This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014PC0614
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL establishing a multiannual plan for the stocks of cod, herring and sprat in the Baltic Sea and the fisheries exploiting those stocks, amending Council Regulation (EC) No 2187/2005 and repealing Council Regulation (EC) No 1098/2007
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
/* COM/2014/0614 final - 2014/0285 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 /* COM/2014/0614 final - 2014/0285 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. 1. il-kuntest
tal-proposta ·
Raġunijiet u għanijiet tal-Proposta Il-merluzz, l-aringi u l-laċċ
ikħal huma s-suġġett ta’ sajd importanti fil-Baħar Baltiku.
Parir xjentifiku mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar
(“ICES”[1])
indika li r-rati attwali ta’ sfruttar għal xi wħud minn dawn
l-istokkijiet mhumiex konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli.
Pjan ta’ ġestjoni għall-istokkijiet tal-merluzz tal-Baħar
Baltiku ilu fis-seħħ mill-2007[2]
iżda l-istokkijiet tal-aringi u l-laċċ ikħal għadhom
mhumiex soġġetti għal pjan ta’ ġestjoni. Dan ifixkel
il-ġestjoni sostenibbli ta’ dawn it-tipi ta’ sajd, u ma jipprovdix
stabbiltà ta' opportunitajiet tas-sajd lis-sajjieda li joperaw fihom. Barra milli jipprovdu l-bażi
għas-sajd tal-qbid, il-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal
huma wkoll komponenti importanti tal-ekosistema tal-Baltiku u hemm ukoll
interazzjonijiet bijoloġiċi qawwija bejniethom. Il-merluzz
jikkaċċja l-laċċ ikħal u l-aringi, u dan ifisser li
d-daqs tal-istokk tal-merluzz jaffettwa d-daqs tal-istokkijiet tal-aringi u
l-laċċ ikħal u viċi versa. L-analiżi
xjentifika tagħti xi indikazzjonijiet li l-interazzjonijiet
bijoloġiċi fi ħdan l-ispeċijiet stess u bejniethom
fil-Baltiku jistgħu jfissru li jistgħu jkunu sostenibbli
pressjonijiet tas-sajd ogħla minn dawk espressi fil-parir attwali.
Madankollu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)[3] irrakkomanda[4] li huwa
meħtieġ xogħol aktar xjentifiku sabiex wieħed jifhem
ir-riskji tas-sajd f’dawn il-valuri aktar għolja. Il-produttività tal-istokkijiet tal-ħut
tal-Baltiku, partikolarment tal-merluzz u tal-laċċ ikħal, tista’
tiġi influwenzata ħafna mill-kundizzjonijiet ambjentali fil-Baltiku.
Ir-riproduzzjoni tal-merluzz fil-Baltiku tal-Lvant hija limitata għal
żoni fondi fejn il-livelli ta’ melħ fl-ilma aktar fond huma
għoljin biżżejjed biex jippermettu l-fertilizzazzjoni tal-bajd u
biex il-bajd fertilizzat ikun jista’ jżomm fil-wiċċ. L-influss
limitat ta’ ilma oċeaniku mill-Baħar tat-Tramuntana wassal għal
tnaqqis tal-ossiġenu f’dawn l-ilmijiet mielħa u fondi min-nofs
is-snin tmenin u r-riproduzzjoni tal-merluzz irnexxiet biss fiż-żoni
riproduttivi tan-Nofsinhar. Influss sostanzjali ta’
ilma mill-Baħar tat-Tramuntana lejn il-Baħar Baltiku tal-Lvant jista’
jwassal għal reklutaġġ ferm ogħla ta’ merluzz milli rajna
f'dawn l-aħħar snin. Għal-laċċ ikħal, hemm rabta
bejn ir-reklutaġġ u t-temperatura, b’aktar ħut żgħar
jgħaddu mill-fażi tar-reklutaġġ għall-istokk
f’kundizzjonijiet aktar sħan. Din ir-rabta timplika li l-okkorrenza ta’,
pereżempju, żewġ xtiewi ebsin suċċessivi, jista'
jkollha konsegwenzi gravi għall-istokk tal-laċċ ikħal. Fid-dawl tal-influwenza
qawwija li għandhom l-interazzjonijiet bijoloġiċi u l-effetti
ambjentali fuq l-istokkijiet tal-merluzz, tal-aringi u tal-laċċ
ikħal tal-Baltiku, jaqbel li r-rati u x-xejriet ta' sfruttar ta' dawn
l-istokkijiet jiġu adattati skont it-titjib fil-fehim xjentifiku
tal-interazzjonijiet u tat-tibdil fil-kundizzjonijiet ambjentali. Approċċ
bħal dan ikun ukoll konsistenti mal-approċċ tal-ekosistema
għall-ġestjoni tas-sajd. L-ewwel pass lejn ġestjoni adattiva
bħal din ikun li l-istokkijiet rilevanti kollha jiġu inkorporati fi
pjan ta’ ġestjoni wieħed. Dan ikun jinkludi mortalitajiet mis-sajd
fil-mira espressi f’firxiet għal kull wieħed mill-istokkijiet li jkun
il-bażi għall-istabbiliment tat-TACs annwali għal dawk
l-istokkijiet. L-adattament imbagħad jiġi mill-aġġornament
tal-punti ta’ referenza tal-mortalità mis-sajd u d-daqs tal-istokk għal
kull stokk fejn parir xjentifiku indika li dan kien xieraq. L-għan tal-proposta
huwa li tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni għall-istokkijiet
tal-Baħar Baltiku tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal.
