Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0476

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

/* COM/2014/0476 final - 2014/0218 (COD) */

Brussell, 18.7.2014

COM(2014) 476 final

2014/0218(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fid-19 ta' Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transfruntier fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, abbażi tal-artikolu dwar it-trasport tat-Trattat (l-Artikolu 71(1) tat-Trattat tal-KE, issa l-Artikolu 91 tat-TFUE). L-għan ewlieni ta’ dik id-Direttiva kien li ttemm l-anonimità ta’ sewwieqa mhux residenti u biex ikun żgurat li r-reati tat-traffiku tagħhom jiġu kkastigati. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva tat lill-Istati Membri l-aċċess reċiproku għad-dejta tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ta’ xulxin permezz ta’ netwerk elettroniku tal-iskambju tad-dejta. Dan jippermettilhom jidentifikaw is-sewwieqa meta dawn jikkommettu reati tat-traffiku barra minn pajjiżhom, u b’hekk jiġi żgurat trattament ugwali ta’ sewwieqa residenti u mhux residenti. Ladarba jkunu magħrufa l-isem u l-indirizz ta' sid il-vettura, tkun tista' tintbagħat ittra lill-awtur preżunt tar-reat, abbażi ta’ mudell stabbilit mid-Direttiva. L-Istat Membru tar-reat ikun żamm id-dritt tiegħu li jiddeċiedi dwar is-segwitu tar-reat tat-traffiku.

Id-Direttiva 2011/82/UE ġiet adottata fil-25 ta' Ottubru 2011. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għażlu l-Artikolu 87(2) tat-TFUE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija bħala l-bażi legali tagħha. Il-25 Stat Membru kellhom jittrasponu dik id-Direttiva sas-7 ta’ Novembru 2013. Id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda, skont il-Protokolli Nru 21 u 22 annessi tat-Trattati, għażlu li ma jadottawx u ma japplikawx dik id-Direttiva.

Il-Kummissjoni appoġġat bis-sħiħ il-kontenut tad-Direttiva adottata iżda ddeċidiet li tikkontesta l-bażi legali tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Mejju 2014, il-każ C-43/12, Il-Kummissjoni v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Direttiva 2011/82/UE, iżda żammet l-effetti tagħha sad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva ġdida abbażi tal-artikolu dwar it-trasport tat-Trattat f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza.

Sabiex tkun konformi mas-sentenza msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ħejjiet din il-proposta għal Direttiva ġdida bbażata fuq il-bażi legali korretta (l-Artikolu 91 tat-TFUE).

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Kif kien il-każ tad-Direttiva annullata, din il-proposta hija konformi mal-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Tikkumplimenta wkoll id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rikonoxximent u l-infurzar transfruntier ta’ deċiżjonijiet finali li jirrigwardaw penali finanzjarji, fost l-oħrajn għal reati tat-traffiku.

2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta ma fihiex elementi ġodda meta mqabbla mad-Direttiva annullata. Il-bidliet proposti jadattaw it-test preċedenti għall-bażi legali l-ġdida tagħha u għalhekk mhumiex sostanzjali. Għal din ir-raġuni ma kienx hemm il-ħtieġa ta' konsultazzjoni mill-ġdid mal-partijiet ikkonċernati u ta' aġġornament tal-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta oriġinali 1 tal-Kummissjoni.

Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva annullata, ġew ikkonsultati l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Settembru 2008 2 . Il-Kumitat ikkonkluda li l-proposta għad-Direttiva annullata kienet approċċ tajjeb għat-trattament effettiv tar-reati mwettqa fi Stat Membru ieħor. Sabiex id-Direttiva tkun aktar effettiva, il-lista ta’ reati ġiet proposta biex tiġi estiża. Barra minn hekk, il-Kumitat sejjaħ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jakkumpanjaw id-Direttiva b’titjib urġenti dwar kontrolli u penali effettivi u effiċjenti. Xi proposti u reati addizzjonali ġew inklużi fid-Direttiva li ġiet adottata.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) ta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta’ Mejju 2008 3 . Il-KEPD ikkonkluda li l-proposta għad-Direttiva annullata stipulat ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-istabbiliment tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni transfruntiera, u li llimitat b’mod adegwat il-kwalità tad-dejta li għandha tinġabar u tiġi trasferita. Il-KEPD ta xi rakkomandazzjonijiet sabiex jittejjeb it-test. Il-KEPD ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-użu ta’ infrastruttura diġà eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni - fir-rigward ta' dan il-piż finanzjarju jew amministrattiv limitat, iżda saħaq li dan ma għandux iwassal għall-interoperabilità ma’ banek tad-dejta oħra. Xi wħud mill-proposti ġew inklużi fid-Direttiva li ġiet adottata.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ġie kkonsultat dwar il-proposta, iżda fis-17 ta’ April 2008 iddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta hija kważi identika għat-test tad-Direttiva annullata. Ġew introdotti biss xi tibdiliet żgħar meqjusa strettament neċessarji sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti. Għaldaqstant, inbidlet il-bażi legali, tħassru l-premessi li jirreferu għad-dispożizzjonijiet speċjali li japplikaw għar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka, u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bażi legali ma għadhiex rilevanti. Barra minn hekk, saret bidla ta’ referenza fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-premessa 20 (il-premessa 19 tad-Direttiva annullata) u l-Artikolu 7 korrispondenti ġie modifikat kif xieraq. Fl-Artikolu 4, ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet Prüm ġew simplifikati, mingħajr ma nbidlet is-sustanza u l-paragrafi 2 u 3 inbidlu mill-ġdid biex tittejjeb l-istruttura loġika ta’ dan l-Artikolu. Sar aġġornament tad-dati tat-traspożizzjoni u tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ delega, kif ukoll tal-obbligi ta’ rappurtar. Iddaħħlu wkoll xi modifiki żgħar biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ abbozzar leġiżlattiv standard.

