Istati Membri tal-UE. Il-qasam l-aktar diffiċli għall-implimentazzjoni huwa l-organizzazzjoni tal-kampanji ta' tiftix għas-sorsi orfni possibbli li tħallew minn prattiki passati[3]. Barra minn hekk, hemm xi inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tad-definizzjoni tal-HASS, tas-sigurtà finanzjarja tas-sorsi, tat-taħriġ tal-persunal potenzjonalment espost u tal-prattiki ta' kontroll tas-sors.

    Id-Direttiva HASS tħassret bid-Direttiva 2013/59/Euratom (id-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza, BSS)[4], li tinkorpora d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva u tarmonizzahom mal-gwida tal-IAEA dwar is-sorsi radjuattivi. L-Istati Membri tal-UE għandhom sas-6 ta' Frar 2018 biex jittrasponu d-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Matul il-proċess ta' traspożizzjoni, il-Kummissjoni se tiġbed l-attenzjoni speċifika tal-Istati Membri għall-oqsma fejn kien hemm diffikultajiet ta' implimentazzjoni sabiex dawn jingħelbu b'mod aħjar fil-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni l-ġdida.

    Peress li d-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza ma tirrekjedix rapport dwar l-implimentazzjoni, dan ir-rapport mhux se jkollu segwitu.    

    Fi żmien l-analiżi tal-implimentazzjoni, il-Kroazja ma kinitx Stat Membru tal-UE u b'hekk ma ġietx inkluża f'dan ir-rapport. Madankollu, id-Direttiva HASS ġiet trasposta aktar tard fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Kroazja. Għal din ir-raġuni, wara li jkun għadda xi ftit ta' żmien, ikun xieraq li tiġi analizzata wkoll l-esperjenza tal-Kroazja fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni hija lesta li twettaq analiżi fil-Kroazja wara li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu ilhom li daħlu fis-seħħ għal tlieta jew erba' snin f'dan l-Istat Membru.

    2. Sorsi ssiġillati ta' attività għolja fl-Ewropa

    Is-sorsi ssiġillati ta' attività għolja (HASS) huma kontenituri ta' materjal radjuattiv miġbura f'kapsuli li l-attività tagħhom hija aktar mil-limitu speċifikat fid-Direttiva 2003/122/Euratom. Dawn jintużaw l-aktar fil-mediċina, fl-ittestjar mhux distruttiv tal-materjali u għal finijiet ta' sterilizzazzjoni. In-nuklidi tipiċi tal-HASS huma n-nuklidi b'ħajja twila Co-60, Ir-192, Sr-90 u Cs-137. Id-detentur tipiku tal-HASS huwa sptar, kumpanija ta' ttestjar industrijali jew istitut ta' riċerka. Fl-Ewropa hemm xi ftit kumpaniji li jimmanifatturaw il-HASS, għalkemm ħafna mis-sorsi kummerċjali joriġinaw mill-Istati Uniti jew mill-Kanada.

    L-inventarju Ewropew tal-HASS jinkludi madwar 30 700 sors li 50 % minnhom huwa rrappreżentat mill-Ġermanja u Franza. Disa' Stati Membri għandhom inventarju ta' inqas minn 100 HASS. Ħafna minn dawn is-sorsi użati għall-ittestjar mhux distruttiv huma mobbli u għalhekk jippreżentaw sfida partikolari għas-sigurtà. 

    Fl-Istati Membri hemm madwar 3 200 detentur irreġistrat tal-HASS, li minnhom 63 % huwa rrappreżentat mill-Ġermanja, Franza, il-Polonja u r-Renju Unit. Tipikament ikun hemm bejn 1 u 40 HASS individwali għal kull detentur (f'xi każijiet, l-apparat li għandu aktar minn sors wieħed jitqies bħala sors wieħed).

    Minħabba l-attività għolja tagħhom u l-istruttura fiżika tagħhom li ħafna drabi tkun mobbli, is-sigurtà tal-HASS hija sfida partikolari għall-awtoritajiet nazzjonali, speċjalment minħabba l-fatt li l-użu malizzjuż tal-materjal radjuattiv jista' jkollu konsegwenzi gravi sinifikanti għall-funzjonament tas-soċjetà. Barra minn hekk, it-telf aċċidentali tal-kontroll tal-HASS jista' jwassal għal inċidenti ta' esponiment żejjed għar-radjazzjoni jew għal spejjeż ekonomiċi sinifikanti jekk dan is-sors jinħall fi proċess għar-riċiklaġġ tar-ruttam tal-metall.