Il-pjan se jiżgura l-isfruttar sostenibbli ta’ dawn l-istokkijiet, u se
jipprovdi l-istabbiltà tal-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li jiżgura li
l-ġestjoni tkun ibbażata fuq l-aktar informazzjoni xjentifika
aġġornata dwar l-interazzjonijiet fi ħdan l-istokkijiet u
bejniethom kif ukoll ma’ aspetti oħra tal-ekosistema u l-ambjent. L-għan
speċifiku tal-inizjattiva għandu jkun li tiżgura li
l-istokkijiet tal-Baħar Baltiku tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ
ikħal jiġu sfruttati b’mod sostenibbli skont il-prinċipji
tar-rendiment massimu sostenibbli u tal-approċċ tal-ekosistema
għall-ġestjoni tas-sajd. Għal dan il-għan, dawn
l-istokkijiet għandhom jiġu maħsuda f'livelli li jistgħu
jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Fis-sajd tal-merluzz u dak pelaġiku
jseħħu qabdiet inċidentali ta’ pixxiċatt, jiġifieri
barbun tat-tbajja’, barbun, barbun imperjali u barbun lixx. L-isfruttament
tal-istokkijiet tal-merluzz u l-istokkijiet pelaġiċi ma għandux
jipperikola s-sostenibbiltà tal-pixxiċatt fil-Baħar Baltiku. Il-pjan se japplika
għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni irrispettivament mit-tul
ġenerali tagħhom fil-Baħar Baltiku għaliex dan huwa
konformi mar-regoli tal-PKS u mal-effett tal-bastimenti fuq l-istokkijiet
tal-ħut ikkonċernati. ·
Kuntest ġenerali 1. Il-merluzz fil-Baltiku
tal-Lvant u l-merluzz fil-Baltiku tal-Punent huma meqjusa bħala żewġ
stokkijiet separati. Hemm diversi stokkijiet differenti ta' aringi fil-Baltiku
iżda l-istokk ewlieni jinsab fil-baċir tal-Lvant ta' dan
il-baħar. Hemm stokkijiet iżgħar fil-Baħar tal-Botnija,
il-Bajja tal-Botnija, il-Golf ta’ Riga u fil-Punent tal-Baltiku. L-istokk
imsemmi l-aħħar ibid fil-Baħar Baltiku tal-Punent, u
mbagħad jemigra lejn is-Skagerrak u l-Baħar tat-Tramuntana tal-Lvant
għall-ikel. F’dawn iż-żoni jitħallat mal-aringi
tal-Baħar tat-Tramuntana u jinqabad bħala parti minn sajd ta' stokk
imħallat. Hemm stokk wieħed ta' laċċ ikħal
fil-Baltiku. 2. Iż-żewġ
stokkijiet tal-merluzz tal-Baħar Baltiku bħalissa huma
soġġetti għal pjan ta’ ġestjoni2 u miżuri
ta’ ġestjoni għas-sajd fuq dawn l-istokkijiet jinkludu
l-istabbiliment ta’ TACs annwali, restrizzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd u
miżuri tekniċi li jinkludu daqsijiet minimi tal-malja, regoli
tal-kompożizzjoni tal-qabda, daqs minimu tal-iżbark u
żoni/staġuni magħluqin. Il-ġestjoni attwali tas-sajd
għall-aringi u l-laċċ ikħal tinkludi TACs annwali u miżuri
tekniċi fosthom id-daqs tal-malja u regoli dwar il-kompożizzjoni
tal-qbid. 3. L-ICES iqis l-istokk
tal-aringi żgħar fil-Bajja tal-Botnija bħala stokk b’dejta
limitata u għalhekk, fil-preżent, mhuwiex possibbli li jiġi
evalwat kompletament l-istatus tal-istokk bħala l-bażi tal-parir dwar
il-qbid. Għal din ir-raġuni l-pjan ma
jinkludix regola dwar il-ħsad għal dan l-istokk. Waqt li jitqies
id-daqs żgħir ta’ dak l-istokk u tas-sajd li jisfrutta dak l-istokk,
ma jkunx proporzjonat li tiġi stabbilita TAC separata għal dak
l-istokk. Minflok, ġie stabbilit li l-qabdiet minn dan l-istokk jiġu
inklużi f'TAC tal-aringa kkombinat għaż-żona fejn hemm
il-Baħar tal-Botnija/tal-Bajja tal-Botnija. 4. Mill-1 ta’ Jannar 2014,
ir-Regolament (UE) 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
jistipula r-regoli tal-PKS, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar
il-pjanijiet pluriennali u dawk li jistabbilixxu l-obbligu tal-iżbark
għall-istokkijiet soġġetti għat-TAC. L-Artikolu 9 u 10
jelenkaw il-prinċipji, l-għanijiet u l-kontenut tal-pjanijiet
pluriennali. Skont l-Artikolu 15 l-obbligu tal-iżbark fil-Baħar
Baltiku se japplika għas-sajd pelaġiku u tas-salamun u speċijiet
li se jiddefinixxu s-sajd mill-2015, u l-ispeċijiet l-oħra kollha li
se jkunu koperti minn TAC mill-1 ta’ Jannar 2017. 5. Il-miri li jikkorrispondu
mar-rendiment massimu sostenibbli huma espressi bħala valuri tal-medda
irrakkomandati mill-ICES. Dawn il-meded jippermettu ġestjoni bbażata
fuq ir-rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet ikkonċernati,
u jidhru li jippermettu adattamenti fil-każ ta’ bidliet fil-pariri
xjentifiċi, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm livell għoli
ta’ prevedibbiltà. Dawn il-miri huma supplimentati b’dispożizzjonijiet ta’
salvagwardja marbutin ma’ limitu tal-punt ta' referenza
għall-konservazzjoni. Għall-istokkijiet ikkonċernati dawn
il-punti ta’ referenza huma espressi bħala bijomassa ta’ stokk
riproduttiv, li tinkiseb mill-aktar eżerċizzju ta’ valutazzjoni
komparattiva riċenti imwettaq mill-ICES. Fin-nuqqas ta’ pariri dwar
il-livell tal-bijomassa riproduttiva, tali limitu għandu jikkorrispondi
mal-mument li fih il-parir xjentifiku jindika li xi stokk huwa mhedded. 6. B’konformità
mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu li
jiġu żbarkati l-qabdiet kollha tal-merluzz, l-aringi,
il-laċċ ikħal u l-barbun tat-tbajja’ fis-sajd tal-merluzz,
l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku huwa inkluż
fil-pjan bħala kontribut għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni
tar-rimi, ħlief f’ċirkostanzi fejn ikun hemm evidenza ta' rati ta’
sopravivenza għoljin. B’konformità
mal-Artikolu 16(7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri
huma obbligati jallokaw it-TACs għall-bastimenti li jtajru l-bandiera
tagħhom waqt li jqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid u l-obbligu
li l-qabdiet kollha jiġu żbarkati. Sabiex jinkiseb dan, l-Istati
Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali, bħaż-żamma
ta’ ċerta riżerva tat-TAC nazzjonali disponibbli jew tpartit
tal-kwota ma’ Stati Membri oħrajn. 7. B'konformità
mal-parir xjentifiku mill-STECF4, il-pjan ma jinkludix limiti
annwali fuq l-isforzi tas-sajd. 8. Skont l-Artikolu 18
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 l-Istati Membri li għandhom
interess ta' ġestjoni diretta jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet
konġunti, fost l-oħrajn, għal ċerti miżuri li
għandhom jiġu adottati, meta l-Kummissjoni tkun ingħatat
is-setgħa li tadotta atti implimentattivi jew delegati għall-kisba
tal-għanijiet ta’ pjan pluriennali. Għal
dan il-għan, il-pjan jistabbilixxi kooperazzjoni reġjonali
fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi, dispożizzjonijiet
għall-obbligu tal-iżbark u miżuri speċifiċi ta’
konservazzjoni għall-qabdiet inċidentali fis-sajd għall-istokkijiet
ikkonċernati. 9. Skont l-ambizzjoni
ġenerali tal-PKS dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u
b'kunsiderazzjoni speċjali għall-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament
(UE) Nru 1380/2013 li jitlob l-iżvilupp ta’ pjanijiet pluriennali,
l-elementi prinċipali tal-pjan huma: –
Għanijiet u miri (Ikseb livelli ta' mortalità
mis-sajd konsistenti mal-prinċipju tar-rendiment massimu sostenibbli); –
Punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni espressi
f’livelli ta’ bijomassa riproduttiva u miżuri speċifiċi ta’
