This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0035
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On Progress in Romania under the Co-operation and Verification Mechanism
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifka
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifka
/* COM/2015/035 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifka /* COM/2015/035 final */
1. INTRODUZZJONI Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u
l-Verifika (MKV) ġie stabbilit meta r-Rumanija ngħaqdet mal-Unjoni
Ewropea fl-2007.[1]
Kien miftiehem li kienet meħtieġa aktar ħidma f’oqsma ewlenin
biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja u
l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Minn dak iż-żmien ir-rapporti
tal-MKV segwew il-progress li sar mir-Rumanija u ppruvaw jgħinu jiffukaw
l-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni permezz ta’ rakkomandazzjonijiet
speċifiċi. Il-MKV kellu
rwol importanti fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fir-Rumanija bħala
aspett ewlieni tal-integrazzjoni Ewropea. Il-monitoraġġ u
l-kooperazzjoni mal-ħidma tal-awtoritajiet Rumeni biex tiġi promossa
r-riforma kellhom impatt konkret fuq il-pass u d-daqs tar-riforma. Il-konklużjonijiet
tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tal-MKV gawdew b'mod konsistenti
l-appoġġ qawwi tal-Kunsill,[2]
kif ukoll jibbenefikaw mill-kooperazzjoni u l-kontribut minn ħafna Stati
Membri. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor
il-passi meħuda matul is-sena li għaddiet u jipprovdi
rakkomandazzjonijiet għall-passi li jmiss. Dan huwa r-riżultat ta’
proċess bir-reqqa ta’ analiżi mill-Kummissjoni, ibbażat fuq
il-kontributi mill-awtoritajiet Rumeni, is-soċjetà ċivili u partijiet
konċernati oħra. Il-Kummissjoni kienet kapaċi tuża
l-appoġġ speċifiku ta’ esperti mill-maġistratura fi Stati
Membri oħra biex toffri l-fehma mil-lat ta' ġurista. Il-kwalità
tal-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Rumeni tjiebet sostanzjalment
matul iż-żmien — fatt interessanti li fih innifsu jirrifletti
l-progress fl-immaniġġjar tal-proċess ta’ riforma. Ir-rapport MKV tal-2014 nnota progress
f’bosta oqsma, u enfasizza l-istorja tal-istituzzjonijiet ewlenin
tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala pass importanti biex tibda
tidher is-sostenibbiltà. Fl-istess waqt, qiegħed jiġi nnotat li
l-attakki politiċi fuq il-prinċipji fundamentali tar-riforma wrew li
ma kienx hemm kunsens biex jiġu segwiti l-objettivi tal-MKV. Dan
ir-rapport jerġa’ lura lejn iż-żewġ xejriet biex jivvaluta
kemm qabdet ir-riforma. L-importanza tal-MKV ġiet
ikkonfermata minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika tar-Rumeni stess.
Ewrobarometru li sar fil-ħarifa tal-2014 wera kunsens qawwi
fis-soċjeta Rumena li r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra
l-korruzzjoni kienu problemi importanti għar-Rumanija. Ir-riżultati
wrew ukoll żieda sostanzjali f’dawk li jaħsbu li f’dawn
l-aħħar snin sar titjib, u ċerta fiduċja li dan se jkompli.
Hemm appoġġ ċar favur ir-rwol tal-UE fl-indirizzar ta’ dawn
il-kwistjonijiet, u li l-UE tkompli bl-azzjoni tagħha sakemm ir-Rumanija
tilħaq standard komparabbli ma' tal-Istati Membri l-oħra.[3]
Il-konsistenza fl-istorja hija
wieħed mill-mezzi ewlenin biex tintwera s-sostenibbiltà fil-progress lejn
l-objettivi tal-MKV, li hija waħda mill-kundizzjonijiet biex jitwera li ma
jkunx għadu meħtieġ mekkaniżmu tat-tip tal-MKV. Din is-sena
l-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lil dan l-aspett meta kienet qed
tagħmel il-monitoraġġ tagħha. Il-ħolqien ta'
istituzzjonijiet sodi u durabbli hija konsiderazzjoni importanti fl-immirrar
tal-fondi tal-UE biex jappoġġjaw l-objettivi tal-MKV, fosthom bi
prijoritizzazzjoni effettiva tal-Politika ta' Koeżjoni skont l-objettiv
tematiku għat-titjieb tal-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza
tal-awtoritajiet pubbliċi. B'sjieda aktar konsistenti u prijoritizzazzjoni
effettiva, ir-Rumanija tista' taħdem flimkien mas-sħab mill-UE[4] biex
iżżomm il-momentum fir-riforma matul is-sena li ġejja. 2. IL-QAGĦDA TAL-PROĊESS TAR-RIFORMA
FIR-RUMANIJA 2.1.
L-Indipendenza
tal-Ġudikatura Il-ħatriet Ir-riskju ta’
interferenza politika fil-ħatriet għoljin kien wieħed
mill-kwistjonijiet il-kbar fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja.
Ir-rapporti tal-MKV enfasizzaw l-importanza ta’ proċeduri ta’
għażla trasparenti u bbażati fuq il-mertu.[5]
Fl-2014, ma kinux meħtieġa ħatriet ta’ mħallfin jew
prosekuturi fl-ogħla livell. Il-ħatra ta’ Kap Prosekutur ġdid
għad-Direttorat tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata u
t-Terroriżmu (DIICOT), wara r-riżenja tal-Kap Prosekutur f’Novembru,
se tkun każ importanti ta’ prova.[6]
Il-proċedura tinvolvi element politiku qawwi f’termini tar-rwol li
tagħti lill-Ministru tal-Ġustizzja.[7] Il-Kunsill
Superjuri tal-Maġistratura (KSM) qed jaħdem fuq emenda fil-liġi
biex dan jinbidel, u biex il-ħatra tal-prosekuturi tiġi allinjata mal-proċeduri
użati għall-imħallfin, skont il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea
għad-Demokrazija permezz tal-Liġi tal-Kunsill tal-Ewropa
(il-Kummissjoni ta’ Venezja):[8]
jekk tiġi segwita din id-direzzjoni, il-pass li jmiss ikun li l-gvern
jipproponiha lill-Parlament. Is-sena 2015 tipprovdi opportunità kbira
lir-Rumanija biex timpenja ruħha kompletament lejn ħatriet
trasparenti u bbażati fuq il-mertu, fil-ħin għal għadd
importanti ta’ proċeduri ta’ ħatra għal pożizzjonijiet
għolja fil-ġudikatura li huma mistennija fl-2016.[9] Ir-rispett
għall-imħallfin u l-proċess ġudizzjarju Rapporti
preċedenti tal-MKV semmew il-prevalenza tal-attakki motivatati
politikalment fuq l-imħallfin u l-prosekuturi fil-midja[10].
Filwaqt li mhumiex tal-istess kwantità tal-attakki fis-snin preċedenti
(l-2012 b’mod partikolari), din il-kwistjoni baqgħet problema fl-2014 u
hija ħafna drabi marbuta ma’ każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu
personalitajiet pubbliċi influwenti. Eżempji rappurtati mill-KSM
jinkludu każijiet fejn il-midja rrappurtat fatti li bil-provi mhumiex veri
jew akkużat lill-maġistrati (jew lill-familji tagħhom)
b’korruzzjoni. Kien hemm ukoll każijiet meta l-Qorti Kostituzzjonali
ġiet kritikata bil-qawwi minn ċertu personalitajiet pubbliċi[11]. Wieħed
mir-rwoli tal-KSM huwa li jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura.