    Fl-Unjoni Ewropea seħħew xi inċidenti fejn intilef il-kontroll tal-HASS irreġistrat jew instab xi HASS mhux irreġistrat. Il-każijiet li kienu jinvolvu esponiment perikoluż kienu ftit ħafna (inqas minn għaxra) u dawk li kienu b'intenzjoni malizzjuża kienu ferm inqas. Huwa stmat li l-inċidenti kriminali kienu jammontaw biss għal perċentwal żgħir ħafna, jiġifieri għal inqas minn 8 fil-mija tal-inċidenti kollha tas-sors irrappurtati bejn l-2007 u l-2009. Is-sejbien ta' sorsi radjuattivi jew ta' oġġetti kkontaminati f'ruttam tal-metall huwa ċertament l-aktar inċident irrappurtat, li jseħħ f'faċilitajiet ta' ruttam tal-metall u fi fruntieri nazzjonali waqt l-esportazzjoni tar-ruttam. It-tieni l-aktar avveniment irrappurtat mill-Istati tal-UE huwa s-sejbien ta' sorsi orfni f'postijiet pubbliċi, f'miżbliet muniċipali jew fil-bini ta' kumpaniji falluti.

    3. Implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/122/Euratom fl-UE-27 3.1. Introduzzjoni

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva HASS jirrikjedi li sal-31 ta' Diċembru 2010 l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Wara li rċeviet dan ir-rapport minn kull Stat Membru, il-Kummissjoni wettqet studju biex tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva. L-istudju kkompleta l-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri, ipprovda ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni u identifika kemm in-nuqqasijiet kif ukoll l-aħjar prattiki.

    3.2. Ħarsa ġenerali dwar l-implimentazzjoni

    Il-Grafika 1 tirrappreżenta ħarsa ġenerali tal-istatus ta' implimentazzjoni tad-Direttiva HASS fis-27 Stat Membru. Ir-riżultati huma ppreżentati bħala: punt implimentat (OK), punt li jeħtieġ l-attenzjoni (PoA) u punt li kellu xi diffikultajiet biex jiġi implimentat (NOK). L-analiżi tal-grafika turi li ġeneralment hemm konformità tajba mar-rekwiżiti tad-Direttiva HASS. L-għanijiet tad-Direttiva ġew issodisfati u ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li s-sorsi ta' attività għolja ma jkunux soġġetti għal kontroll suffiċjenti fl-Istati Membri tal-UE.

    Grafika 1. Ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva HASS fis-27 Stat Membru (OK =Punt implimentat, PoA = Punt li jeħtieġ l-attenzjoni, NOK = Punt li kellu xi diffikultajiet biex jiġi implimentat)

    3.3. Oqsma ta' implimentazzjoni inkonsistenti tad-Direttiva

    Għalkemm b'mod ġenerali huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva HASS, ħames suġġetti juru ta' spiss inkonsistenzi fl-implimentazzjoni:  

    (1)        Jidher li fi 12-il Stat Membru hemm inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv. Tipikament, l-inkonsistenzi jikkonċernaw il-livelli differenti ta' attività kkunsidrati li jiddefinixxu l-HASS (pereżempju l-livelli l-ġodda stabbiliti mill-IAEA[5]). Dan jimplika li l-implimentazzjoni tad-definizzjoni tal-HASS fir-regolamenti nazzjonali ma tkunx kompletament konformi mad-Direttiva. Barra minn hekk, diversi Stati Membri li jużaw l-istess definizzjoni ta' HASS bħal dik mogħtija fid-Direttiva HASS, fil-prattika jqisu l-attività attwali tas-sors meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali. B'hekk, sors li l-attività tiegħu tkun niżlet taħt il-livelli ta' attività għolja stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva, ma jkunx kopert bir-rekwiżiti tad-Direttiva.

    (2)        F'diversi Stati Membri r-rekwiżiti marbuta mal-kontroll tal-HASS mid-detentur mhumiex kompletament konsistenti mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Pereżempju, it-testijiet tat-tnixxija tal-HASS ma jsirux b'mod sistematiku mid-detenturi jew il-programm test li jitwettaq mid-detenturi tas-sors ikun limitat (issir verifika viżwali biss mingħajr kejl tar-rata tad-doża).

    (3)        F'għaxar Stati Membri d-dokumentazzjoni li takkumpanja l-HASS mhix kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva, li titlob li l-manifattur jipprovdi ritratt ta' kull tip ta' disinn ta' sors manifatturat u ritratt tal-kontenitur tipiku tas-sors. Id-dententur għandu jiżgura li kull sors ikun akkumpanjat b'informazzjoni bil-miktub, li tinkludi ritratti tas-sors, tal-kontenitur tas-sors, tal-imballaġġ tat-trasport, tal-apparat u tat-tagħmir, skont il-każ. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri hemm ukoll sorsi storiċi mingħajr numru ta' identifikazzjoni (ID).

