EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE0105

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea)

ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea)

(2015/C 291/02)

Relatur:

Richard ADAMS

Korelatur:

Ulla SIRKEINEN

Nhar is-16 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-iżvilupp tas-sistema ta’ governanza proposta fil-kuntest tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ April 2015.

Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-23 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija huwa bbażat fuq leġislazzjoni preċedenti sustanzjali, xi ftit minnha mhux trasposta għal kollox u implimentata b’mod ineffettiv. It-twettiq tal-Unjoni tal-Enerġija ser jeħtieġ aktar leġislazzjoni u, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni rigoruża tagħha. Qafas ta’ governanza robust huwa vitali. Il-leġislazzjoni hija biss il-bidu – il-governanza hija l-mezz biex jinkiseb suċċess. L-implimentazzjoni tal-politika teħtieġ impenn, involviment, u rieda tajba mill-partijiet interessati kollha. L-aktar tip effikaċi ta’ governanza huwa fejn il-metodi ta’ qbil għad-determinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettiv ikunu meqjusa bħala intrapriża konġunta li tinvolvi l-partijiet interessati kollha. Il-KESE, għaldaqstant, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati kollha għandu jkun marbut mal-proċess ta’ governanza jekk għandhom jitnaqqsu l-imblokki soċjetali għall-miżuri regolatorji u ta’ politika, u jekk għandhom jiġu appoġġjati tibdiliet ta’ imġiba u attitudnijiet miċ-ċittadini.

Għandha tiġi elaborata u żviluppata tmexxija politika ċara għat-twaqqif u l-parteċipazzjoni fi djalogu komprensiv bejn il-partijiet interessati konċernati, u impenn dwar kwistjonijiet ta’ tranżizzjoni tal-enerġija (pereżempju il-klima, il-ġustizzja soċjali u s-sigurtà) mill-istituzzjonijiet leġislattivi tal-UE, bħala proċess li jaqbel mal-Unjoni tal-Enerġija u l-isforzi tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jappoġġjahom.

Jitħeġġeġ djalogu mal-imsieħba soċjali biex tiġi żgurata transizzjoni tal-enerġija li torbot id-dimensjoni ambjentali mat-tħassib soċjali.

Primarjament dan għandu jieħu l-forma ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija indipendenti u affidabbli li jippermetti rappreżentazzjoni bilanċjata tal-partijiet interessati kollha biex jiskambjaw l-informazzjoni, jesprimu fehmiet u jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet tal-enerġija u b’hekk jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija.

B’mod speċifiku, aħna nħeġġu lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament fil-konsiderazzjoni tagħhom tal-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija biex jadottaw, bħala punti ta’ azzjoni, il-miżuri stabbiliti fis-sitt taqsima ta’ din l-Opinjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija sabiex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ governanza.

Dan id-djalogu għandu jseħħ fi ħdan struttura speċifika li tippermetti li l-partijiet interessati kollha jipparteċipaw.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija fl-UE u l-importanza ta’ taħditiet dwar Ftehim dwar il-Klima f’Pariġi fi tmiem l-2015 jitolbu mekkaniżmi effettivi ta’ governanza dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030, il-Kunsill Ewropew approvaha u qabel ukoll dwar l-iżvilupp ta’ sistema ta’ governanza trasparenti u affidabbli biex tgħin tiżgura li l-UE tilħaq l-għanijiet tal-politika tagħha tal-enerġija. Il-Qafas għall-2030 ippropona qafas ġdid ta’ governanza bbażat fuq il-pjani nazzjonali għal enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva kif ukoll ġabra ta’ indikaturi ewlenin biex jiġi evalwat il-progress maż-żmien. Qafas bħal dan għandu jippermetti l-kisba tal-miri għall-2030 u jiffaċilita koerenza fil-livell tal-UE, filwaqt li joffri flessibbiltà fil-livell nazzjonali. Proċess ta’ governanza b’saħħtu għandu jipprovdi wkoll mudell u eżempju inkoraġġanti fil-kuntest tan-negozjati globali dwar il-klima.

