Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE4516

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-kooperattivi u tal-banek tat-tfaddil fil-koeżjoni territorjali — proposti għal qafas adattat ta’ regolamentazzjoni finanzjarja” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 251, 31.7.2015, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 251/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-kooperattivi u tal-banek tat-tfaddil fil-koeżjoni territorjali — proposti għal qafas adattat ta’ regolamentazzjoni finanzjarja”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2015/C 251/02)

    Relatur:

    is-Sur Carlos TRIAS PINTÓ

    Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Ir-rwol tal-kooperattivi u tal-banek tat-tfaddil fil-koeżjoni territorjali – proposti għal qafas adattat ta’ regolamentazzjoni finanzjarja

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2015.

    Matul il-505 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Frar 2015 (seduta tat-18 ta’ Frar 2015) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’153 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Fit-transizzjoni lejn mudelli ġodda ta’ servizzi bankarji u mhux bankarju fil-kuntest finanzjarju, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li tinżamm il-“bijodiversità” tas-sistema finanzjarja, mingħajr ma dan jimplika li l-istandards jiġu applikati b’mod arbitrarju (1).

    1.2.

    Il-banek immexxija skont il-prinċipju tal-valur għall-azzjonisti (shareholder value (SHV)) għandhom jiġu kkomplementati b’mod effiċjenti bil-banek stakeholder value (STV) permezz tal-attivitajiet bl-ingrossa, bl-imnut u ta’ investiment. Huwa biss b’dan il-mod li tista’ tiġi żgurata ekosistema finanzjarja stabbli u effikaċi, li tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp tal-ekonomija reali.

    1.3.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforz imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea biex fir-regolamentazzjoni finanzjarja tikkunsidra n-natura speċifika tal-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil biex jiġu evitati l-konsegwenzi mhux mixtieqa tal-applikazzjoni uniformi tar-regoli prudenzjali u l-possibbiltà li jkun hemm piżijiet amministrattivi żejda.

    1.4.

    Madankollu, il-problema prinċipali tibqa’ l-applikazzjoni adegwata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-regolamentazzjoni bankarja l-ġdida (b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital – DRK IV u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital – CRR), li l-Kumitat ta’ Basel issuġġerixxa li jiġu applikati proporzjonalment skont it-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li għandhom jiġu applikati r-rekwiżiti aktar stretti għall-banek globali, xi rekwiżiti rigorużi għall-banek pan-Ewropej (b’mod sistematiku fl-Ewropa) u rekwiżiti aktar flessibbli għall-banek nazzjonali u lokali (biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni għall-konsumatur).

    1.5.

    Dan ma jfissirx li ċerti fergħat tas-settur finanzjarju jiġu privileġġjati għal xejn b’xejn. Il-KESE dejjem tkellem favur kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni u għalhekk jirrakkomanda l-użu ta’ parametri oġġettivi li jiġġustifikaw regolazzjoni speċifika għal kull mudell ta’ kummerċ. Bażikament, dawn huma l-prestazzjoni ekonomika u dik finanzjarja, il-kontribut għall-ekonomija reali, il-ġestjoni tar-riskju u l-governanza. Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet finanzjarji jinċentivaw lill-protagonisti li jissodisfaw l-aħjar dawn il-kundizzjonijiet.

    1.6.

    Fl-istess ħin li l-KESE jenfasizza l-mudell bankarju li jirrappreżentaw il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil, huwa jixtieq jenfasizza l-istmerrija tiegħu għal ċerta imġiba fis-settur finanzjarju, li tinkludi dik ta’ ċerti korpi ta’ dan is-settur. Huwa jappella li jissaħħu l-istandards tal-etika professjonali u l-kodiċi ta’ governanza tajba għall-industrija finanzjarja kollha, peress li dawn huma vitali sabiex terġa’ tiġi rkuprata l-fiduċja mitlufa.

    1.7.

    Il-KESE jenfasizza l-effetti drammatiċi li staġnar kontinwu u nuqqas ta’ kreditu għall-SMEs u l-familji jista’ jkollhom fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea. Huwa jtenni wkoll il-kritika reċenti mill-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kumitat ta’ Basel li tefgħet f’dubju l-istrumenti speċifiċi Ewropej sabiex jiġu ffinanzjati l-SMEs.