    (4)        Il-punt prinċipali ta' attenzjoni dwar il-ġestjoni fit-tul tal-HASS jikkonċerna l-perjodu permess għall-ħżin tal-HASS mhux użati fil-bini tad-detentur. Id-Direttiva HASS titlob għat-trasferiment ta' kull sors mhux użat mingħajr dewmien żejjed wara li ma jibqax jintuża. Madankollu, diversi Stati Membri ma jiddefinixxux fir-reġim regolatorju tagħhom il-perjodu massimu għall-ħżin tas-sorsi mhux użati fil-bini tad-detentur, li warajh isir obbligatorju t-trasferiment. F'xi Stati Membri l-garanzija finanzjarja għall-ġestjoni sigura fit-tul tas-sorsi mhux użati tista', f'xi okkażjonijiet, tkun inċerta jew id-detenturi tal-HASS ma jkunux obbligati jagħmlu arranġamenti xierqa għall-ġestjoni fit-tul tal-HASS mhux użati matul il-proċess ta' liċenzjar.

    (5)        L-aħħar suġġett li jeħtieġ attenzjoni huwa t-taħriġ u l-informazzjoni għall-ħaddiema li jistgħu jiltaqgħu ma' xi sors orfni. F'erba' Stati Membri dan it-taħriġ ma jsirx, filwaqt li fi tmien Stati Membri oħra dan it-taħriġ mhux meħtieġ mir-regolament jew ma jingħatax lill-ħaddiema kollha jew ma jsirx fil-faċilitajiet kollha fir-riskju jew ma jkunx dokumentat jew ripetut.

    3.4. Oqsma ta' implimentazzjoni diffiċli tad-Direttiva

    Rekwiżit wieħed biss mhuwiex implimentat sew f'madwar nofs l-Istati Membri: l-organizzazzjoni tal-kampanji ta' rkupru tas-sorsi orfni. Fil-fatt, l-Artikolu 9.4 tad-Direttiva HASS titlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-kampanji jkunu organizzati kif xieraq biex jirkupraw is-sorsi orfni li jitħallew minn attivitajiet passati. L-organizzazzjoni ta' dawn il-kampanji rriżultat diffiċli f'14-il Stat Membru għal raġunijiet differenti.

    Fi tliet Stati Membri r-rekwiżiti dwar iż-żamma tar-rekords (l-Artikolu 5) kienu diffiċli biex jiġu implimentati minħabba li mhux dejjem kien possibbli li l-awtoritajiet jiġu nnotifikati b'mod dirett dwar il-modifiki tas-sitwazzjoni tal-HASS.

    3.5. Implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Kummissjoni

    Id-Diretttiva HASS tillimita r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għal dawn li ġejjin: il-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni l-folja ta' reġistrazzjoni standard, tista' taġġorna l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness II (l-Artikolu 5) u tippubblika l-lista tal-awtoritajiet kompetenti u tal-punti ta' kuntatt tal-Istati Membri (l-Artikolu 13). Il-folja ta' reġistrazzjoni standard li tiddeskrivi l-informazzjoni meħtieġa għal kull HASS hija disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[6] u ġiet ippubblikata l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet tal-Istat Membru [2,3]. Sal-lum, il-Kummissjoni għada ma ħassitx il-ħtieġa li taġġorna l-Anness II u għalhekk għada ma stabbilietx il-kumitat konsultattiv skont l-Artikolu 17.

    3.6. Rakkomandazzjonijiet għat-titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva

    Skont l-analiżi tal-promulgazzjoni tad-Direttiva HASS, diversi rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu indirizzati lill-Istati Membri sabiex itejbu l-implimentazzjoni tagħha:

    · Il-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' rkupru sistematiċi jew dedikati għas-sorsi orfni għandha tiġi vvalutata f'dawk l-Istati Membri li s'issa għadhom ma organizzawx dawn il-kampanji. L-ewwel pass biex tiġi vvalutata l-ħtieġa ta' kampanja ta' rkupru jkun l-analiżi tar-reġistri storiċi disponibbli għand l-awtorità u għand il-manifatturi jew il-fornituri. Waqt l-ispezzjonijiet fil-faċilitajiet fejn x'aktarx jistgħu jinstabu s-sorsi mhux użati (bħal sptarijiet, universitajiet, ċentri tar-riċerka, siti militari eċċ), fil-bini jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet iktar bir-reqqa għat-tiftix ta' sorsi passati li jistgħu jkunu preżenti fis-sit.

    · Biex tiġi żgurata n-notifika immedjata ta' kull modifika fl-istatus tal-HASS, il-qafas regolatorju nazzjonali jista' jiddefinixxi d-dewmien massimu ttollerat ta' xi ftit ġranet li fih l-awtorità rilevanti trid tiġi nnotifikata.

