Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0139

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea

/* COM/2015/0139 draft */

52015DC0139

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea /* COM/2015/0139 draft */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea

1.           Introduzzjoni

L-1 ta’ Lulju 2014 kien it-tielet anniversarju tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FKĦ) bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), li kien applikat proviżorjament sa minn Lulju 2011[1]. Huwa l-ewwel f'ġenerazzjoni ġdida ta' FKĦ, ikkaratterizzat min-natura estensiva u komprensiva tiegħu. Huwa wkoll l-ewwel ftehim kummerċjali tal-UE ma' pajjiż Asjatiku.

Il-FKĦ diġà ra l-ewwel emenda tiegħu. Il-Protokoll Addizzjonali għall-FKĦ biex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE ġie ffirmat f’Marzu 2014 u applikat b’mod proviżorju mill-26 ta’ Mejju 2014. Ser jiġi konkluż ladarba l-Korea tinnotifika lill-UE bit-tmiem tal-proċeduri interni tagħha.

Dan huwa t-tielet Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-FKĦ skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea[2]. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament imsemmi, il-Kummissjoni se tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) jistipula li l-Kummissjoni ta' kull sena tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-istatistika aġġornata dwar l-importazzjonijiet mill-Korea ta’ prodotti f'setturi sensittivi u f'dawk is-setturi li l-monitoraġġ ikun estenda ruħu għalihom. Dan ir-rapport għalhekk jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ rekwiżiti ta’ rappurtar.

Ir-rapport jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ diversi kumitati u gruppi ta’ ħidma stabbiliti skont l-FKĦ biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim. Billi l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kumitati u gruppi ta’ ħidma ltaqgħu fit-tieni nofs tal-2014, dan ir-rapport ikopri l-perjodu minn Lulju 2013 sa Diċembru 2014, sa fejn l-attivitajiet tal-korpi implimentattivi tal-FKĦ huma kkonċernati.

2.           Valutazzjoni ġenerali: żvilupp tal-kummerċ wara tliet snin mill-implimentazzjoni tal-FKĦ

2.1.        Metodoloġija użata għall-analiżi

L-analiżi ta’ hawn taħt tal-flussi tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Korea hija bbażata fuq paragun bejn l-informazzjoni tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-FKĦ (Lulju 2013 – Ġunju 2014) u dik ta' 12-il xahar qabel ma daħal fis-seħħ u ġie applikat proviżorjament il-FKĦ (Lulju 2010 – Ġunju 2011).

Ta' min jinnota li t-tibdiliet fil-flussi tal-kummerċ ma jistgħux jiġu attribwiti biss għall-FKĦ, għax fatturi oħra wkoll jinfluwenzaw il-flussi tal-kummerċ. Madankollu, iċ-ċifri pprovduti hawn taħt jagħtu indikazzjoni tajba ta’ kif il-FKĦ ħadem sa issa.

2.2.        Evoluzzjoni globali ta’ kummerċ f’merkanzija

L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea żdiedu b’35%, minn 30,6 biljun EUR fil-perjodu ta’ 12-il xahar qabel ma l-FKĦ daħal fis-seħħ sa 41,4 biljun EUR fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ.

Matul l-istess perjodu, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta’ prodotti li kienu totalment jew parzjalment liberalizzati mill-FKĦ kiber aktar mill-esportazzjonijiet totali, jiġifieri b’46% u 37% rispettivament.

Graff 1: L-esportazzjonijiet tal-UE lejn u l-importazzjonijiet mill-Korea, Lulju 2010-Ġunju 2014 (f’miljuni ta’ EUR)

                      Sors: COMEXT

Fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, l-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea kienu jammontaw għal 37,9 biljun EUR, li hija bejn wieħed u ieħor daqs il-perjodu ta’ 12-il xahar ta’ qabel li l-FKĦ daħal fis-seħħ. Madankollu, fit-tielet sena l-importazzjonijiet żdiedu b’6% meta mqabbla mas-sena preċedenti.

Ta’ min jinnota li fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, l-importazzjonijiet dinjin tal-UE naqsu b’4 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Fil-fatt, l-importazzjonijiet tal-UE mill-14-il fornitur prinċipali tagħha naqsu, bl-eċċezzjoni tal-Korea u t-Turkija (6 % kull wieħed) u ċ-Ċina (żieda ta’ 1 %).

B’kuntrast mal-iżvilupp tal-importazzjonijiet totali għall-UE mill-Korea, l-importazzjonijiet ta’ prodotti li kienu totalment jew parzjalment liberalizzati mill-FKĦ kiber b’21 % u 26 % rispettivament, billi l-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea ta’ prodotti soġġetti għal rata żero ta’ tariffa MFN naqsu b’23%.

B’kollox, 7,6 biljun EUR tad-defiċit kummerċjali mal-Korea nbidel f’eċċedenza kummerċjali ta’ 3,6 biljun EUR favur l-UE matul it-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ.

Is-sehem tal-UE mill-importazzjonijiet totali tal-Korea mid-dinja żdied minn 9% qabel il-FKĦ għal 11% fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Matul l-istess perjodu ta’ żmien, is-sehem tal-UE mill-esportazzjonijiet totali mill-Korea naqas minn 11% għal 9%.

F’termini tal-esportazzjonijiet tal-UE, l-aktar kategoriji importanti ta’ prodotti kienu:

§ “Makkinarju u tagħmir” (TDC[3] 16), jiġifieri madwar 34% tat-total tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea. Dawn l-esportazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 23% fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ meta mqabbla mal-perjodu ta’ 12-il xahar qabel ma l-FKĦ daħal fis-seħħ.

§ “Tagħmir tat-trasport” (TDC 17), fejn l-esportazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 56% wara li l-FKĦ daħal fis-seħħ, b’żidiet ewlenin iseħħu fl-aħħar sentejn tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Huma jirrappreżentaw 16% tal-esportazzjonijiet totali tal-UE lejn il-Korea.