Bażi legali

Il-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-livell tal-UE fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq hija l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE. Skont dan l-Artikolu "(...) il-Kunsill, waqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (...), għandu jistabbilixxi: (…) (c) miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport." Il-Qorti qieset li din il-bażi legali kienet xierqa peress li l-eżami tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/82/UE kkonferma li s-sistema għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mwaqqfa permezz ta' dik id-Direttiva pprovdiet mezzi biex jinkiseb l-għan li tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u għenet lill-Unjoni Ewropea tikseb dak l-għan. Ikkonkludiet li billi, fir-rigward tal-għanijiet kif ukoll tal-kontenut, id-Direttiva 2011/82/UE kienet miżura biex ittejjeb is-sikurezza fit-trasport fid-dawl tat-tifsira tal-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE, din kellha tiġi adottata abbażi ta' dik id-dispożizzjoni (ara l-paragrafi minn 44 sa 46 tas-sentenza).

It-tħassir tal-premessi rigward ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka

Kif hemm referenza fil-premessi 22 u 23 tad-Direttiva annullata, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka kellhom, f’konformità mal-Protokolli Nru 21 u 22 annessi tat-Trattati, il-possibilità li ma jeħdux sehem fl-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva, ikunu marbuta biha jew ikunu suġġetti għall-applikazzjoni tagħha. Madankollu, billi din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE, fejn dawk il-Protokolli ma japplikawx minħabba li japplikaw biss għat-Titolu V tat-TFUE, dawk il-premessi għandhom jitħassru.

Protezzjoni tad-dejta

Billi d-Direttiva annullata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) tat-TFUE, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta kienu bbażati fuq ir-reġim tal-protezzjoni tad-dejta taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali kif preskritt mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Dan seħħ ukoll minħabba li d-Direttiva 95/46/KE ma tapplikax għal dejta personali pproċessata waqt attività li taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, ara l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva.

Madankollu, din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1) (c) tat-TFUE u r-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta stipulati fid-Direttiva 95/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta 4 għaldaqstant għandhom japplikaw. B'riżultat ta' dan, il-proposta għandha tirreferi għad-Direttiva 95/46/KE, kemm b’mod ġenerali kif ukoll għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rettifika, it-tħassir, l-imblukkar u ż-żmien massimu ta’ ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva annullata. Ma għadx hemm il-bżonn li ssir referenza għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fid-Deċiżjonijiet Prüm, billi d-Direttiva 95/46/KE tistipula biżżejjed protezzjoni tad-dejta.

Fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin bejn il-koleġiżlaturi ta' proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta biex jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KE, u skont l-iskeda taż-żmien u r-riżultat tal-proċeduri, tista’ tkun xierqa bidla ta’ referenza qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, bl-istess mod li tagħmel dan id-Direttiva annullata.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja oħra ħlief dawk diġà msemmija fid-Direttiva annullata.

5.ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

Id-Direttiva proposta hija rilevanti għaż-ŻEE u għaldaqstant għandha tiġi estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2014/0218 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 .

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)It-titjib tas-sikurezza fit-toroq huwa għan prinċipali tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. L-Unjoni qed issegwi politika biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq bil-għan li jitnaqqsu l-imwiet, il-korrimenti u l-ħsarat materjali. Element importanti ta' dik il-politika huwa l-infurzar konsistenti tas-sanzjonijiet għal dawk ir-reati tat-traffiku mwettqa fl-Unjoni li jipperikolaw b'mod konsiderevoli s-sikurezza fit-toroq.

(2)Madankollu, minħabba nuqqas ta' proċeduri adegwati u minkejja l-possibilitajiet eżistenti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI 7 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI 8 (id-"Deċiżjonijiet Prüm"), sanzjonijiet fil-forma ta' penali finanzjarji għal ċerti reati tat-traffiku ħafna drabi ma jkunux infurzati jekk dawk ir-reati jitwettqu b'vettura, li tkun irreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn seħħ ir-reat. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li anke f'każijiet bħal dawn, tkun żgurata l-effettività tal-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq.

(3)Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Lulju 2010 bl-isem "Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020", saħqet li l-infurzar tar-regoli tat-traffiku tat-triq jibqa' fattur ewlieni fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' mwiet u korrimenti. Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar is-sikurezza fit-toroq, talab ukoll biex l-Istati Membri jsaħħu aktar l-infurzar tar-regoli tat-traffiku tat-triq u, fejn xieraq, fil-livell tal-Unjoni. Stieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilitajiet li r-regoli tat-traffiku jkunu armonizzati fil-livell tal-Unjoni, fejn xieraq, u l-adozzjoni ta’ miżuri oħra biex jiġi ffaċilitat l-infurzar transfruntier fir-rigward ta’ reati tat-traffiku tat-triq, b'mod partikolari dawk marbutin ma’ inċidenti serji tat-traffiku.