konservazzjoni; –
Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu
tal-iżbark; –
Qafas ta’ miżuri tekniċi; –
Evalwazzjoni perjodika tal-pjan ibbażata fuq
pariri xjentifiċi. ·
Dispożizzjonijiet eżistenti tal-Unjoni
fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,
li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE)
Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE)
Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill
204/585/KE[5]
jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-PKS u jidentifika
s-sitwazzjonijiet li fihom il-Kunsill għandu jadotta pjanijiet
pluriennali. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi
pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd
li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE)
Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 jistabbilixxi
r-regoli għall-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-merluzz
tal-Baħar Baltiku. Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2187/05 tal-21 ta’ Diċembru 2005
għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri
tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda
r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u jħassar ir-Regolament (KE)
Nru 88/98 jiddeskrivi miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni
fil-Baħar Baltiku, jiġifieri regoli tal-kompożizzjoni
tal-qabdiet, id-daqs minimu tal-malja, id-daqs minimu tal-iżbark,
iż-żoni magħluqin u l-istaġuni magħluqin
għas-sajd tas-salamun. Jistabbilixxi wkoll projbizzjoni fuq is-sajd
bl-għażel tat-tisqif fil-Baltiku. Ir-Regolamenti annwali
tal-Kunsill li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet
assoċjati għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta’
stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku stabbilixxew
il-livelli tat-TAC għall-istokkijiet ikkonċernati (merluzz, aringi u
laċċ ikħal) u barbun tat-tbajja’ (pereżempju fl-2014,
ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1180/2013
tad-19 ta’ Novembru 2013, li jistabbilixxi għall-2014
l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet u gruppi ta’
stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku). Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll
għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,
li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE)
Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE)
Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE)
Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE)
Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93,
(KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 jistabbilixxi r-rekwiżiti
ġenerali ta’ kontroll għas-sajd kif ukoll rekwiżiti
speċifiċi ta’ kontroll għall-pjanijiet pluriennali. ·
Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet
l-oħra tal-Unjoni Il-proposta u l-għanijiet tagħha
huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, speċjalment politiki ambjentali,
soċjali, tas-suq u kummerċjali. 2. RIŻULTATI TA’
KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT ·
Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin
fil-mira u profil ġenerali tal-parteċipanti Peress li l-interess ewlieni fl-istokkijiet
tal-merluzz, tal-aringi, tal-laċċ ikħal u tal-pixxiċatt
tal-Baħar Baltiku huwa għal sajd ta’ qbid kummerċjali, il-konsultazzjoni
kienet essenzjalment tirrigwarda l-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar
Baltiku (BSAC) u l-amministrazzjonijiet tas-sajd tal-Istati Membri
tal-Baħar Baltiku. Il-BSAC jikkonsisti minn
rappreżentanti mis-settur tas-sajd u gruppi oħra ta’ interess affettwati
mill-Politika Komuni tas-Sajd. Is-settur tas-sajd jinkludi
assoċjazzjonijiet tas-sajd, organizzazzjonijiet tal-produtturi,
proċessuri u organizzazzjonijiet tas-suq. Il-gruppi ta’ interess
l-oħrajn jinkludu NGOs ambjentali, konsumaturi, netwerks tan-nisa,
sajjieda rikreattivi u sportivi u sajjieda li għalihom is-sajd huwa mezz
ta' għajxien. Il-proċess ta’
konsultazzjoni u żvilupp għal din l-inizjattiva segwa
l-proċedura stabbilita ta’ DĠ MARE għall-iżvilupp u
l-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul. Il-proċedura
tinvolvi żewġ stadji. L-ewwel stadju huwa evalwazzjoni retrospettiva,
li tħares lura lejn il-prestazzjoni tal-imgħoddi ta' pjan ta’
ġestjoni eżistenti. Dan huwa segwit, jekk meħtieġ, minn
evalwazzjoni prospettiva, li tħares 'il quddiem lejn pjanijiet pluriennali
possibbli ta’ sostituzzjoni u l-impatti potenzjali tagħhom. Kull stadju
jinvolvi serje ta’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kumitat Xjentifiku,
Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Dawn il-laqgħat huma
organizzati sabiex jindirizzaw termini ta’ referenza speċifikati minn
DĠ MARE. Dawn il-laqgħat kollha huma miftuħin
għar-rappreżentanti tal-ACs u l-Istati Membri li huma kapaċi
jipprovdu input u jqajmu kwistjonijiet li jqisuhom rilevanti. Fil-każ
attwali, kien hemm ukoll konsultazzjoni ulterjuri mal-BSAC u l-Istati Membri
dwar elementi speċifiċi tal-pjan wara t-tlestija tal-proċess ta’
evalwazzjoni tal-STECF. L-oqsma
xjentifiċi/tal-għarfien espert ikkonċernati Kif deskritt hawn fuq,
l-esperti tal-STECF taw il-pariri tagħhom matul il-proċess ta’
evalwazzjoni. Dan inkluda kontribuzzjoni minn xjentisti tas-sajd, iżda
wkoll minn esperti f’dixxiplini oħra, inkluż l-ekonomija u x-xjenzi
soċjali. Wasal ukoll parir xjentifiku mill-ICES. Sommarju
tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu Wara evalwazzjoni
prospettiva għal pjan ta’ ġestjoni għall-istokkijiet
pelaġiċi[6], l-evalwazzjoni retrospettiva[7]
u dik prospettiva[8]
tal-pjan eżistenti tal-merluzz tal-Baħar Baltiku,
f’Ġunju 2011 ittieħdet id-deċiżjoni għal
tkomplija lejn pjan ta’ diversi speċijiet għall-istokkijiet
tal-Baħar Baltiku ta’ merluzz, aringi u laċċ ikħal. Din id-deċiżjoni saret f’konsultazzjoni
mal-Istati Membri u l-partijiet interessati f’laqgħa tal-forum
reġjonali msejħa BALTFISH. Sussegwentement id-deċiżjoni
ġiet formalizzata fil-laqgħa tal-Kunsill tas-Sajd f’Ottubru 2011[9]. Il-kuntest għal
din id-deċiżjoni kien ir-rekwiżit antiċipat fir-riforma
tal-PKS għall-pjanijiet ta’ ġestjoni li jkopru diversi stokkijiet
meta jkun possibbli. Id-deċiżjoni li jsir pjan ta’
diversi speċijiet għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku kienet
teħtieġ il-bidu ta’ serje ġdida ta’ laqgħat tal-STECF. Biex
jipprovdi l-bażi għal evalwazzjoni prospettiva, id-DĠ MARE
organizza numru ta’ laqgħat ta’ esperti, li ħafna minnhom saru b’mod
konġunt bejn l-STECF u l-ICES. Dawn il-laqgħat kollha kienu
miftuħin għall-partijiet interessati, u l-membri tal-BSAC
ipparteċipaw f’kull waħda minnhom. Il-laqgħat kienu organizzati
kif ġej: laqgħa ta’ identifikazzjoni bikrija
tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-STECF dwar pjanijiet ta’ ġestjoni
pluriennali f’Edinburgh, ir-Renju Unit bejn it-28 ta’ Novembru
sat-2 ta’ Diċembru 2011[10].
