Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0338

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha

/* COM/2014/0338 final - 2014/0172 (NLE) */

52014PC0338

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha /* COM/2014/0338 final - 2014/0172 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija maħsuba biex tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF li se ssir bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014 rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) kif ukoll emendi tal-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta' Prodotti bil-Ferrovija – CIM), l-Appendiċi D (Regoli Uniformi għall-Kuntratti tal-Użu tal-Vetturi fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUV), l-Appendiċi E (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUI), l-Appendiċi F (Regoli Uniformi li jirrigwardsw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta' Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali – APTU) u l-Appendiċi G tiegħu (Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali – ATMF), li se jiddeċiedi dwarhom il-kumitat imsemmi.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-emendi tal-Appendiċi G (ATMF) u tal-Appendiċi D (CUV) ġew diskussi f'għadd ta' laqgħat ta' gruppi ta' ħidma speċifiċi fi ħdan l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għall-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). Il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) ħadu sehem attiv fil-laqgħat kollha, flimkien ma' għadd ta' Stati Membri. B'danakollu, proposti oħrajn ma ġewx diskussi waqt laqgħa ta' tħejija fl-OTIF qabel ma tressqu quddiem il-Kumitat tar-Reviżjoni.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Unjoni ngħaqdet mal-COTIF f’Lulju tal-2011 bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE[1]. Il-COTIF, huwa ftehim imħallat fejn l-Unjoni u l-Istati Membri kollha li għandhom netwerk ferrovjarju huma partijiet kontraenti. L-Anness III tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi proċedimenti skont l-OTIF. Fi kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-UE, l-UE tivvota bl-għadd ta’ voti tal-Istati Membri kollha li huma assoċjati mal-COTIF. Hemm 26 Stat Membru tal-UE li huma wkoll Stati Membri tal-COTIF. Iżda tliet Stati Membri tal-UE ma rratifikawx il-COTIF 1999 filwaqt li tliet Stati Membri tal-UE ma rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas tal-applikazzjoni tal-Appendiċijiet E (CUI) u F (APTU) u erba' Stati Membri tal-UE ma rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas tal-applikazzjoni tal-Appendiċi G (ATMF) li kienu saru meta dawn l-Appendiċijiet kienu għadhom mhux kumpatibbli mal-liġi tal-UE. B'konsegwenza ta' dan, dawn l-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jivvutaw dwar emendi li jikkonċernaw dispożizzjonijiet li huma ma japplikawx. Hemm 46 Stat Membru attiv mal-OTIF (is-sħubija ta' żewġ membri oħra ġiet sospiża sakemm jerġa' jitwaqqaf it-traffiku internazzjonali tal-ferrovija).

Skont l-Artikolu 35 tat-Titolu VI tal-COTIF, ladarba jiġu deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-partijiet kontraenti kollha fl-ewwel jum tat-tnax-il xahar wara dak li fih is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF ikun avża dwarhom lill-partijiet kontraenti. Parti Kontraenti tista’ tifformula oġġezzjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika. F'każ ta’ oġġezzjoni minn kwart tal-Partijiet Kontraenti, l-emenda ma għandhiex tidħol fis-seħħ.

Fil-partijiet kontraenti li fformulaw oġġezzjonijiet kontra deċiżjoni fi żmien il-perjodu previst, l-applikazzjoni tal-Appendiċi kkonċernata għandha tiġi sospiża kollha kemm hi, mill-mument li jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet, f'dak li għandu x'jaqsam mat-traffiku ma’ dawk il-partijiet u bejniethom. Madankollu, f'każ ta’ oġġezzjoni għall-validazzjoni ta’ standard tekniku jew għall-adozzjoni ta’ preskrizzjoni teknika uniformi, dak l-istandard jew dik il-preskrizzjoni biss għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta’ traffiku mal-Istati Membri u bejniethom minn meta jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet; l-istess għandu japplika f'każ ta’ oġġezzjoni parzjali.

Sakemm ma jitqajmux biżżejjed oġġezzjonijiet mill-partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fit-tnax-il xahar wara li jkun innotifika lill-partijiet kontraenti dwarhom is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF. Minn dik id-data 'l quddiem, dawn isiru vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri u jiffurmaw parti integrali mill-acquis tal-Unjoni.