    1.8.

    Jekk l-Ewropa tixtieq tindirizza b’suċċess l-isfidi tal-futur u tkun aġent tal-bidla (u mhux tesperjenzaha b’mod passiv) jeħtieġ li kemm jista’ jkun malajr tadotta firxa ta’ miżuri fil-kuntest finanzjarju sabiex b’mod effettiv jitwettqu l-Istrateġija Ewropa 2020, l-Att dwar is-Suq Uniku I u II, l-iSmall Business Act, il-Programm COSME, l-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali, eċċ. It-tisħiħ tar-rwol tal-banek tat-tfaddil u tal-kooperattivi fis-sistema finanzjarja Ewropea ser ikun essenzjali sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet.

    2.   Il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil fil-kuntest finanzjarju Ewropew

    2.1.

    Il-banek ta’ tfaddil u l-kooperattivi storikament/tradizzjonalment qdew rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija, b’mod partikolari fl-appoġġ għall-agrikoltura, l-industrija ż-żgħira u l-kummerċ. Attwalment dawn jirrappreżentaw madwar 40 % tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea (li jitla’ għal 70 % fi Franza u għal 60 % fil-Ġermanja), b’differenzi sinifikattivi fl-istrutturi tagħhom bejn il-pajjiżi. Fil-każ tal-banek tat-tfaddil, il-konċentrazzjoni settorjali f’pajjiżi bħal Spanja u l-Finlandja tikkontrasta mas-sistema mxerrda ħafna fil-Ġermanja jew l-Awstrija.

    2.2.

    B’mod ġenerali, ir-ristrutturazzjoni bankarja wasslet għal stampa iżgħar u iktar strutturata iżda inqas inklużiva, peress li fis-snin reċenti ċaħdet lill-SMEs u lill-familji mill-finanzjament. Dan mexa id f’id mat-tnaqqis gradwali tan-netwerk territorjali tal-fergħat u diversi postijiet ta’ xogħol. Dan il-fenomenu jista’ jiggrava jekk mis-suq ikun eskluż il-bank lokali.

    2.3.

    Bħala mudell ta’ negozju ta’ bank bl-imnut, il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil joffru elementi differenti sinifikattivi ħafna: ir-rabta tagħhom man-nisġa produttiva lokali, l-għeruq territorjali tagħhom, in-netwerks kummerċjali estensivi tagħhom, relazzjonijiet mill-qrib mal-klijent, il-finanzjament ta’ setturi speċifiċi, ir-rabtiet mill-qrib mal-interessi lokali u l-partijiet soċjali u l-impenn solidali tagħhom.

    2.4.

    Minħabba l-mod kif huma strutturati, hemm tendenza li l-banek tat-tfaddil u l-kooperattivi jkollhom strutturi b’saħħithom ta’ assi, b’assunzjoni raġonevoli ta’ riskju, li jorjentaw il-proċessi tagħhom ta’ investiment u kapitalizzazzjoni b’konformità mal-politiki ta’ żvilupp territorjali endoġenu.

    2.5.

    Mil-lat kunċettwali, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi li jiddistingwixxu l-kooperattivi mill-banek tat-tfaddil:

    il-kooperattivi huma ta’ natura privata b’kundizzjoni doppja: huma kumpaniji kooperattivi u entitajiet ta’ kreditu li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-għoti ta’ servizzi finanzjarji lill-membri/proprjetarji u l-klijenti tagħhom. Il-prinċipji kooperattivi li jservu ta’ bażi għall-governanza tagħhom huma t-teħid ta’ deċiżjoni b’mod demokratiku u l-parteċipazzjoni (persuna waħda, vot wieħed) u ammont sinifikanti tad-dħul finanzjarju tagħhom imur fil-fondi statutorji ta’ riżerva u tal-fondi soċjali;

