Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0200

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja, fl-isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni

    /* COM/2014/0200 final - 2014/0109 (NLE) */

    52014PC0200

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja, fl-isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2014/0200 final - 2014/0109 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi sħab tal-PEV hija waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni espandiet fuq dan fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Diċembru 2006 “dwar l-approċċ ġenerali biex il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji”[1].

    Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007[2].

    B'segwitu għal din il-Komunikazzjoni u dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji[3].

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-PEV u approva r-Rapport tal-Progress mill-Presidenza[5] li kien ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill fit-18 u fid-19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6]. Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali rilevanti.

    Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Risposta ġdida għal Viċinat li qed jinbidel[7], approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011, enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE.

    Sa issa, ġew iffirmati Protokolli mal-Armenja[8], mal-Ġeorġja[9], mal-Iżrael[10], mal-Ġordan[11], mal-Moldova[12], mal-Marokk[13] u mal-Ukraina[14].

    F’Diċembru 2013, il-Libanu esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-firxa wiesgħa ta’ programmi miftuħa għall-pajjiżi sħab tal-PEV. It-test tal-protokoll li ġie nnegozjat mar-Repubblika tal-Libanu huwa mehmuż hawnhekk.

    Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni Ewropea. Fih stipulazzjonijiet standard li għandhom jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-PEV li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli. It-test innegozjat jistipula wkoll li l-partijiet japplikaw b’mod provviżorju d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll mid-data ta' meta jiġi ffirmat.

    B’mod parallel, il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

    Il-Kunsill huwa mistieden jadotta d-Deċiżjoni proposta li ġejja.

    2014/0109 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja, fl-isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) u 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Fit-18 ta’ Ġunju 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterannju li jistabilixxi Assoċazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra[15], dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni ("il-Protokoll"),

    (2)       In-negozjati ġew konklużi.

    (3)       L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lir-Repubblika tal-Libanu li tipparteċipa f'ċerti programmi tal-UE. Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi prinċipji għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermetti r-Repubblika tal-Libanu li tirċievi għajnuna, b’mod partikolari għajnuna finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea skont il-programmi. Dan il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi li għalihom l-atti legali kostitwivi rilevanti jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi. 

    (4)       Il-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea u jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ lill-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Protokoll biex jiffirma(w) il-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu..

    Artikolu 3

    Il-Protokoll jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f'konformità mal-Artikolu 10(2), mill-firma tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

    Id-data tal-firma ta' dan il-Protokoll tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Libanu fi kwalunkwe programm partikolari, inkluż il-kontribut finanzjarju pagabbli. Il-Kummissjoni żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006.

    [2]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE) tal-5 ta’ Marzu 2007.

    [3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […], Dok 10412/07;

    [4]               Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07.

    [5]               Ir-Rapport tal-Progress mill-Presidenza dwar it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07.

    [6]               Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07.

    [7]               COM(2011) 303 finali tal-25 ta’ Mejju 2011.

    [8]               [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni]

    [9]               [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni]

    [10]             ĠUUE L129/39 tas-17.5.2008.

    [11]             [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni]

    [12]             ĠUUE L 14/5 tad-19.1.2011, ĠUUE L 131/1 tat-18.5.2011, dħul fis-seħħ fl-01.5.2011.

    [13]             ĠUUE L273/1 tad-19.10.2010, ĠUUE L90/1 tat-28.03.2012, dħul fis-seħħ fl-01.10.2012.

    [14]             ĠUUE L18/1-5 tal-21.1.2011, ĠUUE L133/1 tal-20.5.2011, dħul fis-seħħ fl-01.11.2011.

    [15]            

    ANNESS PROTOKOLL fuq Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    min-naħa l-waħda,

    u

    IR-REPUBBLIKA TAL-LIBANU, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Libanu”

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet”

    Billi:

    (1)          Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Ewro-Mediterranju”[1], kien iffirmat fi Brussell fl-1 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006.

    (2)          Il-Kunsill Ewropew tas-17 u tat-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004.