L-Artikolu 38 tat-Titolu VII tal-COTIF jistabbilixxi li għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joġġezzjona, stipulati fl-Artikolu 35(2) u 35(4), l-organizzazzjoni reġjonali, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea, għandu jkollha għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-membri tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni.

Il-proposta ġiet żviluppata abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-UE mal-COTIF (id-Deċiżjoni 2013/103/UE). Il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Fl-Anness tal-proposta ta' Deċiżjoni tal-Kunsill tinsab lista dettaljata tal-emendi previsti, li fiha hemm speċifikat liema emendi mressqin mis-Segretarju Ġenerali jistgħu jiġu aċċettati mill-Unjoni u liema emendi għandhom jitwarrbu f'din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni, billi għandhom bżonn ta' aktar ħsieb u/jew aktar miżuri biex jinġabu konformi mal-liġi tal-UE. Għadd kbir tal-emendi previsti huma meqjusa xierqa għat-trasport internazzjonali ferrovjarju sikur u affidabbli, fid-dawl tal-progress teknoloġiku, u għaldaqstant jistgħu jiġu appoġġati, filwaqt li xi emendi (b'mod partikolari dawk dwar il-finanzjament tal-OTIF jew dwar il-kuntratti tal-ġarr tal-prodotti) ma għandhom ebda impatt fuq il-liġi tal-UE.

Meta l-emendi adottati mill-Kumitat tar-Reviżjoni ma jkunux skont il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness għall-abbozz tad-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35.4 tat-Titolu VI tal-COTIF biex jiġi evitat li din l-emenda tidħol fis-seħħ.

2014/0172 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Unjoni iffirmat il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980 kif emendat mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (minn issa ’l quddiem “il-Konvenzjoni COTIF”), bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni msemmija[2].

(2)       L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, japplikaw il-Konvenzjoni COTIF.

(3)       Waqt il-25 seduta tal-Konvenzjojni COTIF, li se ssir bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit bi qbil mal-Artikolu 13.1(c) tal-Konvenzjoni COTIF, huwa mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti emendi tal-Konvenzjoni COTIF u tal-Appendiċijiet tiegħu: l-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta' Prodotti bil-Ferrovija – CIM), l-Appendiċi D (Regoli Uniformi għall-Kuntratti tal-Użu tal-Vetturi fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUV), l-Appendiċi E (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUI), l-Appendiċi F (Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta' Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi Applikati għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali – APTU) u l-Appendiċi G (Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali – ATMF).

(4)       L-emendi fil-Konvenzjoni COTIF jimmiraw li: (a) jaġġornaw il-kompiti tal-Kumitat tal-Esperti Tekniċi u jaslu għal definizzjoni ta' "detentur" bi qbil mal-liġi tal-UE, u (b) jibdlu ċerti regoli dwar il-finanzjament tal-OTIF, il-monitoraġġ tiegħu u r-rappurtar dwaru, kif ukoll jagħmlu xi bidliet amministrattivi żgħar.

(5)       L-emendi tal-Appendiċi B (CIM) għandhom l-għan li jagħtu preferenza lill-forma elettronika tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha, u li jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-ġarr.

(6)       L-emendi tal-Appendiċi D (CUV) imressqin mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni fil-kuntratti tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju. Franza ressqet proposta separata dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara li tista' tikkawża vettura.

(7)       L-emendi fl-Appendiċi G (ATMF) huma mmirati biex jaġġornaw id-dispożizzjonijiet dwar il-permissibbiltà teknika tal-materjali ferrovjarji li jintużaw fit-traffiku internazzjonali, biex jiċċaraw il-funzjonijiet tal-Istat Kontraenti, l-awtorità kompetenti u l-entità tal-valutazzjoni u r-relazzjonijiet ta' bejniethom, kif ukoll biex jarmonizzaw it-termini bi qbil mal-liġi tal-UE.

(8)       L-emendi fl-Appendiċi F (APTU) huma mmirati biex tinżamm konsistenza mal-Appendiċi G emendat.

