This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014PC0741
Proposal for a COUNCIL DECISION on the position to be adopted, on behalf of the European Union, in the EEA Joint Committee established by the Agreement on the European Economic Area, as regards the replacement of Protocol 4 to that Agreement, on rules of origin, by a new Protocol which is aligned to the Regional Convention on pan-Euro-Mediterranean rules of origin
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji
/* COM/2014/0741 final - 2014/0353 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2014/0741 final - 2014/0353 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn 'il quddiem
"il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar
l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet
rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE ffirmat il-Konvenzjoni
fil-15 ta’ Ġunju 2011 u ddepożitat l-istrument
tagħha ta’ aċċettazzjoni mad-depożitarju tal-Konvenzjoni
fis-26 ta’ Marzu 2012. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)
tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE
fl-1 ta' Mejju 2012. In-Norveġja, l-Islanda u
l-Liechtenstein, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[2]
(minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim ŻEE”), iffirmaw il-Konvenzjoni
fil-15 ta’ Ġunju 2011,
fit-30 ta’ Ġunju 2011 u
fil-15 ta’ Ġunju 2011, rispettivament u ddepożitaw
l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom għand id-depożitarju
ta’ din il-Konvenzjoni fid-9 ta’ Novembru 2011,
fit-12 ta’ Marzu 2012 u fit-28 ta’ Novembru 2011,
rispettivament. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)
tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward
tan-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012,
fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Jannar 2012,
rispettivament. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi
li kull Parti Kontraenti tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li
l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għalhekk, fil-Ftehim
ŻEE, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini għandu jkun
sostitwit bi Protokoll ġdid li, kemm jista’ jkun possibbli, jirreferi
għall-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, it-test tal-Protokoll 4
jiġi aġġornat u allineat, fost l-oħrajn, mat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-proposta tissostitwixxi
l-Protokoll 4 kompletament bi Protokoll ġdid sabiex dan ikun jista’
jinqara faċilment mill-operaturi ekonomiċi u
mill-amministrazzjonijiet. Il-bidliet imqabbla mal-Protokoll attwali huma dawn
li ġejjin: 1. L-Artikolu 3 qed
jiġi emendat sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni
djagonali ta’ oriġini lil kwalunkwe pajjiż li jipparteċipa
fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-UE[3], li hija waħda
mill-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni. Ir-referenza
għall-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-Proċess ta'
Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-UE qed tiżdied
fl-Artikolu 3(1) sabiex jiġi evitat l-użu mandatorju
taċ-ċertifikazzjoni EUR-MED. Għall-istess raġuni,
ir-referenza għall-Gżejjer Faeroe qed tiġi trasferita
mill-Artikolu 3(2) għal 3(1). 2. Fir-referenza għall-Artikolu 32
fil-Werrej, il-kliem “Assistenza reċiproka” qed jiġi sostitwit
bil-kliem “Koperazzjoni amministrattiva”. 3. Il-kelma “Komunità” qed
tiġi sostitwita b'“Unjoni Ewropea” fl-intestatura “Dikjarazzjonijiet
Konġunti” fil-Werrej, fl-Artikoli 3(1), 3(5), 4(2) u 31(1), kif ukoll
fid-Dikjarazzjonijiet Konġunti. 4. Il-kliem “Kummissjoni
tal-Komunitajiet Ewropej” qed jiġi sostitwit b'“Kummissjoni Ewropea”
fl-Artikoli 3(5), 31(3) u 32(1). 5. Fl-Artikolu 5(2)
il-kliem “ma jiġux użati” qed jiġu sostitwiti b'“m’għandhomx
jiġu użati”. 6. Fl-Artikolu 6(1) dawn li
ġejjin huma qed jiżdiedu wara l-ittra (m):
"(n) it-taħlit ta' zokkor ma’ kwalunkwe materjal;”
L-ittri attwali (n) sa (p) qed jiġu nnumerati mill-ġdid bħala
l-ittri (o) sa (q). 7. It-titolu tal-Artikolu 32
qed jiġi sostitwit bi:
“Koperazzjoni amministrattiva” Il-kontenut tal-Annessi I sa IVb, qed
jiġi sostitwit b’referenza għall-Konvenzjoni. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati
dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini
tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013.
Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati waqt
il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tal-14 u
l-15 ta' Mejju 2013. Ma kienx meħtieġ li wieħed
jirrikorri għal għarfien espert estern. Minbarra dan, ma kienx
meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt, peress li l-emendi proposti
huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli
ta' oriġini li jinsab attwalment fis-seħħ. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA L-Artikolu 1(3) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li l-Kunsill, fuq
proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn. Il-bażi ġuridika għall-emenda
ta' din id-dispożizzjoni huwa l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu
218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza
esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma
japplikax. Strument propost: Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill. Din il-proposta tissostitwixxi COM(201)133
finali tat-22 ta’ Marzu 2012, li huwa b’dan irtirat. 2014/0353 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika
Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar
ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat
mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini
pan-Ewro-Mediterranji IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar
l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[4],
u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Protokoll 4
għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[5], (“il-Ftehim”),
jikkonċerna r-regoli ta’ oriġini. (2) Il-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[6],
("il-Konvenzjoni"), tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar
l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet
rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. (3) L-UE, in-Norveġja u
l-Liechtenstein ffirmaw il-Konvenzjoni
fil-15 ta’ Ġunju 2011 u l-Islanda ffirmat il-Konvenzjoni
fit-30 ta’ Ġunju 2011. (4) L-UE, in-Norveġja,
l-Islanda u l-Liechtenstein iddepożitaw l-istrument tagħhom ta'
aċċettazzjoni madd-depożitarju tal-Konvenzjoni
fis-26 ta' Marzu 2012, fid-9 ta' Novembru 2011,
fit-12 ta' Marzu 2012 u fit-28 ta' Novembru 2011,
rispettivament. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)
tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u
l-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012 u fir-rigward tan-Norveġja u
l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012. (5) L-Artikolu 6
tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti tieħu l-miżuri
xierqa sabiex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv.
Għalhekk, fil-Ftehim, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini
għandu jiġi sostitwit bi Protokoll ġdid li huwa allineat
mal-Konvenzjoni u jirreferi għaliha kemm jista’ jkun possibbli. (6) Għaldaqstant l-Unjoni
Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni stabbilita fl-abbozz ta'
Deċiżjoni hawn mehmuż fil-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi
adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward
is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’
oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji hija
stabbilita fl-abboz ta' deċiżjoni hawn mehmuż tal-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE Bidliet żgħar fl-abbozz ta'
deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jistgħu
jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE tiġi ppubblikata fil-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [2] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. [3] L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet
ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo
skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99. [4] ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
[5] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. [6] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru .../2014
li tissostitwixxi l-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona
Ekonomika Ewropea, dwar ir-regoli ta' oriġini, bi Protokoll ġdid li
huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji IL-KUMITAT KONĠUNT
TAŻ-ŻEE, Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari
l-Artikolu 98 tiegħu, Billi: (1)
L-Artikolu 9 tal-Ftehim ŻEE jirreferi
għall-Protokoll 4 li jistabbilixxi r-regoli ta' oriġini u
jipprevedi għall-kumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni, l-Isvizzera
(inkluż il-Liechtenstein), l-Islanda, in-Norveġja, it-Turkija,
il-Gżejjer Faeroe u l-parteċipanti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja[1]. (2)
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali
tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2]
(“il-Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta'
oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi
bejn il-Partijiet Kontraenti. (3)
L-UE, in-Norveġja u l-Liechtenstein ffirmaw
il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u l-Islanda ffirmat
il-Konvenzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2011. (4)
L-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein
iddepożitaw l-istrument tagħhom ta' aċċettazzjoni
għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni
fis-26 ta' Marzu 2012, fid-9 ta' Novembru 2011,
fit-12 ta' Marzu 2012 u fit-28 ta' Novembru 2011,
rispettivament. B'konsegwenza ta' dan, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)
tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u
l-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012 u fir-rigward tan-Norveġja u
l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012. (5)
Il-Konvenzjoni tinkludi l-parteċipanti
fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni
fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja tal-kumulazzjoni tal-oriġini. (6)
Fejn it-tranżizzjoni lejn il-Konvenzjoni ma
tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha tagħha
fiż-żona ta’ kumulazzjoni pan-Ewro-Mediterranja, din m’għandhiex