2.2.

Il-ħtieġa għal governanza effettiva ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed. Jekk ma jintlaħqux l-iskadenzi tat-tielet pakkett tal-enerġija, imfassla biex jikkompletaw suq uniku tal-enerġija b’saħħtu fl-UE, dan jista’ jkun fil-biċċa l-kbira tiegħu attribwit għal dgħufijiet fil-governanza. L-interessi nazzjonali kienu prevalenti meta ma kinux allinjati ma’ talbiet li ser isaħħu l-UE kollha kemm hi. Proċess ta’ governanza ġdid għandu jegħleb dan.

2.3.

Inizjalment għandhom jiġu definiti l-objettivi nazzjonali u jiġi ssuġġerit proċess iterattiv, kemm għall-iżvilupp intern ta’ dawn il-pjani kif ukoll għall-koordinazzjoni f’qafas koerenti tal-UE li jilħaq il-miri tal-UE li ntlaħaq qbil dwarhom. Huma previsti tliet passi:

1.

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa linji gwida dwar il-governanza u l-pjani nazzjonali.

2.

L-Istati Membri ser jippreżentaw il-Pjani Nazzjonali tagħhom abbażi ta’ proċess iterattiv mal-Kummissjoni u f’konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien.

3.

Dan ser jiġi segwit minn evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-pjani nazzjonali biex iwettqu l-miri bl-implikazzjoni ta’ aġġustamenti negozjati permezz ta’ proċess kontinwu sakemm dan jinkiseb. Il-possibbiltà ta’ struttura ta’ governanza leġislata ser tkun miżmuma bħala riżerva jekk l-approċċ volontarju ma jaħdimx.

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha esperjenza estensiva tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza, esperjenza li qed tapplika għal dan is-sett ta’ kwistjonijiet ta’ politika. Din l-opinjoni tappoġġja l-approċċ stabbilit hawn fuq iżda jeħtieġ li dan jiġi segwit b’mod rigoruż u b’konvinzjoni, b’perjodi qosra ta’ żmien għall-proċess iterattiv u analiżi inċiżiva u kuraġġuża fit-tfassil ta’ rapporti annwali. Kif imsemmi fl-Opinjoni tiegħu dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (1), il-KESE jenfasizza t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b’mod pożittiv għal proċedura effettiva u b’saħħitha ta’ governanza u biex, flimkien mal-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili, jiddeterminaw kif tista’ tiġi implimentata b’mod sħiħ.

2.5.

Il-KESE jemmen li dan il-qafas għandu jkun permess u msaħħaħ billi jiġi ġġenerat u kkontrollat appoġġ wiesa’ minn partijiet interessati inklużi l-imsieħba soċjali – min iħaddem u trejdjunjins – permezz ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija strutturat.

3.   In-natura tal-proċess ta’ governanza

3.1.

Il-proċess ta’ governanza għandu jkun konsistenti mal-qafas legali li fih jopera. Il-qafas legali jistipula l-objettivi u l-metodi sabiex jintlaħqu l-miri u għandu jwassal għal ċertezza ta’ politika fit-tul u kontinwità, b’mod partikolari għall-investimenti, it-taħriġ u l-impjiegi. Dan għandu jipprovdi wkoll indikaturi korrispondenti rilevanti. Il-proċess ta’ governanza, li għandu jkun komprensiv u inklużiv tal-leġislazzjoni tal-enerġija relatata kollha, għandu jkun f’pożizzjoni li jsolvi kwistjonijiet li huma kemm kumplessi kif ukoll fejn jeżistu d-differenzi ta’ perspettiva u interessi konfliġġenti. Il-governanza għandha tappoġġja u tissupplimenta l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li toffri flessibbiltà biex tiġi ttrattata bidla rapida. Essenzjalment il-governanza għandha tkunu kapaċi wkoll tirrispondi għall-perċezzjonijiet soċjetali, it-teknoloġija, il-ġeopolitika u s-suq.

3.2.