    · Sakemm tiġi trasposta d-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza li fiha tiġi rriveduta d-definizzjoni ta' HASS, l-Istati Membri li jużaw id-definizzjoni ta' HASS mogħtija fid-Direttiva attwali għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom tal-HASS sakemm is-sors ikun naqas taħt il-livelli ta' eżenzjoni/approvazzjoni u mhux sakemm l-attività tas-sors tonqos taħt il-livelli ta' attività għolja.

    · It-tip u l-frekwenza tat-testijiet li jridu jitwettqu mid-detenturi tal-HASS għandhom jiġu ddefiniti fir-regolament jew skont il-gwida elaborata mill-korp regolatorju. Dawn it-testijiet għandhom jitwettqu minn persuna kkwalifikata b'kompetenzi adegwati fir-radjuprotezzjoni. Jekk fost il-persunal tad-detentur tal-HASS ma jkunx hemm uffiċjal rikonoxxut tar-radjuprotezzjoni, it-testijiet għandhom jitwettqu minn organizzazzjoni rikonoxxuta ta' appoġġ tekniku. F'kull każ, id-dokumentazzjoni li tirreġistra r-riżultati tat-testijiet dwar il-HASS għandha tiġi vverifikata mill-awtorità waqt l-ispezzjonijiet sabiex tiżgura li dawn twettqu b'mod effettiv u li d-detentur qies ir-riżultati tat-testijiet.

    · Id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-HASS għandha tiġi kkontrollata matul l-ispezzjonijiet biex tiġi vverifikata l-kompletezza tagħha fil-konfront tar-rekwiżiti tad-Direttiva HASS.

    · Sabiex jiġi evitat ir-riskju tan-nuqqas ta' kontroll tal-HASS mhux użati maħżuna fil-bini tad-detentur, iż-żmien massimu permessibbli għall-ħżin qabel it-trasferiment obbligatorju jista' jiġi stabbilit fir-regolamenti nazzjonali. Il-konformità ma' dan ir-rekwiżit għandha tiġi kkontrollata matul l-ispezzjonijiet u jekk ikun hemm xi nuqqas ta' konformità għandhom jittieħdu l-azzjonijiet ta' infurzar meħtieġa. Biex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, l-arranġamenti adegwati għall-ġestjoni fit-tul tal-HASS mhux użati għandhom ikunu prerekwiżit għall-awtorizzazzjoni ta' kull prattika.

    · Ir-regolamenti nazzjonali għandhom jinsistu biex jiġu organizzati sessjonijiet ta' taħriġ biex il-persuni fl-impjanti fejn x'aktarx ikunu jinsabu jew jiġu proċessati s-sorsi orfni jew f'punti ta' tranżitu nodali sinifikanti jingħataw taħriġ u informazzjoni xierqa. Ir-rekwiżit għandu jimponi korsijiet ta' taħriġ għat-tipi kollha ta' impjanti f'riskju u għaż-żewġ kategoriji ta' persuni (il-maniġment u l-ħaddiema). Kemm il-kontenut kif ukoll il-frekwenza tas-sessjonijiet ta' taħriġ għandhom jiġu ddefiniti jew approvati mill-awtorità rilevanti. Il-programm ta' taħriġ u informazzjoni għandu jinkludi eżerċizzji prattiċi, bħad-detezzjoni viżiva tas-sorsi u tal-kontenituri tagħhom u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq il-post f'każ ta' detezzjoni jew suspett ta' detezzjoni ta' sors.

    3.7. L-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tad-Direttiva

    Skont l-analiżi tal-livell ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-HASS fis-27 Stat Membru, jistgħu jiġu identifikati diversi prattiki tajbin. Hawn taħt hawn eżempji differenti ta' dawn.

    · Il-proċess ta' liċenzjar huwa pass importanti għall-ġestjoni tal-HASS. L-għoti ta' awtorizzazzjoni preliminari għal kull prattika li tikkonċerna HASS tispeċifika pereżempju, li jkunu saru l-arranġamenti adegwati, inklużi l-garanziji finanzjarji, għall-ġestjoni fit-tul tal-HASS, anke f'każijiet fejn id-detentur jew il-fornitur isir insolventi jew ifalli. L-arranġament fit-tul jeskludi l-ħżin fit-tul tal-HASS mhux użati fil-bini tad-detentur. L-awtorizzazzjoni tiddeskrivi wkoll it-testijiet li jridu jsiru mid-detenturi fuq il-HASS u l-frekwenza tagħhom, kif ukoll is-sessjonijiet ta' taħriġ li se jiġu organizzati għall-ħaddiema esposti u kemm il-darba dawn se jiġu ripetuti.

    · Sabiex l-awtorità tiġi nnotifikata fil-pront dwar kull bidla fl-istatus tal-HASS, id-dewmien massimu ttollerat ta' ftit ġranet irid jiġi ddefinit fir-regolamenti nazzjonali li jippromulgaw id-Direttiva HASS.