(4)Fid-19 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transfruntier fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq abbażi tal-Artikolu 71(1)(c) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (issa l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”)). Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 madankollu ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) tat-TFUE. Skont is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014 fil-każ C-43/12 10 , il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat id-Direttiva 2011/82/UE fuq il-bażi li din ma setgħetx tiġi validament adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) tat-TFUE. Il-Qorti żammet l-effetti tad-Direttiva 2011/82/UE sad-dħul fis-seħħ f’perjodu ta’ żmien raġonevoli – li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar sa mid-data tal-għoti tas-sentenza — ta’ Direttiva ġdida bbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE. Għaldaqstant għandha tiġi adottata Direttiva ġdida abbażi ta’ dan l-Artikolu.

(5)Għandha tiġi mħeġġa aktar konverġenza tal-miżuri ta' kontroll bejn l-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandha teżamina, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni għal tagħmir ta' kontroll awtomatiku għall-kontrolli tas-sikurezza fit-toroq.

(6)Għandha titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli tat-traffiku għas-sikurezza fit-toroq fis-seħħ fi Stati Membri differenti u fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari permezz ta' miżuri adegwati li jiggarantixxu l-provvediment ta' informazzjoni suffiċjenti dwar il-konsegwenzi f'każ li ma jiġux rispettati r-regoli tat-traffiku għas-sikurezza fit-toroq waqt vjaġġar fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(7)Sabiex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni kollha u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tas-sewwieqa, jiġifieri kemm jekk dak li jwettaq ir-reat ikun residenti u anke jekk le, għandu jiġi ffaċilitat l-infurzar, irrispettivament mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Għal dan il-għan, għandha tintuża sistema għall-iskambju transfruntier ta' informazzjoni għal ċerti reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, irrispettivament min-natura amministrattiva jew kriminali tagħhom skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, li tagħti aċċess lill-Istat Membru tar-reat għad-dejta dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi (VRD) tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

(8)Skambju transfruntier aktar effiċjenti tal-VRD, li għandu jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' persuni suspettati li wettqu reat tat-traffiku fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, jista' jżid l-effett ta' deterrent u jħajjar imġiba aktar kawta mis-sewwieq ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru tar-reat, u b'hekk jiġu evitati vittmi minħabba inċidenti tat-traffiku fit-triq.

(9)Ir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq koperti minn din id-Direttiva mhumiex soġġetti għal trattament omoġenju fl-Istati Membri. Xi Stati Membri jikkwalifikaw tali reati bħala reati "amministrattivi" taħt il-liġi nazzjonali filwaqt li oħrajn jikkwalifikawhom bħala reati "kriminali". Din id-Direttiva għandha tapplika irrispettivament minn kif dawk ir-reati huma kkwalifikati taħt il-liġi nazzjonali.

(10)Fil-qafas tad-Deċiżjonijiet Prüm, l-Istati Membri jagħtu lil xulxin id-dritt tal-aċċess għall-VRD tagħhom sabiex itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jgħaġġlu l-proċeduri fis-seħħ. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-disponibbiltà tal-iskambju tad-dejta awtomatizzat stabbiliti fid-Deċiżjonijiet Prüm għandhom jiġu inklużi f'din id-Direttiva, safejn hu possibbli.

(11)L-applikazzjonijiet tas-softwer eżistenti għandhom ikunu l-bażi tal-iskambju tad-dejta skont din id-Direttiva, u fl-istess ħin għandhom jiffaċilitaw ir-rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Tali applikazzjonijiet għandhom jipprovdu għal skambju mingħajr dewmien, sikur u kunfidenzjali tal-VRD speċifika bejn l-Istati Membri. Għandu jittieħed vantaġġ mill-applikazzjoni tas-softwer tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris), li hija obbligatorja, għall-Istati Membri skont id-Deċiżjonijiet Prüm fir-rigward tal-VRD. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar valutazzjoni tal-funzjonament tal-applikazzjonijiet tas-softwer li ntużaw għall-fini ta' din id-Direttiva.

(12)Il-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-softwer imsemmija hawn fuq għandu jkun limitat għall-proċessi użati fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali fl-Istati Membri. Il-proċeduri u l-proċessi awtomatizzati fejn tkun ser tintuża l-informazzjoni huma 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' tali applikazzjonijiet.

(13)L-Istrateġija tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna fl-UE timmira li ssib is-soluzzjonijiet l-aktar sempliċi u l-aktar faċli biex jiġu traċċati u l-aktar kosteffettivi għall-iskambju tad-dejta.