Workshop tal-ICES dwar Parir Integrat/dwar
Diversi Speċijiet għas-Sajd fil-Baltiku, li sar f’Charlottenlund, id-Danimarka
fis-6-8 ta’ Marzu 2012[11].
laqgħa tal-grupp ta’
ħidma ta’ esperti tal-STECF dwar pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali,
f’Rostock, il-Ġermanja, bejn is-26 ta’ Marzu u
t-30 ta’ Marzu 2012[12]. Wara s-serje ta’ laqgħat imsemmija
fil-qosor hawn fuq, l-STECF irrakkomanda li pjan ta’ ġestjoni bbażat
fuq il-miri attwali, ta’ speċi waħda tal-MSY jilħaq il-kriterji
tal-għoti ta’ rendiment għoli fit-tul, b’riskju minimu
għall-istokk. Fil-qosor, pjan bħal dan ikun konsistenti
mal-prinċipji tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY). Huma nnotaw ukoll
li approċċ aktar iffukat fuq speċijiet differenti jista’
jippermetti mortalità mis-sajd fil-mira ogħla fuq xi stokkijiet, iżda
li jkun meħtieġ xogħol aktar xjentifiku biex jiġu evalwati
r-riskji assoċjati ma’ approċċ bħal dan. Fid-dawl ta’ dan
il-parir, ġie ppreparat dokument ta’ diskussjoni li ppreżenta dawn
iż-żewġ għażliet u l-implikazzjonijiet tagħhom.
Dan kien diskuss mal-Istati Membri f’laqgħa tal-BATFISH, u mal-BSAC,
it-tnejn li huma f’nofs Ġunju 2012. Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament dwar
ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-2013 u l-pubblikazzjoni tar-Rapport
Finali tat-Task Force dwar il-pjanijiet pluriennali stabbilit mill-Parlament
Ewropew u l-Kunsill f’April 2014[13],
saru aktar konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fil-BSAC u ma’
amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fil-BALTFISH. Dan seħħ bejn
Marzu u Ġunju 2014. Mezzi użati biex il-parir tal-esperti
jkun disponibbli għall-pubbliku Ir-rapporti tal-laqgħat kollha
tal-esperti rilevanti tal-STECF jinsabu fuq il-websajt tal-STECF: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/. Barra minn hekk, matul il-proċess ta’
konsultazzjoni l-partijiet interessati kienu involuti b’mod attiv f’kull stadju
tal-iżvilupp sussegwenti tal-inizjattiva. ·
Valutazzjoni tal-impatt
·
Qabel l-abbozzar tal-pjan pluriennali, saret
valutazzjoni estensiva tal-impatt. Matul il-valutazzjoni ġew analizzati
tliet għażliet mill-aspetti bijoloġiċi, ambjentali u
ekonomiċi-soċjali. L-għażla bl-aktar impatt ta’
benefiċċju mbagħad ġiet żviluppata fil-pjan
pluriennali preżenti. Li jiġi żgurat sajd sostenibbli fil-livell
tal-MSY sal-2015 għall-istokkijiet ikkonċernati jfisser li jinkisbu
benefiċċji bijoloġiċi u ambjentali. It-tnaqqis probabbli fl-ammont globali tas-sajd jimplika wkoll tnaqqis
fl-emissjonijiet minn magni tal-bastimenti. ·
Fir-rigward tal-impatt ekonomiku u soċjali,
jekk l-istokkijiet tal-aringi u l-laċċ ikħal jinġiebu
taħt pjan ta’ ġestjoni, dan jipprovdi bażi sistematika
għat-twaqqif ta’ TACs annwali b’tali mod li s-settur pelaġiku
jingħata prevedibbiltà tal-qabdiet li tgħin biex jiġi
appoġġjat l-ippjanar tan-negozju u l-istabbiltà tal-provvista. Dan
iżid ukoll mal-valur, peress li l-pjanijiet ta’ ġestjoni
ġeneralment huma prerekwiżit għas-sajd biex tinkiseb
ċertifikazzjoni, pereżempju, mill-Marine Stewardship Council (MSC).
Ħut maqbud f’tali sajd iċċertifikat jista’ mbagħad jattira
prezz ogħla fis-suq. ·
It-tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd jista’
jwassal għal tnaqqis żgħir fil-profitt għas-sajjieda,
l-industrija tal-ipproċessar, u jista’ jaffettwa lill-konsumaturi b’mod
negattiv fuq perjodu ta’ żmien qasir, imma l-istabbiliment mill-ġdid
tal-istatus tal-istokkijiet jiżgura benefiċċji fit-tul f’termini
ta’ profitt u sajd sostenibbli. Barra minn hekk, it-tnaqqis temporanju
tal-kwoti normalment iwassal għal żieda fil-prezz għal dak
l-istokk. ·
It-tneħħija tas-sistema tal-isforzi
tas-sajd u tal-ħtieġa tas-sajd f’żona unika se tissimplifika
l-qafas legali u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u
l-industrija. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA ·
Bażi ġuridika
L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ·
Prinċipju tas-sussidjarjetà Id-dispożizzjonijiet tal-proposta
jikkonċernaw il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi
tal-baħar, miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva
tal-Unjoni. Konsegwentement, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. ·
Prinċipju tal-proporzjonalità Il-miżuri proposti huma konformi
mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li huma xierqa,
meħtieġa u l-ebda miżura inqas restrittiva oħra mhija
disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa tal-politika. ·
L-għażla tal-istrument L-istrument li qed jiġi propost:
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Ebda implikazzjoni baġitarja. 2014/0285 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jistabbilixxi pjan pluriennali
għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal
fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda
r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw
il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw
l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[15], Wara li l-proposta ntbagħtet
lill-Parlamenti Nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġislattiva ordinarja, Billi: (1) Il-Konvenzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar
il-Liġi tal-Baħar[16],
li fiha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta’ konservazzjoni,
inkluż iż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet ta’