Mill-2012, il-KSM beda jsegwi proċedura, li tinvolvi l-Ispezzjoni
Ġudizzjarja, biex jiddefendi l-indipendenza tal-ġustizzja u
r-reputazzjoni, l-indipendenza u l-imparzjalità professjonali tal-maġistratri.
L-għadd ta’ talbiet biex il-KSM jiskatta din il-proċedura żdied
fl-2014, meta mqabbel mal-2013 — għalkemm dan jista’ jkun minħabba li
żdiedet il-kredibbiltà tas-sistema, aktar milli għax żdiedu
l-problemi. Minkejja din iż-żieda, l-Ispezzjoni Ġudizzjarja
rnexxielha tnaqqas iż-żmien meħtieġ
għall-investigazzjonijiet u b'hekk ippermettiet lill-KSM jirreaġixxi
aktar malajr għall-attakki, anke fi żmien jum jew jumejn. Dan offra
li wieħed jirribatti b'mod aktar effettiv. Filwaqt li
tirrikonoxxu l-benefiċċji tal-proċedura stabbilita mill-KSM,
NGOs u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-maġistrati semmew
id-diffikultà f'li tiġi żgurata kopertura ekwivalenti
tad-dikjarazzjonijiet tal-KSM, meta mqabbel mal-akkużi oriġinali.
Kien hemm talbiet biex il-Kunsill Nazzjonali Awdjoviżiv ikollu rwol aktar
attiv fis-sanzjonar tal-midja għall-ksur tal-etika professjonali. B’mod
aktar proattiv, ittieħdu passi mill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex
itejbu l-informazzjoni disponibbli lill-midja dwar l-iżviluppi fis-sistema
ġudizzjarja[12].
Jibqa’ l-fatt li
ma jidher li ma hemm qbil dwar l-ebda linji biex jiġi ddefinit meta
azzjonijiet politiċi jinterferixxu mal-ġudikatura u
d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u wisq inqas sanzjonijiet għal
meta jinqabżu dawn il-limiti. Ir-rapport tal-MKV tal-2014 inkluda
rakkomandazzjoni biex jiġi “żgurat li l-Kodiċi ta’ Kondotta
għall-membri parlamentari jkun jinkludi dispożizzjonijiet ċari
ħalli l-membri parlamentari u l-proċess parlamentari jirrispettaw
l-indipendenza tal-ġudikatura”[13].
Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex inklużi fil-Kodiċi (ara
r-rakkomandazzjoni repetuta hawn taħt). Il-Qorti
Kostituzzjonali u r-rispett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Il-Qorti
Kostituzzjonali (QK) kienet strumentali biex tappoġġa l-bilanċ
tal-poteri u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-Rumanija, kif ukoll biex
issolvi kwistjonijiet li l-proċess ġudizzjarju ma kienx solva. Wara
d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u
l-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali, id-digrieti tal-QK solvew ostakli
kbar. Eżempju importanti ieħor ikkonċerna l-liġi dwar
l-inkompatibilità, ħaġa li solviet kwistjoni li kienet qed
tikkawża inkonsistenza fis-sentenzi tal-Qorti[14]. Xi
digrieti tal-QK kienu qed joħolqu diffikultà lis-sistema
tal-ġustizzja, u kienu jeħtieġu adattamenti fil-metodi ta’
ħidma. Oħrajn ħtieġu emendi urġenti fil-liġijiet.
Ir-reazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-Ministeru
tal-Ġustizzja rrispettaw l-iskadenza mitluba. Madankollu, hemm
eżempji ċari fejn il-Parlament ma ħax azzjoni minnufih wara
d-digrieti tal-Qorti Kostituzzjonali dwar leġiżlazzjoni jew
drittijiet u obbligi tal-membri parlamentari[15]. Fir-rigward
tar-rispett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti b’mod aktar
ġenerali jidher li hemm rikonoxximent u rieda dejjem akbar mis-sistema
ġudizzjarja li tieħu azzjoni biex tiżgura li
d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu segwiti. Iżda għad hemm
problemi importanti,[16]
u n-negozji u l-NGOs indikaw in-nuqqas ta’ rispett tad-deċiżjonijiet
mill-awtoritajiet pubbliċi, li wieħed jista’ jistenna li jkunu ta’
eżempju. Il-Kostituzzjoni Fil-bidu
tal-2014 tkomplew id-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-Kostituzzjoni,
b’abbozz ta’ emendi jiġu ppreżentati f’Frar 2014. Ħafna minnhom
ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali filwaqt li
l-Kummissjoni ta’ Venezja indikat diversi problemi serji[17].
Jekk il-ħidma terġa’ tibda, din tkun opportunità għal ħarsa
ġdida lejn kif il-Kostituzzjoni tista' tintuża biex tikkonsolida
l-indipendenza ġudizzjarja. Il-proċess
ta’ reviżjoni tal-Kostituzzjoni huwa rilevanti għall-MKV peress li xi
emendi jsemmu l-ġustizzja u t-tħaddim tal-Kunsill Superjuri
tal-Maġistratura. Il-proċess mimli skossi ta’ interruzzjoni s’issa
ġie kkritikat minħabba nuqqas ta’ trasparenza, kemm
fiż-żmien u fil-proċess ta’ konsultazzjoni. L-involviment tal-Kummissjoni
ta’ Venezja madankollu għen biex il-proċess ikun iffokat, u
l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ istituzzjonijiet ewlenin
bħall-KSM għandu jgħin biex tinħoloq fiduċja li
kwalunkwe emendi jqisu l-indipendenza tal-Ġudikatura b’mod sħiħ.
Rapporti passati
tal-MKV semmew l-użu tal-Ordinanzi ta’ Emerġenza tal-Gvern (OEG)
bħala parti mis-sistema leġiżlattiva li fi ħdanha
għandhom jitmexxew 'il quddiem il-liġijiet dwar ir-riforma
ġudizzjarja u l-korruzzjoni[18].
Ġew identifikati żewġ diffikultajiet, inkluż
fid-diskussjonijiet mal-QK. Waħda hija l-użu frekwenti tal-OEG, li
jillimita l-opportunitajiet ta’ konsultazzjoni u wassal għal nuqqas ta’
ċarezza leġislattiva — b’konsegwenzi għall-unifikazzjoni
tal-ġurisprudenza u l-prattika[19].
It-tieni hija l-opportunità li OEG tiġi kkontestata. L-użu tal-OEG
jista' jiġi kkontestat mill-Ombudsman. Ir-rapporti passati tal-MKV nnotaw
l-importanza ta’ din il-funzjoni f’termini tal-bilanċ tal-poteri u
l-kwalità tal-proċess leġislattiv. L-Ombudsman attwali, elett f’April
bl-appoġġ ta’ partit wieħed biss[20],
esprima l-fehma li l-Ombudsman ma għandux jindaħal fi kwistjonijiet
li jikkonċernaw il-bilanċ tal-poteri bejn l-awtoritajiet tal-Istat u
jiffoka essenzjalment fuq kwistjonijiet ta' drittijiet individwali. Filwaqt li
wieħed jifhem li l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni dwar
meta juża l-poteri tiegħu biex iressaq quddiem il-QK fi stadju bikri
quddiem kwistjonijiet dwar il-kostituzzjonalità ta’ ordinanzi ta’
emerġenza, din l-awtolimitazzjoni effettivament toħloq vojt, li
fl-istruttura istituzzjonali attwali tar-Rumanija ma tistax timtela minn atturi
oħra[21].
2.2.
Ir-Riforma ġudizzjarja[22] Kodiċi
ġodda Rapporti
preċedenti tal-MKV enfasizzaw l-importanza ta’ Kodiċijiet legali
l-ġodda għall-modernizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Rumena[23].