    il-banek tat-tfaddil huma forma privata ta’ fundazzjoni bi rwol doppju essenzjali: attività finanzjarja u skop soċjali. L-uniċità tal-mudell tikkonsisti fin-nuqqas ta’ sidien espliċiti, għalkemm jikkoeżistu wkoll konfigurazzjonijiet oħra, bħal dawk tal-kumpaniji pubbliċi jew il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Fil-forma ta’ fundazzjoni, il-korpi ta’ governanza ġejjin minn assemblea ġenerali li fiha jiġu rrappreżentati il-korporazzjonijiet lokali u reġjonali, kif ukoll, skont il-pajjiżi, il-klijenti, il-korpi fundaturi u l-impjegati. Il-profitti miksuba jintefgħu f’riżervi u inizjattivi soċjali.

    2.6.

    Iċ-ċifri għall-kooperattivi huma espressivi ħafna f’perjodi ta’ kriżi: l-ebda kooperattiva fl-UE għadha ma falliet. Għandhom madwar 20 % tas-sehem tas-suq tad-depożiti, f’pajjiżi bħall-Italja, Franza, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi jiffinanzjaw bejn 25 % u 45 % tas-self lill-SMEs u żiedu s-sehem tagħhom ta’ depożiti b’mod kostanti tul dawn l-aħħar snin, u dan huwa indikazzjoni ċara ta’ fiduċja f’din l-entità.

    2.7.

    Min-naħa tagħhom, il-banek tat-tfaddil komplew jaqdu parti sinifikanti fis-sistema finanzjarja tal-UE. B’hekk fil-Ġermanja għandhom sehem mis-suq ta’ 43 % tad-depożiti u 39 % tas-self, filwaqt li fi Spanja għandhom 41 % u 42 % rispettivament.

    2.8.

    Il-Fond Monetarju Internazzjonali (2) wkoll jenfasizza r-rwol essenzjali tal-kooperattivi. Dawn il-korpi, li jiddependu inqas mill-istennijiet tal-azzjonisti, ikopru b’mod affidabli u sigur il-bżonnijiet ta’ self tal-SMEs u ta’ ħafna familji.

    2.9.

    Minkejja dan, stajna nosservaw xi eċċezzjonijiet: xi kooperattivi u banek tat-tfaddil abbandunaw l-għanijiet tagħhom, imxew lejn attivitajiet spekulattivi u għażlu espansjonijiet eċċessivi f’oqsma oħra, fejn dennsu r-reputazzjoni tagħhom. Minħabba f’hekk f’xi pajjiżi ġew implimentati miżuri regolatorji li b’ċertu mod fixklu dan il-mudell ta’ bank.

    2.10.

    Fil-qosor, it-tisħiħ tal-kapital, il-ksib ta’ daqs adegwat, iż-żamma tan-natura territorjali u ż-żamma tal-livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandhom jimxu id f’id mal-protezzjoni tal-attributi bażiċi ta’ mudell distint ta’ negozju. F’dan il-proċess, il-KESE jitlob ir-rikonoxximent u l-appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Sfidi għall-iżvilupp tas-servizzi bankarji bl-imnut

    3.1.

    Il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil jinkorporaw il-karatteristiċi tagħhom ta’ mudell ta’ negozju bankarju bl-imnut: il-qrubija mal-klijent, l-ankraġġ territorjali, il-kooperazzjoni, il-vokazzjoni soċjali, eċċ. Madankollu, fatturi differenti jinfluwenzaw l-iżvilupp potenzjali tagħhom (3):

    il-kompetizzjoni dejjem tiżdied wasslet għal tnaqqis progressiv tal-marġni ta’ intermedjazzjoni finanzjarja;

    id-distribuzzjoni b’bosta mezzi teħtieġ investiment sostanzjali fit-teknoloġija;

    f’xi każijiet, daqs żgħir ħafna jimplika l-bżonn li jissejsu alleanzi strateġiċi bejn l-entitajiet jew li jkun hemm merger;

    il-fenomeni tal-konċentrazzjoni mhumiex mingħajr riskji u jistgħu jwasslu għal diżekonomiji ta’ skala, u

    l-ibbankjar lokali huwa diffiċli li jiġi kkombinat mad-diversifikazzjoni ġeografika fis-swieq internazzjonali.