§ “Prodotti kimiċi” (TDC 06), fejn l-esportazzjonijiet żdiedu b’9% fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, li jammontaw għal aktar minn 12% tal-esportazzjonijiet totali tal-UE.

§ Kategoriji oħra ta’ prodotti, fejn l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b’mod sinifikanti minn Lulju 2011 huma “Prodotti minerali” (aktar minn 1.000%[4]), “Injam” u “Perli u metalli prezzjużi”[5] (madwar 120%).

Il-livell attwali tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea kienu jġarrbu pagamenti tad-dazju ta’ 1,6 biljun EUR fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ li kieku l-FKĦ ma kienx fis-seħħ.

Sa fejn huma kkonċernati l-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea, il-kategoriji ta’ prodotti ewlenin huma:

§ “Makkinarju u tagħmir” (36% tal-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea), fejn l-importazzjonijiet tal-UE naqsu b’20% minn mindu l-FKĦ daħal fis-seħħ.

§ “Tagħmir tat-trasport” (26% tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Korea), fejn l-importazzjonijiet tal-UE varjaw matul it-tliet snin tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. F’Ġunju 2014 dawn kienu kważi fl-istess livell bħal f’Ġunju 2011.

§ Ġew innotati żidiet sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-UE tal-plastik, minerali u prodotti kimiċi (madwar 51%, 112% u 48% rispettivament minn meta l-FKĦ daħal fis-seħħ).

2.3. Kummerċ fis-servizzi u l-Investiment Barrani Dirett (IBD)

L-istatistika kummerċjali għas-servizzi għadha lura u mhix disponibbli għat-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ.

Fl-2013, is-servizzi esportati mill-UE lejn il-Korea kienu ugwali għal 10,6 biljun EUR, li żdied bi 18% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tas-servizzi mill-Korea kienu ugwali għal 5,6 biljun EUR, li jirrappreżentaw żieda ta’ 11% meta mqabbla mal-2012.

Fl-2013 stokkijiet IDB tal-UE fil-Korea kienu ugwali għal 32,6 biljun EUR, filwaqt li l-istokkijiet IDB Koreani fl-UE kienu ugwali għal 18,9 biljun EUR.

2.4.        L-iżvilupp tal-kummerċ f’vetturi bil-mutur u partijiet

L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ vetturi bil-mutur (HS 8703) lejn il-Korea żdiedu b’90%, minn 2 biljun EUR (74.600 unità) fil-perjodu ta’ 12-il xahar qabel l-FKĦ sa 3,8 biljun EUR (141.800 unità) matul it-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, u jammontaw għal 9% tal-esportazzjonijiet totali tal-UE lejn il-Korea. Din iż-żieda seħħet prinċipalment fit-tieni u fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, li matulu ż-żieda annwali fl-esportazzjoni kienet ta’ madwar 35%.

L-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea żdiedu bi 53% minn 2,6 biljun EUR għal 4 biljun EUR jew b'25% f’termini ta’ unitajiet importati, minn 300.000 sa 375.000 unità. Kważi ż-żieda kollha (53%) seħħet matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Vetturi bil-mutur jammontaw għal 11% tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Korea. Matul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet tal-UE ta’ karozzi tal-passiġġieri mill-bqija tad-dinja naqsu b’7%.

Graff 2: L-Esportazzjonijiet tal-UE lejn u l-Importazzjonijiet mill-Korea ta' Vetturi bil-Mutur, Lulju 2010-Ġunju 2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Sors: COMEXT

L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ partijiet tal-karozzi lejn il-Korea kienu jammontaw għal madwar 1,1 biljun EUR fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, żieda ta’ 6% mill-perjodu ta’ 12-il xahar ta’ qabel l-FKĦ, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE mill-Korea tal-partijiet tal-karozzi żdiedu b’aktar minn 20% minn 2,2 biljun EUR fit-12-il xahar ta’ qabel l-FKĦ, sa 2,6 biljun EUR matul it-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Matul il-perjodu ta' tliet snin, l-importazzjonijiet rispettivi mill-bqija tad-dinja żdiedu biss bi 3%.

2.5. L-użu ta’ preferenzi tariffarji skont l-FKĦ

Abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli, jiġifieri minn Lulju 2013 sa Ġunju 2014, ir-rata ġenerali ta’ utilizzazzjoni ta’ preferenza tal-UE fis-suq Korean hija ta’ 65,9%.

Abbażi tal-kategoriji TDC, l-ogħla rati ġenerali ta’ utilizzazzjoni ta’ preferenza jinsabu f’tagħmir ta’ trasport (TDC 17) b'perċentwal ta' 94% u annimali u prodotti tal-annimali (TDC 1) b'perċentwal ta' 89%. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni ta’ preferenza ġenerali l-iktar baxxi jinstabu f’perli u metalli prezzjużi (TDC 14) b'perċentwal ta' 40%, metalli ta’ valur baxx (TDC 15), ġlud ħoxnin & ġlud (TDC 8) u makkinarju (TDC 16) b'perċentwal ta' madwar 50%.

L-użu relattivament baxx ta’ preferenzi f’xi kategoriji ma jidhirx li huwa spjegat bir-restrizzjoni tar-regoli ta’ oriġini, jew bil-marġini preferenzjali tal-esportaturi tal-UE vis-à-vis ir-rata MFN tal-Korea. Raġuni possibbli, identifikata minn konsultazzjonijiet mal-industrija, hija r-rekwiżit tal-FKĦ għall-esportaturi li japplikaw għal status ta’ esportatur approvat, sabiex jibbenefikaw minn tariffi preferenzjali, li huma meqjusa li jieħdu l-ħin u r-riżorsi. Barra minn hekk, il-klawsola tat-trasport dirett tal-FKĦ, li tirrikjedi li l-prodotti jiġu mibgħuta direttament mill-UE lejn il-Korea (u viċi versa), sabiex jitqiesu bħala li ‘joriġinaw’ fl-UE jew il-Korea, timpedixxi lil xi esportaturi li jużaw ċentri reġjonali tagħhom fl-Asja milli jgawdu l-preferenzi tal-FKĦ.

Fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-Korea lejn l-UE, li l-preferenza tar-rata tal-utilizzazzjoni Koreana ġenerali fl-UE laħqet 81,3% fl-2013. L-ogħla rati ta’ utilizzazzjoni ta’ preferenza ġenerali (‘il fuq minn 90 %) instabu f’tagħmir tat-trasport u prodotti minerali (TDC 05), filwaqt li r-rati ta’ utilizzazzjoni ta’ preferenza ġenerali l-iktar baxxi (madwar 33 %) instabu f’perli u ġlud.

3.           L-attivitajiet tal-korpi ta’ implimentazzjoni tal-FKĦ

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-FKĦ ipprevedew l-istabbiliment ta’ seba’ Kumitati Speċjalizzati, seba’ Gruppi ta’ Ħidma kif ukoll Djalogu dwar il-Proprjetà Intellettwali (PI). Il-Kumitat FKĦ għall-Kummerċ UE-Korea f'livell ministerjali għandu rwol ta’ sorveljanza u jiżgura li l-FKĦ jaħdem sew. Fl-2014, saru l-kumitati u l-gruppi ta’ ħidma kollha, kif ukoll id-Djalogu dwar l-IP, ħafna minnhom fi Brussell, kif miġbur fil-qosor hawn taħt.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Vetturi bil-Magna u l-Partijiet iltaqa’ fis-17 ta’ Ġunju 2014 fi Brussell. L-aktar kwistjonijiet diskussi kienu kwistjonijiet ta’ aċċess għas-swieq, aktar milli kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-FKĦ. Dawn kienu jinkludu, inter alia, il-proposti leġiżlattivi Koreani għall-ekonomija tal-karburanti, sistemi ta' emissjoni medja tal-flotta, l-immarkar tat-tajers, ir-regolamentazzjoni l-ġdida fil-Korea fuq l-effiċjenza tal-enerġija fit-tajers, sistemi ta’ bbrejkjar awżiljari għal xarabankijiet kbar, limitu tal-wisa’ tal-vettura u trakkijiet tratturi. Il-partijiet iddiskutew ukoll aġġornament tal-Anness 2-C tal-FKĦ biex jikkunsidra r-referenzi legali riveduti tal-UE fir-rigward tal-ganċ tal-irmunkar u tagħmir biex jassigura l-viżibbiltà tas-sewwieq, u qablu li l-Kumitat tal-Kummerċ għandu jaqbel dwar l-aġġornament.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar Farmaċewtiċi u Tagħmir Mediku li ltaqa’ fit-18 ta’ Ġunju 2014 fi Brussell iddiskuta s-sistema Koreana tal-ipprezzar ta' farmaċewtiċi u r-rikonoxximent xieraq tal-valur ta’ mediċini innovattivi, il-ftehim rivedut Korean dwar il-volum tal-prezzijiet, l-implimentazzjoni mill-Korea ta’ serjalizzazzjoni għad-drogi, l-Ingredjenti Farmaċewtiċi Attivi (IFA), il-metodoloġija għat-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ rimborż ta’ tagħmir mediku fil-Korea u l-abbozz għall-emenda tal-Leġiżlazzjoni dwar Tagħmir Mediku. Wara l-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma kien hemm diskussjoni bejn esperti biex tidentifika opportunitajiet għall-armonizzazzjoni regolatorja fis-settur ta' farmaċewtiċi u tagħmir mediku.

Fl-istess ġurnata, fit-18 ta’ Ġunju 2014, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Sustanzi Kimiċi ltaqa' fi Brussell biex jiskambja informazzjoni mar-REACH ta' kull naħa. In-naħa Koreana infurmat lin-naħa tal-UE rigward il-perjodu ta’ żmien u l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Att K-REACH u n-naħa tal-UE pprovdiet informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sostenn għal SMEs li ġew żviluppati fl-UE għall-implimentazzjoni tar-REACH. Il-Kumitat qabel ukoll dwar aktar kooperazzjoni teknika dwar sustanzi kimiċi bejn il-Ministeru Korean tal-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

Fit-18-19 ta’ Ġunju 2014 il-Kumitat Doganali ltaqa’ f’Seul. Huwa ddiskuta l-proċeduri u l-metodi tal-verifika tal-oriġini u r-regoli ta’ oriġini, inkluża r-regola ta’ trasport dirett fejn in-naħa tal-UE fakkret l-importanza li r-regola attwali ta’ trasport dirett tiġi riveduta f'regola li ma jsirulhiex bidliet, li tippermetti l-qsim ta’ kunsinni f’pajjiż terz. Il-kumitat iddiskuta wkoll l-interpretazzjoni ta’ “ingredjent primarju” ta’ surimi pproċessat u t-traspożizzjoni tar-Regoli Speċifiċi dwar il-Prodotti (PSRs) dwar l-oriġini, minn kodiċi HS 2007 sa kodiċi HS 2012. Il-possibbiltajiet sabiex jiġi konkluż Ftehim ta’ Rikonoxximent Reċiproku ta’ Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati ġew diskussi ukoll.