(14)L-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jikkuntattjaw lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew lill-persuna identifikata b'mod ieħor li jkunu suspettati li wettqu r-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq sabiex iżommu l-persuna konċernata infurmata dwar il-proċeduri applikabbli u l-konsegwenzi legali skont il-liġi tal-Istat Membru tar-reat. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jibagħtu l-informazzjoni dwar ir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq fil-lingwa tad-dokumenti ta' reġistrazzjoni jew fil-lingwa li għandha l-akbar probabilità li tinftiehem mill-persuna kkonċernata, biex ikun żgurat li dik il-persuna tifhem b'mod ċar l-informazzjoni li tkun qed tiġi kondiviża mal-persuna konċernata. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċeduri adegwati biex ikun żgurat li l-persuna konċernata biss tiġi infurmata u mhux parti terza. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw arranġamenti dettaljati simili għal dawk adottati sabiex dawn ir-reati jingħataw segwitu, inklużi mezzi bħal, meta jkun il-każ, kunsinna reġistrata. Dan jippermetti lil dik il-persuna tirrispondi għall-informazzjoni b'mod xieraq, partikolarment billi titlob għal aktar informazzjoni, tħallas il-multa jew billi teżerċita d-drittijiet tagħha ta' difiża, partikolarment f'każ ta' identità żbaljata. Aktar proċedimenti huma koperti mill-istrument legali applikabbli, inklużi l-istrumenti dwar l-assistenza reċiproka jew dwar ir-rikonoxximent reċiproku, pereżempju d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI 11 .

(15)L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu traduzzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-ittra ta' informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru tar-reat, kif stipulat fid-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

(16)Bl-iskop li titwettaq politika ta' sikurezza fit-toroq immirata lejn livell għoli ta' ħarsien għall-utenti tat-toroq kollha fl-Unjoni u li tqis id-differenzi kbar bejn iċ-ċirkostanzi rilevanti fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jaġixxu, bla ħsara għal politiki u liġijiet aktar restrittivi, sabiex tiġi żgurata aktar konverġenza tar-regoli tat-traffiku għat-toroq u l-infurzar tagħhom fost l-Istati Membri. Fil-qafas tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni sabiex jiġu stabbiliti metodi, prattiki u standards minimi komparabbli fil-livell tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-koperazzjoni internazzjonali u l-ftehimiet eżistenti fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku tat-Triq tat-8 ta' Novembru 1968.

(17)Fil-qafas tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa għal kriterji komuni dwar proċeduri ta' segwitu mill-Istati Membri fil-każ li ma titħallasx penali finanzjarja, f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri tal-Istati Membri. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindirizza kwistjonijiet bħall-proċeduri bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għat-trażmissjoni tad-deċiżjoni finali sabiex tiġi imposta sanzjoni u/jew penali finanzjarja kif ukoll l-għarfien u l-infurzar tad-deċiżjoni finali.

(18)Fit-tħejjija tar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-awtoritajiet jew il-korpi tal-infurzar tal-liġi u tas-sikurezza fit-toroq, l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra li jkunu attivi fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq.

(19)Il-kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt ta' rispett għall-privatezza u għall-protezzjoni ta' dejta personali, garantita minn arranġamenti speċjali ta' protezzjoni tad-dejta, li għandhom iqisu b'mod partikolari n-natura speċifika tal-aċċess onlajn transfruntier għall-bażijiet tad-dejta. Jeħtieġ li l-applikazzjonijiet tas-softwer li se jiġu stabbiliti jippermettu li l-iskambju ta' informazzjoni jsir f'kundizzjonijiet sikuri u li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-dejta mibgħuta. Id-dejta miġbura skont din id-Direttiva ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-obbligi dwar il-kundizzjonijiet tal-użu u tal-ħżin temporanju tad-dejta.

(20)L-ipproċessar ta’ dejta personali stipulat minn din id-Direttiva huwa meħtieġ u ġustifikat mill-għanijiet leġittimi segwiti minn din id-Direttiva fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u għaldaqstant l-infurzar ta’ sanzjonijiet. Ma jaqbiżx il-limiti li timponi l-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(21)Dejta marbuta mal-identifikazzjoni tal-akkużat hija dejta personali. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 tapplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa bl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Bla ħsara għall-ħarsien tar-rekwiżiti proċedurali tal-mekkaniżmi ta’ appell u r-rikors tal-Istat Membru kkonċernat, meta tiġi nnotifikata dwar ir-reat, il-persuna kkonċernata għandha tkun infurmata kif xieraq, dwar id-dritt għall-aċċess, id-dritt għar-rettifika u t-tħassir ta’ dejta personali kif ukoll dwar il-perjodu legali massimu ta' ħżin tad-dejta u għandu jkollha d-dritt li tikseb il-korrezzjoni ta’ kull dejta personali mhux preċiża jew it-tħassir immedjat ta’ kwalunkwe dejta li tkun ġiet irreġistrata b'mod illegali.

(22)Għandu jkun possibbli għal pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-iskambju ta' VRD kemm-il darba jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni dwar dan. Tali ftehim ikollu jinkludi dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-protezzjoni tad-dejta.

(23)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(24)Sabiex jinkiseb l-għan ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' mezzi interoperabbli, is-setgħa li jkunu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li jitqiesu bidliet rilevanti fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u fid-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, jew meta dan ikun meħtieġ minn atti ġuridiċi tal-Unjoni direttament rilevanti għall-aġġornament tal-Anness I. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha anke fil-livell espert. Meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 14 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jerfgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażpożizzjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġustifikata.