    3.2.

    Minkejja dan, il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil ikomplu jaqdu rwol rilevanti ħafna fit-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-funzjonijiet finanzjarji, soċjali u territorjali tagħhom, waqt li huma kkomplementati mill-forom ta’ finanzjament mhux bankarju (crowdfunding, kapital ta’ riskju, business angels, eċċ.) li ħarġu fid-dieher minħabba r-restrizzjoni qawwija għas-self mill-banek (credit crunch) u għall-garanziji għoljin mitluba.

    3.3.

    Il-KESE jqis li l-awtoritajiet ekonomiċi u monetarji għandhom isaħħu l-miżuri sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-fondi u sabiex jitħeġġeġ il-finanzjament fit-tul, waqt li jiġu promossi l-forom differenti ta’ intrapriża (4) u l-kondiviżjoni tar-riskji fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

    4.   Funzjoni soċjali għas-servizz tal-ekonomiji lokali

    4.1.

    Għall-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil, il-funzjonijiet finanzjarji u soċjali huma marbutin mill-qrib fl-impenn tagħhom għall-koeżjoni territorjali. L-impenn soċjali u l-interess għall-komunità huma l-karatteristiċi l-aktar viżibbli għall-pubbliku (5).

    4.2.

    Id-dħul finanzjarju żejjed imur għall-kultura, l-għajnuna soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni u r-riċerka, il-wirt storiku artistiku, is-sostenibbiltà ambjentali, eċċ., u fil-każ tal-banek tat-tfaddil id-dividend soċjali jirrappreżenta diversi biljuni ta’ euro kull sena.

    4.3.

    Minħabba l-bżonn li jinħoloq valur għall-ekonomiji lokali, l-approċċ stakeholder value (STV) qiegħed isir dejjem aktar importanti. B’mod konkret, l-ibbankjar soċjali jiffaċilita l-inklużjoni finanzjarja u l-koeżjoni territorjali, waqt li jitħeġġu l-intraprenditorija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ crowdfunding u ta’ investiment soċjalment responsabbli.

    4.4.

    Il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil jaqdu rwol rilevanti bħala intermedjarji tal-istrumenti u l-programmi tal-UE. Il-KESE jemmen li l-banek kooperattivi iżgħar għandu jkollhom aċċess aktar faċli għar-rwol intermedjarju tal-istrumenti finanzjarji tal-Bank Ewropew ta’ Investiment (BEI) u tal-Fond Ewropew ta’ Investiment (FEI), billi jiġu ssemplifikati r-rekwiżiti amministrattivi, kwistjoni importanti sabiex jitwettaq il-Pjan Juncker. Huwa wkoll vitali li jkunu jistgħu jsaħħu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għan-negozju soċjali.

    5.   L-effetti tar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-ibbankjar soċjali

    5.1.

    Fl-Ewropa fl-aħħar snin, il-banek tat-tfaddil għaddew minn ristrutturazzjoni intensa, u dan wassal biex f’xi pajjiżi tinbidel in-natura tagħhom ta’ fundazzjoni.

    5.2.

    Sussegwentement, minħabba l-kriżi finanzjarja globali, kien hemm proċessi ta’ salvataġġ u riorganizzazzjoni, mergers u akkwisti, nazzjonalizzazzjonijiet u, fil-każ tal-banek tat-tfaddil ta’ Spanja, konsolidazzjoni f’banek kummerċjali.

    5.3.

    Il-problemi tal-governanza korporattiva, żieda fir-rekwiżiti tar-regolazzjoni finanzjarja l-ġdida u l-bżonn li jiġi aġġustat id-daqs tas-settur għal suq dejjem jonqos wasslu għal ċerti fenomeni ta’ konċentrazzjonijiet fis-settur bankarju. Filwaqt li huwa diffiċli li dawn l-entitajiet jiġu internazzjonalizzati biex jikbru fid-daqs, il-KESE jenfasizza li t-teħid tar-riskji jista’ jkun akbar fil-kumpaniji multinazzjonali.

    5.4.