Fis-16 ta’ Settembru 2014, il-Kumitat għal Kummerċ ta' Prodotti ltaqa’ fi Brussell. Il-Kumitat approva abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-Kumitat għal Kummerċ ta' Prodotti fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni ta’ Kwoti tar-Rata Tariffarja (TRQ). Il-Kumitat iddiskuta wkoll diversi kwistjonijiet ta' implimentazzjoni tal-FTA u ta' kummerċ bilaterali, pereżempju l-ekwivalenza tal-prodotti agrikoli organiċi, ir-rieżami ta’ Appendiċi 2-B-3 (tagħmir elettroniku) tal-FKĦ, rekwiżiti Koreani għal ċertifikazzjoni tas-sikurezza għal makkinarju, u kożmetiċi. L-UE tenniet it-talba tagħha biex jiġi emendat il-FKĦ billi tiġi riveduta l-klawżola tat-trasport dirett, tiddaħħal klawżola dwar prodotti li jerġgħu jidħlu wara t-tiswija u jiġu inklużi trakkijiet tratturi fl-ambitu tal-anness mhux tariffarju dwar karozzi u vetturi bil-mutur (Anness 2-C).

Fis-17 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat dwar iż-Żoni għall-Ipproċessar Passiv (OPZ) fil-Peniżola Koreana ltaqa' fi Brussell. Il-Korea tat aġġornament dwar żviluppi riċenti fil-Kumpless Industrijali Gaeseong, iż-żona industrijali inter-Koreana li tinsab fil-Korea ta’ Fuq. Il-Kumitat irreveda l-kundizzjonijiet għal iktar żvilupp ekonomiku u ddiskuta l-istabbiliment tal-kriterji għall-OPZ u l-istabbiliment ta’ livell massimu. In-naħa tal-UE ħadet nota tal-proposti Koreani u spjegat ir-restrizzjonijiet politiċi fl-UE. Iż-żewġ naħat għarfu s-sensittività politika tal-kwistjoni però qablu li jkomplu d-diskussjonijiet fuq livell ta' ħidma.

Id-djalogu PI seħħ fil-25 ta’ Settembru 2014 f’Seul. Iż-żewġ naħat taw aġġornament dwar l-iżviluppi leġiżlattivi u politiċi fil-qasam tal-PI, b’mod partikolari fir-rigward ta’ privattivi, marki kummerċjali, disinji u drittijiet tal-awtur. L-UE fakkret fil-kwistjoni ta' implimentazzjoni tal-FKĦ fejn tikkonċerna dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ eżibizzjoni pubblika, u l-ħtieġa għal allinjament tal-leġiżlazzjoni Koreana mal-FKĦ. Id-djalogu kopra wkoll kwistjonijiet ta’ infurzar tal-PI. Barra minn hekk, il-partijiet iddiskutew l-approċċ u l-istrateġija rispettivi tagħhom lejn il-kwistjonijiet ta' PI f’pajjiżi terzi.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar Akkwisti Pubbliċi ltaqa’ għall-ewwel darba fis-26 ta’ Settembru 2014 f’Seul. Iż-żewġ partijiet skambjaw informazzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi domestiċi attwali fis-sitwazzjoni u l-prospetti tas-suq u evalwaw is-sitwazzjoni attwali ta’ aċċess għas-suq fis-swieq rispettivi tagħhom kif ukoll l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar l-akkwist pubbliku tal-FKĦ. Il-partijiet iddiskutew ukoll l-ostakli u r-restrizzjonijiet attwali tas-suq u kif għandhom jiġu indirizzati, kif ukoll il-modi ta’ kif tista’ tiżdied il-parteċipazzjoni fis-swieq tal-akkwist pubbliku taż-żewġ naħat.

Il-Kumitat dwar Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji ltaqa' fl-10 ta’ Ottubru 2014 fi Brussell. Il-Kumitat iddiskuta l-esportazzjonijiet Koreani tas-soppa tat-tiġieġ u l-ġinseng, u l-barbun taż-żebbuġa ħaj lejn l-UE, il-bini ta’ fiduċja, u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ benesseri tal-annimali, it-trasparenza, l-esportazzjonijiet tal-UE ta' ċanga lejn il-Korea, it-tifqigħ tad-Deni Afrikan tal-Ħnieżer fil-Polonja u talba tal-UE li jiġu applikati l-prinċipji ta’ reġjonalizzazzjoni, il-klawżola “imwielda u mrobbija” u l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti tal-ħalib mhux ipproċessat u frott u ħaxix lejn il-Korea.

Fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali kellu t-tieni laqgħa tiegħu f’Seul. Huwa approva l-bord ta' arbitraġġ, imsemmi fl-Artikolu 3bis tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-FKĦ. Il-partijiet skambjaw ukoll fehmiet dwar il-politiki kulturali rispettivi tagħhom u ddiskutew l-industriji kulturali u kreattivi, ir-residenzi tal-artisti kif ukoll koproduzzjonijiet awdjoviżivi. F’dan il-qasam tal-aħħar ġie miftiehem li jittieħdu għadd ta’ azzjonijiet biex jinfurmaw lill-professjonisti tal-films aħjar. Ta’ min jinnota li kif stipulat fil-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali, il-Kumitat għall-Kummerċ ma għandu ebda ġuriżdizzjoni fuq il-Protokoll, u għalhekk il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali jeżerċita l-funzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward ta’ dan il-Protokoll.

Fis-6 ta' Novembru 2014, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) ltaqa’ fi Brussell. Sar progress sostanzjali dwar l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura, li jista’ jiġi adottat ladarba ż-żewġ Partijiet ikunu temmew il-proċeduri interni tagħhom. Iż-żewġ partijiet issottomettew u ddiskutew l-listi rispettivi tagħhom ta’ IĠ ġodda li għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ IĠ protetti skont l-FKĦ.