twassal għal sitwazzjoni li tkun inqas favorevoli minn kif kieku kienet
tkun skont il-verżjoni preċedenti tal-Protokoll 4. (7)
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li
kull Parti Kontraenti tieħu il-miżuri xierqa sabiex tiżgura li
l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. B'konsegwenza ta' dan,
fil-Ftehim, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini għandu
jiġi sostitwit minn Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni. (8)
Id-Deċiżjoni Nru XX/XX tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tipprevedi
għall-Kroazja regoli tranżitorji rigward l-applikazzjoni tar-regoli
ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 4. Dawn ir-regoli għandhom
jibqgħu applikabbli sakemm jiskadi l-perjodu tranżitorju. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Il-Protokoll 4
tal-Ftehim jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' din
id-Deċiżjoni. 2. Minkejja
l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 41 tal-Protokoll 4,
kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ŻEE Nru XX/XX[3],
jibqa' japplika sal-1 ta’ Jannar 2017. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil- […], bil-kundizzjoni li jkunu
saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE[4]. Tapplika mill-1 ta’ April 2014. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tiġi
ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE
ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, […]. Għall-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE Il-President Is-Segretarji
għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ANNESS għad-Deċiżjoni
tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru […] "Il-PROTOKOLL 4 DWAR IR-REGOLI TA' ORIĠINI WERREJ TITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET
ĠENERALI Artikolu 1 Definizzjonijiet TITOLU II DEFINIZZJONI
TAL-KUNĊETT TA' "PRODOTTI ORIĠINARJI" Artikolu 2 Rekwiżiti
ġenerali Artikolu 3 Kumulazzjoni djagonali
ta’ oriġini Artikolu 4 Prodotti miksuba
kompletament Artikolu 5 Prodotti maħduma
jew ipproċessati biżżejjed Artikolu 6 Mhux maħduma jew
ipproċessati biżżejjed Artikolu 7 Unità ta’ kwalifika Artikolu 8 Aċċessorji,
parts u għodod Artikolu 9 Settijiet Artikolu 10 Elementi newtrali TITOLU III REKWIŻITI
TERRITORJALI Artikolu 11 Prinċipju ta’
territorjalità Artikolu 12 Trasport dirett Artikolu 13 Wirjiet TITOLU IV RIFUŻJONI
JEW EŻENZJONI Artikolu 14 Projbizzjoni ta'
rifużjoni ta' dazji doganali jew eżenzjoni minnhom TITOLU V PROVA
TA’ ORIĠINI Artikolu 15 Rekwiżiti
ġenerali Artikolu 16 Proċedura
għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED Artikolu 17 Ċertifikati ta'
moviment EUR.1 jew EUR-MED maħruġa retrospettivament Artikolu 18 Ħruġ ta'
ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED duplikat. Artikolu 19 Ħruġ ta' ċertifikati ta' moviment
EUR.1 jew EUR-MED abbażi ta’ prova ta' oriġini maħruġa jew
magħmula preċedentement Artikolu 20 Segregazzjoni kontabilistika Artikolu 21 Kundizzjonijiet għat-tfassil ta'
dikjarazzjoni fuq fattura jew ta' dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED Artikolu 22 Esportatur approvat Artikolu 23 Validità ta' prova ta'
oriġini Artikolu 24 Preżentazzjoni ta'
prova ta' oriġini Artikolu 25 Importazzjoni gradwali Artikolu 26 Eżenzjonijiet minn
prova ta' oriġini Artikolu 27 Dikjarazzjonijiet
tal-fornitur Artikolu 28 Dokumenti ta’ sostenn Artikolu 29 Preservazzjoni tal-prova ta' oriġini,
tad-dikjarazzjoni tal-fornitur u tad-dokumenti ta' sostenn Artikolu 30 Diskrepanzi u
żbalji formali Artikolu 31 Ammonti espressi f’euro TITOLU VI ARRANĠAMENTI
DWAR IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA Artikolu 32 Kooperazzjoni
amministrattiva Artikolu 33 Verifika tal-provi ta'
oriġini Artikolu 34 Verifika tad-dikjarazzjonijiet
tal-fornitur Artikolu 35 Riżoluzzjoni ta'
tilwim Artikolu 36 Penali Artikolu 37 Żoni ħielsa TITOLU VII CEUTA
U MELILLA Artikolu 38 Applikazzjoni
tal-Protokoll Artikolu 39 Kundizzjonijiet
speċjali TITOLU VIII DISPOŻIZZJONIJIET
FINALI Artikolu 40 Dispożizzjonijiet
tranżitorji għal oġġetti fi tranżitu jew
f’ħażna LISTA
TA' ANNESSI Anness I: Noti introduttorji
għal-lista fl-Anness II Anness II: Lista ta' ħidma jew ipproċessar
meħtieġa li jsiru fuq materjali mhux oriġinarji sabiex
il-prodott maħdum jikseb status oriġinarju Anness IIIa: Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment
EUR.1 u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR.1 Anness IIIb: Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment
EUR-MED u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR-MED Anness IVa: Test tad-dikjarazzjoni fuq
fattura Anness IVb: Test tad-dikjarazzjoni fuq
fattura EUR-MED Anness V: Eżempju
tad-dikjarazzjoni tal-fornitur Anness VI: Eżempju
tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu twil DIKJARAZZJONIJIET
KONĠUNTI Dikjarazzjoni konġunta dwar
l-aċċettazzjoni ta’ provi ta' oriġini maħruġa
fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4
għal prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, l-Islanda jew
in-Norveġja Dikjarazzjoni konġunta dwar
il-Prinċipat ta' Andorra Dikjarazzjoni konġunta dwar ir-Repubblika
ta’ San Marino Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-irtirar ta’
Parti Kontraenti mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’
oriġini pan-Ewro-Mediterranji TITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll: (a) "manifattura"
tfisser kull xorta ta’ ħidma jew ipproċessar inklużi
l-assemblaġġ jew operazzjonijiet speċifiċi; (b) "materjal"
tfisser kull ingredjent, materja prima, komponent jew parti, eċċ.,
użat fil-manifattura ta' prodott; (c) "prodott"
tfisser il-prodott li jkun qed jiġi mmanifatturat, anke jekk dan ikun
maħsub għal użu aktar tard f’xi operazzjoni ta’ manifattura
oħra; (d) "oġġetti"
tfisser kemm materjali kif ukoll prodotti, (e) "valur
doganali" tfisser il-valur kif stabbilit skont il-Ftehim tal-1994 dwar
l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar
it-Tariffi u l-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO dwar il-valutazzjoni doganali); (f) "prezz
mill-fabbrika" tfisser il-prezz tal-prodott kif joħroġ
mill-fabbrika mħallas lill-manifattur fiż-ŻEE li
fl-intrapriża tiegħu tkun saret l-aħħar ħidma jew
ipproċessar, bil-kundizzjoni li l-prezz jinkludi l-valur tal-materjal
kollu użat, li minnu tkun imnaqqsa kwalunkwe taxxa interna li tiġi,
jew li tista’ tiġi, imħallsa lura meta l-prodott li jinkiseb
jiġi esportat; (g) “il-valur
tal-materjali” tfisser il-valur doganali fil-waqt tal-importazzjoni
tal-materjali mhux oriġinarji użati, jew, jekk dan ma jkunx
magħruf u ma jistax ikun aċċertat, l-ewwel prezz
aċċertat imħallas għall-materjali fiż-ŻEE; (h) "il-valur
tal-materjali oriġinarji" tfisser il-valur ta' dan il-materjal kif
definit f'(g) applikat mutatis mutandis; (i) “il-valur
miżjud” jitqies bħala l-prezz mill-fabbrika li minnu jitnaqqas
il-valur doganali ta' kull wieħed mill-materjali inkorporati li
joriġinaw fil-pajjiżi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3 li
għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni jew, fil-każijiet fejn
il-valur doganali mhuwiex magħruf jew ma jistax jiġi
aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat li huwa mħallas
għall-materjali fiż-ŻEE; (j) “kapitoli”
jew “intestaturi” jfissru l-kapitoli u l-intestaturi (kodiċi b'erba'
ċifri) użati fin-nomenklatura li tifforma s-Sistema Armonizzata ta’
Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, imsemmija f'dan il-Protokoll
bħala “is-Sistema Armonizzata” jew “SA”; (k) "klassifikat"
tfisser il-klassifikazzjoni ta’ prodott jew materjal taħt intestatura
partikolari; (l) "konsenja"
tfisser prodotti li jew ikunu ġew mibgħuta simultanjament minn
esportatur wieħed lejn destinatarju wieħed jew ikunu koperti
b’dokument tat-trasport wieħed li jkopri l-konsenja tagħhom
mingħand l-esportatur lejn id-destinatarju jew, fin-nuqqas ta’ tali
dokument, permezz ta' fattura waħda; (m) "territorji"
tinkludi l-ibħra territorjali. TITOLU II DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA'
"PRODOTTI ORIĠINARJI" Artikolu 2 Rekwiżiti ġenerali 1. Bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim, il-prodotti
segwenti jiġu kkunsidrati bħala oriġinarji miż-ŻEE: (a) prodotti miksuba
kompletament fiż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 4; (b) prodotti
miksuba fiż-ŻEE li jkun fihom materjali li ma jkunux ġew miksuba
kompletament minn hemm, bil-kundizzjoni li tali materjali jkunu ġew
maħduma jew ipproċessati biżżejjed fiż-ŻEE skont
it-tifsira tal-Artikolu 5. Għal dan
il-għan, it-territorji tal-Partijiet Kontraenti li għalihom japplika
dan il-Ftehim, jiġu kkunsidrati bħala territorju wieħed. 2. Minkejja l-paragrafu 1, it-territorju tal-Prinċipat
tal-Liechtenstein jiġi eskluż minn dak taż-ŻEE, sabiex
tiġi ddeterminata l-oriġini tal-prodotti msemmija fit-Tabelli I
u II ta' Protokoll 3 u dawn il-prodotti jitqiesu biss li huma
oriġinarji miż-ŻEE jekk ikunu ġew miksuba kompletament jew
maħduma jew ipproċessati biżżejjed fit-territorji
tal-Partijiet Kontraenti l-oħra. Artikolu 3 Kumulazzjoni djagonali ta’
oriġini 1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 2, il-prodotti jitqiesu bħala oriġinarji
miż-ŻEE jekk dawn jinkisbu minn hemmhekk, u jinkorporaw materjali li
joriġinaw mill-Isvizzera (inkluż il-Liechtenstein)[5], l-Islanda,
in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, it-Turkija, l-Unjoni Ewropea jew fi
kwalunkwe pajjiż li huwa parteċipant fil-Proċess ta'
Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea[6], sakemm il-ħidma
jew l-ipproċessar imwettqa jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 6. Mhux meħtieġ li dawn il-materjali jkunu
ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed. 2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 2, il-prodotti jitqiesu bħala oriġinarji
miż-ŻEE jekk dawn jinkisbu minn hemmhekk, u jinkorporaw materjali li
joriġinaw fi kwalunkwe pajjiż li huwa parteċipant
fis-Sħubija Ewro-Mediterranja, ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni ta'
Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja li saret fis-27
u t-28 ta' Novembru 1995, minbarra t-Turkija[7], sakemm il-ħidma
jew l-ipproċessar imwettqa jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 6. Mhux meħtieġ li dawn il-materjali jkunu
ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed. 3. Fil-każ fejn il-ħidma jew l-ipproċessar
imwettqa fiż-ŻEE ma jmorrux lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 6, il-prodott miksub jitqies bħala oriġinarju
miż-ŻEE biss meta l-valur miżjud hemmhekk ikun akbar mill-valur
tal-materjali użati li joriġinaw fi kwalunkwe pajjiż
mill-pajjiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Jekk dan ma jkunx
il-każ, il-prodott miksub jitqies li joriġina mill-pajjiż li
jkun responsabbli għall-ogħla valur ta' materjali oriġinarji
użati fil-manifattura fiż-ŻEE. 4. Il-prodotti, li joriġinaw f'wieħed
mill-pajjiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, li ma jkunu għaddew
minn l-ebda ħidma jew ipproċessar fiż-ŻEE jżommu
l-oriġini tagħhom jekk jiġu esportati f'wieħed minn dawn
il-pajjiżi. 5. Il-kumulazzjoni prevista f'dan
l-Artikolu tista' tiġi applikata biss jekk: (a) ikun
applikabbli ftehim kummerċjali preferenzjali skont l-Artikolu XXIV
tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) bejn
il-pajjiżi involuti fl-akkwist tal-istatus oriġinarju u l-pajjiż
destinatarju; (b) il-materjali
u l-prodotti jkunu kisbu status oriġinarju permezz tal-applikazzjoni ta'
regoli ta' oriġini identiċi bħal dawk mogħtija f'dan
il-Protokoll; kif ukoll (c) l-avviżi
li jindikaw it-twettiq tar-rekwiżiti neċessarji
għall-applikazzjoni tal-kumulazzjoni jkunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje C) u fil-Partijiet Kontraenti
l-oħra skont il-proċeduri tagħhom stess. Il-kumulazzjoni
prevista f'dan l-Artikolu tapplika mid-data indikata fl-avviż ippubblikat
f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje C). L-Unjoni Ewropea
tipprovdi lill-Partijiet Kontraenti l-oħra, permezz tal-Kummissjoni
Ewropa, b'dettalji dwar il-Ftehimiet, inklużi d-dati tagħhom ta'
dħul fis-seħħ, u r-regoli ta' oriġini li jikkorrispondu
għalihom, li huma applikati mal-pajjiżi l-oħra msemmija
fil-paragrafi 1 u 2. Artikolu 4 Prodotti miksuba kompletament 1. Dawn li ġejjin jitqiesu bħala
miksuba kompletament fiż-ŻEE: (a) prodotti
minerali estratti mill-ħamrija tagħhom jew minn qiegħ
il-baħar tagħhom; (b) prodotti
veġetali maħsuda hemm; (c) annimali
ħajjin li twieldu u trabbew hemm; (d) prodotti
minn annimali ħajjin imrobbija hemm; (e) prodotti
miksuba mill-kaċċa jew mis-sajd li jseħħu hemm; (f) prodotti
tas-sajd fil-baħar u prodotti oħra meħuda mill-baħar lil
hinn mill-ibħra territorjali tal-Partijiet Kontraenti permezz
tal-bastimenti tagħhom; (g) prodotti
magħmula fuq il-bastimenti fabbrika minn prodotti msemmija fi (f); (h) oġġetti
użati miġbura hemmhekk tajbin biss għall-irkupru ta’ materja
prima, inklużi tajers użati adattati biss biex jinbidlilhom
il-wiċċ jew użati bħala skart; (i) skart u
ruttam li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ manifattura mwettqa hemm; (j) prodotti
estratti mill-ħamrija jew mis-saff ta’ taħt il-ħamrija marittima
lil hinn mill-ibħra territorjali tagħhom, sakemm ikollhom
id-drittijiet sabiex jaħdmu dik il-ħamrija jew is-saff ta’ taħt
il-ħamrija; (k) oġġetti
magħmula esklussivament hemmhekk mill-prodotti speċifikati fl-(a) sa (j). 2. It-termini “il-bastimenti tagħhom” u “l-bastimenti
fabbrika tagħhom” fil-paragrafu 1(f) u (g) japplikaw biss
għall-bastimenti u l-bastimenti fabbrika: (a) li
huma rreġistrati jew elenkati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi
Stat tal-EFTA; (b) li
jbaħħru bil-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat
tal-EFTA; (c) li
mill-inqas 50 % minnhom ikunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru
tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-Efta, jew ta' kumpanija li jkollha
l-uffiċċju prinċipali tagħha f'wieħed minn dawn
l-Istati, li l-maniġer jew maniġers, il-President tal-Bord
tad-Diretturi jew tal-Bord Superviżorju, u l-maġġoranza
tal-membri ta' dawn il-bordijiet ikunu ċittadini ta' Stat Membru
tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA u li minnhom, barra minn dan,
fil-każ ta' soċjetajiet jew kumpaniji b'responsabbiltà limitata,
mill-anqas nofs il-kapital ikun proprjetà ta’ dawk l-Istati jew ta’ entitajiet
pubbliċi jew ta' ċittadini tal-Istati msemmija; (d) li
l-kaptan u l-uffiċjali tagħhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru
tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA; kif ukoll (e) li
mill-anqas 75 % tal-ekwipaġġ tagħhom ikunu ċittadini
ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA. Artikolu 5 Prodotti maħduma jew
ipproċessati biżżejjed (1)
Għall-finijiet tal-Artikolu 2, prodotti
li ma jkunux miksuba kompletament huma meqjusa bħala prodotti li jkunu
ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed meta
jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-lista tal-Anness II. Il-kundizzjonijiet
imsemmija hawn fuq jindikaw, għall-prodotti kollha koperti b'dan
il-Ftehim, il-ħidma jew l-ipproċessar li għandu jitwettaq fuq
materjali li mhumiex oriġinarji użati fil-manifattura u japplikaw
biss għal dawn it-tipi ta' materjali. Għaldaqstant, jekk prodott li
jkun kiseb status ta' oriġini billi jkun issodisfa l-kundizzjonijiet
stipulati fil-lista jintuża fil-manifattura ta’ prodott ieħor,
il-kundizzjonijiet applikabbli għall-prodott li fih jiġi inkorporat
ma japplikawx għalih, u l-materjali mhux oriġinarji li setgħu
ntużaw fil-manifattura tiegħu ma għandhomx jiġu meqjusa. 2. Minkejja l-paragrafu 1, materjal mhux oriġinarju li,
skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-lista fl-Anness II, ma għandux
jintuża fil-manifattura ta’ prodott, jista' madankollu jintuża,
bil-kundizzjoni li: (a) il-valur
tiegħu totali ma jaqbiżx l-10 % tal-prezz mill-fabbrika
tal-prodott; (b) l-ebda
wieħed mill-perċentwali mogħtija fil-lista għall-valur
massimu ta' materjal mhux oriġinarju ma jinqabeż bis-saħħa
ta’ dan il-paragrafu. Dan il-paragrafu ma
japplikax għal prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 50 sa 63
tas-Sistema Armonizzata. 3. Il-paragrafi 1
u 2 japplikaw soġġetti għad-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 6. Artikolu 6 Mhux maħduma jew ipproċessati
biżżejjed 1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-operazzjonijiet li
ġejjin jitqiesu bħala ħidma jew ipproċessar li mhumiex
biżżejjed sabiex jikkonferixxu l-istatus ta’ prodotti
oriġinarji, irrispettivament minn jekk jiġux issodisfati
r-rekwiżiti tal-Artikolu 5: (a) operazzjonijiet
ta’ preservazzjoni sabiex ikun żgurat li l-prodotti jibqgħu
f’kundizzjoni tajba waqt it-trasport u l-ħażna; (b) tqassim u
assemblaġġ ta’ pakketti; (c) ħasil,
tindif; tneħħija ta’ trab, ossidu, żejt, żebgħa jew
kisi ieħor; (d) mogħdija
jew ippressar tat-tessuti; (e) operazzjonijiet
sempliċi ta’ żebgħa u lostru; (f) ħruġ
mill-fosdqa, ibbliċjar parzjali jew totali, illustrar, u gglejżjar
ta' ċereali u ross; (g) operazzjonijiet
biex jingħata l-kulur liz-zokkor jew sabiex jiġu ffurmati blokok
żgħar taz-zokkor; (h) tqaxxir,
tneħħija tal-għadma jew fsiq ta’ frott, ġewż u
ħaxix; (i) tisnin,
tħin sempliċi jew tqattigħ sempliċi; (j) tgħarbil,
skrinjar, issortjar, klassifikazzjoni, gradazzjoni, tqabbil; (inkluż
l-immuntar f'settijiet ta’ oġġetti); (k) tqegħid
sempliċi fi fliexken, laned, fjasketti, boroż, kontenituri, kaxxi,
twaħħil fuq kartun jew twavel u l-operazzjonijiet sempliċi
l-oħra kollha ta’ ppakkjar; (l) twaħħil
jew stampar ta’ marki, tikketti, logos u sinjali oħra simili ta’ distinzjoni
fuq il-prodotti jew l-imballaġġ tagħhom; (m) taħlit
sempliċi ta' prodotti, kemm jekk ta' tipi differenti kemm jekk le; (n) taħlit
ta' zokkor ma’ kwalunkwe materjal; (o) assemblar
sempliċi ta’ partijiet ta’ oġġetti sabiex jagħmlu prodott
sħiħ jew żarmar ta’ prodotti f’partijiet; (p) tagħqid
ta' żewġ operazzjonijiet jew aktar speċifikati f'(a) sa (o); (q) tbiċċir
ta’ annimali. 2. L-operazzjonijiet kollha li jitwettqu fiż-ŻEE fuq
prodott partikolari jitqiesu flimkien meta jkun qed jiġi stabbilit jekk
il-ħidma jew l-ipproċessar li jkun għadda minnhom dak il-prodott
għandhomx jitqiesu bħala insuffiċjenti skont it-tifsira
tal-paragrafu 1. Artikolu 7 Unità ta’ kwalifika (1)
L-unità ta' kwalifika għall-applikazzjoni
tad-dispożizzjoniijiet ta' dan il-Protokoll għandha tkun il-prodott
partikolari li huwa meqjus bħala l-unità bażika fid-determinazzjoni
tal-klassifikazzjoni bl-użu tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata. Għaldaqstant: (a) meta
prodott li jkun magħmul minn grupp jew numru ta' oġġetti
jiġi kklassifikat skont it-termini tas-Sistema Armonizzata taħt
intestatura waħda, dan jifforma unità ta’kwalifikazzjoni kollu kemm hu; (b) meta
konsenja tkun magħmula minn numru ta’ prodotti identiċi klassifikati
taħt l-istess intestatura tas-Sistema Armonizzata, kull prodott irid
jitqies b’mod individwali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan
il-Protokoll. 2. Skont ir-Regola Ġenerali 5 tas-Sistema Armonizzata meta
l-imballaġġ ikun inkluż mal-prodott għall-finijiet ta’
klassifikazzjoni, għandu jkun inkluż għall-finijiet
tad-determinazzjoni tal-oriġini. Artikolu 8 Aċċessorji, parts u
għodod Aċċessorji,
parts u għodod mibgħuta ma' biċċa tagħmir, makkinarju,
apparat jew vettura, li jagħmlu parti mit-tagħmir normali u
inklużi fil-prezz tiegħu jew li ma tkunx inħarġitilhom
fattura separata, jitqiesu bħala ħaġa waħda
mat-tagħmir, il-makkinarju, l-apparat jew il-vettura kkonċernata. Artikolu 9 Settijiet Settijiet, kif
inhuma definiti fir-Regola Ġenerali 3 tas-Sistema Armonizzata,
jitqiesu bħala oriġinarji meta l-komponenti kollha jkunu
oriġinarji. Madanakollu, meta s-sett huwa magħmul mill-prodotti
oriġinarji jew mhux oriġinarji, is-sett kollu kemm hu jitqies
bħala oriġinarju, sakemm il-valur tal-prodotti mhux oriġinarji
ma jaqbiżx il-15 % tal-prezz mill-fabbrika tas-sett. Artikolu 10 Elementi newtrali Sabiex ikun
iddeterminat jekk prodott huwiex oriġinarju, mhux meħtieġ li
tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ dawn li ġejjin, li jistgħu
jintużaw fil-manifattura tiegħu: (a) enerġija
u fjuwil; (b) impjant u
tagħmir; (c) makkinarju u għodod; (d) oġġetti
li ma jidħlux u li mhumiex intenzjonati li jidħlu
fil-kompożizzjoni finali tal-prodott. TITOLU III REKWIŻITI TERRITORJALI Artikolu 11 Prinċipju ta’ territorjalità 1. Ħlief kif previst fl-Artikolu 3 u l-paragrafu 3 ta’
dan l-Artikolu, il-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb status oriġinarju
stipulati fit-Titolu II iridu jiġu ssodisfati mingħajr