Is-sistema ta’ governanza għandha tippermetti wkoll espressjoni kontinwa ta’ opinjonijiet, preferenzi, perċezzjonijiet u valuri bbilanċjati u rappreżentattivi, u mod li bih dawn kontinwament jinfurmaw id-deċiżjonijiet u l-perfezzjonament tal-politika. Il-governanza għandha tiffaċilita l-adattabilità, mhux permezz ta’ bidliet frekwenti ta’ proċedura, iżda permezz ta’ antiċipazzjoni ta’ oqsma ta’ differenzi u l-ħolqien ta’ dinamika konsistenti u inklużiva.

3.3.

Dawn huma rekwiżiti impenjattivi u jeħtieġ li jiġi indirizzat ix-xettiċiżmu li qed jiżdied dwar il-kapaċità tal-UE li trendi tranżizzjoni tal-enerġija ekwitabbli u effettiva. Għaldaqstant, il-proċess ta’ governanza nnifsu jeħtieġ qafas ċar, aċċettat mill-parteċipanti. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li proċess ta’ governanza konvenzjonali mhux se jkun kapaċi jwassal l-għanijiet imsemmija hawn fuq mingħajr l-involviment u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa. Dan huwa rikonoxxut fil-viżjoni għall-Unjoni tal-Enerġija: “L-aktar importanti, il-viżjoni tagħna hija waħda ta’ Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija”  (2). Għalhekk l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ twettiq affidabbli u trasparenti għall-għanijiet tal-enerġija u l-klima u l-Unjoni tal-Enerġija għandu jseħħ b’mod parallel ma’ proċess ibbażat fuq id-djalogu f’diversi livelli li jiffoka fuq l-infurmar u l-involviment tal-partijiet interessati kollha. Dan huwa vitali u, biex tkun ġusta, it-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tieħu kunsiderazzjoni tat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u tevita konsegwenzi soċjali negattivi.

3.4.

Fil-fehma tal-KESE, il-governanza ma tfissirx żieda fil-burokrazija iżda l-adozzjoni ta’ approċċ vigoruż ibbażat fuq il-prinċipji, li jiffoka fuq il-politika, u li jimmira lejn il-kisba tal-miri tal-UE li sar qbil dwarhom. Il-governanza għandha tkun mifruxa fil-livelli kollha u tibbenefika mill-integrazzjoni tal-għarfien speċjalizzat u ta’ kuljum. L-UE hija mibnija fuq il-valuri tal-paċi, id-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem, il-pluraliżmu, it-tolleranza u s-solidarjetà. Dawn il-valuri, li jeħtieġ li jiġu tradotti fi prinċipji ta’ etika ċari, jipprovdu l-bażi għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet kritiċi fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jistgħu jipprovdu bażi universali għal qbil. L-isfida hija biex dawn il-prinċipji jinbidlu fi proċess infurzabbli u effiċjenti li jqis l-aspettattivi tas-soċjetà.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-valuri soċjetali bażiċi relatati mal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jeħtieġu aktar enfasi f’dan il-proċess ta’ governanza. Meta ċ-ċittadini jħossu li l-valuri u l-fehmiet tagħhom qed jiġu rikonoxxuti u diskussi f’forum li jinkorpora perspettiva kompletament Ewropea, dan ser iżid benefiċċju sinifikanti, jippermetti aktar koerenza politika u jiżviluppa fiduċja akbar filwaqt li jilqa’ kontra tibdil ta’ politika mhux previst. Id-djalogu għandu jidentifika dawk il-fatturi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda minn pajjiż dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Dawn ta’ spiss ikunu ġejjin mill-valuri ta’ dik is-soċjetà, pereżempju fir-rigward tal-ambjent, apparti l-kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari peress li l-fehmiet nazzjonali, reġjonali, lokali u personali dwar l-enerġija ser ivarjaw, appell għal perspettiva konsistenti, komuni jew Ewropea jista’ jilħaq lil hinn minn tendenza għal interess personali, lokali, fil-qosor jew dak nazzjonali.

3.6.