Fit-8 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat għal Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli ltaqa’ fi Brussell. Iż-żewġ naħat skambjaw fehmiet dwar il-politiki ambjentali u tax-xogħol rispettivi tagħhom, inkluż fil-qasam tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ekoloġiku u l-ekonomija ċirkolari. Il-Kumitat iddiskuta wkoll għadd ta’ Ftehimiet Ambjentali Multilaterali ewlenin u skambja informazzjoni fuq it-traffikar ta' annimali slavaġ u l-qtugħ illegali tas-siġar. Barra minn hekk, ġew diskussi kwistjonijiet tax-xogħol, inklużi l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, b’mod partikolari dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv u dwar ix-xogħol furzat, inklużi miżuri li jindirizzaw prattiċi inġusti tax-xogħol. Fl-aħħar nett, iddiskutew l-implimentazzjoni ta’ linji gwida u prinċipji internazzjonali fil-qasam tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK).

Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Kooperazzjoni għal Rimedju Kummerċjali ltaqa’ f'Seul. Iż-żewġ naħat iddiskutew l-istatus ġenerali tal-miżuri fis-seħħ għal rimedju kummerċjali f’termini ta’ kummerċ bilaterali bejn il-Korea u l-UE. Huma skambjaw ukoll fehmiet dwar id-direzzjoni politika ġenerali rispettiva tagħhom, inkluż bidliet riċenti. Barra minn hekk, saret diskussjoni teknika dwar l-investigazzjonijiet ta' dumping u ħsara. Fl-aħħar nett, iż-żewġ naħat iddiskutew l-aħħar żviluppi rigward każijiet ta’ pajjiżi terzi.

Fis-16 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat dwar il-Kummerċ tas-Servizzi, l-Istabbiliment u l-Kummerċ Elettroniku ltaqa’ f'Seul. Iż-żewġ naħat iddiskutew firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet fl-oqsma tas-servizzi postali u ta’ kurrier, is-servizzi finanzjarji, u s-servizzi ta’ distribuzzjoni. Fir-rigward tas-servizzi postali, iż-żewġ partijiet qablu li jimpenjaw irwieħhom biex jipprovdu l-prinċipji ta' qafas regolatorju sal-Kumitat tal-Kummerċ li jmiss. Il-Kumitat iddiskuta wkoll ir-rieżami tal-qafas legali tal-investimenti, skont l-Artikolu 7.16 tal-FKĦ u l-klima kummerċjali ġenerali fis-settur tas-servizzi.

Fl-istess ġurnata, is-16 ta’ Diċembru 2014, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku (FRR) għas-Servizzi, ltaqa', f'Seul ukoll. Il-laqgħa kienet preċeduta minn diskussjoni bejn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ inġiniera u periti miż-żewġ naħat. Iż-żewġ naħat skambjaw fehmiet dwar inizjattivi tal-FRR rispettivi tagħhom ma’ pajjiżi oħra u ħadu kont tal-progress f'diskussjonijiet tal-FRR bejn assoċjazzjonijiet professjonali. Iż-żewġ naħat qablu li l-assoċjazzjonijiet professjonali għandhom jiġu mħeġġa biex ikomplu jaħdmu flimkien. Huma qablu wkoll li jitkompla l-iskambju utli ta’ informazzjoni dwar l-FRR skont il-ftehimiet bilaterali rispettivi taż-żewġ partijiet.

Il-Kumitat għall-Kummerċ iltaqa' fis-16 ta’ Ottubru 2014 fi Brussell. Dan kien ikkopresedut mill-ex-Kummissarju għall-Kummerċ, is-Sur Karel De Gucht u mill-Ministru Korean għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija, is-Sur Yoon Sang-jick. Il-Kumitat ivvaluta l-iżvilupp tal-kummerċ bilaterali wara tlett snin mill-implimentazzjoni tal-FKĦ, u qabel li l-FKĦ kellu effetti pożittivi, b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat il-kummerċ kompletament jew parzjalment liberalizzat fejn l-esportazzjonijiet taż-żewġ naħat żdiedu. L-UE tenniet it-talba tagħha li jiġi emendat l-FKĦ u li jinstab pakkett ta’ emendi li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku. Iż-żewġ naħat qablu li jipproċedu bl-emenda teknika tal-anness mhux tariffarju dwar karozzi u partijiet tal-karozzi (Anness 2-C) billi jaġġornaw ir-referenzi ġuridiċi li m’għadhomx jintużaw fit-tabelli ta’ ekwivalenza sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi.

Iż-żewġ naħat qajmu l-kwistjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-implimentazzjoni, bħall-kummerċ fis-servizzi, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13.4 tal-FKĦ dwar standards u ftehimiet multilaterali dwar ix-xogħol u l-interpretazzjoni ta’ “ingredjent primarju” tas-surimi. Kwistjonijiet oħra li jaffettwaw il-kummerċ bilaterali kienu diskussi wkoll, inklużi l-ekwivalenza tal-prodotti agrikoli organiċi, il-projbizzjoni tal-Korea fuq l-importazzjonijiet tal-majjal mill-Polonja minħabba d-Deni Afrikan tal-Ħnieżer, l-iffurmar ta’ E-marks għat-tajers, il-kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-UE għall-prodotti kożmetiċi u l-esportazzjonijiet tal-Korea tal-barbun taż-żebbuġa ħaj lejn l-UE.

Iż-żewġ naħat ikkonkludew li jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jimplimentaw l-FKĦ.

4.           L-implimentazzjoni ta' Kapitolu 13 tal-FKĦ dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

It-tieni laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (KKIS) saret fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 2014.

F’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta tat-tieni laqgħa tal-KKIS, spazju fl-aġenda kien previst lill-Kopresidenti tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili (FSĊ) sabiex jippreżentaw aġġornament dwar ix-xogħol tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (GKD). L-UE laqgħet is-sħubija mġedda tal-GKD Koreani, b’mod partikolari r-rappreżentanza usa’ tal-unjins u ta’ min iħaddem. Il-KKIS qabel li jippreżenta sommarju tad-diskussjoni tat-tielet laqgħa tiegħu għat-tielet laqgħa tal-FSĊ, li saret l-għada, fid-9 ta’ Diċembru.