    · L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jwettqu spezzjonijiet imħabbra u għall-għarrieda biex jivverifikaw kemm il-kwistjonijiet ta' sikurezza kif ukoll ta' sigurtà. L-ispezzjonijiet għandhom l-għan li jivverifikaw li d-detentur iżomm ir-reġistri kollha tal-HASS biex jikkontrolla li l-informazzjoni nnotifikata lill-awtorità tkun korretta. Tiġi vverifikata wkoll id-dokumentazzjoni li takkumpanja s-sors. Waqt l-ispezzjonijiet jiġu vverifikati r-reġistri dwar l-ittestjar tal-HASS u dwar it-taħriġ tal-persunal tad-detenturi tal-HASS. Barra minn dawn il-verifiki fuq id-dokumenti, l-ispetturi jwettqu wkoll spezzjonijiet viżivi tas-sorsi u kejl, li jippermettulhom jivvalutaw l-integrità tas-sors u l-użu korrett tiegħu.

    · Il-programm ta' taħriġ tal-persunal tad-detentur tal-HASS huwa ddefinit jew approvat mill-awtorità u l-frekwenza tar-repetizzjoni hija stabbilita f'intervall ta' żmien raġonevoli (bħal pereżempju, kull sena). Il-korsijiet ta' taħriġ huma rreġistrati u jiġu organizzati wkoll testijiet tal-komprensjoni. Ir-reġistri dwar it-taħriġ jiġu kkontrollati waqt l-ispezzjonijiet.

    · Id-Direttiva HASS tirrikjedi li d-detenturi tas-sorsi jirritornaw mingħajr dewmien żejjed kull sors mhux użat lill-fornitur, iqiegħduh f'impjant rikonoxxut jew jittrasferixxuh għand detentur awtorizzat ieħor, dejjem jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx ftiehmet mod ieħor. Peress li d-Direttiva ma tiddefinix b'mod preċiż il-frażi "mingħajr dewmien żejjed", il-perjodu ta' qabel it-trasferiment obbligatorju jvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor, minn inqas minn sena għal diversi snin jew għal perjodu ta' żmien mhux iddefinit. L-aħjar prattika hi li l-perjodu massimu raġonevoli għat-tneħħija tas-sorsi mhux użati mill-bini tal-utenti jiġi ddefinit f'regolament, pereżempju jiġi stabbilit massimu ta' sentejn. Id-dispożizzjonijiet ta' teħid lura ma jiżgurawx it-tneħħija effettiva tas-sorsi mhux użati mill-bini tad-detenturi, iżda hemm bżonn ta' arranġamenti finanzjarji, bħal depożiti ta' flus mid-detenturi jew mill-fornituri. Dawn l-arranġamenti, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-komunità tal-utenti tas-sors, huma wkoll disponibbli għall-ġestjoni fit-tul tal-HASS mhux użati trasferiti f'faċilità ta' ħżin rikonoxxuta. Jekk it-trasferiment tal-HASS mhux użati f'faċilità ta' ħżin rikonoxxuta tkun waħda mill-għażliet ta' ġestjoni fit-tul, l-Istat Membru jipprovdi għal aċċess għal faċilità li jkollha kapaċità suffiċjenti.

    · L-istabbiliment u l-promulgazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw is-sigurtà u l-protezzjoni fiżika tal-HASS hija prattika tajba oħra osservata f'diversi Stati Membri. Ir-rekwiżiti ta' sigurtà huma bbażati fuq approċċ iggradat, li jqis ir-riskju maħluq mis-sorsi.

    · Biex jiġu evitati l-inċidenti bis-sorsi orfni, l-Istat Membru jidentifika postijiet strateġiċi fejn x'aktarx jinstabu jew fejn dawn jistgħu jidħlu fil-pajjiż. Barra minn hekk, l-awtorità regolatorja timponi li f'dawn il-postijiet jiġi installat tagħmir ta' detezzjoni u monitoraġġ. Qed jiġu organizzati kampanji ta' rkupru tas-sorsi orfni, speċjalment f'impjanti qodma jew eks impjanti fejn is-sustanzi radjuattivi kienu jew għadhom jintużaw. Il-piż finanzjarju għall-irkupru u l-ġestjoni tas-sorsi orfni mhuwiex appoġġat mill-komunità permezz tal-baġit tal-Istat iżda jiġġarrab mill-komunitajiet tal-utenti tas-sors ikkonċernati. Il-proċeduri ta' rispons u ta' twissija għall-impjanti fejn x'aktarx jistgħu jinstabu s-sorsi orfni huma approvati mill-awtorità u jiġu organizzati eżerċizzji biex jittestjawhom.