interruzzjoni fiż-ŻEE. 2. Ħlief kif previst fl-Artikolu 3, meta oġġetti
oriġinarji esportati miż-ŻEE lejn pajjiż ieħor
jiġu lura, dawn għandhom jitqiesu bħala mhux oriġinarji,
sakemm ma jkunx jista’ jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet
doganali li: (a) l-oġġetti
li ġew lura ikunu l-istess bħal dawk li ġew esportati; kif ukoll (b) ma
jkunu għaddew minn ebda operazzjoni lil hinn minn dik meħtieġa sabiex
jibqgħu preservati f'kundizzjoni tajba waqt li kienu f'dak il-pajjiż
jew waqt l-esportazzjoni. 3. Il-kisba tal-istatus oriġinarju skont il-kundizzjonijiet
stipulati fit-Titolu II ma għandhiex tiġi effettwata minn
ħidma jew ipproċessar li jsir lil hinn miż-ŻEE fuq
materjali esportati miż-ŻEE u li wara jiġu importati hemm
mill-ġdid, sakemm: (a) il-materjali
msemmija jkunu miksuba kompletament fiż-ŻEE jew tkun saritilhom
ħidma jew ipproċessar li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 6 qabel ma ġew esportati; kif ukoll (b) jista'
jintwera b'mod li jissodisfa lill-awtoritajiet doganali li: (i) l-oġġetti
li ġew importati mill-ġdid inkisbu billi nħadmu jew ġew
ipproċessati l-materjali esportati; kif
ukoll (ii) il-valur miżjud totali li nkiseb lil hinn
miż-ŻEE bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan
l-Artikolu ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott
finali li għalih ikun intalab l-istatus oriġinarju. 4. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kundizzjonijiet
għall-akkwist tal-istatus oriġinarju stipulati fit-Titolu II ma
japplikawx għal ħidma jew ipproċessar li jkun sar lil hinn
miż-ŻEE. Madankollu, fil-każ li, fil-lista tal-Anness II,
tiġi applikata regola li tistipula valur massimu għall-materjali
kollha li mhumiex oriġinarji inkorporati sabiex jiġi ddeterminat
l-istatus oriġinarju tal-prodott finali, il-valur totali tal-materjali li
mhumiex oriġinarji nkorporati fit-territorju tal-parti kkonċernata,
meħud flimkien mal-valur totali akkwistat lil hinn miż-ŻEE billi
jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, ma
jaqbżux il-perċentwali ddikjarata. 5. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet
tal-paragrafi 3 u 4, "valur miżjud totali" tfisser
l-ispejjeż kollha li jinqalgħu lil hinn miż-ŻEE,
inkluż il-valur tal-materjali inkorporati hemm. 6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ma
japplikawx għal prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati
fil-lista fl-Anness II jew li jistgħu jitqiesu maħduma jew
ipproċessati biżżejjed fil-każ biss li tiġi applikata
t-tolleranza ġenerali stabbilita fl-Artikolu 5(2). 7. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ma japplikawx
għal prodotti tal-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata. 8. Kwalunkwe ħidma jew ipproċessar tat-tip kopert b'dan
l-Artikolu u magħmula lil hinn miż-ŻEE jsiru skont
l-arranġamenti ta’ proċessar passiv, jew arranġamenti simili. Artikolu 12 Trasport dirett (1)
It-trattament preferenzjali previst bil-Ftehim
japplika biss għal prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan
il-Protokoll, li huma trasportati direttament fiż-ŻEE jew madwar
it-territorji tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom
hija applikabbli l-akkumulazzjoni. Madankollu, prodotti li jikkostitwixxu
konsenja waħda jistgħu jiġu trasportati minn territorji
oħra billi, jekk ikun il-każ, jiġu trasbordati jew
maħżuna temporanjament f’dawn it-territorji, bil-kundizzjoni li
jibqgħu taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali fil-pajjiż
fejn isir it-tranżitu jew il-ħażna u ma jsirux operazzjonijiet
fuqhom għajr ħatt, tagħbija jew kwalunkwe operazzjoni
maħsuba sabiex dawn jibqgħu preservati f’kundizzjoni tajba. Prodotti
oriġinarji jistgħu jiġu trasportati permezz ta' pajp li
jgħaddi minn territorju li mhuwiex fiż-ŻEE. 2. Evidenza li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ikunu
ġew issodisfati għandha tkun fornita lill-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż importatur billi jiġi pprovdut: (a) dokument
wieħed tat-trasport li jkopri l-passaġġ mill-pajjiż
esportatur għall-pajjiż tat-tranżitu; jew (b) ċertifikat
maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tat-tranżitu: (i) li
jagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti; (ii) li
jiddikjara d-dati tal-ħatt u tat-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti
u, fejn applikabbli, l-ismijiet tal-bastimenti, jew tal-mezzi l-oħra
tat-trasport użati; kif ukoll (iii) li
jiċċertifika l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jkunu baqgħu
fil-pajjiż tat-tranżitu; jew (c) fin-nuqqas
ta' dawn, kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn. Artikolu 13 Wirjiet 1. Prodotti oriġinarji, mibgħuta għall-wiri
f’pajjiż ieħor għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3 li
għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni u li jinbiegħu wara l-wirja
sabiex jiġu importati fiż-ŻEE, fil-mument tal-importazzjoni
jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim sakemm jiġi muri għas-sodisfazzjon
tal-awtoritajiet doganali li: (a) esportatur
ikun ikkonsenja dawn il-prodotti minn wieħed mill-Partijiet Kontraenti
għall-pajjiż li fih tkun qed issir il-wirja u li jkun urihom hemm; (b) il-prodotti
jkunu nbiegħu jew b'xi mod ieħor ikunu ngħataw mingħand dan
l-esportatur lil persuna f'Parti Kontraenti oħra; (c) il-prodotti
jkunu ġew ikkonsenjati matul il-wirja jew eżatt wara fl-istat li fih
dawn ikunu ntbagħtu għall-wirja; kif ukoll (d) minn
meta ġew ikkonsenjati għall-wirja l-prodotti ma jkunux intużaw
għal xi skop għajr dak ta’ esibizzjoni fil-wirja. 2. Prova ta' oriġini tinħareġ jew tkun magħmula
skont id-disposizzjonijiet tat-Titolu V u ppreżentata
lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur b'mod normali. L-isem u
l-indirizz tal-wirja jkunu indikati fuqha. Fejn meħtieġ, tista'
tintalab evidenza dokumentata addizzjonali tal-kundizzjonijiet li fihom
il-prodotti kienu ġew eżebiti. 3. Il-paragrafu 1 japplika għal kwalunkwe wirja
kummerċjali, industrijali, agrikola jew tal-artiġġjanat, fiera
jew esibizzjoni jew wirja pubblika simili li ma tkunx organizzata għal
skopijiet privati fi ħwienet jew postijiet ta’ negozju bil-għan ta’
bejgħ ta’ prodotti barranin, u li matulha l-prodotti jibqgħu
taħt kontroll doganali. TITOLU IV RIFUŻJONI JEW EŻENZJONI Artikolu 14 Projbizzjoni ta' rifużjoni ta'
dazji doganali jew eżenzjoni minnhom 1. Materjali li mhumiex oriġinarji użati fil-manifattura
ta' prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed
mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom
tinħareġ jew issir prova ta' oriġini skont id-dispożizzjonijiet
tat-Titolu V ma jkunux soġġetti fi kwalunkwe Parti Kontraenti
għal rifużjoni ta', jew eżenzjoni minn, dazji doganali ta'
kwalunkwe tip. 2. Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 tapplika għal kull
arranġament għal rifużjoni, remissjoni jew nuqqas, parzjali jew
sħiħ tal-ħlas tad-dazji jew imposti doganali b'effett
ekwivalenti, applikabbli fi kwalunkwe Parti Kontraenti għal materjali
użati fil-manifattura, fejn japplikaw tali rifużjoni, remissjoni jew
nuqqas ta' ħlas, espressament jew effettivament, meta l-prodotti miksuba
mill-materjali msemmija jiġu esportati u mhux meta jinżammu hemmhekk
għall-użu domestiku. 3. L-esportatur ta' prodotti li huma koperti bi prova ta'
oriġini jkun lest li jippreżentaw fi kwalunkwe mument, fuq talba
tal-awtoritajiet doganali, id-dokumenti xierqa kollha li jagħtu prova li
ma tkun inkisbet l-ebda rifużjoni fir-rigward ta' materjal mhux
oriġinarju użat fil-manifattura tal-prodotti kkonċernati u li
d-dazji jew l-imposti doganali kollha b'effett ekwivalenti applikabbli
għal dawn it-tipi ta' materjali jkunu fil-fatt ġew imħallsa. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 japplikaw
ukoll fir-rigward tal-imballaġar skont l-Artikolu 7(2),
aċċessorji, parts u għodod skont l-Artikolu 8 u l-prodotti
f'sett skont l-Artikolu 9 meta dawn it-tipi ta' oġġetti ma
jkunux oriġinarji. 5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 japplikaw biss
fir-rigward ta' materjali li huma tat-tip li għalihom japplika l-Ftehim.
Barra minn hekk, ma għandhomx jipprekludu l-applikazzjoni ta' sistema ta'
rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal prodotti agrikoli, applikabbli
fil-mument tal-esportazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. TITOLU V PROVA TA’ ORIĠINI Artikolu 15 Rekwiżiti ġenerali 1. Prodotti oriġinarji, fil-mument ta’ importazzjoni
f'waħda mill-Partijiet Kontraenti, jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet
tal-Ftehim hekk kif titressaq waħda minn dawn il-provi ta' oriġini li
ġejjin: (a) ċertifikat
ta' moviment EUR 1, li eżempju tiegħu jidher
fl-Anness IIIa; (b) ċertifikat
ta' moviment EUR-MED, li eżempju tiegħu jidher fl-Anness IIIb; (c) fil-każijiet
speċifikati fl-Artikolu 21(1), dikjarazzjoni, minn hawn 'il quddiem
imsejħa bħala id-"dikjarazzjoni fuq fattura" jew
id-"dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED", mogħtija mingħand
l-esportatur fuq fattura, nota tal-konsenja jew kwalunkwe dokument
kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-prodotti kkonċernati f'dettal
suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati; it-testi
tad-dikjarazzjonijiet tal-fatturi jidhru fl-Annessi IVa u b. 2. Minkejja l-paragrafu 1, prodotti oriġinarji skont
it-tifsira ta' dan il-Protokoll, fil-każijiet speċifikati
fl-Artikolu 26, jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim
mingħajr il-ħtieġa li jiġi ppreżentat kwalunkwe
wieħed mill-provi ta' oriġini msemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 16 Proċedura
għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED 1. Ċertifikat ta' moviment EUR 1 jew EUR-MED
jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur
fil-mument li l-applikazzjoni tkun saret bil-miktub mingħand l-esportatur
jew, taħt ir-responsabbiltà tal-esportatur, mir-rappreżentant
awtorizzat tiegħu. 2. Għal dan l-għan, l-esportatur jew ir-rappreżentant
awtorizzat tiegħu għandu jimla' kemm iċ-ċertifikat ta'
moviment EUR.1 jew EUR-MED kif ukoll il-formola tal-applikazzjoni, li
eżempji tagħhom jidhru fl-Annessi IIIa u b. Dawn il-formoli
jimtlew f'waħda mill-lingwi li fihom tfassal dan il-Ftehim u skont
id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż esportatur.
Jekk il-formoli jkunu bil-miktub, jimtlew bil-linka b'karattri stampati.
