Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0220

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika

/* COM/2014/0220 final - 2014/0123 (NLE) */

52014PC0220

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika /* COM/2014/0220 final - 2014/0123 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-omoġeneità li huma meħtieġa fis-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-Unjoni fil-Ftehim ŻEE mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora r-Regolament (UE) Nru 1383/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew 2013-17 fil-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE.

Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1] ġie inkluż fil-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 134/2013 tat-8 ta’ Lulju 2013[2]. Peress li r-Regolament (UE) Nru 99/2013 stabbilixxa l-pakkett finanzjarju tal-programm statistiku Ewropew għall-2013 biss, l-inklużjoni kienet limitata għas-sena 2013.

Ir-Regolament (UE) Nru 1383/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu 2014 sal-2017. L-Att huwa inkluż fl-Artikolu 5 tal-Protokoll 30 u jinkludi bidliet li jirriflettu l-perjodu estiż 2014 sal-2017. Barra minn hekk, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jemenda l-Artikolu 5(3) sabiex jiġi ċċarat li l-Programm Statistiku taż-ŻEE huwa programm annwali.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni tressaq l-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

2014/0123 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) , flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)       Skont l-Artikolu98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 30 ta' miegħu.

(3)       L-Anness XXI għall-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi rigward l-istatistika,

(4)       Il-programm statistiku taż-ŻEE 2014 sal-2017 għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1383/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew 2013-2017[5] u għandu jinkludi dawk l-elementi tal-programm li huma meħtieġa għad-deskrizzjoni u l-monitoraġġ tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali rilevanti kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea,

(5)       Il-programm statistiku taż-ŻEE 2003 sal-2007 mhuwiex applikabbli aktar u konsegwentement għandu jitħassar mill-Ftehim ŻEE.

(6)       Għalhekk, il-Protokoll 30 ta' mal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2014.

(7)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12.

[2]               ĠU L 345, 19.12.2013, p. 2.

[3]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

[4]               ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12.

[5]               ĠU L 354, 28.12.2013, p. 84.

ANNESS DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2014 ta' li temenda l-Protokoll 30 ta' mal-Ftehim ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1) Il-programm statistiku taż-ŻEE 2014 sal-2017 għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1] kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1383/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew 2013-17[2] u għandu jinkludi dawk l-elementi tal-programm lil huma meħtieġa għad-deskrizzjoni u l-monitoraġġ tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali rilevanti kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea,

(2) Il-programm statistiku taż-ŻEE 2003 sal-2007 mhuwiex aktar applikabbli u konsegwentement għandu jitħassar mill-Ftehim ŻEE.

(3) Għalhekk, il-Protokoll 30 ta' mal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2014

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 30 ta’ mal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.           Il-kelma “2013” fit-titolu tal-Artikolu 5 hija sostitwita bil-kliem “2013 sal-2017”.

2.           Dan li ġej huwa miżjud f’Artikolu 5 (1):

“, kif emendant minn:

-        32013 R 1383: ir-Regolament (UE) Nru 1383/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 354, 28.12.2013. p. 84).”

3.           Il-kliem “31 ta’ Diċembru 2013” fl-Artikolu 5(2) huma sostitwiti bil-kliem “31 ta’ Diċembru 2017”.

4.           It-test tal-Artikolu 5(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Programm Statistiku Annwali taż-ŻEE speċifiku għal mill-2013 sal-2017 jiġi żviluppat b’mod konġunt mill-Uffiċju tal-Istatistika tal-EFTA u l-Eurostat. Il-Programm Statistiku annwali taż-ŻEE jissejjes fuq subsett tal-programm ta' ħidma annwali mħejji mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 99/2013, u jitfassal b'mod parallel miegħu. Il-Programm Statistiku Annwali taż-ŻEE jiġi approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni tagħhom stess.

5.           It-test tal-Artikolu 5(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati tal-EFTA jikkontribwixxu finanzjarjament b'konformità mal-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim u tar-Regolamenti Finanzjarji ta' miegħu ammont li jirrappreżenta 75 fil-mija tal-ammont muri fl-intestaturi baġitarji 29 02 05 (Programm Statistiku Ewropew 2013-17) u 29 01 04 05 (Politika ta’ informazzjoni statistika – Nefqa fuq il-ġestjoni amministrattiva) imdaħħal fil-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2013 u ammont li jirrappreżenta 75 fil-mija tal-ammont muri fl-intestaturi baġitarji 29 02 01 (Programm Statistiku Ewropew 2013-17) u 29 01 04 01 (Politika ta’ informazzjoni statistika – Nefqa fuq il-ġestjoni amministrattiva) imdaħħal fil-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2014 sal-2017.”

6.           It-test tal-Artikolu 2 huwa mħassar;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada li ssir l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

[3] japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

                                                                       Il-President                                                                                                                                                                                                                                                                                             Is-Segretarji                                                                        għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE                                                                       

[1]               ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12.

[2]               ĠU L 354, 28.12.2013, p. 84.

[3]               *               [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali mhuma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]

Top