Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0585

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador

/* COM/2014/0585 final - 2014/0287 (COD) */

52014PC0585

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador /* COM/2014/0585 final - 2014/0287 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fis-17 ta’ Lulju 2014 in-negozjati ġew konklużi mal-Ekwador għall-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Kolombja/il-Perù. Bħala riżultat ta’ dawn in-negozjati, Protokoll ta’ Adeżjoni mill-Ekwador għall-Ftehim (minn hawn 'il quddiem “Il-Protokoll ta’ Adeżjoni”) ġie inizjalat fi [...].

Sabiex ikun evitat tfixkil żejjed fil-kummerċ sakemm jitlestew il-proċeduri għall-approvazzjoni u l-applikazzjoni tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, huwa meħtieġ li jkun assigurat li d-dazji doganali applikati fid-data tal-inizjalar tal-Protokoll tal-Adeżjoni ma jiżdidux u li l-ebda dazji doganali ġodda ma jiġu applikati fuq prodotti li joriġinaw fl-Ekwador. Għal dan l-għan, ir-Regolament propost jipprevedi li jinżamm il-livell tar-rati tad-dazju li kienu applikabbli għall-Ekwador fid-data ta’ meta ġie inizjalat il-Protokoll tal-Adeżjoni.

Dan ir-Regolament se japplika mill-1 ta’ Jannar 2015 u sa sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Adeżjoni jidħol fis-seħħ (jew, fejn xieraq, wara li jiġi applikat b’mod provviżorju), jew sal-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema minn dawn isseħħ l-ewwel. Dan il-perjodu huwa meħtieġ biex jiġi pprovdut żmien biżżejjed biex jitwettqu l-proċeduri interni kollha meħtieġa fl-UE, iżda wkoll fl-Ekwador, għall-applikazzjoni tal-Protokoll tal-Adeżjoni. Jista' jiġġarrab dewmien addizzjonali  minħabba l-konsultazzjoni u l-approvazzjoni meħtieġa tal-Protokoll tal-Adeżjoni mill-Kolombja u l-Perù qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja u dwar il-konklużjoni tal-Protokoll tal-Adeżjoni. Is-sitt xhur ta' sovrapożizzjoni potenzjali ta’ dan ir-Regolament u tal-applikazzjoni tal-Protokoll tal-Adeżjoni huma meqjusa neċessarji sabiex jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jaġġustaw għall-proċeduri doganali l-ġodda.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika għall-proposta hi l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ir-Regolament propost iżomm l-arranġamenti attwali ta’ aċċess għas-suq u f’dan is-sens ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja addizzjonali għall-baġit tal-UE. In-nuqqas tal-applikazzjoni tiegħu, iżda, jista' jġib miegħu żieda potenzjali fil-ġbir tad-dħul doganali.

L-ammont ta’ dan il-ġbir ta’ dħul doganali huwa diffiċli li jitbassar, iżda fi kwalunkwe każ ikun relattivament żgħar. L-iffrankar tad-dazji magħmul fil-qafas tar-reġim attwali ta’ aċċess għas-suq li jgawdi minnu l-Ekwador u li jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2015 huwa ta’ xi EUR 215-il miljun (ibbażati fuq ċifri tal-kummerċ 2013). L-esportazzjonijiet tal-Ekwador lejn l-UE huma kkonċentrati ħafna u 95 % ta’ dan it-tfaddil ġej mill-esportazzjoni ta' essenzjalment 5 gruppi ta’ prodotti b’medja ta’ dazju doganali ta’ 16 %. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-dazji erga omnes għal dawn il-prodotti tnaqqas b’mod sinifikanti l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE, u b’hekk ikompli jonqos l-impatt attwali fuq il-baġit tal-UE.

2014/0287 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) iffirmat fis-26 ta’ Ġunju 2012, jipprevedi fl-Artikolu 329 tiegħu l-possibbiltà ta' adeżjoni mal-Ftehim ta’ Pajjiżi Oħra Membri tal-Komunità Andina.