    (3)          F’ħafna okkażjonijiet oħrajn, il-Kunsill approva dik il-politika fil-konklużjonijiet tiegħu.

    (4)          Il-Kunsill, fil-5 ta’ Marzu 2007, esprima appoġġ għall-approċċ ġenerali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2006 sabiex il-pajjiżi sħab tal-PEV jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji skont il-merti tagħhom u meta l-bażijiet ġuridiċi jippermettu li jsir dan.

    (5)          Il-Libanu esprima x-xewqa li jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

    (6)          It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Libanu f’kull programm tal-Unjoni partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tittħallas mil-Libanu kif ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Libanu jkun jista' jipparteċipa fil-programmi kollha tal-Unjoni attwali u futuri li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Libanu skont id-dispożizzjonijiet rilevanti li jadottaw dawk il-programmi.

    Artikolu 2

    Il-Libanu jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondu mal-programmi speċifiċi tal-Unjoni li fihom jipparteċipa l-Libanu.

    Artikolu 3

    Ir-rappreżentanti tal-Libanu jkunu jistgħu jieħdu sehem, bħala osservaturi u, għall-punti li jikkonċernaw lil-Libanu, fil-kumitati ta' ġestjoni responsabbli għall-monitoraġġ tal-programmi tal-Unjoni li l-Libanu jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji għalihom.

    Artikolu 4

    Il-proġetti u l-inizjattivi mressqa minn parteċipanti mil-Libanu, kemm jista’ jkun, ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-programmi kkonċernati kif huma applikati lill-Istati Membri.

    Artikolu 5

    1. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-Libanu f’kull programm tal-Unjoni partikolari, b'mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mil-Libanu kif ukoll il-proċeduri tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni, għandhom jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu, abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati.

    2. F'każ li l-Libanu japplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex jipparteċipa fi programm tal-Unjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza esterna tal-Unjoni lil-Libanu li jista' jiġi adottat fil-futur, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mil-Libanu tal-assistenza esterna tal-Unjoni jiġu determinati fi ftehim ta' finanzjament.

    Artikolu 6

    1. Kull ftehim konkluż skont l-Artikolu 5 jistipula, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2], li l-kontrolli jew l-awditi finanzjarji jew verifiki oħra, inklużi l-investigazzjonijiet amministrattivi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mill-Qorti tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom.

    2. Ikun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontroll u l-awditjar finanzjarju, il-miżuri amministrattivi, il-penali u l-irkupru li jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u lill-Qorti tal-Awdituri setgħat ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew tal-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

    Artikolu 7

    1. Dan il-Protokoll japplika għall-perjodu li matulu jkun fis-seħħ il-Ftehim Ewro-Mediterranju.

    2. Dan il-Protokoll jiġi ffirmat u approvat mill-Partijiet f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom.

    3. Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Protokoll jintemm sitt xhur wara d-data li fiha ssir din in-notifika. It-terminazzjoni tal-Protokoll minħabba d-denunzja minn xi waħda mill-Partijiet ma għandhiex taffettwa l-verifiki u l-kontrolli li għandhom jitwettqu, kif xieraq, f'konformità mal-Artikoli 5 u 6.

    Artikolu 8

    Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Libanu fi programmi tal-Unjoni.

    Artikolu 9

    Dan il-Protokoll għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Libanu.

    Artikolu 10

    1. Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa biex dan jidħol fis-seħħ.

    2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw provviżorjament dan il-Protokoll mid-data ta' meta jiġi ffirmat, sakemm tintlaħaq il-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    Artikolu 11

    Dan il-Protokoll jifforma parti integrali mill-Ftehim.

    Artikolu 12

    Dan il-Protokoll għandu jitfassal f'żewġ kopji bl-Għarbi, bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Unjoni Ewropea           Għar-Repubblika tal-Libanu

    [1]               Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra. (ĠUUE L 143, 30.05.2006, p.2)

    [2]  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠUUE L 298, 26.10.2012, p. 1).

    Top