Is-segment tal-ambjent kien iddedikat għad-diskussjoni dwar sistemi ta’ skambju ta’ emissjonijiet, l-iżvilupp ekoloġiku u l-ekonomija ċirkolari, u għadd ta’ Ftehimiet Ambjentali Multilaterali ewlenin. Fil-kuntest tat-tnedija tal-iskema Koreana għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2015, il-partijiet enfasizzaw l-importanza tat-tkomplija tal-kooperazzjoni dwar din il-kwistjoni, u l-UE ddeskriviet l-opportunitajiet kummerċjali li jirriżultaw minn swieq emerġenti tal-karbonju fl-Ewropa u fil-Lvant tal-Asja. L-UE aġġornat iktar lill-Korea dwar il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-approċċ tagħha dwar it-traffikar ta’ annimali slavaġ u l-konsultazzjoni għaddejja mal-partijiet interessati dwar kif tista’ tissaħħaħ, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni eqreb ma’ pajjiżi sħab, filwaqt li l-Korea introduċiet il-politika nazzjonali tagħha. L-UE indikat l-istrumenti ewlenin tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat, filwaqt li l-Korea stqarret li qegħda tiġi żviluppata proposta leġiżlattiva li tindirizza l-kummerċ ta’ njam maħsud b’mod illegali. Iż-żewġ naħat qablu li jiskambjaw l-esperjenza fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa.

Is-segment dwar il-politika tax-xogħol ġie introdott minn preżentazzjoni ta’ espert mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (OIX) dwar żviluppi rigward ir-ratifika ta’ konvenzjonijiet tal-OIX fundamentali (b’mod partikolari dawk dwar ix-xogħol furzat, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv) u aġġornati u dwar il-lezzjonijiet miksuba minn pajjiżi oħra rigward l-ostakli għar-ratifikazzjoni u modi kif jiġu indirizzati. L-OIX offriet li tkompli tipprovdi kooperazzjoni teknika u pariri fuq dawn il-kwistjonijiet.

Rigward kwistjonijiet ta’ xogħol, il-KKIS iddiskuta l-konvenzjonijiet fundamentali tal-OIX kif ukoll l-impenn tal-partijiet skont l-FKĦ li jirrispettaw il-liġijiet u l-prattiki tagħhom tal-OIX dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol. Il-partijiet ftehmu li jaqsmu, qabel il-laqgħa tal-KKIS li jmiss, testi li jiddefinixxu l-progress sal-lum u iktar passi intiżi lejn ir-ratifika ta’ konvenzjonijiet fundamentali u aġġornati oħrajn tal-OIX, u jiskambjaw l-informazzjoni mal-FSĊ.

Rigward il-kooperazzjoni skont l-Anness 13 tal-FKĦ, il-Korea u l-UE ddiskutew żviluppi reċenti fir-rigward tat-tnedija tan-negozjati dwar Ftehim dwar Prodotti Ambjentali u tennew kemm l-impenn tagħhom kif ukoll livell għoli ta’ ambizzjoni għal din l-inizjattiva. Huma ddiskutew ukoll ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK) u oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni dwar il-Marka Ambjentali tal-Korea u l-Ekotikketta tal-UE. Fl-aħħar nett, l-UE għamlet preżentazzjoni qasira tal-Istrument ta’ Sħubija l-ġdid.

Il-KKIS laqa’ d-diskussjoni miftuħa u kostruttiva fit-tielet laqgħa tiegħu u ddeċieda li jkompli bid-djalogu mal-FSĊ. Huwa proviżorjament qabel li jagħmel ir-raba’ laqgħa tiegħu qabel l-aħħar ta’ Settembru 2015 fil-Korea u li huwa għandu jiltaqa’ qabel il-Kumitat għall-Kummerċ.

5.           Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 511/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 511/2011 ("ir-Regolament ta' Salvagwardja") huwa l-leġiżlazzjoni interna tal-UE sabiex timplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali tal-FKĦ bejn l-UE u l-Korea.

Kif previst mill-Artikoli 3 u 11 tar-Regolament ta' Salvagwardja, il-Kummissjoni ilha ssegwi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' prodotti Koreani f'setturi sensittivi li potenzjalment jintlaqtu mir-rifużjoni tad-dazju, bħall-karozzi, il-parts tal-karozzi, it-tessuti u prodotti elettroniċi għall-konsumatur. Sa mill-applikazzjoni proviżorja tal-FKĦ li tnediet f'Lulju 2011, kull xahrejn il-Kummissjoni kienet qiegħdha taqsam ir-riżultati tal-monitoraġġ tagħha mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati relevanti.

Dan ir-Regolament ta' Salvagwardja jipprevedi wkoll il-possibbiltà li titnieda investigazzjoni ta’ salvagwardja jew li jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari, taħt ċerti kondizzjonijiet definiti fir-Regolament. Matul it-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-FKĦ, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda talbiet bħal dawn.

5.1.        Żvilupp ta' importazzjonijiet Koreani lejn l-UE f'setturi koperti mill-monitoraġġ

Ir-riżultati tal-monitoraġġ matul it-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-FKĦ huma mqassra hawn taħt. Ta’ min jinnota li għall-fini tal-monitoraġġ, informazzjoni għat-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ tqabblet mal-perjodu tat-12-il xahar preċedenti u għaldaqstant xi ċifri jistgħu jkunu differenti mill-analiżi ta' kummerċ ġenerali fil-punt 2 hawn fuq, fejn informazzjoni għat-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ tqabblet mal-perjodu tat-12-il xahar qabel ma l-FKĦ daħal fis-seħħ.

Ta' min jinnota wkoll li t-tqabbil skont l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ huwa bbażat fuq il-kwantitajiet importati mill-Korea lejn l-UE, jiġifieri bħala unitajiet fil-każ tal-karozzi u bħala 1000 kg fil-każ ta’ parts tal-karozzi, tessuti u prodotti elettroniċi.