    Fl-estrem l-ieħor, abbażi tar-rapport tal-2012 tal-Grupp Liikanen u sabiex jiġu indirizzati l-problemi li l-banek li huma “wisq kbar biex ifallu” joħolqu għall-kontribwenti, il-Kummissjoni pproponiet regolament dwar miżuri strutturali sabiex tiżdied ir-reżiljenza tal-entitajiet tas-self tal-UE. Il-KESE diġà ħareġ opinjoni (6) dwar dan id-dokument, li ġiet adottata b’maġġoranza kbira.

    5.5.

    Xi wħud mill-artikoli ta’ din il-proposta għal Regolament jipprovdu eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti tal-kapital u d-drittijiet tal-votazzjoni fil-każ ta’ kooperattivi u banek tat-tfaddil, b’rikonoxximent tal-istruttura ekonomika u s-sjieda speċifika tagħhom.

    5.6.

    Il-KESE jqis li ċerti regoli dwar is-separazzjoni bejn il-bank kummerċjali u bank ta’ investiment jistgħu jxekklu s-sistema ta’ tħaddim tal-banek lokali ta’ daqs iżgħar u l-preżenza tagħhom ta’ kuljum fit-territorju sabiex tiġi megħjuna l-ekonomija reali u, għalhekk, jirriżultaw sproporzjonati.

    5.7.

    Il-konsegwenzi ta’ tali bidliet mhumiex newtrali għaċ-ċittadin Ewropew: dawn iwasslu għal tnaqqis fil-kapaċità (uffiċċji u fergħat), bl-impatt fuq l-impjieg u l-finanzjament għall-familji u l-SMEs.

    5.8.

    Fil-qosor, il-KESE jqis li mingħajr ċerta flessibbiltà sabiex jitwettqu r-rekwiżiti regolatorji l-ġodda, hemm ir-riskju li l-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil jiġu kkonsolidati f’banek kummerċjali u, b’konsegwenza, jitilfu n-natura speċjali tagħhom, b’tali mod li s-soċjetà titlef ass soċjali prinċipali li nbena matul diversi sekli.

    6.   Għażliet strateġiċi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-futur

    6.1.

    Il-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil ikkontribwixxew sabiex is-sistema bankarja Ewropea tingħata l-istabbilità, is-solvenza u l-kompetenza. Madankollu, ir-rekwiżiti ġodda tas-suq iwasslu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin:

    konsolidazzjoni tal-mudell ta’ bank lokali bl-imnut,

    teħid ta’ aktar passi fil-kuntest tal-kooperazzjoni intraprenditorjali,

    titjib tas-sistemi interni tagħhom relatati mal-ġestjoni tar-riskji,

    adattar għall-miżuri regolatorji, ta’ superviżjoni u ta’ reżiljenza ġodda,

    żieda fil-professjonalità tal-maniġers tagħhom,

    tisħiħ tal-effiċjenza fil-ġestjoni,

    protezzjoni tal-livell tagħhom ta’ kapital sabiex tiġi evitata l-insolvenza, u

    promozzjoni tat-trasparenza u l-governanza korporattiva tajba.

    6.2.

    Il-kapital li ġej mir-relazzjonijiet huwa ass intanġibbli ta’ importanza kbira fil-kummerċ bankarju, u għalhekk l-entitajiet finanzjarji tal-ekonomija soċjali għandhom jagħmlu użu tajjeb min-netwerks tagħhom ta’ kuntatt u ta’ appoġġ intern. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet finanzjarji għandhom jirrikonoxxu l-valur ta’ dawn il-fondi ta’ solidarjetà bejn il-kooperattivi meta japplikaw l-istandards prudenzjali.

    6.3.

    Bl-istess mod għandhom iżommu għajnejhom fuq il-livelli ta’ inadempjenza, is-sitwazzjonijiet ta’ inċertezza li ġejjin mir-riskji ġeopolitiċi u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi (Aġenda Diġitali) li joħolqu ekosistema ġdida għas-sistema finanzjarja fejn jeħtieġ li jiġu osservati l-interazzjonijiet futuri ta’ erba’ partijiet interessati: l-ibbankjar tradizzjonali, l-atturi diġitali l-ġodda, ir-regolatur u l-konsumaturi.