    · Il-maniġers u l-ħaddiema li jistgħu jiltaqgħu ma' sors orfni fit-tipi kollha ta' impjanti f'riskju, jitħarrġu b'mod regolari f'konformità mar-rekwiżiti tar-regolamenti nazzjonali. Il-kontenut tal-kors ta' taħriġ ikun definit jew approvat mill-awtorità, li tiżgura li s-sessjonijiet jiġu ddokumentati u mogħtija effettivament. Jiġi evalwat il-fehim ta' dawk li qed jitħarrġu. Biex jiżdied l-għarfien tal-persuni li jistgħu jiltaqgħu mas-sorsi orfni, l-awtorità torganizza sessjonijiet ta' informazzjoni u tiżviluppa gwidi, dokumentazzjoni, films edukattivi, posters, eċċ.

    4. Rekwiżiti tad-Direttiva 2003/122/Euratom bħala parti mill-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza l-ġodda tal-UE 4.1. Introduzzjoni

    Id-Direttiva 2013/59/Euratom [4] l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza (BSS) ġiet adottata fil-5 ta' Diċembru 2013. Apparti milli taġġorna d-Direttiva BSS attwali [5], id-Direttiva l-ġdida tinkorpora u taġġorna r-rekwiżiti ta' ħames Direttivi eżistenti oħra, fosthom id-Direttiva HASS. Id-Direttiva BSS il-ġdida tqis l-aħħar gwida tal-ICRP[7] u l-Istandards Internazzjonali Bażiċi ta' Sikurezza l-ġodda abbozzati mill-IAEA. L-Istati Membri tal-UE għandhom erba' snin (sas-6 ta' Frar 2018) biex jippromulgaw id-Direttiva l-ġdida fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

    Fid-Direttiva BSS il-ġdida hemm kapitoli differenti dwar il-kontroll ta' sorsi ssiġillati u dwar is-sorsi orfni. Dawn il-kapitoli jinkludu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva HASS attwali, bi ftit modifiki sinifikanti li huma mniżżlin hawn taħt. 

    4.2. Armonizzazzjoni regolatorja mal-IAEA

    Sabiex tinħoloq sistema ta' kontroll regolatorju għas-sorsi ssiġillati ta' attività għolja, hemm bżonn li jiġi definit livell ta' attività speċifiku tan-nuklidi, li meta dan jinqabeż is-sors jibda jiġi kkontrollat bħala HASS. Meta ġiet abbozzata d-Direttiva HASS il-valuri ta' attività ddefiniti għar-regolamenti tat-trasport tal-IAEA[8] (A1-valuri diviżi b'100) intagħżlu bħala bażi għad-definizzjoni tal-HASS. Aktar tard l-IAEA żviluppat il-valuri-D[9] biex tiddefinixxi sors "perikoluż" u użathom bħala bażi għas-sistema ta' kategorizzazzjoni tas-sorsi tagħha, li waslet għal definizzjonijiet differenti ta' sors fid-Direttiva HASS u fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-IAEA dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi (CoC)[10]. Il-BSS il-ġdida tal-UE tneħħi din id-diskrepanza billi tadotta l-valuri-D tal-IAEA bħala bażi għad-definizzjoni tal-HASS. Dan ifisser li s-sorsi tal-Kategoriji 1, 2 u 3 tal-IAEA huma meħtieġa biex ikunu kkontrollati bħala HASS fl-UE.

    Ir-reviżjoni saret minħabba li diversi awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE indikaw li meta fil-livell internazzjonali jkun hemm żewġ definizzjonijiet differenti tal-HASS tinħoloq sitwazzjoni problematika. Peress li d-Direttiva HASS u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-IAEA għandhom għanijiet simili, dawn għandhom jiġu applikati fuq l-istess grupp ta' sorsi. Barra minn hekk, bħala prinċipju, l-IAEA u l-UE għandhom ifittxu l-armonizzazzjoni tal-istandards internazzjonali.

    Inħass ukoll li, għal ħafna nuklidi, il-livelli ta' attività tad-Direttiva HASS kienu pjuttost baxxi, għalhekk mhux is-sorsi kollha tal-HASS "jfissru possibbiltà konsiderevoli ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent", kif huwa indikat fil-premessi tad-Direttiva, filwaqt li l-bażi xjentifika għall-valuri-D tal-IAEA hija soda u, sa ċertu punt, ikkonfermata bil-valuri tad-dożi attwali li nstabu f'każijiet reali ta' inċidenti tas-sors.