B’mod speċifiku, id-djalogu f’diversi livelli jinvolvi l-komunikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji lill-partijiet interessati kollha u jistabbilixxi qafas li fih dawn jistgħu jiġu diskussi u fejn jiġu solvuti l-kwistjonijiet, fejn ikun possibbli, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell ta’ pajjiżi ġirien. Dan mhuwiex proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, għalkemm dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jisimgħu u jkunu miftuħa għall-kontribuzzjonijiet, u l-parteċipanti għandhom jifhmuh dan.

4.   Id-djalogu f’diversi livelli bħala element essenzjali ta’ governanza

4.1.

Il-politiki tal-enerġija nazzjonali u tal-UE għandhom impatt dirett u sinifikanti fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Madankollu, il-kontenut u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-politiki spiss ma jkunux ċari għall-pubbliku ġenerali u jistgħu jinftiehmu ħażin mis-soċjetà ċivili. Dan iwassal għal appoġġ pubbliku ġeneralment dgħajjef jew kunċetti żbaljati li jinvolvu aspetti essenzjali tal-iżvilupp futur tal-UE. Isegwu konsegwenzi negattivi, u hemm ħafna każijiet fejn is-soċjetà ċivili ma tingħatax l-informazzjoni u ma tkunx involuta fil-politika tal-enerġija la f’dik nazzjonali u lanqas tal-UE u dan iwassal għal nuqqas ġenerali ta’ fiduċja u għal politiki li mhux dejjem jilħqu r-riżultati mixtieqa.

4.2.

Sabiex jiġi żgurat li dan ikun proċess inklużiv, iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u t-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet tal-enerġija jeħtieġ li jieħdu sehem, permezz ta’ djalogu, fl-assistenza tal-mekkaniżmu ta’ governanza propost. Din il-fergħa ser tgħaqqad il-perspettivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej bil-ħsieb li ġġib valur miżjud operattiv fit-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni: azzjonijiet li jridu jitwettqu fil-livell nazzjonali/reġjonali, iżda jqisu l-istampa (Ewropea) aktar wiesgħa.

4.3.

Dan il-proċess ta’ djalogu ser jiffoka fuq l-enerġija bħala element kritiku sabiex tinkiseb tranżizzjoni ġusta u sostenibbli u sabiex titwettaq politika li tirrispetta l-klima. Għandu jirrikonoxxi l-bżonnijiet tal-iżvantaġġjati u l-firxa wiesgħa ta’ tħassib soċjali u ambjentali marbuta mal-enerġija. Id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE), inklużi l-kwistjonijiet relatati mal-klima, ser jifformula approċċ volontarju u fehim – definiti bħala kuntratt soċjali dwar l-enerġija – li jistgħu jintużaw minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bħala qafas sostantiv soċjalment rilevanti. Id-djalogu kontinwu ser ikun attiv fl-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati. Fuq medda qasira ta’ żmien, għal raġunijiet ta’ effiċjenza u l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-proċess ta’ governanza, id-DEE għandu jikkonċentra fuq inizjattivi ta’ politika li għandhom ammont sostanzjali ta’ kwistjonijiet ta’ aċċettabilità u ta’ sjieda.

4.4.

Proċess bħal dan ser jippermetti wkoll koerenza akbar ta’ politika u konsolidazzjoni tal-għarfien f’oqsma speċifiċi – pereżempju l-ħtiġijiet speċjali tal-gżejjer u r-relazzjonijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

5.   Rabta mill-qrib mal-proċess ta’ governanza

5.1.

B’mod ġenerali, il-qafas għall-klima u l-enerġija huwa definit bħala dak iggwidat minn objettivi. Dan jimplika orjentazzjoni mill-ġdid mill-Istati Membri tal-istrateġiji dwar it-taħlita ta’ enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom b’mod li tinżamm is-sovranità nazzjonali filwaqt li jkunu wkoll komplementari mal-ġirien u jikkonverġu fuq objettivi miftiehma fil-livell tal-UE. Id-deskrizzjoni tal-istruttura ta’ governanza (ara 2.3) tikkonsisti f’qafas ta’ linji gwida ġenerali li qed jiġi propost mill-Kummissjoni segwit minn diskussjonijiet reġjonali, preżentazzjoni, valutazzjoni u reviżjoni ta’ programmi nazzjonali u aġġustament kontinwu sakemm tintlaħaq konklużjoni sodisfaċenti.