    6.4.

    Jeħtieġ li jikkombinaw is-saħħa tagħhom bħala mudell ta’ qrubija (mill-għarfien tal-persuni u l-impenn tagħhom sal-proġetti Komunitarji) mal-użu tal-ICT, sabiex jiġu appoġġjati inizjattivi ġodda favur l-irkupru tal-ekonomija produttiva.

    6.5.

    Jeħtieġ li jtejbu l-governanza korporattiva tagħhom, waqt li jinkorporaw strutturi adegwati ta’ taħriġ, ġestjoni u kontroll tal-attività. B’mod konkret għandhom jiġu stabbiliti kodiċijiet stretti ta’ mġiba biex jiġu żgurati l-professjonaliżmu u l-etika fir-rappreżentanza diversa fil-korpi governattivi.

    6.6.

    Il-KESE jipproponi li jinħoloq mudell ġdid ta’ superviżjoni interna tal-banek tat-tfaddil u tal-kooperattivi li jintegra lill-impjegati, lir-rappreżentanti tal-SMEs u lil gruppi oħra ta’ interess.

    6.7.

    Jeħtieġu jindirizzaw l-isfida l-ġdida ta’ kompetizzjoni mhux bankarja – li tindirizza l-ħtiġijiet ġodda taċ-ċittadini – sabiex ikunu jistgħu jikbru flimkien u jistabbilixxu alleanzi mal-pjattaformi tal-crowdfunding u l-applikazzjonijiet ta’ konsum kollaborattiv.

    7.   Titjib tar-reżiljenza u s-superviżjoni tal-ibbankjar Ewropew

    7.1.

    Il-KESE jappella għall-ikkompletar tas-sistemi ta’ regolazzjoni u superviżjoni finanzjarja, filwaqt li l-entitajiet finanzjarja għandhom jingħataw biżżejjed kapaċità sabiex jirreżistu għal kriżijiet futuri.

    7.2.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea adottat regolament iddelegat (7) li, abbażi tal-abbozzi ta’ standards tekniċi tal-Awtorità Bankarja Ewropea, jirregola l-aspetti relatati mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji waqt li jitqies li l-istrumenti ta’ kapital tal-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil huma differenti. Il-kwistjonijiet relatati mal-limitu tar-rimborż tal-istrumenti ta’ kapital tal-ewwel livell fil-każ tal-kooperattivi għandhom rilevanza partikolari.

    7.3.

    Pilastru bażiku ieħor sabiex titlesta l-unjoni bankarja huwa l-“mekkaniżmu superviżorju uniku” u l-ġestjoni tal-fond stabbilit sabiex jitħallas kwalunkwe salvataġġ tal-banek (bank bailout). Fil-fehma tal-KESE, dan l-istrument ser isaħħaħ il-mod kif l-ibbankjar jirrispondi quddiem kriżijiet futuri (8).

    7.4.

    Minħabba l-bżonn li jinqasam ir-riskju, il-KESE jaqbel li meta jkun qiegħed jiġi determinat il-kontribut ta’ kull entità għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek tal-futur, jeħtieġ li jitqies il-mudell ta’ riskju tiegħu. Huwa jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni sabiex jiġu applikati b’mod adatt l-indikaturi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (9). Min-naħa tiegħu, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li tqieset l-appartenenza f’sistema istituzzjonali ta’ protezzjoni (10).

    7.5.

    F’dan ix-xenarju finanzjarju l-ġdid, il-KESE jappella għal impuls awtentiku tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-etika u t-trasparenza fil-finanzi u sforz pedagoġiku tal-korpi regolatorji sabiex titjieb il-kultura finanzjarja (11), b’mod partikolari fir-rigward tal-formoli tal-ekonomija soċjali, li sal-lum għadhom mhux magħrufa. F’dan ir-rigward huwa importanti li n-netwerks li jirrappreżentawhom – l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Kooperattivi (EACB), il-Federazzjoni Ewropea ta’ Banek Etiċi u ta’ Banek Alternattivi (FEBEA) u l-Grupp Ewropew tal-Banek tat-Tfaddil (ESBG) – ikunu involuti aktar u jkunu aktar viżibbli.