(9)       L-emendi fl-Appendiċi E (CUI) proposti mis-CIT huma mmirati biex jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt tal-użu tal-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju domestiku, biex tinħoloq bażi legali għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u biex tiġi estiża r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsarat jew telf li jistgħu jiġu kkawżati mill-infrastruttura.

(10)     Is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF ippropona wkoll xi tibdiliet editorjali biex jissostitwixxu t-terminu "Komunitajiet Ewropej" bit-terminu "Unjoni Ewropea" fil-Konvenzjoni COTIF u l-Appendiċijiet tiegħu kollha.

(11)     Il-maġġoranza tal-emendi proposti jaqblu mal-liġi u mal-għanijet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni. Xi emendi ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-UE u ma jeħtieġux li jkun hemm qbil dwar pożizzjoni fil-livell tal-UE. Fl-aħħar nett, ċerti emendi jeħtieġ li jkun hemm aktar diskussjoni dwarhom fl-Unjoni Ewropea, u għandhom jitwarrbu f'din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni. Jekk dawn l-aħħar emendi jiġu approvati b'tibdiliet li ma jkunux aċċettabbli għall-Unjoni, din għandha tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35.4 tal-Konvenzjoni COTIF.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea

1.         Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.         Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma' xi tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li jirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.

[2]               ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.

ANNESSI

tal-proposta tad-

Deċiżjoni tal-Kunsill

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni waqt il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF dwar ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tiegħu

1. Daħla

Is-Segretarjat Ġenerali tal-OTIF sejjaħ il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-COTIF 99 f'Berne bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014.

L-għan ta' dan id-dokument ta' ħidma hu li tiġi żviluppata pożizzjoni kkoordinata tal-UE li għandha titressaq waqt il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni. Id-dokument tħejja mid-DĠ MOVE bl-għajnuna tas-servizzi l-oħrajn involuti tal-Kummissjoni (TAXUD, SANCO, SJ, SG).

2. Dokumenti ta' referenza

Fil-25 ta' April 2014 tqassmu d-dokumenti dwar il-punti fl-aġenda lill-Istati Membri tal-OTIF, u dawn huma disponibbli fil-websajt tal-OTIF fil-link li tidher taħt: http://otif.org/en/law/revision-committee/working-documents.html.

3. Kummenti dwar kull punt fl-aġenda

Il-punt nru 1. Il-ftuħ tal-laqgħa u l-istabbiliment ta' kworum

Dokumenti: mhemmx.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: mhemmx.

Għandu jkun hemm kworum fis-seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni meta l-maġġoranza tal-Istati Membri li għandhom id-dritt li jivvutaw ikunu rappreżentati meta ssir il-votazzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jitqies l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni, li jistipula li l-Istati Membri li jkunu għamlu dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' xi Appendiċijiet ma għandhomx dritt jivvutaw dwar l-emendi li jsiru f'dik l-Appendiċi.

L-Istati Membri elenkati hawn taħt ma rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' ċerti Appendiċijiet:

il-Pakistan, ir-Russja (dwar is-CIV, l-RID, is-CUV, is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Ġeorġja (dwar is-CUV, is-CUI, l-APTU u l-ATMF), ir-Repubblika Ċeka, in-Norveġja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit (dwar is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Franza (dwar l-ATMF).

Meta jkunu qegħdin jiġu diskussi l-emendi fl-Appendiċijiet rilevanti, l-għadd ta' Stati Membri li jkunu għamlu dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-Appendiċi kkonċernata jrid jitnaqqas mill-għadd tal-membri attivi tal-OTIF (46) biex jiġi stabbilit il-kworum għall-votazzjoni dwar l-Appendiċi kkonċernata.

F'każ fejn il-kompetenza tkun tal-UE, l-UE tista' tivvota f'isem il-membri kollha tagħha li jkollhom id-dritt li jivvutaw, mingħajr bżonn tal-preżenza fiżika ta' dawk il-membri meta tkun qed issir il-votazzjoni; b'hekk, il-kworum jista' jkun differenti f'każi fejn l-UE tirrappreżenta lill-Istati Membri tagħha u f'każi fejn l-Istati Membri jivvutaw huma.