    Din l-armonizzazzjoni tfisser li l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkollhom jadattaw il-limiti nazzjonali tagħhom skont dan. Barra minn hekk, peress li l-valuri-D huma fil-biċċa l-kbira ogħla mill-valuri ddefiniti mid-Direttiva HASS (A1/100), il-bidla se tinvolvi t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-maġġoranza tan-nuklidi (it-tneħħija volontarja ta' xi sorsi mir-reġistri HASS). Fil-prattika, l-għadd ta' sorsi li ma jaqgħux fid-definizzjoni antika u f'dik ġdida huwa żgħir ħafna, peress li l-biċċa l-kbira tas-sorsi HASS reġistrati għandhom attivitajiet ferm ikbar mil-limitu ta' attività stabbilit mid-Direttiva BSS il-ġdida. Fil-każ ta' erba' nuklidi[11] l-limitu ta' attività l-ġdid huwa aktar baxx minn dak tal-limitu l-qadim; għal dawn in-nuklidi d-Direttiva BSS il-ġdida timplika kontroll regolatorju aktar strett. 

    Bidla oħra importanti fid-definizzjoni tal-HASS hija li issa d-definizzjoni tirreferi għall-attività attwali u mhux għall-attività waqt il-manifattura jew waqt it-tqegħid fis-suq. Dan ifisser li meta l-attività tas-sors tonqos taħt il-valur-D, is-sors jista' jitneħħa mir-reġistru tal-HASS u m'hemmx għalfejn jibqa' jiġi kkontrollat bħala HASS.

    Ta' min jinnota li d-Direttiva tistabbilixxi standard minimu. L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu rekwiżiti iktar ristrettivi fir-regolamenti nazzjonali tagħhom.

    4.3. Bidliet oħra

    Bidliet oħra relatati mas-sors li ġew introdotti mill-BSS il-ġdida tal-UE jirriflettu l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tad-Direttiva HASS u l-feedback riċevut mill-avvenimenti riċenti ta' kontaminazzjoni u sorsi radjuattivi. Il-bidliet l-aktar sinifikanti huma deskritti hawn taħt:  

    · Id-definizzjonijiet għas-sorsi ssiġillati u l-kontenituri tas-sors ġew kemxejn modifikati.

    · Hemm rekwiżiti ġodda għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-kontaminazzjoni tal-metalli. Impjant għar-riċiklaġġ tar-ruttam tal-metall huwa obbligat li jinnotifika lill-awtorità kompetenti jekk hemm suspett jew ġie mgħarraf bit-tidwib jew bil-proċess metallurġiku ta' sors orfni. Dan għandu jirrikjedi li l-materjali kontaminati ma jintużawx, ma jitqegħdux fis-suq jew ma jintremewx mingħajr l-involviment tal-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-istabbiliment ta' sistemi li jindividwaw il-preżenza ta' kontaminazzjoni radjuattiva fi prodotti tal-metall importati minn pajjiżi terzi, f'postijiet bħal impjanti kbar ta' importazzjoni tal-metall u punti ta' tranżitu nodali sinifikanti.

    · L-Istati Membri huma mitluba jiżguraw li l-maniġment tal-impjanti fejn x'aktarx jinstabu jew jiġu proċessati s-sorsi orfni, inklużi l-impjanti l-kbar għar-ruttam tal-metall u l-impjanti l-kbar għar-riċiklaġġ tar-ruttam tal-metall, u f'punti ta' tranżitu nodali sinifikanti, ikunu mgħarrfa bil-possibbiltà li jiltaqgħu ma' xi sors. Jekk il-ħaddiema jiltaqgħu ma' sors, dawn iridu jingħataw pariri u jiġu mħarrġa fid-detezzjoni viżwali tas-sorsi u tal-kontenituri tagħhom, ikunu infurmati bil-fatti bażiċi dwar ir-radjazzjoni jonizzanti u jkunu infurmati u mħarrġa fl-azzjonijiet li jridu jittieħdu fuq il-post f'każ ta' detezzjoni jew suspett ta' detezzjoni ta' sors.

    · Il-folja ta' reġistrazzjoni HASS (l-Anness XIV tad-Direttiva BSS) ġiet imtejba billi ġiet aġġornata t-terminoloġija u tneħħew l-inkonsistenzi li jidhru fil-folja ta' reġistrazzjoni tad-Direttiva HASS.

    · Hemm rekwiżiti ġenerali ġodda għal sorsi mhux issiġillati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru arranġamenti biex jinżamm il-kontroll ta' sorsi mhux issiġillati rigward il-post, l-użu u r-riċiklaġġ jew ir-rimi tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża żżomm, kif ikun xieraq u sa fejn ikun possibbli, reġistru tas-sorsi mhux issiġillati li jkun taħt ir-responsabbiltà tagħha. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull impriża li jkollha sors mhux issiġillat ta' radjuattività tinnotifika mill-ewwel lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe telf, serq, tixrid sinifikanti  jew użu jew rilaxx mhux awtorizzat.