    7.6.

    Fil-fehma tal-KESE huwa pożittiv ħafna li qegħdin jitfasslu strumenti finanzjarji ġodda li jtejbu l-governanza attwali, iżda jeħtieġ li meta jiġu regolati ma tintesiex id-diversità tal-atturi finanzjarji involuti. Dawn l-istrumenti għandhom ikunu stabbli waqt li jiġi llimitat l-piż għall-entitajiet finanzjarji b’inqas riżorsi. Fil-qosor dan iwassal għal leġislazzjoni aħjar.

    8.   Tisħiħ tal-mudell ta’ bankjar soċjalment responsabbli

    8.1.

    Ir-ristawr tan-nisġa produttiva, it-tisħiħ tal-ekonomiji lokali u l-indirizzar tal-problemi soċjali għandhom ikunu prijoritajiet għall-UE. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet, permezz ta’ fora ta’ djalogu permanenti, sabiex isaħħu l-mudelli bankarji li jankraw is-sistema finanzjarja fl-ekonomija reali u b’hekk ir-reġjuni jkollhom l-istabbiltà u r-rikkezza.

    8.2.

    It-tendenza lejn l-użu ta’ banek dejjem aktar kbar, minħabba l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni, toħloq tħassib minħabba r-riskju sistematiku li ġġib magħha. B’konsegwenza, il-KESE jappella li jkun hemm ritorn għall-kummerċ tradizzjonali (back to basics) fil-kuntest ta’ divrenzjar bejn l-entitajiet li jispeċjalizzaw fl-ibbankjar kummerċjali u dawk li jikkombinaw l-iżvilupp tal-kummerċ tagħhom mal-ibbankjar tal-investiment. L-esperjenza wriet li d-diversità, it-tixrid u l-kondiviżjoni tar-riskji huma tajbin għas-sistema finanzjara Ewropea.

    8.3.

    Il-vitalità u l-iżvilupp tal-kooperattivi u tal-banek tat-tfaddil jistrieħu fuq il-ġestjoni demokratika u l-libertà li ttieħed deċiżjoni b’mod responsabbli dwar l-eċċess (surplus) tagħhom. It-tisħiħ tal-intermedjazzjoni finanzjarja għas-servizz tal-ekonomija reali jiggarantixxi li din tkompli fil-futur, b’konformità mal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti sal-2015 u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2012 dwar il-kooperattivi.

    8.4.

    Għalhekk, il-banek tat-tfaddil u l-kooperattivi jistħoqqilhom trattament speċifiku meta jiġu applikati l-istandards prudenzjali, peress li dawn l-entitajiet jipprovdu l-mudell bankarju li qed jitolbuċ-ċittadini Ewropej, li huwa bbażat fuq ġestjoni responsabbli u solidali (12), li hi msejsa fuq il-prinċipji u l-valuri tal-ekonomija soċjali.

    Brussell, it-18 ta’ Frar 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 45.

    (2)  Redesigning the Contours of the Future Financial System, IMF staff position note, 16 ta’ Awwissu 2010 (SPN/10/10).

    (3)  Banco de España: Cooperative and savings banks in Europe: Nature, challenges and perspectives, April 2011; Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Kooperattivi: EACB answer to the Green Paper on territorial cohesion turning territorial diversity into strength, Frar 2009; WSBI-ESBG: 200 years of savings banks: a strong and lasting business model for responsible, regional retail banking, Settembru 2011; KESE: L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea, 2014.

    (4)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.

    (5)  Castelló, E.: El liderazgo social de las cajas de ahorros. (It-tmexxija soċjali tal-banek tat-tfaddil). FUNCAS, Madrid 2005.

    (6)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 45.

    (7)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014.

    (8)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 58

    (9)  Ara d-Direttiva 2014/59/UE.

    (10)  Ara r-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/63 tal-Kummissjoni Ewropea.

    (11)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

    (12)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 84.


    Top