Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0269

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    /* COM/2014/0269 final - 2014/0142 (NLE) */

    52014PC0269

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2014/0269 final - 2014/0142 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Kemm l-UE kif ukoll dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011.

    L-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-14 ta' Ġunju 2012, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Awwissu 2012, rispettivament.

    L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra[2], għandhom jadottaw deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 4 li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati waqt il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tal-14 u l-15 ta' Mejju 2013.

    Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern. Minbarra dan, ma kienx meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll fuq ir-regoli dwar l-oriġini li jinsab fis-seħħ bħalissa.

    3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

    2014/0142 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra[3], minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim", jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, minn hawn 'il quddiem il-"Protokoll 4".

    (2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4] minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni" tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-parteċipanti l-oħra fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea tal-akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

    (3)       L-UE kif ukoll dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011.

    (4)       L-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-14 ta' Ġunju 2012, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Awwissu 2012, rispettivament.

    (5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 4 bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

    (6)       L-Unjoni Ewropea għandha għalhekk tadotta l-pożizzjoni definita fl-abbozz ta' Deċiżjoni hawn mehmuż, fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, hija stabbilita fl-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, hawn mehmuż.

    Jista' jintlaħaq qbil dwar xi tibdil żgħir fl-abbozz tad-Deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, minħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [2]               ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

    [3]               ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

    [4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    ANNESS

    Abbozz ta' DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TA' STABBILIAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE-dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja Nru […]

    ta' […]

    li temenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra[1], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 40 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, minn hawn' il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll 4",

    Billi:

    (1) L-Artikolu 40 tal-Ftehim jirreferi għall-Protokoll 4 li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u kwalunkwe pajjiż jew territorju li jipparteċipa fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    (2) L-Artikolu 39 tal-Protokoll 4 jipprovdi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stipulat fl-Artikolu 108 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

    (3) Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2], minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni", għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona Pan-Ewro-Mediterranja b'att legali wieħed. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-parteċipanti l-oħra fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea tal-akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

    (4) L-UE kif ukoll dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011.

    (5) L-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u l-14 ta' Ġunju 2012, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Awwissu 2012, rispettivament.

    (6) Fejn it-tranżizzjoni lejn il-Konvenzjoni ma tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha fi ħdan iż-żona ta' akkumulazzjoni, ma għandhiex twassal għal sitwazzjoni anqas favorevoli minn qabel skont il-Protokoll.

    (7) Il-Protokoll 4 tal-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll 4 tal-Ftehim, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija tapplika mill-[1 ta' Settembru 2014].

    Magħmul fi

                                                                           Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

                                                                           Il-President

    Anness

    Protokoll 4

    dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta' oriġini applikabbli

    Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[3], minn hawn' il quddiem "il-Konvenzjoni".

    Ir-referenzi kollha għall-"ftehim rilevanti" f'Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta' oriġini Pan-Ewro-Mediterranji jinftiehmu bħala li jirreferu għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Soluzzjoni tat-tilwim

    Fejn iqumu tilwimiet b'rabta mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li ma jkunux jistgħu jissolvew bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli milli jwettqu din il-verifikazzjoni, dawn jitressqu quddiem il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Fil-każijiet kollha s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni sseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

    Artikolu 3

    Emendi għall-Protokoll

    Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

    Artikolu 4

    Irtirar mill-Konvenzjoni

    1. Jekk l-UE jew dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sejrin immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    2. Sad-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-regoli ta' oriġini ġodda nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu f'Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali bejn l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biss.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni – akkumulazzjoni

    1. Minkejja l-Artikolu 3 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ir-regoli dwar l-akkumulazzjoni previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, kif emendati permezz tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, sabiex iqisu l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea[4], ikomplu japplikaw bejn l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sa meta l-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha elenkati f'dawn l-Artikoli 3 u 4.

    2. Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-UE, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.

    [1]               ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

    [2]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [3]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

    [4]               ĠU L99, 10.4.2008, p. 2.

    Top