    5. Konklużjonijiet

    Id-Direttiva HASS ġiet implimentata sew fl-UE, għalkemm għad hemm differenzi sinifikanti fil-prattiki ta' implimentazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE. L-għadd baxx ta' inkjesti relatati mal-HASS li l-Kummissjoni wettqet matul is-snin huwa sinjal li r-rekwiżiti tad-Direttiva ġew mifhuma sew u aċċettati.

    Id-Direttiva 2003/122/Euratom tħassret, b'effett mis-6 ta' Frar 2018, bid-Direttiva 2013/59/Euratom li tinkorpora d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva u tarmonizzahom mal-gwida tal-IAEA dwar is-sorsi radjuattivi. L-Istati Membri tal-UE għandhom sas-6 ta' Frar 2018 biex jittrasponu d-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza tirrappreżenta reviżjoni importanti tal-qafas legali kollu tal-UE dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni. Il-kapitoli dwar il-HASS joqogħdu sew f'dan il-qafas, peress li d-Direttiva HASS ġiet aċċettata sew mill-Istati Membri tal-UE u ma kienx hemm bżonn ta' modifiki kbar fil-kontroll tal-HASS, għalkemm id-Direttiva BSS il-ġdida tikkoreġi diversi nuqqasijiet tad-Direttiva HASS. B'mod partikolari, l-armonizzazzjoni miksuba mar-regolamenti tal-IAEA tqiegħed lill-Istati Membri tal-UE f'pożizzjoni tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kemm tal-UE kif ukoll tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika dwar il-kontroll tas-sorsi ssiġillati ta' attività għolja u tas-sorsi orfni.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil kull Stat Membru biex iqis il-kontenut ta' dan ir-rapport, speċjalment tal-aħjar prattiki identifikati, meta jabbozzaw mill-ġdid ir-regolamenti u l-gwida nazzjonali dwar is-sikurezza u s-sigurtà ta' sorsi radjuattivi u b'hekk jissodisfaw l-obbligu li tiġi trasposta d-Direttiva 2013/59/Euratom il-ġdida. Il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni RP 179 tas-serje dwar il-Protezzjoni mir-Radjazzjoni, tippreżenta ħarsa ġenerali aktar iddettaljata tas-sitwazzjoni tal-HASS fl-Ewropa u tiddeskrivi wkoll l-arranġamenti korrispondenti fil-Kanada u fl-Istati Uniti. 

    Referenzi

    [1]        Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/Euratom tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi siġillati ta' attività għolja, ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.

    [2]        Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi ssiġillati b'attività għolja u sorsi orfni, ĠU C 122/2, 27.4.2013, p. 2.

    [3]        Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi ssiġillati b'attività għolja u sorsi orfni, ĠU C 347/02, 28.11.2013, p. 2.

    [4]        Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom, ĠU L 13/1, 17.1.2014, p. 1.

    [5]        Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti, ĠU L 159, 29.6.1996. p. 1.

    [1]       Is-sors orfni huwa sors radjuattiv li mhuwiex taħt kontroll regolatorju.

    [2]       Aktar informazzjoni ddettaljata dwar is-sitwazzjoni tal-HASS fl-Istati tal-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada hija disponibbli fil-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Radiation Protection Nru 179 bl-isem ta' "Study on the current status of radioactive sources in the EU, on the origin and consequences of loss of control over radioactive sources and on successful strategies concerning the detection and recovery of orphan sources" (Studju dwar l-istatus attwali tas-sorsi radjuattivi fl-UE, dwar l-oriġini u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kontroll fuq is-sorsi radjuattivi u dwar l-istrateġiji ta' suċċess li jikkonċernaw id-detezzjoni u l-irkupru tas-sorsi orfni), 2014.

    [3]       Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' tiftix għas-sors orfni "kif xieraq", biex b'hekk ikun hemm lok għat-teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-ħtieġa li jiġu organizzati dawn il-kampanji.

    [4]       L-Artikolu 107 tad-Direttiva l-ġdida dwar l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza, b'effett mis-6 ta' Frar 2018

    [5]       Standards ta' Sikurezza tal-IAEA għall-ħarsien tan-nies u tal-ambjent, Kategorizzazzjoni tas-sorsi radjuattivi, Nru RS-G-1.9, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, 2005

    [6]       http://ec.europa.eu/energy/en/topics/nuclear-energy/radiation-protection/control-other-radioactive-sources

    [7] Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Radjoloġika

    [8]       Regolamenti għat-Trasport Sikur ta' Materjal Radjuattiv, Serje ta' Standards tas-Sikurezza, Rekwiżiti tas-Sikurezza Nru TS-R-1, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, Vjenna, 2009.

    [9]       "Dangerous quantities of radioactive material (D-values)" (Kwantitajiet perikolużi ta' materjal radjuattiv) (EPR-D-VALUES 2006), l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika, 2006.

    [10]     Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, Vjenna, 2004.

    [11]     Po-210, Pu-238, Cm-244 u Am-241

    Top