(2)       Wara t-talba mill-Ekwador sabiex jerġa’ jibda n-negozjati mal-Unjoni biex isir Parti għall-Ftehim, in-negozjati seħħew bejn l-Unjoni u l-Ekwador fl-2014. Bħala riżultat ta’ dawn in-negozjati, Protokoll ta’ Adeżjoni mill-Ekwador għall-Ftehim (minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll ta’ Adeżjoni”) ġie inizjalat fi [...].

(3)       Wara l-inizjalar tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, jinħtieġ arranġament reċiproku interim għat-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles mal-Ekwador sabiex jiġi evitat tfixkil żejjed fil-kummerċ. Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazji doganali applikati fid-data ta’ meta ġie inizjalat il-Protokoll tal-Adeżjoni ma jiżdidux u lanqas ma huma applikati dazji doganali ġodda fuq prodotti li joriġinaw fl-Ekwador.

(4)       Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi ż-żamma tal-livell tar-rati tad-dazju applikabbli għall-Ekwador fi [data tal-inizjalar tal-Protokoll ta’ Adeżjoni] mill-1 ta’ Jannar 2015.

(5)       Din il-miżura hija mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nri 597/2009[1], 1225/2009[2] jew 260/2009[3].

(6)       Bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tat-trattament tariffarju mogħti skont dan ir-Regolament, l-Ekwador għandu jastjeni milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti jew restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli jintroduċi xi restrizzjoni oħra minn [data tal-inizjalar tal-Protokoll ta' Adeżjoni].

(7)       Biex jiġi żgurat li l-Ekwador isostni l-impenn tiegħu lejn il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, protezzjoni ambjentali u governanza tajba, l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għandha tkun suġġetta għal implimentazzjoni kontinwa u effettiva ta’ dawk il-konvenzjonijiet.

(8)       Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ frodi, l-intitolament għal benefiċċju mit-trattament tariffarju pprovdut skont dan ir-Regolament għandu jkun jiddependi fuq il-konformità mill-Ekwador mar-regoli relevanti tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom.

(9)       Huwa neċessarju li jiġu applikati d-dazji normali tat-Tariffa Doganali Komuni għal kwalunkwe prodott li joriġina fl-Ekwador li jikkawża, jew li jhedded li jikkawża, diffikultajiet serji għal produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta, soġġetta għal investigazzjoni mill-Kummissjoni.

(10)     Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni biex tissospendi temporanjament, kompletament jew parzjalment, it-trattament tariffarju pprovdut fih. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4].

(11)     Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ jew id-data tal-applikazzjoni provviżorja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)          “trattament tariffarju” tfisser ir-rata tad-dazju u t-trattament applikat fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ekwador kif previst fl-Artikolu 2;

(b)          “dazji tat-Tariffa Doganali Komuni” tfisser id-dazji speċifikati fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87[5], kif emendat, ħlief dawk id-dazji stabbiliti bħala parti minn kwoti ta’ tariffi;

(c)          “prodott(i) li joriġina(w) fl-Ekwador” tfisser prodott(i) li jikkonforma(w) mar-rekwiżiti tal-oriġini skont it-Titolu II, Kapitolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92[6] u, skont it-trattament tat-tariffi mitlub f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, Titolu IV, Kapitolu 1 jew Taqsima 1 tal-Kapitolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93[7].

Artikolu 2

Trattament tariffarju

1.           Dazji doganali applikati fuq prodotti li joriġinaw fl-Ekwador fi [data tal-inizjalar tal-Protokoll] ma għandhomx jiżdiedu u l-ebda dazji doganali ġodda introdotti wara dik id-data ma għandhom jiġu applikati fuq dawk il-prodotti.