Id-deskrizzjoni tal-prodotti tingħata fil-kaxxa riżervata għal
dan il-għan mingħajr ma jitħallew ebda linji vojta. Meta l-kaxxa
ma tkunx mimlija għalkollox, tinqata' linja orizzontali taħt
l-aħħar deskrizzjoni u l-ispazju vojt għandu jiġi ingassat. 3. L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta'
ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED ikun lest li fi kwalunkwe waqt
jippreżenta, fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż
esportatur li minnu jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' moviment
EUR.1 jew EUR-MED, id-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova
tal-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati kif ukoll dwar
it-twettieq tar-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll. 4. Bla ħsara għall-paragrafu 5, ċertifikat ta'
moviment EUR.1 jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Parti
Kontraenti fil-każijiet li ġejjin: –
jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu
jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew
f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(1) u li
għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni
tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw f'wieħed
mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), u jissodisfaw
ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll, –
jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu
jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi
msemmija fl-Artikolu 3(2) li għalihom hija applikabbli
l-kumulazzjoni, mingħajr applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li
joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3, u
jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll, bil-kundizzjoni
li ċ-ċertifikat EUR-MED jew id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED
ikunu nħarġu fil-pajjiż tal-oriġini. 5. Ċertifikat ta' moviment EUR-MED jinħareġ
mill-awtoritajiet doganali ta' Parti Kontraenti, jekk il-prodotti
kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw
fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, u
jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll u: –
il-kumulazzjoni tkun ġiet applikata
għall-materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3(2), jew –
il-prodotti jistgħu jintużaw bħala
materjali fil-kuntest tal-kumulazzjoni għall-manifattura ta' prodotti
għall-esportazzjoni lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3(2), jew –
il-prodotti jistgħu jiġu esportati
mill-ġdid mill-pajjiż destinatarju lejn wieħed mill-pajjiżi
msemmija fl-Artikolu 3(2). 6. Ċertifikat ta' moviment EUR-MED ikollu fih waħda
mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin bl-Ingliż fil-kaxxa 7: –
jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz
tal-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw
f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3: “CUMULATION APPLIED
WITH ………” (isem tal-pajjiż/pajjiżi) –
jekk l-oriġini tkun inkisbet mingħajr
l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw
f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3: “NO CUMULATION
APPLIED” 7. L-awtoritajiet doganali li joħorġu
ċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jieħdu l-passi
kollha meħtieġa sabiex jivverifikaw l-istatus oriġinarju
tal-prodotti u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra ta' dan
il-Protokoll. Għal dan il-għan, huma għandhom id-dritt li
jsejħu kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet
tal-esportatur jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq. Huma jiżguraw
ukoll li l-formoli msemmija fil-paragrafu 2 jimtlew kif suppost. B’mod
partikolari, huma jikkontrollaw jekk l-ispazju riżervat
għad-deskrizzjoni tal-prodotti jkunx imtela b’tali mod li tiġi
eskluża kull possibilità ta’ żidiet qarrieqa. 8. Id-data ta' ħruġ taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1
jew EUR-MED tkun indikata fil-Kaxxa 11 taċ-ċertifikat. 9. Ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jinħareġ
mill-awtoritajiet doganali u jkun disponibbli għall-esportatur hekk kif
l-esportazzjoni nnifisha tkun seħħet jew tiġi żgurata. Artikolu 17 Ċertifikati ta' moviment EUR.1
jew EUR-MED maħruġa retrospettivament 1. Minkejja l-Artikolu 16(9), ċertifikat ta' moviment EUR.1
jew EUR-MED jista' jinħareġ b'mod eċċezzjonali wara
l-esportazzjoni tal-prodotti relatati miegħu jekk: (a) ma
kienx maħruġ fil-ħin tal-esportazzjoni minħabba żbalji
jew ommissjonijiet involontarji jew ċirkustanzi speċjali; jew (b) jintwera
għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali li kien inħareġ
ċertifikat ta’ moviment EUR.1 jew EUR-MED iżda li ma kienx ġie
aċċettat fil-mument tal-importazzjoni minħabba raġunijiet
tekniċi. 2. Minkejja dak li hemm fl-Artikolu 16(9), ċertifikat ta'
moviment EUR-MED jista' jinħareġ wara l-esportazzjoni tal-prodotti
relatati miegħu u li għalihom inħareġ ċertifikat ta'
moviment EUR.1 fil-mument tal-esportazzjoni, bil-kundizzjoni li jintwera
għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali li l-kundizzjonijiet
imsemmija fl-Artikolu 16(5) ikunu ġew issodisfati. 3. Għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-esportatur
irid jindika fl-applikazzjoni tiegħu l-post u d-data tal-esportazzjoni
tal-prodotti relatati maċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED,
u jiddikjara r-raġunijiet għat-talba tiegħu. 4. L-awtoritajiet doganali jistgħu joħorġu
ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED retrospettivament biss wara li
jkunu vverifikaw li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni
tal-esportatur taqbel ma' dik tal-fajl korrispondenti. 5. Ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED maħruġa
retrospettivament jiġu approvati b'din il-frażi bl-Ingliż: "ISSUED
RETROSPECTIVELY' Ċertifikati
ta' moviment EUR-MED maħruġa retrospettivament bl-applikazzjoni
tal-paragrafu 2 jiġu approvati b'din il-frażi bl-Ingliż: ISSUED
RETROSPECTIVELY (Original EUR.1 No …......[data u post tal-ħruġ] 6. L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 tiddaħħal
fil-kaxxa 7 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED. Artikolu 18 Ħruġ ta' ċertifikat ta'
moviment EUR.1 jew EUR-MED duplikat. 1. F'każ ta’ serq, telf jew qerda ta’ ċertifikat ta’
moviment EUR.1, l-esportatur jista’ japplika mal-awtoritajiet doganali li jkunu
ħarġu ċ-ċertifikat għal kopja magħmula fuq
il-bażi tad-dokumenti ta’ esportazzjoni fil-pussess tagħhom. 2. Il-kopja
maħruġa b'dan il-mod tiġi approvata b'din il-kelma
bl-Ingliż li ġejja: “DUPLICATE” 3. L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tiddaħħal
fil-kaxxa 7 tal-kopja taċ-ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew
EUR-MED. 4. Il-kopja, li jrid ikollha d-data ta' ħruġ
taċ-ċertifikat oriġinali ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED,
tidħol fis-seħħ minn dik id-data. Artikolu 19 Ħruġ ta' ċertifikati
ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED abbażi ta’ prova ta' oriġini
maħruġa jew magħmula preċedentement Meta prodotti
oriġinarji jitqiegħdu taħt il-kontroll ta’ uffiċċju
doganali fil-Partijiet Kontraenti, jkun possibbli li l-prova ta' oriġini
oriġinali tiġi sostitwita b'ċertifikat wieħed jew aktar ta’
moviment EUR.1 jew EUR-MED bil-għan li dawn il-prodotti kollha jew
uħud minnhom jintbagħtu x’imkien ieħor fiż-ŻEE.
Iċ-ċertifikat(i) sostitwit(i) ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED
jinħareġ/jinħarġu mill-uffiċċju doganali li
taħt il-kontroll tiegħu jkunu tqiegħdu l-prodotti. Artikolu 20 Segregazzjoni kontabilistika 1. Meta jinqalgħu spejjeż jew diffikultajiet materjali
konsiderevoli fiż-żamma ta’ stokks separati ta’ materjali
oriġinarji u mhux oriġinarji li huma identiċi u li jistgħu
jieħdu post xulxin, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba
bil-miktub mingħand dawk ikkonċernati, jawtorizzaw l-użu
tal-metodu hekk-imsejjaħ "segregazzjoni kontabilistika" (minn
issa 'l quddiem il-"metodu") fil-ġestjoni ta’ dawn l-istokks. 2. Il-metodu jrid ikun kapaċi jiżgura li, għal perjodu
ta' referenza speċifiku, in-numru ta' prodotti miksuba li jistgħu
jitqiesu bħala “oriġinarji” huwa l-istess bħal dak li kien
jinkiseb li kieku kien hemm segregazzjoni fiżika tal-istokks 3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni
msemmija fil-paragrafu 1, skont kwalunkwe kundizzjoni li titqies xierqa. 4. Il-metodu jiġi applikat u fuq l-applikazzjoni tiegħu
tiġi rreġistrata, abbażi tal-prinċipji ġenerali
tal-kontabilità applikabbli fil-pajjiż, fejn il-prodott ikun ġie
mmanifatturat. 5. Il-benefiċjarju tal-metodu jista' jagħmel il-provi ta'
oriġini jew japplika għalihom, skont il-każ, għall-kwantità
ta' prodotti li jistgħu jitqiesu oriġinarji. Fuq it-talba
tal-awtoritajiet doganali, il-benefiċjarju jipprovdi dikjarazzjoni dwar
il-ġestjoni tal-kwantitajiet. 6. L-awtoritajiet doganali jissorveljaw l-użu li sar
mill-awtorizzazzjoni u jistgħu jirtirawha meta l-benefiċjarju
jagħmel użu li mhuwiex xieraq mill-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe mod
possibbli jew jonqos milli jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni oħra stipulata
f'dan il-Protokoll. Artikolu 21 Kundizzjonijiet għat-tfassil ta'
dikjarazzjoni fuq fattura jew ta' dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED 1. Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED
kif imsemmija fl-Artikolu 15(1)(c) tista' titfassal: (a) minn
esportatur approvat skont l-Artikolu 22; jew (b) minn
kull esportatur għal kwalunkwe konsenja li tikkonsisti f’pakkett
wieħed jew aktar li jkun fihom prodotti oriġinarji li l-valur totali
tagħhom ma jaqbiżx is-EUR 6000. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, dikjarazzjoni fuq
fattura tista' titfassal fil-każijiet li ġejjin: – jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala
prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed
mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(1) li għalihom hija
applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq
materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3(2), u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan
il-Protokoll; – jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala
prodotti li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3(2) li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni,
mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw
f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u jissodisfaw
ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll, bil-kundizzjoni li
ċ-ċertifikat EUR-MED jew id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED ikunu
nħarġu fil-pajjiż tal-oriġini. 3. Dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED tista' ssir jekk il-prodotti
kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw
fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, u li
jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-Protokoll u: – il-kumulazzjoni tkun ġiet applikata għall-materjali li
joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2),
jew – il-prodotti jistgħu jintużaw bħala materjali fil-kuntest
tal-kumulazzjoni għall-manifattura ta' prodotti li huma
għall-esportazzjoni lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3(2), jew – il-prodotti jistgħu jiġu esportati mill-ġdid mill-pajjiż
destinatarju lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2). 4. Dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED jkun fiha waħda minn dawn
id-dikjarazzjonijiet bl-Ingliż li ġejjin: – jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz tal-applikazzjoni
tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw f'wieħed jew
aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3: “CUMULATION APPLIED
WITH ………” (isem tal-pajjiż/pajjiżi) – jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz tal-applikazzjoni
tal-kumulazzjoni għall-materjali li joriġinaw f'wieħed jew aktar
mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3: “NO CUMULATION
APPLIED”. 5. L-esportatur li jimla dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni
fuq fattura EUR-MED jkun lest li jippreżenta fi kwalunkwe waqt, fuq talba
tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur, id-dokumenti kollha
xierqa li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-prodotti
kkonċernati kif ukoll li qegħdin jiġu ssodisfati
r-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll. 6. Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED
issir mill-esportatur billi jittajpja, jistampa jew jittimbra fuq il-fattura,
in-nota tal-konsenja jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor,
id-dikjarazzjoni, li t-testi tagħhom jidhru fl-Annessi IVa u b,
bl-użu ta' waħda mill-verżjonijiet lingwistċi stipulati
f'dawn l-Annessi u skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali
tal-pajjiż esportatur. Jekk id-dikjarazzjoni tkun bil-miktub, tinkiteb
bil-linka b’karattri stampati. 7. Id-dikjarazzjonijiet fuq fattura jew id-dikjarazzjonijiet fuq
fattura EUR-MED ikollhom il-firma oriġinali magħmula bil-miktub
mill-esportatur. Madankollu, esportatur approvat skont l-Artikolu 22
mhuwiex meħtieġ li jiffirma dawn it-tipi ta’ dikjarazzjonijiet sakemm
ikun ipprovda lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur b'impenn
bil-miktub li fih huwa jaċċetta li jieħu r-responsabbiltà kollha
għal kwalunkwe dikjarazzjoni fuq fattura li tidentifikah bħala li
kienet iffirmata minnu bil-miktub. 8. Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED
tista' ssir mill-esportatur fil-mument tal-esportazzjoni tal-prodotti relatati
magħha, jew wara l-esportazzjoni bil-kundizzjoni li din tiġi
ppreżentata fil-pajjiż importatur sa mhux aktar tard minn sentejn
wara l-importazzjoni tal-prodotti relatati magħha. Artikolu 22 Esportatur approvat 1. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur jistgħu
jawtorizzaw lil kwalunkwe esportatur (minn issa 'l quddiem “l-esportatur
approvat”), li jagħmel konsenji spissi ta' prodotti li jaqgħu
taħt il-Ftehim li jimla dikjarazzjonijiet fuq fattura jew dikjarazzjonijiet
fuq fattura EUR-MED irrispettivament mill-valur tal-prodotti kkonċernati.