speċijiet maqbuda f’livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment
massimu sostenibbli. (2) Fis-Summit Dinji dwar
l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, l-Unjoni u l-Istati
Membri tagħha impenjaw ruħhom li jaġixxu kontra t-tnaqqis
kontinwu ta' bosta stokkijiet ta' ħut. Għalhekk, huwa
meħtieġ li jiġu adattati r-rati ta’ sfruttar tal-merluzz,
l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku sabiex jiġi
żgurat li l-isfruttar ta’ dawn l-istokkijiet jerġgħu
jinġiebu u jinżammu ’l fuq minn livelli li jistgħu
jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. (3) Il-Politika Komuni tas-Sajd
għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marittimu,
għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati
kummerċjalment, u b’mod partikolari għall-kisba ta’ status ambjentali
tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1)
tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17]. (4) Ir-Regolament (UE)
Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi r-regoli
tal-politika komuni tas-sajd (“PKS”) b’mod konformi mal-obbligi internazzjonali
tal-Unjoni. L-għanijiet tal-PKS huma, fost
l-oħrajn, li jkun żgurat li s-sajd u l-akkwakultura jkunu
ambjentalment sostenibbli fit-tul, li jiġi applikat l-approċċ
ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u li jiġi implimentat
approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni
tas-sajd. (5) Parir xjentifiku riċenti
mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”) u
l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) indika li
l-isfruttament tal-istokkijiet tal-merluzz, il-laċċ ikħal u xi
wħud mill-istokkijiet tal-aringi jaqbeż dak meħtieġ biex
jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli. (6) Pjan ta’ ġestjoni
għall-istokkijiet tal-merluzz ilu fis-seħħ mill-2007[18] iżda
l-istokkijiet tal-aringi u l-laċċ ikħal għadhom mhumiex
soġġetti għal pjanijiet simili. Peress li jeżistu
interazzjonijiet bijoloġiċi qawwijin bejn l-istokkijiet tal-merluzz u
dawk pelaġiċi, id-daqs tal-istokk tal-merluzz jista’ jaffettwa dak
tal-istokkijiet tal-aringi u tal-laċċ ikħal u viċi versa. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-partijiet interessati
esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’
pjanijiet ta' ġestjoni għall-istokkijiet ewlenin tal-Baltiku. (7) Il-pjan pluriennali stabbilit
permezz ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE)
Nru 1380/2013, għandu jkun ibbażat fuq parir xjentifiku, tekniku
u ekonomiku u jkun fih, għanijiet, miri kwantifikabbli bi skadenzi
ċari, punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni u miżuri ta'
salvagwardja. (8) Huwa xieraq li jiġi
stabbilit pjan tas-sajd għal diversi speċijiet li jqis id-dinamika
bejn l-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal, u li
jqis ukoll l-ispeċijiet tal-qabdiet inċidentali tas-sajd għal
dawn l-istokkijiet, jiġifieri l-istokkijiet tal-Baltiku tal-barbun
tat-tbajja’, tal-barbun lixx, tal-barbun u tal-barbun imperjali. L-għan
ta’ dan il-pjan għandu jkun li jimmira lejn il-ksib u ż-żamma
tar-rendimenti massimi sostenibbli għall-istokkijiet ikkonċernati. (9) L-isfruttament
tal-istokkijiet tal-merluzz u dawk pelaġiċi ma għandux
jipperikola s-sostenibbiltà tal-istokkijiet meħuda bħala qabdiet
inċidentali f’dan is-sajd, jiġifieri l-istokkijiet tal-Baħar
Baltiku tal-barbun tat-tbajja’, tal-barbun lixx, tal-barbun u tal-barbun
imperjali. Għalhekk, il-pjan għandu jimmira wkoll li jiżgura
l-konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet ta’ qabdiet inċidentali ’l fuq
mil-livelli ta’ bijomassa li jikkorrispondu mal-approċċ ta'
prekawzjoni. (10) Barra minn hekk, minħabba
li l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 introduċa
obbligu tal-iżbark, inkluż għall-ispeċijiet kollha koperti
mit-TACs, il-pjan għandu wkoll jimmira li jikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark għall-merluzz,
l-aringi, il-laċċ ikħal u l-barbun tat-tbajja’. (11) L-Artikolu 16(4)
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jitlob li l-opportunitajiet tas-sajd
jiġu stabbiliti skont il-miri stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali. (12) Dawn il-miri għalhekk
għandhom jiġu stabbiliti u jiġu espressi f’termini ta’ rati ta’
mortalità mis-sajd, ibbażati fuq pariri xjentifċi[19]. (13) Huwa meħtieġ li
jiġu stabbiliti punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni sabiex jippermettu
prekawzjoni addizzjonali meta daqs ta’ stokk jitnaqqas għal ċertu
livell kritiku li jippreżenta riskju serju. Tali
punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni għandhom jiġu ddeterminati fuq
livelli ta’ bijomassa minima ta’ riproduzzjoni li hija konsistenti
mal-kapaċità riproduttiva sħiħa. Għandhom jiġu
previsti miżuri ta’ rimedju fil-każ li d-daqs tal-istokk jaqa’
taħt il-bijomassa minima ta’ riproduzzjoni. (14) Fil-każ ta’ stokkijiet
meħuda bħala qabdiet inċidentali, fin-nuqqas ta’ parir
xjentifiku dwar tali livelli ta’ bijomassa minima ta’ riproduzzjoni,
għandhom jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni
speċifiċi meta parir xjentifiku jiddikjara li xi stokk ikun mhedded. (15) Il-ħut maqbud permezz ta’
sajd bi xbieki nassa, nases u kavetti ikollu sopravivenza għolja
minħabba l-karatteristiċi ta’ dawk l-irkapti li ma jikkawżawx
ħsara lill-ħut, kif ikkonfermat minn vjaġġi tas-sajd sperimentali.