5.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ għax jemmen li hu konsistenti mal-ħtieġa urġenti li tiġi provduta provvista tal-enerġija iktar sikura, kompetittiva u ekoloġika fl-Ewropa kollha. L-istruttura ta’ governanza għandha tgħin ukoll biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti tar-rappurtar u l-burokrazija relatata. Jeħtieġ li din tagħti kas kif xieraq tal-karatteristiċi transkonfinali u reġjonali li huma rilevanti ħafna u li qed jiżdiedu, tal-attivitajiet tal-enerġija. Madankollu, l-effettività ta’ approċċ bħal dan ser teħtieġ rieda politika koeżiva u din għandha tinbena minn konverġenza tal-attitudnijiet taċ-ċittadini f’kull wieħed mit-28 Stat Membru.

5.3.

Il-KESE jqis li d-DEE jaqdi rwol formattiv f’dan il-proċess u jkompli għaddej f’termini ta’ implimentazzjoni u appoġġ tal-partijiet interessati ladarba jintlaħaq qbil. Għaldaqstant m’għandu jinħela l-ebda ħin fit-twaqqif tad-DEE, permezz ta’ tmexxija politika b’saħħitha, bħala proċess fundamentali marbut, speċjalment peress li l-pjani nazzjonali huma antiċipati bħallikieku ntlaħaq ftehim dwarhom u li ser jibdew joperaw qabel l-2020. Il-Kumitat kien diġà rrakkomanda l-inklużjoni tad-djalogu dwar l-enerġija fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija u huwa inkoraġġanti li dan ġie inkluż: “- involviment ta’ djalogu dwar l-enerġija ma’ partijiet interessati għat-tfassil tal-politika u l-appoġġ għall-involviment attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija.”  (3). Huwa jinnota li għad mhemm l-ebda identifikazzjoni ta’ punt ta’ azzjoni speċifiku fir-rigward tal-governanza li jista’ jipprovdi l-approvazzjoni meħtieġa biex jinbnew l-istrutturi ta’ appoġġ tad-DEE u jħeġġeġ biex dan jiġi rimedjat mill-Kunsill u l-Parlament billi jadottaw il-miżuri dwar id-djalogu proposti fit-taqsima 6 ta’ din l-Opinjoni.

5.4.

Proċess ta’ governanza jinsab fil-punt ta’ kuntatt bejn il-politika u l-implimentazzjoni. Fil-każ tal-enerġija dan għandu jiffaċilita soluzzjonijiet dwar firxa wiesgħa ta’ kompromessi li, fil-ħajja reali, ser ikunu meħtieġa. Il-Kumitat iqis il-proposta tiegħu ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija bħala lubrikant vitali f’dan il-proċess. It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi moviment, bidla u, inevitabbilment, ċertu ammont ta’ frizzjoni. Id-DEE jista’ jnaqqas il-frizzjoni bejn il-partijiet interessati fil-livelli kollha u bejn l-Istati Membri.

5.5.

Id-djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE) ser ikun proċess ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija billi jippermetti lill-partijiet interessati kollha biex jiskambjaw l-informazzjoni, jesprimu fehmiet u jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet tal-enerġija. Id-DEE ser jippromovi l-fehim tal-kompromessi meħtieġa, is-sjieda tal-viżjoni, il-kontribut għas-soluzzjonijiet u l-aċċettazzjoni tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar il-bidla fl-imġiba favur il-miżuri politiċi li jirfdu l-Unjoni tal-Enerġija. DEE wiesa’ ser jippermetti biex preferenzi nazzjonali tal-enerġija jitwasslu u jiġu kkunsidrati b’mod aktar ċar fil-livell tal-UE u jkunu ta’ benefiċċju għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Id-DEE ser iwassal għal:

fehim aħjar tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni tal-Enerġija, li jikkontribwixxi għall-viżibbiltà, l-aċċettazzjoni u s-suċċess ta’ din il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni;

opinjoni infurmata tal-pubbliku, li tipprovdi iktar ċertezza politika, u l-evidenza ta’ proċess miftuħ, iffukat u orjentat lejn ir-riżultati. Din l-opinjoni infurmata ser tirriżulta mit-taħlita prattika tal-konverżazzjoni interattiva u wiesgħa madwar l-Ewropa kollha dwar id-DEE u l-għarfien mill-ħajja ta’ kuljum;

fehim aħjar min-naħa tal-utenti tal-enerġija tar-rwol tagħhom u tal-miżuri disponibbli għalihom biex isaħħu l-ekonomija tal-enerġija tagħhom, li jwassal għal aktar impenn mill-konsumatur, il-bażi għal relazzjoni pożittiva u mġedda mal-fornituri tal-enerġija;

“spazju ta’ konverżazzjoni newtrali”, li jrawwem il-fiduċja u l-leġittimità permezz tat-tfassil u l-iffaċilitar tad-diskussjoni, aktar milli tiġi ssuġġerita konklużjoni predeterminata.

6.   Rotta possibbli ta’ implimentazzjoni

6.1.

Bħal fil-każ tal-proċess ta’ governanza formali, id-DEE, minkejja li għandu natura pan-Ewropea, ser jeħtieġ li jiġi stabbilit f’kull Stat Membru, jirrikonoxxi l-inizjattivi eżistenti ta’ djalogu nazzjonali tal-enerġija iżda jinkorpora bħala miri l-għanijiet tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija. Fejn id-djalogi nazzjonali diġà qed iseħħu, l-integrazzjoni mad-DEE tkun ta’ benefiċċju reċiproku u tipprovdi mekkaniżmu strutturat iżda aktar flessibbli li jappoġġja r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-elementi tal-pjan nazzjonali u joffri fokus biex jinforma lill-konsumaturi. Dan jgħin lill-fornituri tal-enerġija biex jimpenjaw ruħhom u jibnu l-fiduċja u jipprovdu mezz biex jiġi espress ħafna mit-tħassib ta’ gruppi differenti dwar is-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà. Fil-qosor, ser ikunu meħtieġa dawn il-passi:

Ser ikunu meħtieġa finanzjament u riżorsi sostanzjali għad-DEE. Ser jitwaqqaf mekkaniżmu sabiex jiġi stabbilit fond kollettiv indipendenti u mingħajr preġudizzju li ser jittieħed primarjament minn partijiet interessati tul il-katina tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija, supplimentati b’appoġġ adegwat mill-UE u l-gvernijet tal-Istati Membri. B’mod ġenerali, id-DEE ser ikun kosteffettiv ħafna fil-mod kif jinvolvi lill-konsumaturi ta’ kull tip fil-modulazzjoni tal-enerġija u kif jagħraf u jistimola l-kontribut tal-prosumaturi.

Filwaqt li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida ċara dwar l-istruttura tal-pjani nazzjonali, dwar il-possibbiltà ta’ aġġornamenti/reviżjonijiet, dwar l-obbligi ta’ rappurtar u l-infurzabbiltà ta’ pjani nazzjonali, id-DEE, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati ewlenin kollha, ser jiżviluppa linji gwida dwar l-istabbiliment ta’ djalogi nazzjonali tal-enerġija.

Ser tiġi stabbilita struttura għal kollox indipendenti ta’ koordinazzjoni tad-DEE biex tinkoraġġixxi azzjoni u implimentazzjoni f’kull Stat Membru. Din l-istruttura għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għar-reviżjoni neċessarja mill-Kummissjoni tal-kontenut u l-ambizzjoni tal-pjani nazzjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom. Dan ser jenfasizza l-kontribut li l-partijiet interessati jistgħu jagħmlu għat-tiswir ta’ politika.