2.           It-trattament tariffarju previst fil-paragrafu 1 jiġi applikat mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura meħuda skont ir-Regolamenti (KE) Nri 597/2009, 1225/2009 jew 260/2009.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għad-dritt għal trattament tariffarju

Id-dritt għall-benefiċċju minn trattament tariffarju definit fl-Artikolu 2 ikun soġġett għal:

(a)          konformità mar-regoli tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 1(c) u l-proċeduri relatati magħhom, inkluż, kif xieraq, id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar kooperazzjoni amministrattiva effikaċi [data tal-inizjalar tal-Protokoll ta’ Adeżjoni];

(b)          astensjoni mill-Ekwador milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli jintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra minn [data tal-inizjalar tal-Protokoll ta' Adeżjoni];

(c)          iż-żamma ta' ratifika u implimentazzjoni effettiva min-naħa tal-Ekwador tal-pattijiet, il-protokolli u l-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, u l-aċċettazzjoni mingħajr riżerva tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, il-monitoraġġ u r-rieżami regolari tar-rekord ta’ implimentazzjoni tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-pattijiet, il-protokolli u l-konvenzjonijiet li rratifika;

(d)          il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-forniment tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun evalwat ir-rispett mill-Ekwador tar-rekwiżiti fil-paragrafu (c);

(e)          l-Ekwador jagħmel sforzi kontinwi sabiex jiffirma u jirratifika l-Protokoll ta’ Adeżjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra.

Artikolu 4

Sospensjoni temporanja

Meta ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tissospendi trattament tariffarju temporanjament, fir-rigward ta' ċerti prodotti jew tal-prodotti kollha li joriġinaw fl-Ekwador. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 5

Klawsola ta’ salvagwardja

Meta prodott li joriġina fl-Ekwador huwa importat f’volumi u/jew bi prezzijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji lil produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament magħhom, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq dak il-prodott jistgħu jerġgħu jiġu introdotti skont ir-regoli proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], mutatis mutandis.

Artikolu 6

Proċedura ta' kumitat

1.           Għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 248a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92. Dak il-Kumitat ikun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ, applikazzjoni u skadenza

1.           Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.           Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

3.           Dan ir-Regolament jiskadi sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Adeżjoni jidħol fis-seħħ jew, fejn xieraq, wara li jiġi applikat provviżorjament, jew fil-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema data minn dawn isseħħ l-ewwel. Il-Kummissjoni tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż f’każ li dan ir-Regolament jieqaf japplika qabel il-31 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.07.2009, p. 93).

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

[4]               Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

[7]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

[8]               Ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1).

ANNESS

Pattijiet, Konvenzjonijiet u Protokolli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(c)

Konvenzjonijiet essenzjali ta’ NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol

1.           Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (1948)

2.           Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (1965)

3.           Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966)

4.           Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966)

5.           Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (1979)

6.           Il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (1984)

7.           Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989)

8.           Il-Konvenzjoni dwar Xogħol Furzat u Obbligatorju, Nru 29 (1989)

9.           Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad- Dritt ta’ Organizzazzjoni, Nru 87 (1948)

10.         Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, Nru 98 (1949)

11.         Il-Konvenzjoni dwar Rimunerazzjoni Ugwali għal Ħaddiema Rġiel u Nisa għal Xogħol ta’ Valur Ugwali, Nru 100 (1951)

12.         Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, Nru 105 (1957)

13.         Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward ta’ Impjiegi u Xogħol, Nru 111 (1958)

14.         Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima għal Dħul f’Impjieg, Nru 138 (1973)

15.         Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni u Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Għar Forom ta’ Xogħol minn Minorenni, Nru 182 (1999)

Konvenzjonijiet b’rabta mal-prinċipji dwar l-ambjent u l-governanza

16.         Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (1973)

17.         Il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1987)

18.         Il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu (1989)

19.         Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika (1992)

20.         Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1992)

21.         Il-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza (2000)

22.         Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2001)

23.         Il-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1998)

24.         Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkortiċi (1961)

25.         Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi (1971)

26.         Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Ittraffikar Illeċitu fid-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (1988)

27.         Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (2004)

Top