Għalhekk, minbarra l-każijiet stipulati
fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE)
Nru 1380/2013, huwa xieraq li l-merluzz, l-aringi, il-barbun tat-tbajja’ u
l-laċċ ikħal jiġu eżentati mill-obbligu
tal-iżbark f’dak is-sajd. (16) Sabiex jikkonforma mal-obbligu
tal-iżbark stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE)
Nru 1380/2013, il-pjan għandu jipprovdi għal miżuri ta’
ġestjoni oħra kif stipulat fil-punti (a) sa (c)
tal-Artikolu 15(4) ta’ dak ir-Regolament. Tali
miżuri għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ atti delegati. (17) Il-pjan għandu jipprovdi
wkoll għal ċerti miżuri tekniċi ta’ akkumpanjament biex
jiġu adottati, permezz ta’ atti delegati, sabiex jikkontribwixxu
għall-kisba tal-għanijiet tal-pjan, b’mod partikolari rigward il-protezzjoni
ta' ħut żgħir jew ħut riproduttiv. Sakemm issir
ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005[20], għandu jiġi
previst ukoll li miżuri bħal dawn jistgħu, fejn
meħtieġ għall-kisba tal-objettivi tal-pjan, jidderogaw minn
ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament. (18) Sabiex ikun hemm adattament
għall-progress tekniku u xjentifiku fil-ħin u b’mod proporzjonat u
biex tiġi żgurata l-flessibbiltà u tiġi permessa l-evoluzzjoni
ta’ ċerti miżuri, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont
l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar
ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ miżuri ta’ rimedju li
jikkonċernaw il-barbun tat-tbajja’, il-barbun, il-barbun imperjali u
l-barbun lixx, l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark u l-miżuri
tekniċi. Huwa partikolarment importanti li
l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta'
tħejjija tagħha, anki fil-livell tal-esperti. Meta tkun qed tħejji
u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni, għandha tiżgura
trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (19) Skont l-Artikolu 18
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kummissjoni tkun ingħatat
setgħat biex tadotta atti delegati fir-rigward ta’ ċerti miżuri
ta’ konservazzjoni kif stipulati fil-pjan, l-Istati Membri li jkollhom interess
ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Baltiku għandu jkollhom
il-possibbiltà li jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għal
miżuri bħal dawn, sabiex dawn il-miżuri jkunu mfasslin sew biex
jikkorrispondu mal-partikolaritajiet tal-Baħar Baltiku u s-sajd
tiegħu. Għandha tiġi stabbilita
l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kif
meħtieġ skont l-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-Regolament. (20) Bil-għan li tiġi
żgurata konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament,
għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ kontroll
apparti dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009[21]. (21) Filwaqt li jiġi
rikonoxxut li l-Baħar Baltiku huwa żona tas-sajd pjuttost
żgħira fejn bastimenti prinċipalment żgħar iwettqu
vjaġġi qosra tas-sajd, l-użu ta’ notifika minn qabel kif mitlub
mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 1224/2009 għandu jiġi estiż
biex ikopri l-bastimenti kollha b’tul totali ta’ tmien metri jew aktar, u
n-notifiki minn qabel għandhom jiġu sottomessi tal-inqas siegħa
qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. Madankollu,
meta jitqies l-effett ta’ vjaġġi tas-sajd li jinvolvu kwantitajiet
żgħar ħafna ta’ ħut fuq l-istokkijiet ikkonċernati u
l-piż amministrattiv ta’ notifiki minn qabel relatati magħhom, huwa
xieraq li jiġi stabbilit livell għal tali notifiki minn qabel, meta
dawn il-bastimenti jżommu abbord mill-inqas 300 kg ta' merluzz jew
żewġ tunnellati ta' stokkijiet pelaġiċi. (22) Għandhom jiġu
stabbiliti limiti għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u
l-laċċ ikħal, li bastiment tas-sajd hu meħtieġ li
jiżbarka f’port speċifikat jew f’post viċin il-kosta, skont
l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Barra minn hekk, meta jagħżlu dawn il-portijiet
jew postijiet qrib ix-xatt, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji
previsti fl-Artikolu 43(5) ta’ dak ir-Regolament b’tali mod li jiġi
żgurat kontroll effettiv tal-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament. (23) Skont l-Artikolu 10(3)
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jiġu stabbiliti
dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni perjodika mill-Kummissjoni
tal-adegwatezza u l-effettività tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali
valutazzjoni għandha ssegwi u tkun ibbażata fuq evalwazzjoni
komparattiva tal-istokkijiet ikkonċernati mwettqa mill-ICES. (24) Skont l-Artikolu 9(4)
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabel l-abbozzar tal-pjan, ġie
evalwat kif xieraq l-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tiegħu[22]. (25) Fir-rigward tal-qafas ta’
żmien, huwa mistenni li għall-istokkijiet ikkonċernati
għandu jinkiseb rendiment massimu sostenibbli sal-2015. Għandu
jinżamm minn hemm ’il quddiem. (26) Fin-nuqqas ta’ reġim ta’
sforz tas-sajd hu meħtieġ li jitħassru r-regoli
speċifiċi dwar permess tas-sajd speċjali u t-tibdil ta’
bastimenti jew magni applikabbli għall-Golf ta’ Riga. Għaldaqstant,
ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għandu jiġi
emendat. (27) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1098/2007[23]
għandu jiġi rrevokat, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U
DEFINIZZJONIJIET Artikolu 1 Suġġett
u kamp ta’ applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan
pluriennali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “pjan”) għall-istokkijiet
li ġejjin (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-istokkijiet
ikkonċernati”) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku u s-sajd li
jisfrutta l-istokkijiet ikkonċernati: (a) merluzz (Gadus
morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (merluzz tal-Baltiku
tal-Punent); (b) merluzz (Gadus
morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 25-32 (merluzz tal-Baltiku
tal-Lvant); (c) aringi (Clupea
harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32
(aringi tal-Baltiku Ċentrali); (d) aringi (Clupea
harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 28.1 (aringi tal-Golf ta’ Riga); (e) aringi (Clupea
harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 30 (aringi tal-Baħar
tal-Botnija); (f) aringi (Clupea
harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 31 (aringi tal-Bajja tal-Botnija); (g) aringi (Clupea
harengus) fid-Diviżjoni ICES IIIa u s-Suddiviżjonijiet 22-24
(aringi tal-Baltiku tal-Punent); (h) laċċ
ikħal (Sprattus sprattus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32. 2. Il-pjan għandu
japplika wkoll għall-barbun tat-tbajja’, il-barbun, il-barbun imperjali u
l-barbun lixx fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 maqbuda meta jsir sajd
għall-istokkijiet ikkonċernati. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament
(UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Artikolu 4
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għandhom japplikaw
id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) “stokkijiet
pelaġiċi” tfisser l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(c) sa (h)
ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe kombinament tagħhom; (b) “xbieki nassa” tfisser xbieki kbar, ankrati, imwaħħlin ma’ lasti
jew okkażjonalment f’wiċċ l-ilma, miftuħa
fil-wiċċ u pprovduti b'diversi tipi ta' tagħmir li jiġbed u
jżomm il-ħut fih, u li ġeneralment ikun maqsum f’taqsimiet
magħluqa fil-qiegħ bi xbiek; (c) “nases u kavetti”
tfisser nases żgħar iddisinjati biex jaqbdu l-krustaċej jew
il-ħut fil-forma ta’ gaġeġ jew qfief magħmula minn diversi
materjali li jitqiegħdu f'qiegħ il-baħar jew waħedhom jew
f’ringieli; marbutin bi ħbula (ħbula tal-gavitelli) ma' gavitelli
fil-wiċċ li juru l-pożizzjoni tagħhom u li jkollhom
fetħa jew daħla waħda jew iktar minn waħda; (d) “l-Istati Membri
kkonċernati” tfisser id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja,
il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Isvezja. KAPITOLU II
GĦANIJIET U MIRI Artikolu 3 Għanijiet 1. Il-pjan għandu jimmira li
jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd elenkati
fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u b’mod partikolari: (a)
il-kisba u ż-żamma tar-rendiment massimu
sostenibbli għall-istokkijiet ikkonċernati, u (b)
l-iżgurar tal-konservazzjoni tal-istokkijiet
tal-barbun tat-tbajja’, il-barbun lixx, il-barbun u l-barbun imperjali
b’konformità mal-approċċ ta' prekawzjoni. 2. Il-pjan għandu jimmira li
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark
stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013
għall-istokkijiet ikkonċernati u għall-barbun tat-tbajja’. Artikolu 4 Miri 1. Il-mortalità mis-sajd fil-mira għandha
tintlaħaq sal-2015 u tinżamm minn hemm ’il quddiem
għall-istokkijiet ikkonċernati fil-meded li ġejjin: Stokk || Il-medda tal-mortalità mis-sajd fil-mira Il-merluzz tal-Baltiku tal-Punent || 0.23-0.29 Il-merluzz tal-Baltiku tal-Lvant || 0.41-0.51 L-aringa tal-Baltiku Ċentrali || 0.23-0.29 L-aringa tal-Golf ta’ Riga || 0.32-0.39 L-aringa tal-Baħar tal-Botnija || 0.13-0.17 L-aringa tal-Bajja tal-Botnija || Mhux definit L-aringa tal-Baltiku tal-Punent || 0.25-0.31 Il-laċċa kaħla tal-Baltiku || 0.26-0.32 2. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013,
l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-miri stipulati
fil-paragrafu 1. KAPITOLU III
PUNTI TA’ REFERENZA TA’ KONSERVAZZJONI Artikolu 5 Livell
minimu ta' bijomassa riproduttiva 1. Il-punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni
espressi fil-livell minimu ta' bijomassa riproduttiva li hija konsistenti
mal-kapaċità riproduttiva sħiħa għandhom ikunu
għall-istokkijiet ikkonċernati kif ġej: Stokk || Il-livell minimu ta' bijomassa riproduttiva (f'tunnellati) Il-merluzz tal-Baltiku tal-Punent || 36 400 Il-merluzz tal-Baltiku tal-Lvant || 88 200 L-aringa tal-Baltiku Ċentrali || 600 000 L-aringa tal-Golf ta’ Riga || Mhux definit L-aringa tal-Baħar tal-Botnija || Mhux definit L-aringa tal-Bajja tal-Botnija || Mhux definit L-aringa tal-Baltiku tal-Punent || 110 000 Il-laċċa kaħla tal-Baltiku || 570 000 2. Meta l-bijomassa riproduttiva ta’ kwalunkwe
wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati għal sena partikolari tkun
taħt il-livelli minimi ta’ bijomassa riproduttiva stabbiliti
fil-paragrafu 1, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ rimedju
xierqa biex jiżguraw ritorn rapidu tal-istokk ikkonċernat
għal-livelli ta' prekawzjoni. B’mod partikolari,
permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament u skont
l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 l-opportunitajiet
tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’livelli aktar baxxi minn dawk li
jirriżultaw fil-meded ta’ mortalità mis-sajd fil-mira stabbiliti fl-Artikolu 4(1).