(26)Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni bil-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, fejn ir-reat ikun seħħ b'vettura rreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn seħħ ir-reat, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jista' minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(27)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 u ta opinjoni fil-[...] 16 ,



ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi tiffaċilita l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u għaldaqstant tal-infurzar ta' sanzjonijiet, meta dawk ir-reati jitwettqu b'vettura rreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati tat-traffiku li ġejjin relatati mas-sikurezza fit-toroq:

(a)veloċità eċċessiva;

(b)ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza;

(c)jinqabeż id-dawl l-aħmar tat-traffiku;

(d)sewqan taħt l-influwenza tax-xorb;

(e)sewqan taħt l-influwenza tad-drogi;

(f)ma jintlibisx elmu protettiv;

(g)l-użu ta' karreġġjata pprojbita;

(h)l-użu illegali ta' telefown ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)"vettura" tfisser vettura li taħdem permezz ta’ qawwa ta’ magna inkluż il-muturi, li hija normalment użata biex tittrasporta persuni jew oġġetti permezz tat-triq;

(b)"Stat Membru tar-reat" tfisser l-Istat Membru fejn sar ir-reat;

(c)"Stat Membru tar-reġistrazzjoni" tfisser l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-vettura li biha sar ir-reat;

(d)"veloċità eċċessiva" tfisser il-qbiż tal-limiti ta’ veloċità fis-seħħ fl-Istat tar-reat għat-triq jew għat-tip ta’ vettura kkonċernata;

(e)"ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza" tfisser in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jintlibes iċ-ċinturin tas-sikurezza jew li tintuża sistema ta' sikurezza għat-tfal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE 17 u l-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(f)"jinqabeż id-dawl l-aħmar tat-traffiku" tfisser sewqan fuq dawl tat-traffiku aħmar jew kull sinjal ta' waqfien ieħor rilevanti, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(g)"sewqan taħt l-influwenza tax-xorb" tfisser sewqan waqt li s-sewwieq ikun imxekkel mill-alkoħol, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(h)"sewqan taħt l-influwenza tad-drogi" tfisser sewqan waqt li s-sewwieq ikun imxekkel minn drogi jew sustanzi oħra li għandhom effett simili, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(i)"ma jintlibisx elmu protettiv" tfisser li ma jintlibisx elmu protettiv, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(j)"l-użu ta' karreġġata pprojbita" tfisser l-użu illegali ta' sezzjoni tat-triq bħal karreġġata ta’ emerġenza, karreġġata għat-trasport pubbliku jew karreġġata magħluqa temporanjament minħabba raġunijiet ta' konġestjoni jew xogħlijiet fit-triq, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(k)"l-użu illegali ta' telefown ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan" tfisser l-użu illegali ta' telefown ċellulari jew kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reat;

(l)"punt ta' kuntatt nazzjonali" tfisser l-awtorità kompetenti maħtura għall-iskambju ta' VRD;

(m)"tiftix awtomatizzat" tfisser proċedura ta’ aċċess onlajn għall-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-dejta ta’ Stat Membru jew pajjiż parteċipant wieħed, ta' bosta Stati Membri jew pajjiżi parteċipanti jew tal-Istati Membri jew il-pajjiżi parteċipanti kollha;

(n)"detentur tal-vettura" tfisser il-persuna li f'isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 4

Proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.Għall-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħrajn, kif hemm referenza fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, aċċess għall-VRD nazzjonali segwenti, bis-setgħa li jagħmlu tiftix awtomatizzat fuq:

(a)dejta relatata ma' vetturi; u

(b)dejta relatata ma' sidien jew detenturi tal-vettura.

L-elementi tad-dejta li hemm referenza għalihom fil-punti (a) u (b) u li huma meħtieġa biex isir it-tiftix, għandhom ikunu konformi mal-Anness I.

2.Għall-finijiet tal-iskambju ta' dejta kif hemm referenza fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu regolati mil-liġi applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat.

3.Kwalunkwe tiftix fil-forma ta' talbiet maħruġa għandu jsir mill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reat bl-użu ta' numru sħiħ ta' reġistrazzjoni.

Dak it-tiftix għandu jitwettaq skont il-proċeduri deskritti fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI.

L-Istat Membru tar-reat, skont din id-Direttiva, għandu juża d-dejta miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu personalment responsabbli għar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl-Artikolu 2.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jitwettaq permezz ta' mezzi elettroniċi interoperattivi mingħajr skambju ta’ dejta li tinvolvi bażijiet tad-dejta oħra. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jitwettaq b’mod kosteffiċenti u sigur u għandhom jiżguraw is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta trażmessa, sa fejn possibbli bl-użu ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer eżistenti bħal dak li hemm referenza għalih fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, u l-verżjonijiet emendati ta’ dawk l-applikazzjonijiet tas-softwer. Il-verżjonijiet emendati tal-applikazzjonijiet tas-softwer għandhom jistipulaw kemm il-mod ta' skambju onlajn f'ħin reali, kif ukoll il-mod ta' skambju f'lott, li permezz ta' dan tal-aħħar jista' jkun hemm skambju ta' diversi talbiet jew risposti fil-forma ta' messaġġ uniku.

5.Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tas-softwer li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4.

Artikolu 5

Ittra ta' informazzjoni dwar ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq

1.L-Istat Membru tar-reat għandu jiddeċiedi jekk għandux jibda proċedimenti ta' segwitu jew le fir-rigward tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2.