Il-punt nru 2. L-elezzjoni tal-president u l-viċi president

Dokumenti: mhemmx.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: mhemmx.

Il-punt nru 3. L-adozzjoni tal-aġenda

Dokumenti: CR 25/3.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: mhemmx.

Il-punt nru 4. Ir-reviżjoni parzjali tal-Konvenzjoni Bażika – COTIF

Dokumenti: CR 25/4, CR 25/4 Add. 1.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 3 (Il-kooperazzjoni internazzjonali) għandhom jiġu appoġġati (tibdil editorjali biex ir-referenzi għall-"Komunitajiet Ewropej" jinbidlu għal referenzi għall-"Unjoni Ewropea").

L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Hemża) għandha tiġi appoġġata peress li temenda d-definizzjoni ta' "detentur" bi qbil mal-liġi tal-UE.

L-emendi fl-Artikolu 20 (Il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi) għandhom jiġu appoġġati billi dawn huma meħtieġa biex jiġu aġġornati r-Regoli Uniformi APTU u ATMF biex jibqgħu jaqblu mal-liġi tal-UE.

Emendi oħra: mhijiex meħtieġa pożizzjoni tal-UE billi dawn l-emendi huma marbutin mal-finanzjament tal-organizzazzjoni, jew mal-awditjar, jew jinkludu bidliet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-programm ta' ħidma, mar-rapport annwali u mal-listi tal-linji jew tas-servizzi li ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-UE.

Il-punt nru 5. Ir-reviżjoni Parzjali tal-Appendiċi B (CIM UR)

Dokumenti: CR 25/5, CR 25/5 Add. 1, CR 25/5 Add. 2, CR 25/5.1.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: l-UE fuq l-Artikoli 6 u 6a; l-Istati Membri fuq l-Artikoli l-oħrajn.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu l-ġdid 6a jikkonċernaw il-liġi tal-UE minħabba l-użu tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha għad-dwana u minħabba l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji (SPS). L-UE taqbel mal-ħsieb tal-OTIF li tingħata prijorità lill-forma elettronika tan-noti tal-konsenja. Iżda fil-preżent, l-adozzjoni ta' dawn l-emendi tista' twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Il-proċedura ssimplifikata attwali għat-tranżitu mid-dwana bil-ferrovija hija possibbli li ssir biss b'dokumenti f'forma ta' karti. Għaldaqstant, jekk il-ferroviji jagħżlu li jużaw in-nota ta' konsenja elettronika, ikollhom jużaw il-proċedura standard għat-tranżitu u s-Sistema ta' Tranżitu Komputerizzata l-Ġdida (NCTS). Il-Kummissjoni bdiet tħejji grupp ta' ħidma biex jiddiskuti l-użu ta' dokumenti tat-trasport elettroniċi għat-tranżitu skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. L-ewwel laqgħa ta' dan il-grupp ta' ħidma se ssir bejn l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014. L-UE taq«»bel ukoll mal-ħsieb li d-dokumenti ta' akkumpanjament ikunu f'format elettroniku. Iżda fil-liġi preżenti tal-UE ma hemmx bażi legali biex id-dokumenti (bħad-Dokument Veterinarju Komuni tad-Dħul, id-Dokument Komuni tad-Dħul) li jridu jakkumpanjaw il-prodotti marbutin mal-SPS jingħataw f'format elettroniku, u għaldaqstant jeħtieġ li dawn jingħataw f'forma ta' karti. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta' Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni elettronika, u fil-preżent l-abbozz qed jiġi diskuss fil-Kunsill u fil-Parlament. Huwa previst li dak ir-Regolament (Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) jiġi adottat sa tmiem l-2015 jew sal-bidu tal-2016, madankollu se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni għall-infurzar.

Għalhekk, l-UE tipproponi li fis-seduta preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni ma jittieħdux deċiżjonijiet dwar dawn il-punti u li l-OTIF jibqa' jikkoopera mal-UE dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni maħsuba tajjeb sar-reviżjoni li ġejja tas-CIM, li idealment tkun issinkronizzata mal-UCC il-ġdid u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju2016. Ċerti proċeduri elettroniċi jistgħu jiddaħħlu ftit ftit bejn l-2016 u l-2020 bi qbil mal-Artikolu 278 tal-UCC.