Dawn il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu wkoll, kif xieraq,
is-sottomissjoni ta’ proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni u
miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni skont
l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. KAPITOLU IV Miżuri ta’ konservazzjoni
speċifiċi għall-barbun tat-tbajja’, il-barbun, il-barbun
imperjali u l-barbun lixx Artikolu 6 Miżuri
f’każ ta’ theddida għall-barbun tat-tbajja’, il-barbun, il-barbun
imperjali u l-barbun lixx 1. Meta parir xjentifiku jiddikjara li
l-konservazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet tal-Baltiku
tal-barbun tat-tbajja’, il-barbun, il-barbun imperjali jew il-barbun lixx ikun
mhedded, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta
atti delegati skont l-Artikolu 15 dwar miżuri speċifiċi ta’
konservazzjoni li jikkonċernaw l-istokk mhedded u rigward kwalunkwe
wieħed minn dawn li ġejjin: (c)
(a) adattament tal-kapaċità tas-sajd u
l-isforzi tas-sajd; (d)
(b) miżuri tekniċi, inklużi (1)
karatteristiċi ta’ irkaptu tas-sajd, b’mod
partikolari id-daqs tax-xibka, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu); (2)
l-użu tal-irkaptu
tas-sajd, b’mod partikolari l-ħin ta’ immersjoni, il-fond tal-irkaptu
użat); (3)
projbizzjoni jew limitazzjoni
tas-sajd f'żoni speċifiċi; (4)
projbizzjoni jew limitazzjoni
tas-sajd matul perjodi ta’ żmien speċifiċi; (5)
daqs minimu ta’ referenza
għall-konservazzjoni 2. Il-miżuri msemmija
fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw li jiksbu l-għan stipulat
fl-Artikolu 3(1)(b) u jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi. 3. L-Istati Membri
kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti
skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal
miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni kif imsemmi
fil-paragrafu 1. KAPITOLU V L-OBBLIGU TAL-IŻBARK Artikolu 7 Deroga
għal xbieki nassa, nases u kavetti Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 15(1)
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 l-obbligu tal-iżbark ma
għandux japplika għall-istokkijiet ikkonċernati u l-barbun
tat-tbajja’ meta jsir sajd bl-irkapti li ġejjin: xbieki nassa, nases u
kavetti. Artikolu 8 Implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark 1. Il-Kummissjoni
għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont
l-Artikolu 15 dwar il-miżuri li ġejjin: (a) il-lista ta’
speċijiet li s-sajd tagħhom huwa pprojbit għall-iskop
tal-eżenzjoni mill-obbligu tal-iżbark previst
fl-Artikolu 15(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; (b) eżenzjonijiet
mill-obbligu tal-iżbark stipulati
fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal speċijiet li l-evidenza xjentifika għalihom turi rati
għolja ta’ sopravivenza, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi
tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema; u (c) eżenzjonijiet de
minimis imsemmijin fl-Artikolu 15(4)(c) tar-Regolament (UE)
Nru 1380/2013. 2. Il-miżuri msemmija
fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw lejn il-kisba tal-għan
stabbilit fl-Artikolu 3(2) u jkunu bbażati fuq pariri
xjentifiċi, fejn applikabbli. L-eżenzjonijiet
de minimis għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 15(5)(c)
tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. 3. L-Istati Membri
kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti
skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal
miżuri msemmijin fil-paragrafu 1. KAPITOLU VI
MIŻURI TEKNIĊI Artikolu 9 Qafas ta’ miżuri tekniċi 1. Il-Kummissjoni
għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont
l-Artikolu 15 dwar il-miżuri tekniċi li ġejjin: (a)
speċifikazzjonijiet ta’ karatteristiċi ta’ irkapti tas-sajd u regoli
li jirregolaw l-użu tagħhom; (b)
speċifikazzjonijiet ta’ modifikazzjonijiet jew apparat addizzjonali
mal-irkapti tas-sajd; (c) limitazzjonijiet jew
projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti irkapti tas-sajd u dwar
l-attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew perjodi; (d) daqsijiet ta’
referenza ta’ konservazzjoni minima għal kwalunkwe wieħed
mill-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament. 2. Il-miżuri msemmija
fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw li jiksbu l-għanijiet
stipulati fl-Artikolu 3 u b’mod partikolari l-protezzjoni
taż-żgħar jew il-ħut riproduttiv. 3. L-atti
delegati msemmija fil-paragrafu 1, fejn meħtieġ għall-kisba
tal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jidderogaw
mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE)
Nru 2187/2005: (a) speċifikazzjonijiet ta’ speċijiet
fil-mira u daqsijiet tal-malja stipulati fl-Annessi II u III imsemmija
fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005; (b) strutturi,
karatteristiċi u regoli li jirregolaw l-użu ta’ irkapti attivi
stabbiliti fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) u l-Artikolu 6 tiegħu; (c) strutturi,
karatteristiċi u regoli li jirregolaw l-użu ta’ irkapti passivi
stipulati fl-Artikolu 8; (d) il-koordinati ta’
żoni pprojbiti u perjodi ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16
tiegħu; (e) l-ispeċijiet,
iż-żoni ġeografiċi u perjodi ta’ applikazzjoni
tar-restrizzjonijiet fuq is-sajd għal ċerti stokkijiet stabbiliti
fl-Artikolu 18a(1) tiegħu, u d-dettalji tekniċi tad-deroga
stabbiliti fl-Artikolu 18a(2) tiegħu; (f) il-projbizzjoni
tat-tkarkir għall-Golf ta’ Riga stabbilita fl-Artikolu 22
tiegħu. 4. L-Istati
Membri kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet
konġunti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE)
Nru 1380/2013 għal miżuri msemmijin fil-paragrafu 1. KAPITOLU VII
REĠJONALIZZAZZJONI Artikolu 10 Kooperazzjoni
reġjonali 1. L-Artikolu 18(1)
sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri taħt dan il-Kapitolu.
