Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0523

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-Linji Baġitarji 02.03.01 u 12.02.01)

    /* COM/2014/0523 final - 2014/0241 (NLE) */

    52014PC0523

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-Linji Baġitarji 02.03.01 u 12.02.01) /* COM/2014/0523 final - 2014/0241 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali meħtieġa u l-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-UE fil-Ftehim taż-ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u għandu jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE tal-EFTA fl-azzjonijiet jew fil-programmi tal-UE li jkunu rilevanti għaż-ŻEE.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra l-erba' libertajiet sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE sabiex tkun tinkludi l-kooperazzjoni fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward ta' "L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern, partikolarment fl-oqsma tan-notifika, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali" u "L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern".

    3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar dawn id-Deċiżjonijiet.

    Il-Kummissjoni tissottometti l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE biex il-Kunsill jadottah bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun tista' tippreżentaha fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha sservi wkoll bħala l-ftehim tal-Partijiet, skont l-Artikolu 1(8) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim taż-ŻEE, li jkomplu bil-kooperazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2013 anki jekk tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma’ din id-Deċiżjoni jew jekk kwalunkwe rekwiżit kostituzzjonali li jista' jkun hemm għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jiġi nnotifikat bħala ssodisfat wara l-10 ta’ Lulju 2014.

    2014/0241 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-Linji Baġitarji 02.03.01 u 12.02.01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[2] (“il-Ftehim taż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

    (2)       Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE ("il-Protokoll 31").

    (3)       Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

    (4)       Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE tkompli fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-"Operat u l-iżvilupp tas-suq intern, partikolarment fl-oqsma tan-notifikazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali" u l-"implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern".

    (5)       Huwa xieraq, li skont l-Artikolu 1(8) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim, li l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tkompli wara l-31 ta’ Diċembru 2013 anki jekk tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma’ din id-Deċiżjoni jew jekk ir-rekwiżiti kostituzzjonali li jista' jkun hemm għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jiġu nnotifikati bħala ssodisfati wara l-10 ta’ Lulju 2014.

    (6)       L-entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fl-attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE anness ma’ din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel ma tintemm l-azzjoni konċernata.

    (7)       Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan sabiex jippermetti li l-estensjoni ta' din il-kooperazzjoni tkompli anke wara l-31 ta’ Diċembru 2013.

    (8)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

    [2]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    ANNESS DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2014 ta’ li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim taż-ŻEE"), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1) Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-operat u l-iżvilupp tas-Suq Intern.

    (2) Huwa xieraq li din il-kooperazzjoni tkompli lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2013 anke jekk din id-Deċiżjoni tkun adottata, jew jekk ir-rekwiżiti kostituzzjonali li jista' jkun hemm għal din id-Deċiżjoni, jiġu nnotifikati bħala ssodisfati wara l-10 ta’ Lulju 2014.

    (3) L-entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fl-attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tintemm l-azzjoni konċernata.

    (4) Għalhekk, il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja anke wara l-31 ta’ Diċembru 2013,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

    1.           Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8:

    ‘9.     L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta’ Jannar 2014, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014:

    -        Linja tal-baġit 02.03.01: "L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern partikolarment fl-oqsma tan-notifika, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali",

    -        Linja tal-baġit 12.02.01: "L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern."

    l-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja konċernata, sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE No.../2014 ta' ... tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.”

    2.           Il-kliem “paragrafi 5, 6, 7 u 8” fil-paragrafi 3 u 4 jiġu ssostitwiti bil-kliem “paragrafi 5 sa 9”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE*.

    Din tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, .

                                                                           Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

                                                                           Il-President                                                                                                                                                                                                                                                                                             Is-Segretarji                                                                        għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    *               [Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]

    Top