(i) Is-settur tal-karozzi

L-importazzjonijiet ta’ karozzi mill-Korea żdiedu b’20 % fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-FKĦ (Lulju 2013 - Ġunju 2014) meta mqabblin mas-sena ta’ qabel (Lulju 2012 - Ġunju 2013). It-tendenza ta' żieda hija mmarkata b’mod speċjali għal karozzi b’magni tal-elettriku, għalkemm il-volumi ta’ importazzjoni huma insinifikanti għal din il-kategorija. L-importazzjonijiet ta’ karozzi b’magni medji jew kbar żdiedu b’50 %, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ karozzi b’magni żgħar naqsu b’7 %. Ta’ min jinnota li l-importazzjonijiet ta’ karozzi mill-Korea għadhom f’livell aktar baxx milli fis-sena ta’ Lulju 2007 – Ġunju 2008.

Fir-rigward ta' importazzjoni ta' parts tal-karozzi, żieda żgħira ta’ 6 % saret fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Din iż-żieda hija ogħla milli fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Madankollu, din tissuġġerixxi li l-livelli ta’ importazzjoni stabbilizzaw ruħhom f’dawn l-aħħar tliet snin.

(ii) Is-settur tat-tessuti

L-importazzjonijiet ta' tessuti mill-Korea naqsu bi 12 % fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Dan jitqabbel ma’ tnaqqis ta’ 6 % fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ meta mqabbla mal-ewwel sena tal-FKĦ.

(iii) Is-settur tal-elettronika

Filwaqt li l-importazzjonijiet ta' prodotti elettroniċi naqsu bi 13 % fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ, fit-tielet sena dawn żdiedu b'31 %.

5.2.        Rifużjoni tad-dazju

Il-Kummissjoni wettqet ukoll  monitoraġġ speċifiku dwar ir-rifużjoni tad-dazju fir-rigward tar-regoli tal-oriġini kif hemm previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament tas-Salvagwardja, sabiex ikun valutat il-kontenut barrani fil-proċess tal-manifattura Koreana u għaldaqstant fl-esportazzjonijiet tal-prodotti finali mill-Korea lejn l-UE. L-Artikolu 11(1) jipprovdi għal proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini dwar rifużjoni jew eżenzjoni mid-dazji tad-dwana.

L-analiżi ffukat fuq il-valur tal-importazzjoni ta’ prodotti li kienu soġġetti għall-monitoraġġ matul l-ewwel għaxar xhur tal-2014, meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2013, peress li għal dawn il-perjodi l-informazzjoni kompluta hija disponibbli.

Fis-settur tal-prodotti elettroniċi, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet mill-Korea għall-UE żviluppa (naqas jew żdied) prinċipalment skont is-sottointestaturi HS li ġejjin: 8519.20, 8519.50, 8519.89, 8521.10, 8521.90, 8525.50, 8525.60, 8526.91, 8526.92, 8527.12 8527.13, 8527.19, 8527.21, 8527.29, 8527.91, 8527.92, 8527.99, 8528.41, 8528.49, 8528.51, 8528.59, 8528.69 u 8528.72. B’mod ġenerali, l-importazzjonijiet naqsu taħt l-intestaturi li ġejjin: 8521 (-14 %) u 8527 (-17 %) filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu taħt l-intestaturi 8526 (73 %) u 8528 (52 %). Fl-istess żmien, l-importazzjonijiet mill-Korea ta' partijiet minn dawn il-prodotti fil-biċċa l-kbira naqsu: għal HS 8522, kien hemm tnaqqis ta' importazzjonijiet miċ-Ċina (-10 %) u żieda mill-Ġappun (4 %), filwaqt li għal HS 8529 kien hemm tnaqqis f'importazzjonijiet kemm miċ-Ċina (-3 %) kif ukoll mill-Ġappun (-2 %).

Rigward it-tessuti (ħajt u drapp), tnaqqis sinifikanti ta’ importazzjonijiet seta' jiġi osservat skont HS 5204 (ħajt tal-qoton għall-ħjata) u HS 5205 (ħajt tal-qoton mhux għall-bejgħ bl-imnut), fl-istess ħin żieda sinifikanti fl-importazzjoni setgħet tiġi nnotata taħt HS 5207 (ħjut tal-qoton għall-bejgħ bl-imnut), HS 5408 (drappijiet minsuġa ta’ ħjut ta’ filament artifiċjali), HS 5509 (ħajt ta’ fibri tat-tilju sintetiċi), HS 5510 (ħajt ta’ fibri tal-qoton artifiċjali) u HS 5511 (ħjut ta’ fibri bażiċi magħmula mill-bniedem). Ħjut jibbenefikaw mir-regola “Manifattura minn fibri bażiċi magħmula mill-bniedem, mhux imqardxa jew mimxuta jew ippreparati mod ieħor għall-brim fi ħjut” salvagwardjati bi kwoti annwali.

Rigward il-karozzi, kien hemm tnaqqis ġenerali fl-importazzjonijiet mill-Korea għall-UE (medja ta' -1 %), taħt il-kodiċi HS 8703, anke jekk dan it-tnaqqis ma japplikax għat-tipi kollha ta' karozzi, iżda jiddependi fuq it-tip u d-daqs tal-magna. Sadanittant, l-importazzjonijiet ta’ inputs ta’ komponenti tal-karozzi skont il-kodiċi HS 8707 u 8708 miċ-Ċina għall-Korea naqsu b'67 % u 9 % rispettivament. L-importazzjonijiet ta’ inputs tal-karozzi skont il-kodiċi HS 8707 u 8708 mill-Ġappun għall-Korea naqsu b'96 % u 2 % rispettivament. L-importazzjonijiet Koreani ta’ magni miċ-Ċina naqsu b’19 % fl-HS 8407 u b’4 % fl-HS 8408. Rigward il-magni li joriġinaw mill-Ġappun, l-importazzjonijiet tagħhom lejn il-Korea naqsu bi 32 % skont HS 8407 u żdiedu b’24 % f’HS 8408.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li sa issa l-konċessjoni tar-rifużjoni tad-dazju għal prodotti soġġetti għall-klawżola ta' monitoraġġ speċifiku ma tidhirx li ħalliet xi impatt sinifikanti fuq ix-xejra tal-manifattura fil-Korea. B’mod partikolari, ma wasslitx għal żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ inputs minn pajjiżi ġirien għall-Korea.