L-implimentazzjoni tal-Kodiċijiet Kriminali u tal-Proċeduri Kriminali
l-ġodda fi Frar 2014 kienet biċċa xogħol kbira, u test
tal-abbiltà tas-sistema ġudizzjarja li tadatta. Il-bidla saret
b’suċċess, bl-istituzzjonijiet ewlenin jaħdmu flimkien b’riżultat
tajjeb: il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u
l-Ġustizzja (QGħKĠ), il-KSM, il-prosekuzzjoni u l-Istitut
Nazzjonali tal-Maġistratura (INM). Il-maġistratura Rumena kienet
kapaċi tadatta l-kodiċijiet il-ġodda mingħajr interruzzjoni
fil-ħidma tagħha. Xi miżuri innovattivi, bħall-possibilità
ta' sentenza fuq talba tal-partijiet, jidhru li diġà ntużaw
b’riżultat tajjeb. Inqalgħu
xi kwistjonijiet tranżizzjonali kumplikati. F’għadd ta’ każijiet
instabu soluzzjonijiet, bħall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-iktar
liġi favorevoli. F'xi kwistjonijiet, il-gvern adotta bidliet permezz ta’
ordinanzi ta’ emerġenza. Saru proposti leġiżlattivi dwar
kwistjonijiet oħra, iżda l-proċeduri parlamentari għadhom
pendenti. Se jkun hemm bżonn aktar adattamenti wara xi digrieti tal-QK.
Pereżempju, il-Qorti ddeċidiet f’Diċembru li xi
dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-kontroll ġudizzjarju u
tal-kmamar preliminari ma kinux kostituzzjonali[24].
Dwar il-kontroll ġudizzjarju, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħa
azzjoni biex jiżgura l-kontinwità fil-limitu ta’ żmien
aċċettat. Dwar il-kmamar preliminari, il-QGħKĠ u l-KSM
mill-ewwel bdew jaħdmu fuq soluzzjonijiet prattiċi biex jippermettu
l-preżenza ta’ avukati tad-difiża. Sfida
prattika oħra se tinħoloq mad-dħul fis-seħħ
tad-dispożizzjonijiet differiti tal-kodiċijiet ċivili fl-2016.
Madankollu, hemm evidenza li l-kodiċijiet ċivili kienu ta'
suċċess f'xi wħud mill-objettivi tagħhom, b’mod partikolari
minħabba li naqas it-tul tal-proċessi (madwar sena u nofs bħala
medja). Evalwazzjoni simili tal-impatt tal-kodiċijiet kriminali hija
mistennija fi Frar 2015. Strateġija
għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura 2015-2020 L-Istrateġija
għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura għas-snin 2015-2020
ippreżentata mill-Ministeru tal-Ġustizzja ġiet approvata
mill-gvern fit-23 ta’ Diċembru 2014. Dan id-dokument
jibbaża ħafna fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-MKV, kif ukoll fuq
studji żviluppati mal-Bank Dinji, b’mod partikolari l-Functional
Analysis of the Romanian judiciary.[25] [26]
L-istrateġija tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ prinċipji
sottostanti bbażati fuq l-istat tad-dritt, u tiddefinixxi objettivi
għal riforma ulterjuri fil-perjodu 2015-2020 biex il-ġustizzja ssir
aktar effiċjenti u responsabbli u biex titjieb il-kwalità tagħha.
L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tagħha għandhom ukoll ikunu
l-bażi għad-definizzjoni tal-prijoritajiet għall-finanzjament
tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja. Il-proċess ta’ approvazzjoni
tad-dokument kien bil-mod, l-ewwel abbozz ikun diġà lest
f’Settembru 2013. Saret konsultazzjoni fil-ħarifa u l-Istrateġija
u l-pjan ta’ azzjoni tagħha għandhom jitlestew sa April 2015. L-esperjenza
tissuġġerixxi li strateġija bħal din tibbenefika minn
sjieda wiesgħa u mill-involviment tal-atturi ewlenin. Madanakollu, il-KSM
jidher li kien qed jaħdem primarjament fuq proġetti varji b’mod
parallel. Il-baġit
u ir-riżorsi umani Minkejja
l-pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi, il-Ministru tal-Ġustizzja
żgura żidiet konsiderevoli fil-finanzjament biex jiffaċilita
r-riforma. Fl-2014, il-baġit żdied b’4 % u l-baġit ippjanat
għall-2015 fih żieda oħra. Dan għen biex jiġu
ffinanzjati karigi ġodda fil-qrati u fl-uffiċċji
tal-prosekuzzjoni, inklużi 200 kariga awżiljarja ġdida fil-qrati
u fl-uffiċċji tal-prosekuturi. L-Iskola
Nazzjonali tal-Iskrivani, l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u l-KSM
organizzaw taħriġ u kompetizzjonijiet għal postijiet ġodda
u l-karigi vakanti mtlew malajr. Il-ħtiġijiet futuri identifikati
jinkludu aktar skrivani tal-qorti, l-immodernizzar tat-tagħmir tal-IT u
r-rinnovazzjoni tal-binijiet tal-qorti, kif ukoll għajnuna lill-istituzzjonijiet
ewlenin, bħalma huma l-Ispezzjoni Ġudizzjarja u l-Iskola Nazzjonali
tal-Iskrivani. Il-finanzjament tal-UE huwa mistenni jkollu rwol importanti
fl-appoġġ ta’ proġetti speċifiċi marbuta mar-riforma. L-effiċjenza
ġudizzjarja Il-volum
ta’ xogħol hija problema rikorrenti fil-ġudikatura. Dan għandu
impatt fuq il-kwalità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u fuq
il-faċilità tal-użu tas-sistema ġudizzjarja. Il-Ministeru
tal-Ġustizzja u l-KSM ressqu għadd ta’ proposti
leġiżlattivi biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-volum tax-xogħol.
Liġi minnhom (adottata bil-ħeffa mill-Parlament f’Ottubru 2014)
indirizzat id-duplikazzjoni fl-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati,
u huwa stmat li ħelset lill-qrati ċivili b'xi madwar 300 000 każ.
Kien aktar diffiċli li jinstab kunsens fuq l-għeluq tal-qrati
ż-żgħar, u liġi biex tingħata aktar libertà fil-qsim
tar-rwoli tal-imħallfin u l-iskrivani tal-qorti tidher li staġnat.
Soluzzjonijiet immaġinattivi, bħal qrati peripatetiċi jew
it-tneħħija tal-paralleliżmu bejn il-qrati u
l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni, ġew proposti bħala mod 'il
quddiem. F’Mejju
l-KSM ħoloq grupp ta’ ħidma biex jiddefinixxi kif titkejjel,
tiġi analizzata u titjieb il-prestazzjoni tal-qrati kollha. Dan jidher li
huwa pass importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvediment
tal-għodod għall-immaniġġjar tal-prestazzjoni tas-sistema
ġudizzjarja, speċjalment fil-kuntest tal-istrateġija kumplessiva
tal-ġustizzja. Dan jista’ jinkludi b'mod utli l-kejl tal-azzjonijiet li
ħadet is-sistema tal-ġustizzja biex tiżgura l-infurzar tad-deċiżjonijiet
tagħhom. Il-KSM
qed ikompli jissanzjona l-imġiba professjonali ħażina u
l-offiżi dixxiplinari tal-maġistrati. L-Ispezzjoni Ġudizzjarja
issa stabbilixxiet ruħha bħala l-korp ewlieni li jinvestiga
l-offiżi dixxiplinari. L-għadd ta’ azzjonijiet dixxiplinari
żdied fl-2014 meta mqabbel mal-2013, u t-teħid ta’
deċiżjonijiet sar aktar mgħaġġel. Diversi
stħarriġiet tal-opinjoni wrew żieda tal-fiduċja pubblika
fil-ġudikatura fir-Rumanija, b’mod partikolari fl-istituzzjonijiet li
jittrattaw il-korruzzjoni f'livelli għoljin[27].