Impenn nazzjonali ta’ tnax-il xahar tal-partijiet interessati u proċess ta’ appoġġ f’kull Stat Membru ser iwasslu għal programm ta’ involviment u djalogu li ser jiġu stabbiliti, fejn id-dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-pjan nazzjonali ser ikun l-ewwel suġġett. Tali proċess għandu jqis ukoll li jiżgura l-prevedibbiltà u l-istabbiltà tal-pjani nazzjonali.

Ser ikun hemm dibattitu tal-pjani nazzjonali u diskussjonijiet reġjonali ma’ gruppi nazzjonali tal-viċinat tad-DEE. Il-pjani nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu rendikont ta’ konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri ġirien, fost oħrajn fi ħdan id-DEE, u l-oqsma li jirriżultaw minn dawn ta’ kooperazzjoni reġjonali.

Ser isegwu diskussjonijiet fil-livell tal-UE bejn il-gruppi ta’ djalogu kollha tal-enerġija. Dawn id-diskussjonijiet mgħoddija permezz ta’ struttura ta’ koordinazzjoni indipendenti, għandu jkollhom funzjoni konsultattiva mal-istituzzjonijiet tal-UE u jsaħħu l-kosteffettività tal-politiki tal-UE u l-Istati Membri.

Ser isir użu sħiħ tal-għodod onlajn, pereżempju dawk żviluppati mid-DĠ CONNECT, biex jappoġġjaw l-evoluzzjoni tal-politika permezz tal-parteċipazzjoni u l-involviment.

6.2.

Spjegazzjoni aktar dettaljata tad-DEE ġiet adottata mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Bżonnijiet u mezzi għall-involviment tal-pubbliku fil-qasam tal-politika tal-enerġija  (4). Id-DEE huwa previst bħala “djalogu” permanenti, deskritt b’mod aktar sħiħ bħala proċess indipendenti, li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha u juża l-aħjar prattika ta’ involviment u jaqdi rwol ta’ fiduċja li huwa kontinwu fl-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ għal din l-inizjattiva u ser jassumi rwol ta’ tmexxija u, flimkien ma’ oħrajn, ser jipprovdi appoġġ attiv.

7.   Kummenti finali

7.1.

Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (5) li tindika li l-istruttura ta’ governanza għandha tiġi żviluppata billi jitqiesu l-fehmiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-partijiet interessati. L-appoġġ u l-ftehim vokali tas-soċjetà ċivili jwittu t-triq biex jinkisbu miri li joffru sfida. Permezz ta’ konnessjoni mal-ħajja u t-tħassib tan-nies, proċess ta’ governanza li jibbaża fuq DEE ser jgħin biex l-Unjoni tal-Enerġija tkun allinjata mal-aspettattivi taċ-ċittadini. Dan ser jiggarantixxi fehim tal-isfidi tal-enerġija u l-għażliet ta’ kompromess, u jtejjeb l-aċċettabbiltà u l-fiduċja – mhux l-inqas billi juri l-kapaċità li jisma’ u jinvolvi l-partijiet interessati.

7.2.

Barra minn hekk ser ikun hemm tnaqqis sinifikanti fl-ispiża politika fit-tul peress li ser jiġi stabbilit proċess li fih il-partijiet interessati kollha jkunu involuti fit-tfassil ta’ tranżizzjoni enerġetika li jriduha maġġoranza ta’ nies u li hija prammatika u orjentata lejn il-futur. Din hija kwistjoni li għandha impatt fuq kulħadd u tista’ twassalhom biex jivvalutaw mill-ġdid b’mod pożittiv il-perċezzjoni tagħhom tal-UE u l-proċessi tagħha u jagħrfu l-valur miżjud u l-governanza miftuħa tal-UE.

Brussell, it-23 ta’ April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 39.

(2)  COM(2015) 80 final.

(3)  COM(2015) 80 final p. 18.

(4)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 1.

(5)  Komunikazzjoni, Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030 (COM(2014) 15 final).


Top