Fil-każ li l-Istat Membru tar-reat jiddeċiedi li jibda tali proċedimenti, dak l-Istat Membru, b'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, għandu jinforma kif xieraq lill-proprjetarju, lid-detentur tal-vettura jew lill-persuna identifikata b'mod ieħor issuspettata li wettqet ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq.

Din l-informazzjoni, kif applikabbli skont il-liġi nazzjonali, għandha tinkludi l-konsegwenzi legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru tar-reat skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.Meta jibgħat l-ittra ta' informazzjoni lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew lill-persuna identifikata b'mod ieħor issuspettata li wettqet ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq, l-Istat Membru tar-reat għandu, skont il-liġi tiegħu, jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, partikolarment in-natura ta' dan ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq, il-post, id-data u l-ħin tar-reat, it-titolu tat-testi tal-liġi nazzjonali li tkun inkisret u s-sanzjoni u, fejn xieraq, id-dejta li tikkonċerna t-tagħmir li ntuża biex ir-reat jiġi rreġistrat. Għal dak il-għan, l-Istat Membru tar-reat jista' juża l-mudell stabbilit fl-Anness II.

3.Meta l-Istat Membru tar-reat jiddeċiedi li jibda proċedimenti ta' segwitu fir-rigward tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl-Artikolu 2, l-Istat Membru tar-reat, sabiex jiġi żguratli d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, jibgħat l-ittra ta' informazzjoni bil-lingwa tad-dokument ta' reġistrazzjoni, jekk disponibbli, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 6

Rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport komprensiv lill-Kummissjoni sas-6 ta' Mejju 2016 u wara din id-data kull sentejn.

Dan ir-rapport komprensiv għandu jindika n-numru tat-tiftix awtomatizzat imwettaq mill-Istat Membru tar-reat indirizzat lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni wara li jitwettqu reati fit-territorju tiegħu, flimkien mat-tipi ta' reati li għalihom ġew indirizzati talbiet u n-numru ta' talbiet li fallew.

Ir-rapport komprensiv għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali b'rabta mas-segwitu mogħti lir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, abbażi tal-proporzjon ta' tali reati li ngħataw segwitu b'ittri ta' informazzjoni.

Artikolu 7

Protezzjoni tad-dejta

1.Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE għandhom japplikaw għad-dejta personali pproċessata skont din id-Direttiva.

2.B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu jiżgura li dejta personali pproċessata skont din id-Direttiva għandha, f'perjodu ta' żmien xieraq, tiġi rettifikata jekk ma tkunx eżatta, titħassar jew tiġi mblukkata meta ma tkunx meħtieġa aktar, skont l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46/KE, u jiġi stabbilit limitu ta' żmien għall-ħżin tad-dejta skont l-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li d-dejta personali kollha proċessata skont din id-Direttiva tintuża biss għall-għan stipulat fl-Artikolu 1, u li l-persuni li jkunu s-suġġetti ta’ tali dejta jkollhom l-istess dritt għall-informazzjoni, għall-aċċess, għar-rettifika, għat-tħassir u għall-imblukkar, għall-kumpens u għar-rimedju ġuridiku bħal dawk adottati skont il-liġi nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE.

3.Kwalunkwe persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb informazzjoni dwar liema dejta personali rreġistrata fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni ġiet trażmessa lill-Istat Membru tar-reat, inkluża d-dejta tat-talba u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reat.

Artikolu 8

Informazzjoni għal min juża t-toroq fl-Unjoni

1.Fis-sit elettroniku tagħha l-Kummissjoni għandha tagħmel aċċessibbli sommarju bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tar-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dawn ir-regoli.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti tat-toroq l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-regoli applikabbli fit-territorju tagħhom u l-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva f’assoċjazzjoni ma’, fost organizzazzjonijiet oħra, korpi tas-sikurezza fit-toroq, organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq u klabbs tal-karozzi.

Artikolu 9

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10 fir-rigward tal-aġġornar tal-Anness I fid-dawl tal-progress tekniku, biex jitqiesu bidliet rilevanti fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u d-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, jew fejn ikun meħtieġ permezz ta' atti ġuridiċi tal-Unjoni direttament rilevanti għall-aġġornar tal-Anness I.

Artikolu 10

L-eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 9 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-[data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva]. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux estensjoni bħal din sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.Id-delega ta’ setgħa li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 9 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 11