Dan huwa rikonoxximent importanti tal-progress, iżda miegħu jiġu
aspettattivi ogħla. L-avukati, in-negozjanti, u l-NGOs għadhom
jirrappurtaw diffikultajiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-qrati. Il-konsistenza
tal-ġurisprudenza Element
essenzjali ieħor tar-riforma ġudizzjarja huwa l-konsistenza
fil-ġurisprudenza. Il-QGħKĠ żviluppat aktar l-użu
tagħha tad-digrieti u l-appelli preliminari fl-interess tal-liġi biex
junifikaw il-ġurisprudenza. Hija implimentat ukoll miżuri biex ittejjeb
it-tixrid tas-sentenzi tal-qorti. Passi prattiċi simili ttieħdu
fil-prosekuzzjoni u fit-tmexxija ġudizzjarja b’mod aktar ġenerali.
L-ispezzjonijiet tematiċi mwettqa mill-Ispezzjoni Ġudizzjarja
kkontribwew ukoll għall-prattika konsistenti. Minkejja
dawn l-isforzi, għad fadal għadd ta’ ostakli għall-konsistenza.
Ir-responsabbiltà tal-maġistratura jekk jiddeċiedu li jitbiegħdu
mill-prattika stabbilita jew mill-każistika għadha mhijiex ċara:
Il-KSM kellu jagħmilha ċara li l-indipendenza tal-ġudikatura ma
tistax tkun skuża għal prattika mhux unitarja. Hemm ukoll
responsabilità fuq l-amministrazzjoni pubblika biex taċċetta
s-sentenzi li jinqatgħu dwar kwistjonijiet ripetittivi. Dan jillimita
l-għadd ta’ kawżi l-qorti u jsaħħaħ
iċ-ċertezza legali billi jevita deċiżjonijiet
diverġenti fuq l-istess kwistjonijiet. Sar
progress fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja ffinalizza proġett (iffinanzjat permezz
tal-fondi tal-UE) ta’ portal li jikkonsolida l-leġiżlazzjoni eżistenti[28].
Il-QGħKĠ għandha websajt impressjonanti. Il-KSM ffirma wkoll
sħubija biex jorganizza l-pubblikazzjoni tal-każistika, li tibda
f’Awwissu 2015. 2.3.
L-Integrità L-Aġenzija
Nazzjonali għall-Integrità u l-Kunsill Nazzjonali għall-Integrità Fl-2014
l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) kompliet tipproċessa
fluss qawwi ta’ kawżi[29].
Perċentwal għoli (70 %) ta’ deċiżjonijiet tal-ANI dwar
l-inkompatibbiltajiet u kunflitti ta’ interessi jiġu kkontestati
fil-qorti, iżda madwar 90 % ta’ dawn il-kawżi ġew
ikkonfermati mill-qrati. L-interpretazzjonijiet tal-ANI tal-liġi ġew
ikkonfermati kemm mill-QK kif ukoll mill-QGħKĠ. Għalhekk jista’
jitqies li taġixxi fuq bażi legali soda. Fl-2014, il-QGħKĠ
għenet ukoll billi sabet modi kif tħaffef il-kawżi tal-inkompatibbiltà,
minkejja impenji oħra fil-volum tax-xogħol tagħha. Dan għen
biex jagħti ċertezza u biex jitjieb l-effett dissważiv
tal-liġijiet tal-integrità. Madankollu,
filwaqt li d-differenza bejn indipendenza ġudizzjarja u inkonsistenza hija
qasam sensittiv, din is-sena kien hemm diversi eżempji ta’
deċiżjonijiet kontradittorji minn qrati differenti (anke fil-livell
tal-qorti tal-appell) taw interpretazzjonijiet differenti. Dan inkluda
interpretazzjonijiet differenti mill-QGħKĠ stess[30].
Is-segwitu
tad-deċiżjonijiet tal-ANI qiegħed jidher li qed jitjieb.
Madankollu, għad hemm kawżi fejn nuqqas ta’ implimentazzjoni
ġiegħel lill-ANI tibgħat il-fajl lill-prosekuzzjoni (li ma
tiġix applikata deċiżjoni finali huwa reat kriminali) jew
timponi multi[31].
Dan jidher li jimplika livell baxx ta’ għarfien pubbliku dwar ir-regoli
tal-inkompatibiltà bħala mezz għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’
interess. Dan jintwera mill-għadd kbir ta’ uffiċjali eletti li
jinstabu li huma inkompatibbli[32].
Hekk kif il-ġurisprudenza ssaħħaħ ir-rikonoxximent li
d-deċiżjonijiet tal-inkompatibbiltà jridu jiġu infurzati,
jistgħu jintużaw ukoll miżuri oħra biex jiġi
żgurat li r-regoli jkunu magħrufa sew. Mil-lat
ta' persunal u baġit, fl-2014 is-sitwazzjoni tal-ANI kienet stabbli. L-ANI
żgurat ir-riżorsi biex twettaq proġett importanti ġdid
fl-2015. Is-sistema tal-IT “Prevent” għall-kontroll ex-ante
tal-kunflitti ta’ interess fl-akkwist pubbliku se titlesta kompletament f’nofs
l-2015 u għandha ġġib magħha benefiċċji kbar biex
jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess mill-bidu nett. Is-sistema se tkopri
kemm l-akkwist b’fondi mill-UE kif ukoll nazzjonali. Il-liġi ta’
implimentazzjoni meħtieġa għandha tiġi adottata
fir-Rebbiegħa 2015, wara l-konsultazzjoni. Il-Kunsill
Nazzjonali tal-Integrità (KNI) kompla jwettaq ir-rwol tiegħu bħala
korp ta’ sorveljanza, speċjalment billi jintervjeni pubblikament kif ukoll
quddiem il-Parlament meta jkun meħtieġ[33].
Il-mandat attwali tal-KNI skada f’Novembru 2014. Il-proċess inizjali
għall-ħatra ta' KNI ġdid kien soġġett għal
għadd ta’ kontroversji, inkluża n-nomina (fl-ewwel fażi)
tal-kandidati li kienu huma stess soġġetti għal
proċedimenti tal-ANI, ħaġa li ħolqot dubji dwar l-impenn
sħiħ tal-awtoritajiet biex jappoġġjaw l-istituzzjonijiet
tal-integrità u li tissuġġerixxi li l-għan tal-integrità mhuwiex
mifhum sew. Il-qafas
tal-Integirtà: Il-Parlament L-istabbiltà
tal-qafas legali dwar l-integrità baqgħet kwistjoni problematika. Kien
hemm tentattivi fil-Parlament biex jiġu immodifikati xi elementi tal-qafas
legali. Għalkemm l-ebda waħda minn dawn ma saret liġi, ma kienx
hemm evidenza li l-implikazzjonijiet għall-inkompatibbiltà jew ir-riskji
ta’ korruzzjoni ġew ivvalutati minn qabel, u ma saritx konsultazzjoni
mal-ANI[34].