Esportatur li jkun irid din it-tip ta’ awtorizzazzjoni joffri,
għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, il-garanziji kollha
meħtieġa sabiex dawn jivverifikaw l-istatus oriġinarju
tal-prodotti kif ukoll li qegħdin jiġu ssodisfati r-rekwiżiti
l-oħra ta' dan il-Protokoll. 2. L-awtortajiet doganali jistgħu jagħtu l-istatus ta’
esportatur approvat skont kwalunkwe kundizzjoni li huma jqisu xierqa. 3. L-awtoritajiet doganali jagħtu lill-esportatur approvat
numru ta' awtorizzazzjoni doganali li jkun jidher fuq id-dikjarazzjoni
tal-fattura jew fid-dikjarazzjoni tal-fattura EUR-MED. 4. L-awtoritajiet doganali jissorveljaw l-użu
tal-awtorizzazzjoni mill-esportatur approvat. 5. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni
fi kwalunkwe waqt. Huma jagħmlu dan meta l-esportatur approvat ma joffrix
iżjed il-garanziji msemmija fil-paragrafu 1, ma jissodisfax aktar
il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew inkella jkun qed
jagħmel użu skorrett mill-awtorizzazzjoni. Artikolu 23 Validità tal-prova ta' oriġini 1. Prova ta' oriġini tibqa' valida għal erba' xhur
mid-data tal-ħruġ fil-pajjiż esportatur u tkun ippreżentata
matul il-perjodu msemmi lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur. 2. Provi ta’ oriġini li jiġu ppreżentati
lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur wara d-data finali
għall-preżentazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1
jistgħu jiġu aċċettati bil-għan li jiġi applikat
trattament preferenzjali, f'każi fejn in-nuqqas ta’ preżentazzjoni
ta’ dawn id-dokumenti sad-data finali stabbilita jkun dovut għal
ċirkostanzi eċċezzjonali. 3. F’każijiet oħrajn ta’ preżentazzjoni li tkun saret
tard, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni jistgħu
jaċċettaw il-provi ta' oriġini meta l-oġġetti jkunu
ġew ippreżentati lilhom qabel id-data finali msemmija. Artikolu 24 Preżentazzjoni ta' prova ta'
oriġini Il-provi ta'
oriġini jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż tal-importazzjoni skont il-proċeduri applikabbli f’dak
il-pajjiż. L-awtoritajiet imsemmija jistgħu jitolbu traduzzjoni
tal-prova ta' oriġini u jistgħu jitolbu wkoll li d-dikjarazzjoni ta'
importazzjoni tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni mingħand l-importatur li fiha
jiddikjara li l-prodotti jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa
għall-implementazzjoni tal-Ftehim. Artikolu 25 Importazzjoni gradwali Meta, fuq talba
tal-importatur u skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż importatur, prodotti żarmati jew mhux armati skont
ir-Regola Ġenerali 2(a) tas-Sistema Armonizzata li jaqgħu
taħt it-Taqsimiet XVI u XVII jew l-intestaturi 7308 u 9406
tas-Sistema Armonizzata jiġu importati gradwalment, prova waħda ta'
oriġini għal dawn il-prodotti tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet
doganali hekk kif issir l-importazzjoni tal-ewwel konsenja. Artikolu 26 Eżenzjonijiet minn prova ta'
oriġini 1. Il-prodotti mibgħuta bħala pakketti żgħar
minn persuni privati lil persuni privati jew li jagħmlu parti mill-bagalji
personali ta' vjaġġaturi jkunu ammessi bħala prodotti
oriġinarji mingħajr il-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta'
prova ta' oriġini, sakemm dawn il-prodotti ma jkunux importati bi
ħsieb ta' kummerċ u jkunu ġew iddikjarati li jissodisfaw
ir-rekwiżiti ta' dan il-Protokoll u meta ma jkun hemm l-ebda dubju dwar
il-verità ta' din id-dikjarazzjoni. Fil-każ ta' prodotti mibgħuta
bil-posta, din id-dikjarazzjoni tista' ssir fuq id-dikjarazzjoni doganali
NM22/NM23 jew fuq karta mehmuża ma' dan id-dokument. 2. Importazzjonijiet li ma jkunux regolari u li jikkonsistu biss minn
prodotti li huma għall-użu personali tad-destinatarji jew
tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom ma jitqiesux bħala
importazzjonijiet bi skop kummerċjali jekk ikun evidenti min-natura u
l-kwantità tal-prodotti li ma hemm ebda skop kummerċjali. 3. Barra minn hekk, il-valur totali ta' dawn il-prodotti
m'għandux jaqbeż il-EUR 500 fil-każ ta' pakketti
żgħar jew Eur 1200 fil-każ ta' prodotti li jagħmlu
parti mill-bagalji personali ta' vjaġġaturi. Artikolu 27 Dikjarazzjoni ta' fornitur 1. Meta jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR.1, jew
issir dikjarazzjoni fuq fattura, f'waħda mill-Partijiet Kontraenti
għal prodotti oriġinarji, li fil-manifattura tagħhom ikunu
ntużaw oġġetti li jkunu ġejjin minn Partijiet Kontraenti
oħra li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fiż-ŻEE
mingħajr ma jkunu kisbu status oriġinarju preferenzjali, tiġi
meqjusa d-dikjarazzjoni tal-fornitur mogħtija fir-rigward ta' dawn
il-prodotti skont dan l-Artikolu. 2. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur imsemmija fil-paragrafu 1
isservi bħala evidenza tal-ħidma jew l-ipproċessar li jkunu saru
fiż-ŻEE fuq l-oġġetti kkonċernati bil-għan li
jiġi determinat jekk il-prodotti li fil-manifattura tagħhom ikunu
ntużaw dawn l-oġġetti jkunux jistgħu jitqiesu bħala
prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE u jekk jissodisfawx
ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll. 3. Ħlief f'każijiet previsti fil-paragrafu 4,
dikjarazzjoni separata tal-fornitur tiġi mfassla mill-fornitur għal
kull konsenja ta' oġġetti fil-forma preskritta fl-Anness V fuq
karta mehmuża mal-fattura, man-nota tal-konsenja jew ma' kwalunkwe
dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-oġġetti
kkonċernati b'dettall suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu
identifikati. 4. Fil-każijiet fejn fornitur li jipprovdi regolarment
lill-klijent partikolari b’oġġetti li l-ħidma jew
ipproċessar li jkun saritilhom fiż-ŻEE huma mistennija li
jibqgħu kostanti għal perjodi konsiderevoli ta’ żmien, dan
jista’ jipprovdi dikjarazzjoni waħda tal-fornitur sabiex tkopri konsenji
sussegwenti ta’ dawk l-oġġetti, minn issa ’l quddiem imsejħa
bħala “dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil”. Dikjarazzjoni
ta' fornitur għal perjodu twil normalment tista' tkun valida għal
perjodu ta' mhux aktar minn sena mid-data tat-tfassil tad-dikjarazzjoni.
L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn titfassal id-dikjarazzjoni
jistipulaw il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw
perjodi itwal. Id-dikjarazzjoni
ta' fornitur għal perjodu twil timtela mill-fornitur fil-forma preskritta
fl-Anness VI u għandha tiddeskrivi l-oġġetti kkonċernati
f'dettal suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati. Din
tiġi pprovduta lill-klijent ikkonċernat qabel ma jiġi fornit
bl-ewwel konsenja ta' oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni jew
flimkien mal-ewwel konsenja tiegħu. Il-fornitur
jinforma lill-klijent tiegħu immedjatament jekk id-dikjarazzjoni
tal-fornitur għal perjodu twil ma tkunx aktar applikabbli
għall-oġġetti li jiġu fornuti. 5. Id-dikjarazzjoni ta' fornitur imsemmija fil-paragrafi 3 u 4
tiġi ttajpjata jew stampata f'waħda mil-lingwi li fihom tfassal dan
il-Ftehim, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali
tal-pajjiż fejn titfassal, u jkollha fuqha l-firma oriġinali
magħmula bil-miktub mill-fornitur. Id-dikjarazzjoni tista' ssir ukoll
bil-miktub; f'dan il-każ, tinkiteb bil-linka f'karattri stampati. 6. Il-fornitur li jfassal id-dikjarazzjoni irid ikun lest li
jippreżenta fi kwalunkwe waqt, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż fejn issir id-dikjarazzjoni, id-dokumenti kollha xierqa li
jagħtu prova li l-informazzjoni mogħtija f'din id-dikjarazzjoni tkun
korretta. Artikolu 28 Dokumenti ta’ sostenn Id-dokumenti
msemmija fl-Artikoli 16(3), 21(5) u 27(6) użati bħala prova li
l-prodotti koperti b'ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED, jew
b'dikjarazzjoni fuq fattura jew b'dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED
jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw miż-ŻEE
jew minn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u li
jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll u li
l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni ta' fornitur hija korretta,
jistgħu jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn dawn li ġejjin: (a) evidenza
diretta tal-proċessi mwettqa mill-esportatur jew mill-fornitur sabiex
jinkisbu l-oġġetti kkonċernati, li pereżempju jkunu jinsabu
fil-kontijiet jew fiż-żamma tal-kotba interni tiegħu; (b) dokumenti li
jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-materjali użati,
maħruġa jew magħmula fil-Parti Kontraenti fejn jintużaw
dawn id-dokumenti skont il-liġi nazzjonali; (c) dokumenti li
jagħtu prova tal-ħidma jew l-ipproċessar tal-materjali
fiż-ŻEE, maħruġa jew magħmula fil-Parti Kontraenti
fejn jintużaw dawn id-dokumenti skont il-liġi nazzjonali; (d) ċertifikati
ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew dikjarazzjonijiet fuq fattura jew
dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED li jagħtu prova tal-istatus
oriġinarju tal-materjali użati, maħruġa jew magħmula
fil-Partijiet Kontraenti skont dan il-Protokoll, jew f'wieħed
mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3, skont ir-regoli ta' oriġini
li huma identiċi mar-regoli f'dan il-Protokoll. (e) dikjarazzjonijiet
ta' fornitur li jagħtu prova li l-ħidma jew l-ipproċessar li
saru fiż-ŻEE skont il-materjali użati, magħmula
fil-Partijiet Kontraenti skont dan il-Protokoll; (f) evidenza
xierqa dwar il-ħidma jew l-ipproċessar li twettqu lil hinn
miż-ŻEE permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11, li
tagħti prova li r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu ġew issodisfati. Artikolu 29 Preservazzjoni tal-prova ta'
oriġini, tad-dikjarazzjoni tal-fornitur u tad-dokumenti ta' sostenn 1. L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta' ċertifikat
ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED iżomm id-dokumenti msemmija
fl-Artikolu 16(3) għal mill-anqas tliet snin. 2. L-esportatur li jimla dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni
fuq fattura EUR-MED iżomm kopja ta' din id-dikjarazzjoni fuq fattura kif
ukoll id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 21(5) għal mill-anqas tliet
snin. 3. Il-fornitur li jfassal dikjarazzjoni ta’ fornitur iżomm
għal mill-inqas tliet snin kopji tad-dikjarazzjoni u tal-fattura, noti
tal-konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li magħhom tkun
mehmuża din id-dikjarazzjoni kif ukoll id-dokumenti msemmija
fl-Artikolu 27(6). Il-fornitur
li jfassal dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil iżomm
għal mill-anqas tliet snin kopji tad-dikjarazzjoni u ta' kull fattura,
nota tal-konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li jikkonċernaw
l-oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni mibgħuta lill-klijent
ikkonċernat, kif ukoll id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 27(6).