2. L-Istati Membri kkonċernati
jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti skont
l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fl-iskadenzi li
ġejjin: a) għall-miżuri
stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u rigward sena kalendarja partikolari, mhux
aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena preċedenti; b) għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 8(1) u 9(1),
għall-ewwel darba mhux aktar tard minn sitt xhur wara
d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad kull sitt
xhur wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont
l-Artikolu 14. KAPITOLU VIII
KONTROLL U INFURZAR Artikolu 11 Relazzjoni
mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 Il-miżuri ta’ kontroll previsti f’dan
il-Kapitolu għandhom japplikaw flimkien ma’ dawk preskritti fir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn stabbilit mod ieħor
f’dan il-Kapitolu. Artikolu 12 Notifiki
minn qabel 1. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 17(1)
tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-obbligu ta’ notifika minn qabel
stabbilit f’dak l-Artikolu għandu japplika għall-kaptani
tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta’ tul totali ta’ tmien metri jew
iżjed li jżommu abbord mill-inqas 300 kg ta' merluzz jew
żewġ tunnellati ta' stokkijiet pelaġiċi. 2. Permezz tad-deroga
mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-perjodu ta’
notifika minn qabel stabbilit f’dak l-Artikolu għandu jkun ta’ mill-inqas
siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. Artikolu 13 Portijiet magħżula Il-limitu applikabbli għall-piż
ħaj ta’ speċijiet soġġetti għall-pjan pluriennali, li
jekk bastiment tas-sajd jaqbżu, jkollu jiżbarka l-qabdiet tiegħu
f’port speċifikat jew f’post qrib ix-xatt kif stipulat fl-Artikolu 43
tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu jkun: (a) 750 kilogramma
ta’ merluzz, (b) 5 tunnellati ta’
stokkijiet pelaġiċi. KAPITOLU IX
SEGWITU Artikolu 14 Evalwazzjoni
tal-pjan Il-Kummissjoni għandha tiżgura
evalwazzjoni tal-impatt ta’ dan il-pjan fuq l-istokkijiet koperti minn dan
ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b’mod partikolari
biex jitqiesu l-bidliet fil-parir xjentifiku, sitt snin wara d-dħul
fis-seħħ tal-pjan u, wara dan, kull sitt snin. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-riżultati
ta’ dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI Artikolu 15 L-eżerċitar
tad-delega 1. Il-Kummissjoni għandha tingħata
s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta
għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikoli 6, 8 u 9 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal
perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. 3. Id-delega
tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 9 tista' tiġi rrevokata
fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni
ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik
id-Deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ
l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata
hemmhekk. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun
diġà fis-seħħ. 4. Malli tadotta att
delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 6, 8 u 9 għandu
jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret ebda
oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien
xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew
jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu nfurmaw
lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak
il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva
tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. KAPITOLU XI
EMENDI Artikolu 16 Emendi
għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 L-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE)
Nru 2187/2005 jitħassru. KAPITOLU XII
Revoka Artikolu 17 Revoka
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 huwa
rrevokat. Referenzi għar-Regolament irrevokat
għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
KAPITOLU XIII
Dispożizzjonijiet finali Artikolu 18 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika
mill-1 ta’ Jannar 2015. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] http://www.ices.dk/aboutus/aboutus.asp [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali
għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta
dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li
jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (ĠU L 248, 22.9.2007). [3] Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2005 li tistabbilixxi
l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (2005/629/KE) [4] Rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-STECF
dwar: Pjanijiet ta’ ġestjoni għal diversi speċijiet fil-Baltiku
(STECF-12-06) [5] ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22. [6] MRAG, Settembru 2009: L-impatti ekonomiċi u
soċjali tax-xenarji proposti għal pjan ta’ ġestjoni pluriennali
għas-sajd pelaġiku tal-Baħar Baltiku, FISH/2006/09 — Lot 4. [7] Rapport tas-SottoGrupp dwar l-Objettivi u l-Istrateġiji
tal-Ġestjoni (STECF SGMOS 10-06). Parti e)
Evalwazzjoni ta’ pjan pluriennali għall-merluzz tal-Baħar Baltiku [8] Rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-STECF
dwar: Valutazzjoni tal-Impatt ta’ pjanijiet pluriennali tal-merluzz
tal-Baħar Baltiku (STECF 11-05) [9] Il-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea, dokument 16684/11 ADD 1,
http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/11/st16/st16684-ad01.mt11.pdf [10] Rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-STECF
dwar: L-Identifikazzjoni Bikrija għal Valutazzjonijiet tal-Impatt
għall-pjanijiet Pluriennali għall-Ispeċijiet Differenti
tal-Baħar Baltiku u l-merluzz fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana,
fil-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż. (STECF-12-05) [11] Rapport tal-Workshop dwar Parir Integrat/dwar Diversi
Speċijiet għas-Sajd tal-Baħar Baltiku (WKMULTBAL) 6‑8 ta’ Marzu 2012,
f’Charlottenlund, id-Danimarka. ICES CM 2012/ACOM:43 [12] Rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-STECF
dwar: Pjanijiet ta’ ġestjoni għal diversi speċijiet fil-Baltiku
(STECF-12-06) [13] http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/pech/dv/taskfor/taskforce.pdf
[14] ĠU C , , p. . [15] ĠU C , , p. . [16] ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3. [17] Ir-Regolament
(UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,
li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE)
Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE)
Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill
2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p.22) [18] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali
għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta
dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li
jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (ĠU L 248, 22.9.2007,
p.1). [19] Servizzi tekniċi tal-ICES, Settembru 2014 http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2014/Special%20Requests/EU_Fmsy_range_for_Baltic_cod_and_pelagic_stocks.pdf [20] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005
tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta’
riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar
Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u
jħassar ir-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1). [21] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20
ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll
għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,
(ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1). [22] Valutazzjoni tal-impatt ippubblikata ... (għad
trid timtela) [23] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali
għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta
dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka
r-Regolament (KE) Nru 779/97 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1