Kwistjoni partikolari tikkonċerna r-regoli dwar l-inkompatibbiltajiet li
jaffettwaw lill-awtoritajiet lokali eletti, bħas-sindki, meta wieħed
iqis ir-rwol ewlieni tagħhom fl-akkwist pubbliku. Filwaqt li ta' min
isemmi li ma kienx hemm repetizzjoni tal-vot Parlamentari ta’
Diċembru 2013,[35]
għad hemm sens qawwi ta' nuqqas ta' kunsens fil-Parlament favur
liġijiet sodi tal-integrità. Pjan
preċedenti biex jiġu kkodifikati r-regoli kollha dwar l-integrità —
li kien ikun ta’ għajnuna biex titjieb il-koerenza u ċ-ċarezza
tagħhom — ġie pospost indefinittivament, minħabba tħassib
li l-proċess leġiżlattiv idgħajjef ir-regoli
eżistenti. Din hija opportunità li ntilfet biex jitneħħa kull
riskju ta’ ambigwità fir-regoli. Se jkun ukoll importanti li
d-deċiżjonijiet tal-QK tal-2014 li jikkonfermaw il-kostituzzjonalità
tad-dispożizzjonijiet dwar l-inkompatibbiltajiet jingħataw is-saħħa
ta' liġi[36].
Is-segwitu
tad-deċiżjonijiet tal-ANI (meta kkonfermati fil-qorti) mill-Parlament
għadu inkonsistenti, minkejja t-tamiet li r-riformi se jwasslu għal
aktar awtomatiċità. F’dak il-każ emblematiku, is-soluzzjoni nstabet
biss wara r-riżenja tas-Senatur. F’każ ieħor, il-Kamra
ħadet diversi xhur biex titdeċiedi, minkejja l-argumenti li r-regoli
issa kienu għamluha ħaġa awtomatika li deċiżjoni
finali tal-qorti tiġi rispettata[37].
Każ ġdid ta’ Deputat li nstab inkompatibbli qiegħed jistenna
deċiżjoni mill-Parlament. 2.4
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni L-indirizzar
tal-korruzzjoni f'livell għoli Rapport
riċenti tal-MKV[38]
indikaw żieda f’termini ta' ġlieda effettiva kontra l-każijiet
ta’ korruzzjoni f'livell għoli, xejra li ġiet ikkonfermata fl-2014.
Dan huwa l-każ kemm fuq livell ta’ prosekuzzjoni mid-DNA[39] kif
ukoll fl-istadju tal-proċess quddiem l-QGħKĠ[40]. Din
hija wkoll konferma li għad hemm problema kbira[41].
[42] L-attività
tad-DNA fl-2014 kopriet firxa wiesgħa ta’ każijiet ta’ livell
għoli, fil-livelli kollha tal-karigi pubbliċi u li jinvolvu
personalitajiet pubbliċi f’ħafna partiti politiċi. L-akkużi
u l-investigazzjonijiet fis-seħħ inkludew Ministri fil-kariga u
eks-Ministri, membri parlamentari, sindki, imħallfin u prosekuturi
anzjani. Il-kawżi
quddiem il-QGħKĠ inkludew kundanni fl-aħħar istanza ta’
eks-Prim Ministru, eks-Ministri, Membri tal-Parlament, sindki u
maġistrati. Tlestew ukoll, fil-livell tal-Qorti tal-Appell, kawżi
importanti oħra li jinvolvu personalitajiet influwenti mid-dinja
tan-negozju. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-biċċa l-kbira
tas-sentenzi fil-kawżi ta’ korruzzjoni jinsabu sospiżi (għalkemm
dan huwa inqas evidenti fil-livell tal-QGħKĠ). Tul
il-biċċa l-kbira tal-2014, id-DNA ftit li xejn irnexxielha
tikkonvinċi lill-Parlament jilqa’ t-talbiet mid-DNA biex titneħħa
tal-immunità tal-Membri tal-Parlament biex tkun tista' tinfetaħ
investigazzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ arrest preventiv. Din
ix-xejra tidher li nbidlet fl-aħħar tal-2014, meta l-Parlament
neħħa l-immunità ta’ diversi Membri Parlamentari investigati mid-DNA
f’każ ta’ korruzzjoni kbira. Ir-reazzjoni tal-Parlament għat-talbiet
tad-DNA tidher li hija arbitrarja u mhux skont kriterji oġġettivi.
B’kuntrast, kull talba mibgħuta lill-President tar-Rumanija għat-tneħħija
ta' immunitajiet ta' Ministri ġiet aċċettata[43].
Madankollu ma kienx hemm regoli ċari stabbiliti biex jittieħdu
azzjonijiet ta' segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-MKV biex tkun
żgurata applikazzjoni malajr tar-regoli Kostituzzjonali dwar
is-sospensjoni ta’ Ministri jekk kif jiġu akkużati u biex il-membri
parlamentari soġġetti għal deċiżjonijiet negattivi ta’
integrità jew għal kundanni dwar korruzzjoni jiġu sospiżi[44]. Il-fatt li Ministri jibqgħu
fil-kariga wara li jkunu akkużati b'akkużi kriminali, u li
parlamentari b’kundanni finali għal korruzzjoni jibqgħu fil-kariga,
iqajjem kwistjonijiet usa’ ta' attitudnijiet lejn il-korruzzjoni fid-dinja
politika Rumena. Meta
ġiet irrifjuta l-liġi tal-amnestija mill-Parlament f’Novembru 2014
ingħata sinjal pożittiv f’termini ta’ oppożizzjoni għal
liġi li setgħet effettivament tirriżulta fl-eżonerazzjoni
ta' individwi kkundannati għal reati ta’ korruzzjoni. Madankollu, il-fatt
li ġimgħa biss wara dan il-vot reġgħet feġġet
fil-Parlament l-idea ta' abbozz ta' liġi ġdid fuq amnestija
kollettiva jissuġġerixxi li d-dibattitu għadu ma ngħalaqx. Iż-żieda
fl-attività tikkonċerna wkoll każijiet ta’ korruzzjoni
fil-maġistratura, li hija rikonoxxuta bħala forma ta’ korruzzjoni
partikolarment korrużiva[45].
Skont id-DNA, dan l-ammont għoli ma jirriflettix żieda ta’ korruzzjoni
fil-maġistratura (għalkemm id-daqs tal-fenomenu
jiġġustifika li wieħed jitħasseb), iżda pjuttost
żieda fl-għadd ta’ sinjali mill-pubbliku[46].
Dawn il-każijiet huma kumplessi u ġiet stabbilita unità speċjali
ġdida tad-DNA b’dan il-mandat. L-indirizzar
tal-korruzzjoni fil-livelli kollha F’dawn
l-aħħar snin, ir-rapporti tal-MKV sabuha diffiċli biex
jidentifikaw storja ta' indirizzar tal-korruzzjoni fis-soċjetà
inġenerali. Madankollu, l-2014 rat xi sinjali ta’ progress. Il-Ministeru
Pubbliku ħa għadd ta’ passi konkreti biex jitjiebu r-riżultati
tal-prosekuzzjoni f’dan il-qasam[47].
Id-Direttorat Ġenerali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (DGK), kemm
b’appoġġ għall-prosekuzzjoni (DNA u prosekuzzjoni ġenerali)
kif ukoll bħala korp intern ta’ kontra l-korruzzjoni fil-Ministeru
tal-Intern, kompla jkollu rwol sinifikanti — għalkemm pjanijiet biex
il-kompetenza tiegħu tiġi estiża f’Ministeri oħra jidhru li
ġew ibblukkati. Madankollu,
l-għadd ta’ deċiżjonijiet tal-qorti f'kawżi ta’ korruzzjoni
naqas fl-2014, u l-fatt li 80 % tal-persuni kundannati rċievew
sentenza sospiża baqa’ proporzjon għoli. L-Istrateġija
Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni 2012-2015[48],
evolviet f’qafas importanti għall-amministrazzjoni pubblika. It-tieni
ċiklu ta’ evalwazzjoni, abbażi ta’ eżami bejn il-pari,
seħħ fl-2014 fuq il-livell tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
lokali. Il-kunċett huwa bbażat fuq prattiki tal-GRECO u tal-OECD.