Reviżjoni tad-Direttiva

Sas-7 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tiffoka b’mod partikolari fuq l-aspetti li ġejjin u għandha, jekk ikun il-każ, tagħmel proposti biex tkopri dawk l-aspetti:

valutazzjoni dwar jekk reati oħra tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq għandhomx jiżdiedu mal-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

valutazzjoni dwar l-effikaċja ta’ din id-Direttiva fuq it-tnaqqis fl-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-Unjoni,

valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni għal tagħmir ta' kontroll awtomatiku u għal proċeduri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mistiedna tiżviluppa linji gwida dwar is-sikurezza fit-toroq fil-livell tal-Unjoni fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport bil-għan li tiġi żgurata konverġenza akbar tal-infurzar tar-regoli tat-traffiku tat-toroq mill-Istati Membri permezz ta’ metodi u prattiċi komparabbli. Dawn il-linji gwida jistgħu jkopru mill-anqas in-nuqqas ta’ rispett għal-limiti tal-veloċità, is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, in-nuqqas tal-użu taċ-ċinturini tas-sikurezza u l-qbiż tad-dawl l-aħmar,

valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġi msaħħaħ l-infurzar tas-sanzjonijiet fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u li jiġu proposti kriterji komuni rigward il-proċeduri ta’ segwitu fil-każ tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ penali finanzjarja, fil-qafas tal-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluża l-politika komuni tat-trasport,

possibilitajiet biex jiġu armonizzati r-regoli tat-traffiku, meta jkun xieraq,

valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-softwer kif hemm referenza fl-Artikolu 4(4), bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva kif ukoll li jiġi ggarantit skambju effettiv, mingħajr dewmien, sikur u kunfidenzjali ta' VRD speċifika.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-6 ta' Mejju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu huma kif jagħmlu referenza bħal din.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/docs/ia_2008/sec_2008_0351_2_en.pdf
(2) ĠU C 77, 31.03.2009, pp. 70-72.
(3) ĠU C 310, 5.12.2008, p. 9.
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(5) ĠU C […], […], p. […].
(6) ĠU C […], […], p. […].
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).
(9) Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, (ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1).
(10) Is-sentenza f'Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill , C-43/12, UE:C:2014:298.
(11) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ penali finanzjarji (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).
(12) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).
(13) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(14) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(16) [...]
(17) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi ta' sikurezza għat-tfal fil-vetturi (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 26).
Top

Brussell, 18.7.2014

COM(2014) 476 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq


ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

Anness I

Elementi tad-dejta meħtieġa għat-tiftix li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(1)

Entrata

M/F (1)

Kummenti

Dejta relatata mal-vettura

M

L-Istat Membru tar-reġistrazzjoni

M

Numru tar-Reġistrazzjoni

M

(A (2))

Dejta relatata mar-reat

M

L-Istat Membru tar-reat

M

Data ta’ referenza tar-reat

M

Ħin ta’ referenza tar-reat

M

Għan tat-tiftix

M

Kodiċi li jindika t-tip ta’ reat kif elenkat fl-Artikolu 2

1= Veloċità eċċessiva

2= Sewqan taħt l-influwenza tax-xorb

3= Ma jintlibisx iċ-ċintorin tas-sigurtà

4= Jinqabeż id-dawl l-aħmar tat-traffiku

5= Użu ta' karreġġjata pprojbita

10= Sewqan taħt l-influwenza tad-drogi

11= Ma jintlibisx l-elmu protettiv

12= Użu illegali ta' telefown ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan

(1)M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)Kodiċi armonizzata, ara d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).



Elementi tad-dejta pprovduti bħala riżultat tat-tiftix imwettaq skont l-Artikolu 4(1)

Parti I. Dejta relatata ma' vetturi

Entrata

M/F (1)

Kummenti

Numru tar-Reġistrazzjoni

M

Numru tax-xażi/NIV

M

L-Istat Membru tar-reġistrazzjoni

M

Marka

M

(D.1 (2)) eż. Ford, Opel, Renault

Deskrizzjoni kummerċjali tal-vettura

M

(D.3) eż. Focus, Astra, Megane

Kodiċi tal-Kategorija tal-UE

M

(J) eż. motorini, muturi, karozzi

(1)M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)Kodiċi armonizzata, ara d-Direttiva 1999/37/KE



Parti II. Dejta relatata mad-detenturi jew is-sidien tal-vetturi

Entrata

M/F (1)

Kummenti

Dejta relatata mad-detenturi tal-vettura

(C.1 (2))

Id-dejta tirreferi għad-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni speċifiku.

Isem id-detentur tar-reġistrazzjoni (kumpanija)

M

(C.1.1)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-kunjom, l-infissi, it-titli, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-isem f’format li jista’ jiġi stampat.

Isem

M

(C.1.2)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-ewwel isem (ismijiet) u l-inizjali, u għandu jiġi komunikat l-isem f’format li jista’ jiġi stampat.

Indirizz

M

(C.1.3)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għat-Triq, in-Numru tad-dar u l-Anness, il-Kodiċi postali, il-Post ta' residenza, il-Pajjiż ta' residenza, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-indirizz f’format li jista’ jiġi stampat.

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b’mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

Dejta relatata mas-sidien tal-vettura

(C.2) Id-dejta tirreferi għas-sid tal-vettura.

L-isem tas-sid (kumpanija)

M

(C.2.1)

Isem

M

(C.2.2)

Indirizz

M

(C.2.3)

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b’mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

Fil-każ ta’ vetturi għall-iskrapp, vetturi jew pjanċi tan-numru tal-karozza misruqin, jew numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza skadut, ma għandu jiġi pprovdut l-ebda tagħrif dwar is-sid jew id-detentur. Minflok, għandu jintbagħat lura l-messaġġ “Tagħrif mhux żvelat”.