6.           Konklużjoni

Abbażi tat-tliet snin minn meta ġie implimentat l-FKĦ UE-Korea, huwa ċar li l-FKĦ ħadem tajjeb għaż-żewġ partijiet, b'mod partikolari għall-UE. L-esportazzjonijiet mill-UE għall-Korea żdiedu b’aktar minn 35 % fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ meta mqabbla mal-perjodu ta’ 12-il xahar qabel ma l-FKĦ daħal fis-seħħ. Filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Korea kienu bejn wieħed u ieħor ugwali għall-perjodu ta' 12-il xahar qabel l-FKĦ, dawn żdiedu b’6 % fit-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-FKĦ, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Il-prestazzjoni iktar dgħajfa tal-esportazzjonijiet mill-Korea għandha titqies fil-kuntest tat-tnaqqis fid-domanda fl-UE wara l-kriżi finanzjarja: L-importazzjonijiet tal-UE mill-14-il fornitur prinċipali tagħha naqsu u fil-fatt il-Korea hija waħda mill-ftit sħab kummerċjali, flimkien mat-Turkija u ċ-Ċina, li l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE żdiedu fit-tielet sena tal-implimentazzjoni tal-FKĦ. Għaldaqstant jidher li l-FKĦ taffa l-impatt tal-kriżi fuq l-esportazzjonijiet Koreani u li mingħajr il-FKĦ, l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE kienu jintlaqtu ħafna agħar.

Meta wieħed iħares lejn l-iżvilupp tal-kummerċ bilaterali ta’ prodotti li ġie kompletament jew parzjalment liberalizzat mill-FKĦ, is-sitwazzjoni tidher aħjar għall-Korea, b’żieda ta’ 21 % fl-esportazzjonijiet ta’ prodotti liberalizzati b’mod sħiħ u 26 % ta’ prodotti parzjalment liberalizzati lejn l-UE.

Fuq in-naħa tal-UE, l-esportazzjonijiet ta’ prodotti liberalizzati kompletament u parzjalment ukoll żdiedu aktar mill-esportazzjonijiet b'mod ġenerali, b’żieda ta’ 46 % għal prodotti liberalizzati kompletament u 37 % għal prodotti parzjalment liberalizzati.

Filwaqt li l-kummerċ qed jikber, l-implimentazzjoni sħiħa tal-FKĦ tibqa’ ta’ importanza kruċjali. Xi kwistjonijiet ta' implimentazzjoni u kummerċ bilaterali jippersistu. Pereżempju, fis-settur tal-karozzi għad hemm l-isfida biex jiġu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji li fadal. Fir-rigward ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, xi wħud mill-kwistjonijiet li jiltaqgħu magħhom l-esportaturi tal-UE jirriżultaw mill-fatt li l-Korea tapplika kundizzjonijiet differenti ta' importazzjoni għall-Istati Membri tal-UE għal prodotti tal-annimali u l-pjanti, għalkemm il-leġiżlazzjoni hija kompletament armonizzata fl-UE. Dan idewwem l-aċċess għas-suq Korean, peress li l-Istati Membri tal-UE jridu jgħaddu minn proċess ta’ negozjati individwali. Madankollu, hemm ukoll stejjer ta’ suċċess, bħall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ekwivalenza ta’ prodotti agrikoli organiċi pproċessati fi tmiem l-2014. B’konsegwenza ta’ dan, prodotti proċessati organiċi pproċessati u ċċertifikati fl-UE jistgħu jinbiegħu bħala organiċi fil-Korea mill-1 ta’ Frar 2015.

L-istruttura ta' implimentazzjoni tal-FKĦ, bid-diversi kumitati speċjalizzati u gruppi ta’ ħidma tagħha wriet li hija mod effettiv biex jiġu diskussi u mfittxija soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u aċċess għas-suq. Huma jipprovdu wkoll forum regolari biex jiġu diskussi żviluppi regolatorji preżenti u futuri, u kwalunkwe implikazzjonijiet li dawn jista’ jkollhom fuq l-esportazzjonijiet futuri.

Id-diskussjonijiet sabiex jiġi emendat il-FKĦ ser ikomplu fir-raba’ sena ta’ implimentazzjoni, bil-ħsieb li jinstab “pakkett” bilanċjat ta’ emendi, b’benefiċċji ekonomiċi lill-esportaturi u l-konsumaturi fl-UE kif ukoll fil-Korea, biex il-FKĦ ikompli jitjieb u jiffaċilita iktar il-kummerċ.

[1]               Il-FKĦ huwa applikat proviżorjament fl-UE sakemm ikun ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE. Is-sitwazzjoni tar-ratifika tista' tiġi ċċekkjata fuq il-websajt tal-Ftehimiet tal-Kunsill: http://www.consilium.europa.eu/en/documents-publications/agreements-conventions/agreement/?aid=2010036

[2]               ĠU L 145, 31.5.2011, pġ. 19.

[3]               “Tarif Douanier Commun” (= Tariffa Doganali Komuni)

[4]               L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ “Prodotti minerali” (TDC 05) lejn il-Korea żdiedu l-aktar fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-FKĦ (madwar 674%).

[5]               TDC 09 u TDC 14 rispettivament.

Top