Istituzzjonijiet li huma parti tan-NAS impenjaw ruħhom li josservaw sett
ta’ 13-il miżura preventiva legalment vinkolanti u li jissottomettu lilhom
infushom għal eżami bejn il-pari. Din il-ħidma hija wkoll
appoġġjata minn proġetti preventivi konkreti immexxija minn NGOs
bl-appoġġ ta’ fondi mill-UE (speċjalment fil-Ministeru tas-Saħħa
u fil-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali). Filwaqt li din
il-ħidma għadha mhijiex unifikata u trid taħdem
bis-sħiħ biex trabbi l-għeruq f’amministrazzjonijiet li qed
jaffrontaw riżorsi limitati, hemm għadd ta’ stejjer ta’
suċċess tanġibbli. Valutazzjoni
tar-riskji u l-kontrolli interni huma oqsma ċentrali għall-azzjoni.
Xi każijiet reċenti kienu każijiet ta’ tixħim sostanzjali
li setgħu jiġu identifikati qabel bi skrutinju bir-reqqa
tar-reġistri, iżda li kellhom jiddependu fuq sinjal minn membru
tal-pubbliku[49].
Fi żmien ta’ pressjoni fuq l-infiq pubbliku jkun mistenni mmirar lejn
oqsma b’valur għoli kemm ta’ taxxi kif ukoll ta' nfiq. Wieħed jista’
wkoll jikseb tagħlimiet f’termini ta’ min għandu jagħmel
dikjarazzjonijiet tal-assi, u kif dawn jiġu kkontrollati. Dwar
l-irkupru tal-assi, u b’mod partikolari l-irkupru tad-danni, l-awtoritajiet
Rumeni jirrikonoxxu li s-sistema jeħtiġilha titjieb. Għalkemm
waħda mill-problemi f’dan il-qasam huwa l-ħtieġa li jittejjeb
il-ġbir tad-dejta, ir-rata ta’ rkupru li jirnexxilha tagħmel
l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali (ANAF)
fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti huwa stmat għal
5-15 % biss tal-assi soġġetti għal ordni tal-qorti. Dan
inaqqas l-effett dissważiv tas-sanzjonijiet, kif ukoll jipperpetwa t-telf
tal-vittmi (ta' spiss l-Istat f’każijiet ta’ korruzzjoni) u huwa
eżempju ieħor ta' nuqqas ta’ eżekuzzjoni
tad-deċiżjonijiet tal-qrati. Id-deċiżjoni tal-Ministeru
tal-Ġustizzja biex titwaqqaf Aġenzija ġdida biex jieħu
ħsieb il-ġestjoni tal-assi konfiskati hija opportunità biex titjieb
is-sitwazzjoni. Il-proċeduri
tal-akkwist pubbliku, speċjalment fil-livell lokali, jibqgħu
suxxettibbli għall-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interessi — fatt li huwa
rikonoxxut sew mill-awtoritajiet Rumeni tal-integrità u l-infurzar
tal-liġi. Dan kellu konsegwenzi fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE.
Madankollu, huwa minnu wkoll li hemm ħafna fatturi oħra hawnhekk —
inkluż il-kapaċità amministrattiva tax-xerrejja pubbliċi,
in-nuqqas ta’ stabbiltà u l-frammentazzjoni tal-qafas legali, u l-kwalità ta’
kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku. Djalogu strutturat mġedded bejn
il-Kummissjoni u r-Rumanija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-direttivi
l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku, u tal-kundizzjonalità ex-ante
għall-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej għandu jgħin
biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet, inkluż l-oqsma ta’ riskju
għall-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess. Il-kontroll
ex-ante tal-akkwist pubbliku mfassal mill-Aġenzija Nazzjonali
għall-Integrità jidher li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda
jeħtieġ ikun akkumpanjat minn azzjonijiet oħra biex jiġu
minimizzati l-okkażjonijiet għall-kunflitt ta’ interess,
il-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku. 3.
KONKLUŻJONI U RAKKOMANDAZZJONIJIET Ir-rapport
MKV tal-2014 tal-Kummissjoni rnexxielu jenfasizza għadd ta’ oqsma fejn sar
progress, u wħud minnhom urew reżiljenza li turi sinjali ta’
sostenibbiltà. Din ix-xejra kompliet matul is-sena li għaddiet. L-azzjoni
meħuda mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta’ integrità ewlenin biex
tkun indirizzata l-korruzzjoni ta’ livell għoli żammet momentum
impressjonanti, u wasslet għal aktar fiduċja fost Rumeni
fil-ġudikatura b’mod ġenerali, u fil-prosekuzzjoni kontra
l-korruzzjoni b’mod partikolari. Din it-tendenza ġiet appoġġjata
minn żieda fil-professjonaliżmu fis-sistema ġudizzjarja kollha
kemm hi, inkluż ir-rieda li tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura
b’mod aktar konsistenti u approċċ aktar proattiv lejn il-konsistenza
fil-ġurisprudenza. Issa hemm opportunità biex dan il-progress jiġi
ttestjat f’mumenti ta’ sensittività partikulari, speċjalment f’dak li
jikkonċerna l-ħatriet f’karigi għoljin. Fl-istess
ħin, għad hemm sens qawwi li l-progress għandu bżonn
jiġi kkonsolidat u żgurata aktar. Filwaqt li l-implimentazzjoni
tal-Kodiċijiet wasslet biex il-Gvern u l-ġudikatura jaħdmu
flimkien b’mod produttiv u pragmatiku, sena wara bosta kwistjonijiet
leġiżlattivi għadhom pendenti. Għad hemm grad ta'
inkoerenzi sorprendenti f’xi deċiżjonijiet tal-qrati, li dejjem se
jagħtu lok għal tħassib. Jidher li d-deċiżjonijiet
fil-Parlament dwar jekk il-prosekuzzjoni għandhiex titħalla tittratta
lill-parlamentari bħaċ-ċittadini l-oħra għadhom neqsin
minn kriterji oġġettivi u minn skeda ta’ żmien affidabbli.
Il-Parlament provda wkoll eżempji ta’ nuqqas ta’ ħeġġa biex
japplika deċiżjonijiet finali tal-qrati jew tal-Qorti
Kostituzzjonali, ukoll problema aktar mifruxa. U filwaqt li r-rikonoxximent li
l-korruzzjoni ġenerali teħtieġ tiġi indirizzata
qiegħed ċertament jikber fil-gvern, id-daqs tal-problema se jkun
teħtieġ approċċ aktar sistematiku. Il-Kummissjoni
kuntenta bil-kooperazzjoni kostruttiva li kellha mal-awtoritajiet Rumeni matul
is-sena li għaddiet. Ix-xejra hija li l-kunsens għar-riforma, u
l-fiduċja li l-progress qiegħed jinfirex, hija li jiżdiedu, u
issa jeħtieġ li tinżamm. Il-Kummissjoni tħares 'il quddiem
biex tkompli taħdem mill-qrib mar-Rumanija biex tiżgura l-objettivi
tal-MKV. Il-Kummissjoni
tistieden lir-Rumanija biex tieħu azzjoni fl-oqsma li ġejjin: 1. L-indipendenza tal-ġudikatura ·
Tiżgura
li l-ħatra tal-kap prosekutur ġdid tad-DIICOT titwettaq skont
proċedura trasparenti u abbażi tal-mertu; ·
Twettaq
analiżi kumplessiva tal-proċessi tal-ħatra f'karigi għolja
fil-maġistratura, bil-għan li sa Diċembru 2015 ikun hemm
fis-seħħ proċeduri ċari u bir-reqqa, billi tispira
ruħha mill-proċeduri użati biex jinħatar il-President
tal-QGħKĠ; ·
Tiżgura
li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri parlamentari jkun jinkludi
dispożizzjonijiet ċari ħalli l-membri parlamentari u
l-proċess parlamentari jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura; ·
F’diskussjonijiet
dwar il-Kostituzzjoni, iżomm l-indipendenza ġudizzjarja u r-rwol
tagħha fil-kontrolli u l-bilanċi fil-qalba tad-dibattitu. 2.