Emendi oħrajn: mhijiex meħtieġa pożizzjoni tal-UE, billi dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-UE.

Il-punt nru 6 Dokumenti elettroniċi li jikkonċernaw il-ġarr ta' oġġetti perikolużi – informazzjoni dwar il-ħidma tal-Kumitat ta' Esperti tal-RID

Dokumenti: CR 25/6.

Kompetenza: UE.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: osservazzjoni tal-informazzjoni.

Il-punt nru 7 Ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi D (CUV UR)

Dokumenti: CR 25/7, CR 25/7 Add. 1, CR 25/7 Add. 2.

Kompetenza: kondiviża

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni tal-UE rakkomandata: il-bidliet fl-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati billi dawn jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli mill-manutenzjoni bi qbil mal-liġi tal-UE. Madankollu, l-emenda proposta minn Franza fl-Artikolu 7 dwar ir-responsabbiltà tal-persuna li jkun ipprovda l-vettura biex tintuża bħala mezz ta' trasport, f'każ ta' ħsara li tiġi kkawżata minn difett fil-vettura, teħtieġ analiżi ulterjuri billi l-impatt li jista' jkollha fuq strumenti oħra tal-COTIF, li mbagħad jistgħu wkoll jaffettwaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, ma jistax ikun li ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li l-proposti tal-Istati Membri tal-UE li jista' jkollhom impatt fuq il-liġi tal-UE, għandhom jiġu diskussi fi ħdan l-UE qabel ma jitressqu quddiem l-OTIF. Għaldaqstant, l-UE mhijiex f'pożizzjoni li tappoġġa din il-proposta għal emenda waqt is-seduta preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni.

Il-punt nru 8. Ir-reviżjoni tal-Appendiċi G (ATMF UR)

Dokumenti: CR 25/8, CR 25/8 Add. 1, CR 25/8 Add. 2.

Kompetenza: UE.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: ara d-Dokument ta' Ħidma dwar il-COTIF-CTE7. Il-pożizzjoni jkollha tiġi aġġornata skont ir-riżultati tal-laqgħa tas-CTE li se ssir bejn l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014.

Il-punt nru 9. Ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi F (APTU UR)

Dokumenti: Ref.: CR 25/9, CR 25/9 Add. 1.

Kompetenza: UE.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi editorjali għandhom jiġu appoġġati.

Il-punt nru 10. Il-mandat għall-konsolidazzjoni tar-Rapport ta' Spjegazzjoni

Dokumenti: CR 25/10.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM.

Il-pożizzjoni tal-UE rakkomandata: għandu jiġi appoġġat.

Il-punt nru 11. L-emendi editorjali

Dokumenti: CR 25/11.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: għandhom jiġu appoġġati.

Il-punt nru 12. Ir-reviżjoni parzjali tal-Apppendiċi E (CUI UR)

Dokumenti: CR 25/12.

Kompetenza: UE.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi għandhom jiġu rifjutati. Dawn l-emendi proposti mis-CIT jinkludu l-estenzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-CUI biex jinkludi l-operazzjoniijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta' Termini u Kundizzjonijiet Ġenerali li jkunu vinkolanti, u l-estenzjoni tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara li tista' ssir. Minkejja li dawn għandhom jingħataw aktar ħsieb, billi ma ġew diskussi f'ebda forum intern tal-OTIF qabel is-seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni, l-impatt tagħhom ma jistax ikun li ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Huwa daqsxejn prematur li s-CUI (li fil-preżent jaqbel mal-liġi tal-UE) jiġi emendat f'din is-seduta mingħajr tħejjija xierqa.

Il-punt nru 13. Ir-Regoli ta' Proċedura għall-Gruppi ta' Ħidma tal-Kumitat tar-Reviżjoni fejn jikkonċerna l-Appendiċijiet A, B, D, u E

Dokumenti: CR 25/13.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: għandhom jiġu appoġġati.

Il-punt nru 14. L-informazzjoni dwar xogħol fil-ġejjieni.

Dokumenti: CR 25/14 (għadu mhux disponibbli).

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

«»Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: għandha tiġi deċiża dak il-ħin.

Top