Il-perjodu jibda mid-data meta tintemm il-validità tad-dikjarazzjoni ta'
fornitur għal perjodu twil. 4. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur li
joħorġu ċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED
iżommu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 16(2) għal mill-anqas
tliet snin. 5. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur iżommu
għal mill-anqas tliet snin iċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u
EUR-MED kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fuq fattura u d-dikjarazzjonijiet fuq
fattura EUR-MED li ġew ippreżentati lilhom. Artikolu 30 Diskrepanzi u żbalji formali 1. Is-sejba ta’ diskrepanzi żgħar bejn id-dikjarazzjonijiet
magħmula fil-prova ta' oriġini u dawk magħmula fid-dokumenti
ppreżentati lill-uffiċċju doganali bil-għan li jitwettqu
l-formalitajiet għall-importazzjoni tal-prodotti, ma tagħmilx ipso
facto l-prova ta' oriġini nulla u bla effett jekk ikun stabbilit kif
xieraq li dan id-dokument fil-fatt jikkorrispondi għall-prodotti
sottomessi. 2. Żbalji formali li huma ovvji bħalma huma żbalji
tal-ittajpjar fuq prova ta' oriġini ma għandhomx iwasslu biex dan
id-dokument jiġi rifjutat jekk dawn l-iżbalji ma jkunux tali li
joħolqu dubji dwar il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula
f’dan id-dokument. Artikolu 31 Ammonti espressi f’euro 1. Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 21(1)(b) u tal-Artikolu 26(3) f'każijiet fejn
il-prodotti huma ffatturati f'munita li mhijiex l-euro, l-ammonti fil-muniti
nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi msemmija
fl-Artikolu 3 li huma ekwivalenti għall-ammonti espressi f'euro
jiġu ffissati darba fis-sena mill-pajjiżi kkonċernati. 2. Konsenja tibbenefika mid-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 21(1)(b) jew l-Artikolu 26(3) b’referenza
għall-munita li fiha titfassal il-fattura, skont l-ammont stabbilit
mill-pajjiż ikkonċernat. 3. L-ammonti li għandhom jintużaw fi kwalunkwe munita
nazzjonali jkunu ekwivalenti f'dik il-munita għall-ammonti espressi f'euro
fl-ewwel ġurnata tax-xogħol f'Ottubru ta' kull sena. L-ammonti
jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Ottubru u
japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni Ewropea
tinnotifika lill-pajjiżi kollha kkonċernati bl-ammonti rilevanti. 4. Pajjiż jista' jnaqqas jew iżid l-ammont li
jirriżulta mill-iskambju għall-munita nazzjonali tiegħu ta'
ammont espress f'euro. L-ammont mogħti għad-dritt jista' ma jkunx
differenti mill-ammont li jirriżulta mill-konverżjoni b’aktar minn
5 %. Pajjiż jista’jżomm bla ma tinbidel l-ekwivalenti tal-munita
nazzjonali għal ammont espress f’euro jekk, fiż-żmien
tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 3,
il-konverżjoni ta’ dak l-ammont, qabel ma nqata' għad-dritt,
tirriżulta f’żieda ta’ anqas minn 15 % fl-ekwivalenti tal-munita
nazzjonali. L-ekwivalenti tal-munita nazzjonali tista' tinżamm bla ma
tinbidel jekk il-konverżjoni tirriżulta fi tnaqqis ta' dak il-valur
ekwivalenti. 5. L-ammonti espressi f’ewro jiġu rriveduti mill-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE fuq talba tal-Partijiet Kontraenti. Meta jwettaq
din ir-reviżjoni, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jqis is-siwi
li l-effetti ta’ dawn il-limiti jiġu ppreservati f'termini reali.
Għal dan il-għan, jista’ jiddeċiedi li jimmodifika l-ammonti
espressi f’euro. TITOLU VI ARRANĠAMENTI GĦALL-KOOPERAZZJONI
AMMINISTRATTIVA Artikolu 32 Kooperazzjoni amministrattiva 1. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jipprovdu lil
xulxin, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, b'kopji eżemplari tat-timbri
użati fl-uffiċċji doganali tagħhom
għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u
EUR-MED, flimkien mal-indirizzi tal-awtoritajiet doganali responsabbli li
jivverifikaw dawn iċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet fuq fattura, u
d-dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED jew id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri. 2. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta' dan
il-Protokoll, il-Partijiet Kontraenti jgħinu lil xulxin, permezz
tal-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-kontroll tal-awtentiċità
taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u EUR-MED, tad-dikjarazzjonijiet
ta' fatturi u tad-dikjarazzjonijiet ta' fatturi EUR-MED jew
tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u l-korrettezza tal-informazzjoni
mogħtija f'dawn id-dokumenti. Artikolu 33 Verifika tal-provi ta' oriġini 1. Verifiki sussegwenti tal-provi ta' oriġini għandhom
jitwettqu għall-għarrieda jew meta l-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż importatur ikollom dubju raġonevoli fir-rigward
tal-awtentiċità ta' dawn id-dokumenti, l-istatus oriġinarju
tal-prodotti kkonċernati jew tat-twettiq tar-rekwiżiti l-oħra
ta' dan il-Protokoll. 2. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1,
l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur jibagħtu lura
ċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED u l-fattura, jekk din
tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni fuq fattura jew
id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED, jew kopja ta’ dawn id-dokumenti,
lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur filwaqt li jagħtu,
fejn xieraq, ir-raġunijiet għat-talba tal-verifika. Kwalunkwe
dokument u informazzjoni miksuba li jissuġġerixxu li l-informazzjoni
mogħtija fil-prova ta' oriġini hija żbaljata jintbagħatu
sabiex isostnu t-talba għall-verifika. 3. Il-verifika għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż
esportatur. Għal dan il-għan, huma jkollhom id-dritt li jsejħu
kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur
jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq. 4. Jekk l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur
jiddeċiedu li jissospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali
lill-prodotti kkonċernati waqt li jkunu qed jistennew ir-riżultati
tal-verifika, lill-importatur jiġi offrut ir-rilaxx tal-prodotti
soġġetti għal kull miżura ta' prekwazzjoni li huma
jidhrilhom meħtieġa. 5. L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika jkunu informati
bir-riżultati ta' din il-verifika malajr kemm jista' jkun. Dawn
ir-riżultati jindikaw b’mod ċar jekk id-dokumenti humiex
awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jiġu
kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew
f’wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u jekk jissodisfawx
ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Protokoll. 6. Jekk f’każijiet ta’ dubju raġonevoli ma jkun hemm l-ebda
risposta fi żmien 10 xhur mid-data tat-talba għall-verifika jew jekk
ir-risposta ma jkunx fiha informazzjoni biżżejjed biex tiġi
determinata l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni jew l-oriġini vera
tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għandhom, ħlief
f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw id-dritt
għall-preferenza. Artikolu 34 Verifika tad-dikjarazzjonijiet ta'
fornitur 1. Il-verifiki sussegwenti ta' dikjarazzjonijiet ta' fornitur jew ta'
dikjarazzjonijiet ta' fornitur għal perjodu twil jistgħu jitwettqu
għall-għarrieda jew kull meta l-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż, fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ġew meqjusa sabiex
jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR 1 jew EUR-MED jew sabiex
titfassal dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED,
ikollhom dubji raġonevoli fuq l-awtentiċità tad-dokument jew dwar
il-korrettezza tal-informazzjoni mogħtija f'dan id-dokument. 2. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1,
l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1
jirritornaw id-dikjarazzjoni u l-fattura(i) tal-fornitur, in-nota(i) ta'
konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li jikkonċernaw
oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni, lill-awtoritajiet doganali
tal-pajjiż fejn tkun saret din id-dikjarazzjoni, filwaqt li jagħtu,
fejn xieraq, ir-raġunijiet ta' sustanza jew ta' forma għat-talba
għall-verifika. Bħala sostenn
tat-talba għall-verifika sussegwenti, huma jibagħtu kwalunkwe
dokumenti u informazzjoni miksuba li jissuġġerixxu li l-informazzjoni
mogħtija fid-dikjarazzjoni tal-fornitur mhijiex korretta. 3. Il-verifika titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż
fejn tkun saret id-dikjarazzjoni tal-fornitur. Għal dan il-għan, huma
jkollhom id-dritt li jsejħu għal kwalunkwe evidenza u jwettqu
kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-fornitur jew kwalunkwe kontroll ieħor
meqjus xieraq. 4. L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika jkunu informati
bir-riżultati ta' din il-verifika malajr kemm jista' jkun. Dawn
ir-riżultati jindikaw b'mod ċar jekk l-informazzjoni mogħtija
fid-dikjarazzjoni tal-fornitur hijiex korretta u jekk tippermettilhomx
jiddeterminaw jekk tistax tiġi meqjusa d-dikjarazzjoni tal-fornitur sabiex
jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew sabiex
titfassal dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED, u sa
liema punt dan jista' jsir. Artikolu 35 Riżoluzzjoni ta' tilwim Meta jinqalgħu
kwistjonijiet b'rabta mal-proċeduri ta’ verifika tal-Artikoli 33 u 34
li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti bejn l-awtoritajiet doganali li
jitolbu verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli għat-twettiq ta’
din il-verifika jew meta titqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dan
il-Protokoll, dawn jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE. Fil-każijiet
kollha r-riżoluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet
doganali tal-pajjiż importatur jsiru skont il-leġiżlazzjoni
tal-pajjiż imsemmi. Artikolu 36 Penali Il-penali jiġu
imposti fuq kwalunkwe persuna li tfassal, jew tikkawża t-tfassil, ta'
dokument li jkun fih informazzjoni li mhijiex korretta bil-għan li
jinkiseb trattament preferenzjali għall-prodotti. Artikolu 37 Żoni ħielsa 1. Il-Partijiet Kontraenti jieħdu l-passi kollha
meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti kkumerċjati li jkunu
koperti bi prova ta' oriġini u li waqt it-trasport jużaw żona
ħielsa li tkun tinsab fit-territorju tagħhom, ma jiġux
sostitwiti ma' oġġetti oħra u li ma jsirilhom xejn għajr
xogħlijiet normali maħsuba sabiex jiġi evitat id-deterjorament
tagħhom. 2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, meta prodotti li
joriġinaw fiż-ŻEE jiġu importati f'żona ħielsa
koperti bi prova ta' oriġini u jgħaddu minn trattament jew
ipproċessar, l-awtoritajiet ikkonċernati joħorġu
ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED ġdid fuq it-talba
tal-esportatur, jekk it-trattament jew l-ipproċessar li għaddew minnu
huwa skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. TITOLU VII CEUTA U MELILLA Artikolu 38 Applikazzjoni tal-Protokoll 1. It-terminu "ŻEE" użat f'dan il-Protokoll ma
jkoprix lil Ceuta u Melilla. It-terminu "prodotti li joriġinaw
fiż-ŻEE" ma jkoprix prodotti li joriġinaw f'Ceuta u
Melilla. 2. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Protokoll 49
fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw minn Ceuta u Melilla, dan
il-Protokoll japplika, mutatis mutandis, soġġett
għall-kundizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikolu 39. Artikolu 39 Kundizzjonijiet speċjali 1. Bil-kundizzjoni li jkunu ġew trasportati direttament skont
l-Artikolu 12, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala: (1) prodotti li
joriġinaw f'Ceuta jew f'Melilla: (a) prodotti miksuba
kompletament f'Ceuta jew f'Melilla: (b) prodotti
miksuba f'Ceuta jew f'Mellilla li fil-manifattura tagħhom, jintużaw
dawk il-prodotti li mhumiex imsemmija fl-(a), sakemm: (i) il-prodotti
msemmija ikunu ġew maħduma jew proċessati biżżejjed
skont l-Artikolu 5; jew li (ii) dawn
il-prodotti joriġinaw fiż-ŻEE, bil-kundizzjoni li jkunu ġew
sottomessi għal ħidma jew ipproċessar li jmur lil hinn
mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6. (2) prodotti li
joriġinaw fiż-ŻEE: (a) prodotti
miksuba kompletament fiż-ŻEE; (b) prodotti
miksuba fiż-ŻEE u li fil-manifattura tagħhom jintużaw dawk
il-prodotti li mhumiex imsemmija f’(a), sakemm: (i) il-prodotti
msemmija ikunu ġew maħduma jew proċessati biżżejjed
skont l-Artikolu 5; jew li (ii) dawk
il-prodotti li joriġinaw f'Ceuta u f'Melilla jew fiż-ŻEE,
bil-kundizzjoni li jkunu ġew sottomessi għal ħidma jew
ipproċessar li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 6. 2. Ceuta u
Melilla jitqiesu bħala territorju wieħed. 3. L-esportatur jew ir-rappreżentant awtorizzat jagħmel
“ŻEE” jew “Ceuta u Melilla” fil-kaxxa 2 taċ-ċertifikat ta'
moviment EUR.1 jew EUR-MED jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura jew
fid-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED. Barra minn hekk, fil-każ ta'
prodotti li joriġinaw f'Ceuta u f'Melilla, dan jiġi indikat fil-kaxxa 4
taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew fid-dikjarazzjoni
fuq fattura jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED. 4. L-awtoritajiet doganali Spanjoli jkunu responsabbli
għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll f'Ceuta u f'Melilla. TITOLU VIII DISPOŻIZZJONIJIET FINALI Artikolu 40 Miżuri tranżitorji Minkejja
l-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll, ir-regoli dwar il-kumulazzjoni previsti
fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 ta' dan il-Ftehim, kif sostitwit
bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Nru 136/2005,[8]
ikomplu japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti sakemm il-Konvenzjoni
Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji hija
applikabbli għall-pajjiżi kollha elenkati fl-Artikolu 3
tal-Protokoll 4 ta' dan il-Ftehim. ___________________ Anness I Noti
introduttorji għal-lista fl-Anness II Ara
l-Anness I tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar
ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Kwalunkwe
referenza għal “dan l-Appendiċi” f’Nota 1 u 3.1.