Ir-Riforma ġudizzjarja ·
Tiffinalizza
l-aġġustamenti meħtieġa fil-kodiċijiet kriminali
malajr kemm jista’ jkun, f’konsultazzjoni mal-KSM, il-QGħKĠ u
l-Prosekuzzjoni. L-għan għandu jkun li tiżgura qafas stabbli li
ma jkunx jeħtieġ emendi suċċessivi; ·
Tipprepara
pjan ta’ azzjoni operazzjonali biex timplementa l-istrateġija tar-riforma
ġudizzjarja, bi skadenzi ċari u bi sjieda kemm tal-Ministeru
tal-Ġustizzja u tal-KSM, u b'mod li l-partijiet konċernati ewlenin
kollha jkollhom iċ-ċans jgħidu tagħhom. Tgħammar
lill-maniġment ġudizzjarju b'għodod ta' aktar b'saħħithom
dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja (bħal għodod
statistiċi, l-immaniġġjar tal-kawżi, stħarriġ
tal-utenti u stħarriġ tal-persunal) għal jittieħdu
deċiżjonijiet infurmati aħjar u biex jintwera l-progress; ·
Tesplora
soluzzjonijiet pragmatiċi biex iżżomm l-aċċess
għall-qrati mingħajr ma tħalli l-mappa ġudizzjarja attwali
ta’ qrati żgħar; ·
Ittejjeb
is-segwitu tas-sentenzi tal-qrati fil-livelli kollha biex tiżgura li
d-deċiżjonijiet u l-penali finanzjarji jiġu implimentati sew. 3.
L-Integrità ·
Terġa’
tħares lejn kif tista' tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-qrati
li jeħtieġu s-sospensjoni mill-kariga tal-parlamentari jiġu
applikati awtomatikament mill-Parlament; ·
Timplimenta
l-kontroll ex-ante tal-kunflitti ta’ interess fl-akkwist pubbliku
mill-ANI. Tiżgura kuntatt eqreb bejn il-prosekuzzjoni u l-ANI sabiex reati
potenzjali marbuta ma’ kawżi tal-ANI jiġu segwiti; ·
Tesplora
modi biex ittejjeb l-aċċettazzjoni pubblika u l-implimentazzjoni
effettiva tar-regoli tal-inkompatibbiltà u l-prevenzjoni tal-inkompatibbiltà. 4.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ·
Ittejjeb
il-ġbir tal-istatistika dwar l-irkupru effettiv tal-assi u tiżgura li
l-Aġenzija l-ġdida tista’ ttejjeb l-immaniġġjar tal-assi
ffriżati u taħdem flimkien mal-ANAF biex ittejjeb ir-rati tal-irkupru
effettiv. Partijiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika għandhom ikunu
b'mod ċar responsabbli għall-falliment f'li jsegwu dawn
il-kwistjonijiet; ·
Iżżid
kemm l-azzjonijiet preventivi u ripressivi kontra l-kunflitt ta’ interess,
il-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku kif ukoll
f'kemm tagħti attenzjoni partikolari lil oqsma ewlenin,
bħall-ġudikatura; ·
Tuża
l-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni biex tidentifika aħjar
oqsma f'riskju ta' korruzzjoni u tfassal miżuri edukattivi u preventivi,
bl-appoġġ tal-NGOs u tieħu vantaġġ
mill-opportunitajiet ippreżentati mill-fondi tal-UE. ·
Tkompli
ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livell baxx, kemm
permezz tal-prevenzjoni kif ukoll permezz ta' sanzjonijiet dissważivi. [1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri,
is-7 ta’ Ottubru 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni li twaqqaf mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u
l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta'
riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u
tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,
it-13 ta' Diċembru 2006 (C (2006) 6569 finali) [2] http://ec.europa.eu/cvm/key_documents_en.htm [3] Ewrobarometru
Flash 406. [4] Xi Stati Membri jipprovdu
assistenza teknika lir-Rumanija f'oqsma relevanti għal-MKV. [5] COM (2014) 37 finali; COM
(2013) 47 finali; COM (2012) 410 finali [6] Il-Kap Prosekutur
tad-DIICOT li qed jirriżenja jinsab akkużat b'atti ta' korruzzjoni
qabel il-ħatra tiegħu fl-2013. F’Jannar 2013, il-Kummissjoni
esprimiet tħassib dwar il-proċess fis-seħħ u rrakkomandat
li r-Rumanija tiżgura li t-tmexxija l-ġdida fil-prosekuzzjoni
tintgħażel minn firxa wiesgħa biżżejjed ta’ kandidati
ta’ kwalità għolja, li jilħqu l-kriterji tal-għarfien espert u
l-integrità professjonali, wara proċess miftuħ u trasparenti.
COM(2013) 47 finali, p7. [7] Dan kien sors ta’
kontroversja fir-rigward ta’ ħatriet ta' karigi għolja
fil-prosekuzzjoni fl-2012-13. [8] L-istandards Ewropej
tal-Kummissjoni ta’ Venezja f’dak li għandu x’jaqsam mal-indipendenza
tas-sistema ġudizzjarja jindikaw kemm hu importanti li jiġi evitat li
l-personalitajiet politiċi jkollhom rwol kbir wisq fil-ħatriet
tal-prosekuzzjoni. [9] Il-Prosekutur
Ġenerali u l-Kap Prosekutur tad-DNA: F'Mejju 2016, il-President tal-Qorti
Għolja ta’ Kassazzjoni u Ġustizzja: F'Settembru 2016, il-Kunsill
Superjuri tal-Maġistratura: elezzjonijiet fl-2016. Il-President u
l-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità se
jinħatru f’April 2016 ukoll. [10] COM(2013) 47 finali, p.4;
COM(2014) 37 finali p.3. [11] Pereżempju, wara
d-digriet dwar il-liġijiet taż-żamma tad-dejta. [12] Ara r-rapport Tekniku
taqsima 1.1.2. [13] Partikolarment ara
COM(2014)37 finali, p. 13. [14] Ir-rapport tekniku
taqsima 1.1.1. [15] Pereżempju fil-qasam
tad-deċiżjonijiet dwar l-inkompatibbiltà, għad hemm nuqqas ta’
rieda minn xi istituzzjonijiet, inkluż il-Parlament, f'li japplikaw
deċiżjonijiet finali kontra membri tagħhom. Ara hawn taħt,
fit-taqsima dwar l-Integrità u fir-rapport tekniku. [16] Ara hawn taħt
fir-rigward tal-konfiska. [17] Il-fatt li l-awtoritajiet
Rumeni involvew il-Kummissjoni ta’ Venezja kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea
fil-proċess tar-riforma kostituzzjonali huwa żvilupp pożittiv.