(1)M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)Kodiċi armonizzata, ara d-Direttiva 1999/37/KE

Anness II

MUDELL GĦALL-ITTRA TA' INFORMAZZJONI

li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5

[Qoxra]

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

[Isem, indirizz u numru tat-telefown ta' min qed jibgħat il-formola]

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………

[Isem u indirizz tad-destinatarju]

ITTRA TA' INFORMAZZJONI

dwar reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq imwettaq fi     

[l-isem tal-Istat Membru tar-reat]

Paġna 2

fil-     reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq imwettaq bil-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni

[data]

numru    marka     mudell     

ġie osservat minn    

[isem l-entità responsabbli]

[Għażla 1] (1)

Inti tinsab irreġistrat/a bħala d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq.

[Għażla 2] (1)

Id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq indika li int kont qed issuq dik il-vettura meta twettaq ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq.

Id-dettalji rilevanti tar-reat qed jingħataw fil-paġna 3 hawn taħt.

L-ammont ta' penali finanzjarja għal dan ir-reat huwa ta’      EUR/munita nazzjonali.

L-iskadenza għall-pagament hija     

Jekk ma tħallasx din il-penali finanzjarja, int imħeġġeġ timla l-formola tat-tweġiba mehmuża (il-paġna 4) u tibgħatha fl-indirizz indikat.

Din l-ittra għandha tiġi pproċessata skont il-liġi nazzjonali ta'     

[isem l-Istat Membru tar-reat].

Paġna 3

Dettalji rilevanti dwar ir-reat

(a) Dejta dwar il-vettura li biha sar ir-reat:

Numru tar-reġistrazzjoni:     

Stat Membru tar-reġistrazzjoni:     

Marka u mudell:     

(b) Dejta dwar ir-reat:

Il-post, id-data u l-ħin fejn twettaq ir-reat:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

In-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

veloċità eċċessiva, ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sigurtà, jinqabeż id-dawl aħmar, sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, jintlibisx l-elmu protettiv, l-użu ta' karreġġjata pprojbita, l-użu illegali ta' telefown ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan (1)

Deskrizzjoni dettaljata tar-reat:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

Referenza għad-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

Deskrizzjoni tal-provi tar-reat jew referenza għalihom:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

(c) Dejta dwar it-tagħmir li ntuża għar-reġistrazzjoni tar-reat (2):

Tip ta' tagħmir għall-osservazzjoni tal-veloċità eċċessiva, in-nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sigurtà, il-qbiż tad-dawl aħmar, is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, in-nuqqas ta' użu tal-elmu protettiv, l-użu ta' karreġġjata pprojbita, l-użu illegali ta' telefown ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan (1):

Speċifikazzjoni tat-tagħmir:

……………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………

Numru tal-identifikazzjoni tat-tagħmir:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

Skadenza tal-aħħar kalibrazzjoni tat-tagħmir:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

(d) Ir-riżultat tal-applikazzjoni tat-tagħmir:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………

[eżempju għall-veloċità eċċessiva; reati oħra li għad iridu jiżdiedu:]

Il-veloċità massima:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

Il-veloċità mkejla:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

Il-veloċità mkejla kkoreġuta skont il-marġni ta’ żball:

…………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

_______________

(1)    Ħassar jekk mhux applikabbli.

(2)    Mhux applikabbli jekk ma jkun intuża l-ebda tagħmir.


Paġna 4

Formola tat-tweġiba

(jekk jogħġbok imla l-formola b'ittri kapitali)

A. Identità tas-sewwieq:

— Isem sħiħ: …………………………………………    …………………………………………………………………………..…………….

— Data u post tat-twelid: ………………………………..    …………………………………………...

— Numru tal-liċenzja tas-sewqan:      mogħtija (data):      u fi (post):………………………….

— Indirizz:…………………………………………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

B. Lista ta’ mistoqsijiet:

1.    Il-vettura, bin-numru     tar-reġistarazzjoni tal-marka ...... irreġistrata f'ismek?    iva/le (1)

Jekk le, id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni huwa/hija:     ….

(kunjom, isem, indirizz)

2.    Tammetti li wettaqt ir-reat?.............    ……………………………………………………………..iva/le (1)

3.    Jekk dan ma tammettihx, jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet tiegħek:

Jekk jogħġbok, ibgħat il-formola mimlija sa 60 jum mid-data ta’ din l-ittra ta' informazzjoni lill-awtorità li ġejja:…........................

fl-indirizz li ġej:     ………....

INFORMAZZJONI

Il-każ se jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti ta’     ……….

[isem l-Istat Membru tar-reat]

Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a sa 60 jum mid-data tal-wasla tal-formola ta' tweġiba.

___________________

(1)    Ħassar jekk mhux applikabbli.

Jekk jingħata segwitu għall-każ, tapplika l-proċedura li ġejja:

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………….

[dan l-ispazju għandu jimtela mill-Istat Membru tar-reat — x'ser tkun il-proċedura li jmiss, flimkien ma’ dettalji dwar il-possibbiltà u l-proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjoni li jiġi segwit il-każ. F'kull każ dawn id-dettalji għandhom jinkludu: l-isem u l-indirizz tal-awtorità inkarigata li ssegwi l-każ; l-iskadenza għall-pagament; l-isem u l-indirizz tal-entità tal-appell ikkonċernata; l-iskadenza għall-appell].

Din l-ittra bħala tali ma twassalx għal konsegwenzi legali.

__________

Top