tal-Anness I tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar
ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji għandhom jinqraw
bħala referenzi għal “dan il-Protokoll” Anness II: Lista
ta' ħidma jew ipproċessar meħtieġa li jsiru fuq materjali
mhux oriġinarji sabiex il-prodott maħdum jikseb status
oriġinarju Ara
l-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar
ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Anness IIIa Eżempji
ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 u applikazzjoni għal
ċertifikat ta' moviment EUR.1 Ara
l-Anness IIIa tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Anness IIIb Eżempji
ta' ċertifikat ta' moviment EUR-MED u applikazzjoni għal
ċertifikat ta' moviment EUR-MED Ara
l-Anness IIIb tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Anness IVa Test
tad-dikjarazzjoni fuq fattura Ara
l-Anness IVa tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar
ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Anness IVb Test
tad-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED Ara
l-Anness IVb tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar
ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji Anness V Dikjarazzjoni
ta' fornitur Id-dikjarazzjoni ta' fornitur, li t-test
tagħha qed jingħata hawn taħt, trid issir skont in-noti
f’qiegħ il-pagna. Madankollu, in-noti f'qiegħ il-paġna ma
għandhomx jiġu riprodotti. Anness VI Dikjarazzjoni
ta' fornitur għal perjodu twil Id-dikjarazzjoni ta' fornitur għal
perjodu twil, li t-test tagħha qed jingħata hawn taħt, trid
issir skont in-noti f'qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti f'qiegħ
il-paġna ma għandhomx jiġu riprodotti. (1) L-isem u
l-indirizz tal-klijent. (2) Meta
l-fattura, n-nota tal-konsenja jew dokument kummerċjali ieħor li
magħhom tkun mehmuża d-dikjarazzjoni jirreferu għal tipi
differenti ta’ oġġetti, jew għal oġġetti li ma
jinkorporawx daqstant materjali mhux oriġinarji, il-fornitur għandu
jagħmel distinzjoni ċara bejniethom. Eżempju: Id-dokument
jirriferi għal mudelli differenti ta’ mutur elettriku
tal-intestatura 8501 sabiex jintużaw fil-manifattura ta’ magni
tal-ħasil tal-ħwejjeġ tal-intestura 8450. In-natura u
l-valur tal-materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ dawn
il-muturi jvarjaw minn mudell għal ieħor. Għalhekk, trid issir
distinzjoni bejn il-mudelli fl-ewwel kolonna u l-indikazzjonijiet fil-kolonni
l-oħra għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull
wieħed mill-mudelli sabiex ikun possibbli li l-manifattur tal-magni
tal-ħasil tal-ħwejjeġ jagħmel valutazzjoni korretta
tal-istatus oriġinarju tal-prodotti tiegħu skont il-mudell ta’ mutur
elettriku li juża. (3) L-indikazzjonijiet
mitluba f’dawn il-kolonni għandhom jingħataw biss jekk ikun hemm
bżonn. Eżempji: Ir-regola
għall-ilbies tal-ex Kapitolu 62 tgħid li jista'
jintuża ħajt mhux oriġinarju. Jekk manifattur ta’ lbies
bħal dan fi Franza juża drapp li huwa importat min-Norveġja li
jkun inkiseb hemm minn insiġ ta’ ħajt mhux oriġinarju, ikun
biżżejjed għall-fornitur tal-Unjoni Ewropea li fid-dikjarazzjoni
tiegħu jiddeskrivi l-materjal mhux oriġinarju użat bħala
ħajt, mingħajr il-ħtieġa li jindika l-intestatura u l-valur
ta’ dan il-ħajt. Produttur ta'
ħadid tal-intestatura 7217 li jkun ipproduċieh minn vireg
tal-ħadid mhux oriġinarji għandu jindika fit-tieni kolonna
“vireg tal-ħadid”. Fejn dawn il-vireg se jintużaw fil-produzzjoni ta’
magna, li għaliha r-regola tinkludi limitazzjoni għall-materjal kollu
mhux oriġinarju użat sa ċertu valur perċentwali, il-valur
tal-vireg mhux oriġinarji jeħtieġ li jiġi indikat
fit-tielet kolonna. (4) “Il-valur tal-materjali” tfisser il-valur
doganali fil-waqt tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji
użati, jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax ikun
aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat imħallas
għall-materjali fiż-ŻEE; Il-valur eżatt għal kull
materjal mhux oriġinarju użat irid jingħata għal kull unità
tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna. (5) “Il-valur
miżjud totali” tfisser l-ispejjeż kollha akkumulati lil hinn
miż-ŻEE, inkluż il-valur tal-materjali kollha miżjuda
hemmhekk. Il-valur miżjud totali preċiż miksub lil hinn
miż-ŻEE jrid jingħata għal kull unità tal-oġġetti
speċifikati fl-ewwel kolonna. (6) Daħħal id-dati. Il-perjodu ta’
validità tad-dikjarazzjoni ta’ fornitur għal perjodu twil m’għandux
normalment jaqbeż it-12-il xahar, soġġett
għall-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż
fejn titfassal id-dikjarazzjoni ta’ fornitur għal perjodu twil. DIKJARAZZJONI
KONĠUNTA dwar
l-aċċettazzjoni ta’ provi ta' oriġini maħruġa
fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4
għal prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, l-Islanda jew
in-Norveġja 1. Il-provi
ta’ oriġini maħruġa fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija
fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 għall-prodotti li joriġinaw
fl-Unjoni Ewropea, fl-Islanda jew fin-Norveġja jkunu aċċettati
bil-għan li jingħata trattament tariffarju preferenzjali stipulat
bil-Ftehim ŻEE. 2. Dawn
il-prodotti jitqiesu bħala materjali li joriġinaw fiż-ŻEE
meta dawn jiġu inkorporati fi prodott miskub hemmhekk. Mhux
meħtieġ li dawn il-materjali jkunu ġew maħduma jew
ipproċessati biżżejjed. 3. Barra minn
hekk, sakemm dawn il-prodotti jkunu koperti mill-Ftehim ŻEE dawn jitqiesu
bħala li oriġinaw fiż-ZEE meta jiġu esportati
mill-ġdid lejn Parti Kontraenti oħra taż-ŻEE. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA dwar il-Prinċipat ta' Andorra 1. Il-prodotti li joriġinaw mill-Prinċipat ta’ Andorra li
jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jkunu
aċċettati mill-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja bħala
li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-Protokoll 4 japplika mutatis mutandis,
bil-għan li jiġi definit l-istatus oriġinarju tal-prodotti
msemmija hawn fuq. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA dwar ir-Repubblika ta' San Marino 1. Prodotti li joriġinaw mir-Repubblika ta' San Marino
jiġu aċċettati mill-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja
bħala li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira ta’ dan
il-Ftehim. 2. Il-Protokoll 4 japplika mutatis mutandis,
bil-għan li jiġi definit l-istatus oriġinarju tal-prodotti
msemmija hawn fuq. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA dwar l-irtirar ta’ Parti Kontraenti mill-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji 1. Jekk Parti
Kontraenti għaż-ŻEE jagħtu avviż bil-miktub
lid-depożitarju tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’
oriġini pan-Ewro-Mediterranji dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw
mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, il-Parti Kontraenti li
tirtira tidħol minnufih f’negozjati dwar ir-regoli ta' oriġini
mal-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE l-oħra bil-għan li
jiġi implimentat dan il-Ftehim. 2. Sad-dħul
fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati,
ir-regoli ta' oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq,
id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni
Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji,
applikabbli fil-mument tal-irtirar, japplikaw mutatis mutandis bejn
il-Parti Kontraenti li tirtira u l-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE
l-oħra. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli ta' oriġini li
jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet
rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati
fis-sens li jippermettu kumulazzjoni bilaterali bejn il-Parti Kontraenti li
tirtira u l-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE l-oħra. _______________________ [1] L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael,
il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, il-Palestina, Is-Sirja u
t-Tuneżija. [2] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [3] ĠU L XX,
x.x.xxxx, p. X. u s-Suppliment taż-ŻEE Nru X, x.x.xxxx
p. X) [4] [L-ebda rekwiżit kostitutzzjonali ma huwa indikat.]
[Ir-rekwiżiti kostitutzzjonali huma indikati.] [5] Il-Prinċipat tal-Leichtenstein għandu unjoni
doganali mal-Isvizzera, u huwa Parti Kontraenti għall-Ftehim
taż-Żona Ekonomika Ewropea. [6] L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet
ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo
skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99. [7] L-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu,
il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija, il-Palestina (*Dan l-isem ma
għandux jitqies bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa bla
ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar
din il-kwistjoni). [8] ĠU L 321, 8.12.2005, p. 1
u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 63, 8.12.2005, p. 1.