Il-Kummissjoni ta’ Venezja kienet ukoll kritika dwar il-bidliet li
jikkonċernaw is-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari meta l-Qorti
Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (QGħKĠ)
itteħditilha r-responsabbiltà għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni
tal-membri parlamentari. Il-Kummissjoni ta' Venezja talbet ħarsa aktar
bir-reqqa lejn l-istatus tal-prosekuturi. [18] Dan ġie indikat
mill-Kummissjoni ta’ Venezja ukoll. [19] B’mod aktar ġenerali, “l-Istrateġija
għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika” adottata mill-gvern
f’Ottubru 2014 għandha tgħin biex titjieb il-kwalità
tal-leġislazzjoni. [20] Ir-rapport tal-MKV ta'
Lulju 2012 qal: "L-awtoritajiet Rumeni jeħtiġilhom
jiżguraw l-indipendenza tal-Ombudsman, u jaħtru Ombudsman li jgawdi
appoġġ mill-partiti kollha, li jkun jista’ jeżerċita b’mod
effettiv il-funzjonijiet legali tiegħu f’indipendenza
sħiħa." (COM (2012)410), p.18. [21] Pereżempju, l-OEG
ta' Awwissu 2014 dwar il-“migrazzjoni tal-partiti politiċi” tqieset b’mod
ġenerali li toħloq kwistjonijiet kostituzzjonali. L-Ombudsman ma
ressaqx il-kwistjoni quddiem l-QK. Il-liġi sussegwentement ġiet
iddikjarata mhux kostituzzjonali fuq rinviju minn MP fi stadju aktar tard
tal-proċedura, meta kienet diġà daħlet fis-seħħ. [22] L-importanza tar-riforma
ġudizzjarja fir-Rumanija hija rikonoxxuta wkoll fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiżi adottati mill-Kunsill f’Lulju 2014 għar-Rumanija,
li jitlobu lir-Rumanija ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema
ġudizzjarja (2014/C 247/21). [23] COM(2014) 37 finali [24] Ara r-rapport tekniku
taqsima 1.1.1. [25] http://www.just.ro/LinkClick.aspx?fileticket=h7Nit3q0%2FGk%3D&tabid=2880 [26] L-abbozz li qed issir il-konsultazzjoni
pubblika dwaru huwa bbażata fuq: Eżami tal-Funzjonament
Ġudizzjarju; Rapporti tal-MKV u rakkomandazzjonijiet mill-KE;
L-Ottimizzazzjoni tal-Qorti; Kontribuzzjonijiet mid-dipartimenti
speċjalizzati tal-MtĠ, mill-Kunsill Suprem tal-Maġistratura,
il-Ministeru Pubbliku, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja,
l-Uffiċċju tal-Kummerċ Nazzjonali, l-Amministrazzjoni Nazzjonali
tal-Ħabsijiet. [27] Ir-rapport tekniku
taqsima 1.4.8. [28] Il-bażi tad-dejta
toffri aċċess mingħajr ħlas għal-leġiżlazzjoni
Rumena mill-1989 f’format li huwa faċli li jintuża. [29] Ir-Rapport Tekniku
Taqsima 2.1.3. Kienu notifikati 638 kawża lill-ANI u 541 bdew ex-officio.
L-ANI finalizzat 514-il rapport fl-2014. Meta mqabbel mal-2013, kien hemm
żieda fil-kawżi ta’ kunflitti ta’ interess u ġid mhux
ġustifikat, u tnaqqis fil-kawżi ta’ inkompatibbiltajiet. [30] Wieħed
mill-kandidati fl-elezzjonijiet tal-PE ta’ Mejju 2014 kien
soġġett għal deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.
L-eliġibbiltà li joħroġ għall-elezzjoni ġiet
ikkontestata mill-ANI, imma l-Qorti tal-Appell qatgħetha li seta’
joħroġ għall-elezzjoni (għalkemm il-kwistjoni kienet ta'
“l-istess kariga”, li l-QGħKĠ kienet diġà ddeċidiet).
Il-Qorti tal-Appell ma ressqitx il-kawża quddiem il-QGħKĠ, u
għalhekk ma kienx hemm mekkaniżmu biex il-QGħKĠ terġa'
lura lejn l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ din il-kwistjoni. [31] Pereżempju, l-ANI
kellha timmulta membri ta’ kunsill ta’ belt sakemm dawn eventwalment applikaw
id-deċiżjoni tal-ANI dwar kunflitt ta’ interess fir-rigward ta'
wieħed mill-pari tagħhom u neħħewh mill-kariga tiegħu.
L-ANI kellha saħansitra tikkunsidra li tieħu passi simili kontra
kumitat Parlamentari. [32] Ara r-rapport tekniku
taqsima 2.1. Fl-2014 ġew stabbiliti 294 kawża ta’ inkompatibbiltà
mill-ANI; 70 % jikkonċernaw uffiċjali eletti. [33] Pereżempju biex
tiġi ggarantita l-indipendenza tal-ANI quddiem is-Senat:
http://www.integritate.eu/Comunicate.aspx?Action=1&Year=2014&Month=5&NewsId=1578¤tPage=3&M=NewsV2&PID=20 [34] Pereżempju l-mod kif
tressqet il-proposta leġiżlattiva li temenda l-Liġi
Nru 51/2006 dwar servizzi Komunitarji jew interessi pubbliċi. [35] B’mod partikolari,
l-emendi fil-Kodiċi Kriminali adottati mill-Parlament f’Diċembru
2013, iddikjarati bħala mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali
f’Jannar 2014, kienu jxejnu l-effikaċja tal-qafas tal-integrità. [36] B’mod partikolari
t-taqsima 1.1.1 tar-rapport tekniku, dwar il-kwistjoni ta’ “l-istess kariga
pubblika”. [37] Id-deċiżjoni
ttieħdet xi sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-QK, iżda xi
sentejn wara d-deċiżjoni tal-QGħKĠ. [38] COM(2014) 37 finali, p.
9. [39] Rapport Tekniku
Taqsima 3.2.3. Fl-2014, id-DNA rreġistra 4987 kawża ġdida,
li hija żieda qawwija ħafna meta mqabbel mal-2013. Intbagħtu
għal proċess 246 każ, dwar 1167 konvenut, 47 minn dawn
l-konvenuti kienu akkużati permezz ta' ftehimiet ta' sentenza fuq talba
tal-partijiet. [40] Ir-Rapport Tekniku
Taqsima 3.1. Bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru
2014 l-Awla Kriminali qatgħet, fl-ewwel istanza, 12-il kawża ta’
korruzzjoni ta’ livell għoli u l-Bord b'ħames imħallfin qata',
fl-aħħar istanza, 13-il kawża ta’ korruzzjoni ta’ livell
għoli. [41] Dan huwa kkonfermat ukoll
minn studji tal-perċezzjoni, bħall-Ewrobarometru Flash 406, li juri
li mill-inqas disgħa minn kull għaxar respondenti fir-Rumanija qalu
li l-korruzzjoni (91 %) kienet problema serja (stabbli mill-2012). [42] Dan huwa rikonoxxut ukoll
fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
indirizzati lir-Rumanija mill-Kunsill fl-2014 (2014/C 247/21) u fir-Rapport
Kontra l-Korruzzjoni (COM(2014) 38 finali). [43] Il-Ministri, jew
eks-Ministers li mhumiex Membri tal-Parlament fl-istess ħin. [44] COM(2013) 47 finali, p.7. [45] Fl-2014 23 imħallef
(inklużi erba' mħallfin tal-QGħKĠ) kif ukoll sitt
Prosekuturi Kap u sitt Prosekuturi ġew akkużati b’korruzzjoni. [46] Dan jirrifletti tendenza
aktar ġenerali ta’ kunfidenza akbar tal-pubbliku fid-DNA u
fil-ġudikatura b’mod aktar wiesa’. [47] Ir-Rapport Tekniku
Taqsima 4.1. [48] http://www.just.ro/LinkClick.aspx?fileticket=T3mlRnW1IsY%3D&tabid=2102 [49] Eżempju ta’ dan huwa
każ ta’ tixħim marbut ma’ pagamenti għad-diżabilità, fejn
id-daqs tal-pagamenti għad-diżabilità fil-lokalità ma kienx
jirrifletti d-daqs tal-popolazzjoni.